EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0309

L-allegati trasportazzjoni u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta' Settembru 2012 dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta’ priġunieri f’pajjiżi Ewropej mis-CIA: segwitu tar-Rapport tal-Kumitat tat-TDIP tal-Parlament Ewropew (2012/2033(INI))

OJ C 353E, 3.12.2013, p. 1–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
OJ C 353E, 3.12.2013, p. 1–1 (HR)

3.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 353/1


It-Tlieta 11 ta’ Settembru 2012
L-allegati trasportazzjoni u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA

P7_TA(2012)0309

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2012 dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta’ priġunieri f’pajjiżi Ewropej mis-CIA: segwitu tar-Rapport tal-Kumitat tat-TDIP tal-Parlament Ewropew (2012/2033(INI))

2013/C 353 E/01

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 6, 7 u 21 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 18 u 19 tagħha,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,

wara li kkunsidra l-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, b’mod partikolari l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta’ Diċembru 1966, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra tal-10 ta’ Diċembru 1984 u l-protokolli relevanti tagħhom, u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat tal-20 ta’ Diċembru 2006,

wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana tal-1949,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, tortura jew trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (1),

wara li kkunsidra l-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa Miftuħa u Sigura għas-Servizz u l-Protezzjoni taċ-Ċittadini (2) – u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-20 ta’ April 2010 dwar ‘Il-kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa: Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma’ (COM(2010)0171),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-Politika tal-UE Lejn Pajjiżi Terzi dwar it-Tortura u t-Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra u l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Brussell tal-1 ta’ Ottubru 2010, adottata waqt is-6 Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għas-Sorveljanza tas-Servizzi tal-Intelliġenza u s-Sigurtà tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-istudju konġunt tan-NU dwar prattiki globali marbuta ma’ detenzjoni sigrieta fil-kuntest tal-kontroll tat-terroriżmu, ippreparat mir-Rapporteur Speċjali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali filwaqt li jkun ikkontrollat it-terroriżmu, Martin Scheinin; ir-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura jew trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, Manfred Nowak; il-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja, rappreżentat mill-Viċi President tiegħu, Shaheen Sardar Ali; u l-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Għajbien Involontarju Sfurzat, rappreżentat mill-President tiegħu, Jeremy Sarkin (3),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tar-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura jew trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, li jiffoka fuq kummissjonijiet ta’ inkjesta b’risposta għal mudelli jew prattiki ta’ tortura jew forom oħra ta’ trattament ħażin (4),

wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali filwaqt li jkun ikkontrollat it-terroriżmu, Martin Scheinin, intitolat ‘Kumpilazzjoni ta’ prattiki tajbin dwar oqfsa legali u istituzzjonali u miżuri li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem minn aġenziji tal-intelliġenza filwaqt li jkun ikkontrollat it-terroriżmu, inkluż dwar is-sorveljanza tagħhom’ (5),

wara li kkunsidra l-kontribuzzjonijiet mill-Kunsill tal-Ewropa, b’mod partikolari x-xogħol tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem preċedenti, Thomas Hammarberg, u tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura (CPT), kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, b’mod partikolari dawk intitolati ‘Detenzjonijiet sigrieti u trasferimenti interstatali illegali ta’ priġunieri li jinvolvu stati membri tal-Kunsill tal-Ewropa’ (6), u ‘Detenzjonijiet sigrieti u trasferimenti illegali ta’ priġunieri li jinvolvu Stati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa: it-tieni rapport’ (7), u r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari, intitolat ‘Abbuż tas-segretezza tal-istat u s-sigurtà nazzjonali: ostakli għall-iskrutinju parlamentari u ġudizzjarju tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem’ (8),

wara li kkunsidra l-kawżi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Al – Nashiri v. Il-Polonja, Abu Zubaydah v. il-Litwanja, Abu Zubaydah v. il-Polonja u El-Masri v. “Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja”, li nstemgħu mill-Awla Manja fis-16 ta’ Mejju 2012,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill "Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini – il-programm ta’ Stokkolma" (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Frar 2007 (10) u d-19 ta’ Frar 2009 (11) dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar Guantánamo, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar "Guantánamo: deċiżjoni imminenti dwar piena tal-mewt" (12), tal-4 ta’ Frar 2009 dwar ir-ritorn u r-risistemazzjoni tal-priġunieri tal-faċilità ta’ detenzjoni ta’ Guantánamo (13) u tat-13 ta’ Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjonijiet tal-priġunieri fi Guantánamo (14), u r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2004 lill-Kunsill dwar id-dritt għal proċess ġust tal-priġunieri ta’ Guantánamo (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar "il-qagħda tad-Drittijiet Fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2009) – implimentazzjoni effikaċi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona" (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar "il-linja politika tal-UE kontra t-terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur" (17)

wara li kkunsidra d-diskors mogħti minn Jacques Barrot, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, fi Strasburgu fis-17 ta’ Settembru 2008 (18),

wara li kkunsidra l-istqarrijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa tal-Istati Membri kkonċernati li jagħmlu investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet ta’ involviment fil-programm ta’ rendiment u d-detenzjoni sigrieta tas-CIA, u għad-dokumenti komunikati lir-rapporteur mill-Kummissjoni, inklużi erba’ ittri mibgħuta l-Polonja, erbgħa r-Rumanija u tnejn il-Litwanja bejn l-2007 u l-2010,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament tal-15 ta’ Ottubru 2003 dwar "l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea: Ir-rispett għall-valuri u l-promozzjoni tagħhom li fuqhom hija bbażata l-Unjoni" (COM(2003)0606),

wara li kkunsidra l-ittra tad-29 ta’ Novembru 2005 mill-Presidenza tal-UE għas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Condoleezza Rice, li titlob kwalunkwe ‘kjarifika li l-Istati Uniti jistgħu jagħtu dwar dawn ir-rapporti [dwar l-allegati detenzjoni u trasport ta’ suspettati terroristi ġo jew minn xi Stati Membri tal-UE] bit-tama li din ittaffi t-tħassib parlamentari u pubbliku’,

wara li kkunsidra l-2748/2749 laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tal-15 ta’ Settembru 2006, li fiha ġie diskuss is-suġġett ‘Il-ġlieda kontra t-terroriżmu – Faċilitajiet ta’ detenzjoni sigrieti’,

wara li kkunsidra l-istqarrija tal-UE li saret fis-7 ta’ Marzu 2011 waqt is-16-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward l-istudju konġunt tan-NU msemmi qabel dwar id-detenzjoni sigrieta,

wara li kkunsidra l-artikolu intitolat ‘Il-ġlieda kontra t-terroriżmu u d-drittijiet tal-bniedem’, minn Villy Sovndal, Gilles de Kerchove u Ben Emmerson, ippubblikat fil-European Voice tad-19 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidra r-risposta tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Condoleezza Rice tal-5 ta’ Diċembru 2005 għall-ittra tal-Presidenza tal-UE tad-29 ta’ Novembru 2005, li tgħid ‘[…] li r-rendiment huwa għodda essenzjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. L-użu tiegħu mhuwiex uniku għall-Istati Uniti, jew għall-amministrazzjoni attwali’, filwaqt li tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ involviment dirett mill-Istati Uniti fit-tortura u tenfasizza li l-‘għan’ tar-rendiment ma kienx li l-persuna li sarilha rendiment tkun ittorturata, u għad-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Condoleezza Rice li tikkonferma li "aħna [l-Istati Uniti] qed nirrispettaw is-sovranità tas-sħab tagħna" (19),

wara li kkunsidra r-rikonoxximent tal-President tal-Istati Uniti, George W. Bush, fid-diskors tiegħu mill-East Room tal-White House tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-eżistenza ta’ programm ta’ rendiment u detenzjoni sigrieta mmexxi mis-CIA, inklużi operazzjonijiet barranin,

wara li kkunsidra l-memoirs ta’ George W. Bush, li ġew ippubblikati fid-9 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidra l-verżjoni mhux klassifikata, maħruġa f’Awwissu 2009, tar-rapport tal-2004 tal-Ispettur Ġenerali tas-CIA John Helgerson dwar l-operazzjonijiet ta’ interrogazzjoni tas-CIA ta' żmien Bush,

wara li kkunsidra r-rapport tal-2007 tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar dwar it-trattament ta’ 14-il priġunier ta’ valur għoli fil-kustodja tas-CIA, li sar aċċessibbli għall-pubbliku fl-2009,

wara li kkunsidra d-diversi inizjattivi fil-livell nazzjonali dwar l-involviment tal-Istati Membri fil-programm ta’ rendiment u detenzjoni sigrieta tas-CIA, inkluża l-inkjesta li qed issir bħalissa fid-Danimarka u l-inkjesti li saru fil-passat fl-Isvezja, l-investigazzjonijiet kriminali li qed isiru bħalissa fil-Polonja u fir-Renju Unit, il-proċeduri kriminali preċedenti fl-Italja, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Portugall u Spanja, l-investigazzjoni parlamentari tal-partijiet kollha fir-Renju Unit u l-investigazzjonijiet parlamentari preċedenti fil-Ġermanja, il-Litwanja, il-Polonja u r-Rumanija,

wara li kkunsidra l-inkjesta ġudizzjarja Portugiża li baqgħet sejra għal sentejn, u li ngħalqet f’daqqa waħda fl-2009,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-inkjesti nazzjonali li sar diġà f’xi Stati Membri,

wara li kkunsidra r-rapporti numerużi tal-midja u atti ta’ ġurnaliżmu investigattiv, b’mod partikolari – iżda mhux b’mod eżawrjenti – ir-rapporti tal-ABC News tal-2005 (20) u tal-2009 (21), ir-rapporti tal-Washington Post tal-2005 (22), li mingħajrhom l-atti ta’ rendimenti u detenzjoni kienu jibqgħu verament sigrieti,

wara li kkunsidra r-riċerka u l-investigazzjonijiet li saru, u r-rapporti prodotti minn riċerkaturi indipendenti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet mhux governattivi nazzjonali u internazzjonali mill-2005, notevolment mill-Human Rights Watch (23), l-Amnesty International u Reprieve,

wara li kkunsidra s-smigħ tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) tiegħu magħmul fis-27 ta’ Marzu 2012 u tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu magħmul fit-12 ta’ April 2012, iż-żjara tad-delegazzjoni LIBE fil-Litwanja fil-25-27 ta’ April 2012, iż-żjara tar-rapporteur fil-Polonja fis-16 ta’ Mejju 2012 u kontribuzzjonijiet kollha miktuba u orali li rċieva r-rapporteur,

wara li kkunsidra t-talba konġunta għal dejta tat-titjiriet imressqa lid-Direttur tal-Eurocontrol mill-President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u r-rapporteur fis-16 ta’ April 2012 u r-reazzjoni komprensiva li waslet mingħand il-Eurocontrol fis-26 ta’ April 2012,

wara li kkunsidra n-nota tad-DĠ IPOL intitolata “Ir-riżultati tal-inkjesti dwar il-programm tas-CIA ta’ rendimenti straordinarji u ħabsijiet sigrieti fl-Istati Ewropej fid-dawl tal-qafas legali ġdid wara t-Trattat ta’ Lisbona”,

wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 50 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0266/2012),

A.

billi l-Parlament ikkundanna l-programm ta’ rendiment u detenzjoni sigrieta tas-CIA mmexxija mill-Istati Uniti li tinvolvi numru ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi detenzjoni illegali u arbitrarja, tortura u trattament ħażin ieħor, ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement u l-għajbien sfurzat; billi l-Kumitat Temporanju għall-użu allegat ta’ pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta’ priġunieri (minn issa 'l quddiem ‘Kumitat Temporanju’) iddokumenta l-użu tal-ispazju tal-ajru u t-territorju Ewropew mis-CIA, u billi l-Parlament reġa’ talab investigazzjonijiet sħaħ dwar il-kollaborazzjoni ta’ gvernijiet u aġenziji nazzjonali mal-programm tas-CIA;

B.

billi l-Parlament talab b’mod ripetut biex il-ġlieda kontra t-terroriżmu tkun tirrispetta b’mod sħiħ id-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam, abbażi tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-UE u kostituzzjonijiet nazzjonali u leġiżlazzjoni tad-drittijiet fundamentali, u billi reċentament irrepeta din it-talba fir-rapport tiegħu dwar il-politika tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, fejn qal ukoll li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa prekondizzjoni biex tkun żgurata l-effettività tal-politika;

C.

billi l-Parlament ikkundanna ripetutament u bil-qawwa l-prattiki illegali bħall-‘konsenja straordinarja’, is-sekwestru, id-detenzjoni mingħajr proċess, l-għajbien, il-ħabsijiet u t-tortura sigrieti, u talab għal investigazzjonijiet sħaħ fil-livell allegat ta' involviment ta’ ċerti Stati Membri b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti, notevolment is-CIA, inkluż l-involviment f'territorji tal-UE;

D.

billi l-għan ta’ din ir-riżoluzzjoni huwa li ‘ssegwi b’mod politiku l-proċeduri tal-Kumitat Temporanju u li tissorvelja l-iżviluppi, u b’mod partikolari, fil-każ li l-ebda azzjoni xierqa ma ttieħdet mill-Kunsill u/jew mill-Kummissjoni, sabiex tiddetermina jekk hemmx riskju ċar ta’ ksur serju tal-prinċipji u l-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea, u sabiex tirrakkommanda lilha kwalunkwe riżoluzzjoni, billi tuża l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea bħala bażi, li tista’ tkun meħtieġa f’dan il-kuntest’ (24);

E.

billi l-Unjoni Ewropea hija stabbilita fuq impenn għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt internazzjonali, mhux biss fil-politiki interni tagħha, iżda wkoll fid-dimensjoni esterna tagħha; billi l-impenn tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem, imsaħħaħ bid-dħul fis-seħħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-proċess ta' adeżjoni mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għandu jiġi rifless fl-oqsma kollha tal-politika sabiex il-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem issir effettiva u kredibbli;

F.

billi proċess xieraq ta’ responsabilità huwa essenzjali sabiex tkun miżmuma l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet demokratiċi tal-UE, jkunu mħarsa u promossi b’mod effettiv id-drittijiet tal-bniedem fil-politiki interni u esterni tal-UE, u jkunu żgurati politiki ta’ sigurtà leġittimi u effettivi bbażati fuq l-istat tad-dritt;

G.

billi l-ebda Stat Membru sa issa ma ssodisfa l-obbligi tiegħu b’mod sħiħ biex jipproteġi, jippreserva u jirrispetta d-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u jevita l-ksur tagħhom;

H.

billi l-istrumenti li jirregolaw il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE (PESK) jinkludu d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u ż-żewġ Protokolli Fakultattivi tagħha, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura (CAT), u l-Protokoll Fakultattiv tiegħu, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta tal-UE dwar il-Libertajiet Fundamentali u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Prevenzjoni tat-Tortura u tat-Trattament jew Pieni Inumani jew Degradanti, li flimkien mhux biss jipprevedu l-projbizzjoni assoluta tat-tortura iżda jirrikjedi wkoll obbligu pożittiv li jiġu investigati l-allegazzjonijiet ta’ tortura u jiġu pprovduti rimedji u reparazzjoni; billi l-linji gwida għall-politika tal-UE dwar it-tortura jipprovdu qafas għall-isforzi tal-UE ‘għall-prevenzjoni u l-eradikazzjoni tat-tortura u t-trattament ħażin fil-partijiet kollha tad-dinja’;

I.

billi sabiex jiżguraw il-promozzjoni tal-liġi internazzjonali u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-ftehimiet kollha ta’ assoċjazzjoni, ta’ kummerċ u ta’ kooperazzjoni jinkludu klawżoli għad-drittijiet tal-bniedem, u billi l-UE tieħu sehem ukoll fi djalogi politiċi ma’ pajjiżi terzi fuq il-bażi tal-linji gwida tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-ġlieda kontra l-piena tal-mewt u t-tortura; billi fil-qafas tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), l-UE tappoġġja organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiġġieldu kontra t-tortura u li jipprovdu appoġġ għar-riabilitazzjoni ta’ vittmi tat-tortura;

J.

billi detenzjoni sigrieta, li hija forma ta' għajbien sfurzat, tista’ tammonta, jekk ipprattikata b’mod wiesa’ u sistematiku, għal reat kontra l-umanità; billi stati ta’ emerġenza u l-ġlieda kontra t-terroriżmu jikkostitwixxu ambjent li jippermetti d-detenzjoni sigrieta;

K.

billi għalkemm l-UE uriet l-impenn tagħha biex tevita kollużjoni fit-tortura permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 (25), emendat l-aħħar f’Diċembru 2011 (26), li jipprojbixxi kwalunkwe esportazzjoni jew importazzjoni ta’ oġġetti li m’għandhom l-ebda użu prattiku ħlief għall-għan ta’ piena kapitali, tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħrajn, għad irid isir aktar xogħol biex tkun żgurata kopertura komprensiva;

L.

billi d-dipendenza fuq assigurazzjonijiet diplomatiċi biss biex tiġi awtorizzata l-estradizzjoni jew id-deportazzjoni ta’ persuna lejn pajjiż fejn hemm raġunijiet sostanzjali biex jitqies li individwi jkunu fil-periklu li jiġu soġġetti għal tortura jew trattament ħażin hija inkompatibbli mal-projbizzjoni assoluta tat-tortura fil-liġi internazzjonali, fil-liġi tal-UE u fil-kostituzzjonijiet u l-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri (27);

M.

billi l-Kunsill ammetta fil-15 ta’ Settembru 2006 li ‘l-eżistenza ta’ faċilitajiet ta’ detenzjoni sigrieti fejn priġunieri huma miżmuma f’vakum legali mhix f’konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi kriminali internazzjonali’, iżda sa issa naqas milli jagħraf u jikkundanna l-involviment ta’ Stati Membri fil-programm tas-CIA, anka jekk l-użu tal-ispazju tal-ajru u t-territorju Ewropew mis-CIA ġie kkonfermat minn awtoritajiet politiċi u ġudizzjarji tal-Istati Membri;

N.

billi hemm ksur tad-drittijiet tal-bniedem għadhom għaddejjin minħabba l-programm tas-CIA, kif konfermat b'mod partikolari mid-detenzjoni amministrattiva għaddejja fi Guantánamo Bay tas-Sur Abu Zubaydah u s-Sur Abd al-Rahim al-Nashiri, li ngħataw status ta’ vittma fl-investigazzjoni kriminali Pollakka dwar il-ħabsijiet sigrieti tas-CIA;

O.

billi riċerka min-NU, il-Kunsill tal-Ewropea, il-midja nazzjonali u internazzjonali, is-soċjetà ġurnalista u ċivili investigattiva ħarġet informazzjoni konkreta ġdida dwar il-post ta’ siti ta’ detenzjoni sigrieta tas-CIA fl-Ewropa, il-vjaġġi ta’ rendiment fl-ispazju tal-ajru Ewropea u persuni trasportati jew detenuti;

P.

billi l-kummissjoni ta’ atti illegali fit-territorju tal-UE setgħet żviluppat fil-kuntest ta’ ftehimiet multilaterali jew bilaterali tan-NATO;

Q.

billi l-inkjesti nazzjonali u r-riċerka internazzjonali juru li l-membri tat-Trattat tal-Organizzazzjoni tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) qablu li jimpenjaw ruħhom għal miżuri fil-kampanja kontra t-terroriżmu li ppermetta traffiku sigriet tal-linji tal-ajru u l-użu tat-territorju tal-Istati Membri tal-UE fil-programm immexxi mis-CIA ta’ rendiment, li jindika għarfien kollettiv tal-programm mill-Istati Membri li huma wkoll membri tan-NATO;

R.

billi l-istudju konġunt tan-NU dwar prattiki globali b’rabta mad-detenzjoni sigrieta fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (A/HRC/13/42), imħejji mir-Rapporteur Speċjali dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali filwaqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu, ir-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, il-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja u l-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Għajbien Sfurzat jew Involontarju, iddeskrivew fid-dettall l-użu ta’ siti ta’ detenzjoni sigrieti fuq territorju tal-Istati Membri tal-UE bħala parti mill-programm tas-CIA, u billi ittri ta’ segwitu ntbagħtu lill-Istati Membri u talbu informazzjoni addizzjonali kif speċifikat fir-rapporti ta' komunikazzjonijiet tal-Proċeduri Speċjali, inkluż dak tat-23 ta’ Frar 2012 (28);

S.

billi r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2011 jgħid li d-data miksuba mill-aġenziji Pollakki fl-2009 u l-2010 ‘tipprovdi provi definiti’ li seba’ ajruplani assoċjati mas-CIA niżlu fil-Polonja, u billi l-midja Pollakka rrappurtat li tressqu akkużi kontra l-eks kapijiet tal-intelligenza Pollakka, u żvelaw kuntatti possibbli bejn l-uffiċjali tal-intelligenza u l-eks Gvern Pollakk dwar l-użu ta’ stallazzjoni ta’ detenzjoni tas-CIA fuq it-territorju tagħha; billi fl-2011 ġurnalisti investigattivi Rumeni fittxew li jikxfu l-eżistenza ta' ‘sit iswed’, abbażi ta’ informazzjoni fornuta minn eks impjegati tas-CIA, fl-uffiċċju tar-reġistru nazzjonali Rumen għal informazzjoni klassifikata (29); billi l-eżistenza ta' dan is-"sit iswed" ġiet miċħuda mill-awtoritajiet Rumeni u ma ħarġitx fl-inkjesta magħmula mill-parlament Rumen; billi eks dissidenti Libjani bdew proċedimenti legali kontra r-Renju Unit minabba l-involviment dirett tal-M16 fir-rendiment, id-detenzjoni sigrieta u t-tortura tagħhom u tal-familjari tagħhom;

T.

billi l-awtoritajiet Litwani ppruvaw jiċċaraw l-involviment tal-Litwanja fil-programm tas-CIA permezz ta’ inkjesta parlamentari u legali; billi l-investigazzjoni parlamentari mill-Kumitat ta’ Seimas dwar is-Sigurtà u d-Difiża Nazzjonali li tikkonċerna l-allegat trasport u l-priġunerija ta’ persuni detenuti mis-CIA f’territorju Litwan stabbilixxiet li ħames inġenji tal-ajru relatati mas-CIA niżlu fil-Litwanja bejn l-2003 u l-2005 u li żewġ faċilitajiet adattati biex iżommu l-priġunieri fil-Litwanja (il-Proġetti Nru 1 u 2) ġew ippreparati fuq talba tas-CIA; billi d-delegazzjoni LIBE tirringrazzja lill-awtoritajiet Litwani talli laqgħu lill-Membri tal-Parlament Ewropew f’Vilnius f’April 2012 u li ppermettew aċċess lid-delegazzjoni LIBE għall-Proġett Nru 2; billi l-pjan tal-bini u l-installazzjonijiet fuq ġewwa jidher li huwa kompatibbli mad-detenzjoni ta’ priġunieri; billi ħafna mistoqsijiet relatati mal-operazzjonijiet tas-CIA fil-Litwanja jibqgħu miftuħa minkejja l-investigazzjoni legali sussegwenti li saret fl-2010 u ngħalqet f’Jannar 2011; billi l-awtoritajiet Litwani esprimew ir-rieda tagħhom li jniedu mill-ġdid l-investigazzjonijiet jekk toħroġ informazzjoni ġdida oħra u billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur offra li jipprovdi aktar informazzjoni dwar l-investigazzjoni kriminali b’reazzjoni għal talba bil-miktub mill-Parlament;

U.

billi l-awtoritajiet Portugiżi għad iridu jipprovdu kjarifika tan-numru sostanzjali ta’ elementi li jindikaw li ħafna titjiriet, identifikati fost l-oħrajn mill-Kumitat Temporanju, intużaw biex isiru t-trasferimenti bejn Bagram, Diego Garcia, ħabsijiet sigrieti u Guantánamo;

V.

billi r-riċerka u s-sejbiet tal-qorti dwar il-loġistika kienu jinvolvu li jitgħattew dawn l-operazzjonijiet illegali, inklużi pjanijiet ta’ vjaġġi finti, titjiriet klassifikati mill-Istat fuq inġenji tal-ajru ċivili u militari u l-użu ta’ kumpaniji tal-ajru privati sabiex isiru r-rendimenti tas-CIA, komplew jikxfu n-natura sistematika u sa fejn hija involuta l-Ewropa fil-programm tas-CIA; billi analiżi tad-data ġdida mogħtija mill-Eurocontrol tappoġġja b’mod partikolari l-argument li sabiex jaħbu l-oriġini u d-destinazzjoni ta’ trasferimenti ta’ priġunieri, il-kuntratturi li operaw missjonijiet ta’ rendiment biddlu l-ajruplan f’nofs ir-rotta;

W.

billi l-UE żviluppat politiki ta’ sigurtà interna u ta' kontra t-terroriżmu bbażati fuq kooperazzjoni tal-pulizija u tal-qorti u l-promozzjoni tal-kondiviżjoni tal-intelliġenza; billi dawn il-politiki għandhom ikunu bbażati fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt u sorveljanza demokratika parlamentari effettiva tas-servizzi ta’ informazzjoni;

X.

billi skont is-CPT, “it-tekniki tal-interrogazzjoni applikati fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni barranin immexxija mis-CIA ċertament wasslu għal ksur tal-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament inuman u degradanti” (30);

Y.

billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti huma bbażati fuq sħubija b’saħħitha u kooperazzjoni f’ħafna oqsma, abbażi ta’ valuri komuni ta’ demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; billi l-UE u l-Istati Uniti saħħu l-impenn tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu minn meta seħħew l-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001, notevolment permezz tad-Dikjarazzjoni Konġunta kontra t-Terroriżmu tat-3 ta’ Ġunju 2010, iżda billi huwa neċessarju li tiġi żgurata l-konformità fil-prattika ma' impenji ddikjarati u biex jingħelbu d-diverġenzi bejn il-politiki tal-UE u tal-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

Z.

billi f’Diċembru 2011, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti għaddew l-Att ta’ Awtorizzazzjoni ta’ Difiża Nazzjonali (NDAA) li jintroduċi bħala liġi d-detenzjoni indefinita ta’ persuni suspettati li kienu involuti f’azzjonijiet terroristiċi fl-Istati Uniti u li jdgħajjef id-dritt għal proċess dovut u proċess legali ġust; billi l-iskop tal-NDAA huwa s-suġġett ta' sfida legali;

AA.

billi fit-22 ta’ Jannar 2009, il-President Obama ffirma tliet ordnijiet eżekuttivi li jipprojbixxu t-tortura waqt l-interrogazzjonijiet, li jistabbilixxu task force bejn l-aġenziji biex jagħmlu reviżjoni b’mod sistematiku tal-politiki u l-proċeduri ta’ detenzjoni, u jirrevedu l-każijiet individwali kollha, u li jordnaw l-għeluq tal-faċilità ta' detenzjoni ta' Guantánamo Bay;

AB.

billi, madanakollu, il-faċilità ta' detenzjoni ta' Guantánamo Bay għad irid jingħalaq minħabba oppożizzjoni qawwija mill-Kungress tal-Istati Uniti; billi sabiex jitħaffef l-għeluq, l-Istati Uniti talbet lill-Istati Membri tal-UE biex jospitaw priġunieri ta’ Guantánamo; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem esprima diżappunt qawwi għall-falliment li tingħalaq il-faċilità ta' detenzjoni ta' Guantánamo Bay u għad-dħul ta’ sistema ta’ detenzjoni arbitrarja;

AC.

billi l-priġunieri ta’ Guantánamo għadhom qed jiġu soġġetti għal proċessi minn tribunali militari, notevolment wara d-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti tas-7 ta’ Marzu 2011 li jiffirma l-ordni eżekuttiva li tneħħi waqfa ta’ sentejn fuq proċessi ġodda quddiem qrati militari u l-liġi tas-7 ta’ Jannar 2012 li tipprojbixxi t-trasferimenti ta’ priġunieri ta’ Guantánamo lejn l-Istati Uniti għal proċess

Elementi ġenerali

1.

Ifakkar li strateġiji kontra t-terroriżmu jistgħu jkunu effettivi biss jekk jitwettqu strettament skont obbligi tad-drittijiet tal-bniedem u b’mod partikolari skont id-dritt għal proċess ġust;

2.

Itenni li l-effikaċja tal-miżuri kontra t-terroristi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem mhumiex kontradittorji iżda huma objettivi komplementari li jsaħħu lil xulxin; ifakkar li r-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa parti essenzjali għas-suċċess tal-politika tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;

3.

Jinsisti fuq in-natura ferm sensittiva tal-politiki ta’ ġlieda kontra t-terroriżmu; jemmen li sabiex sigriet ikun iġġustifikat, irid ikun hemm motivi ġenwini ta' sigurtà nazzjonali; ifakkar madankollu li s-sigrieti tal-istat m'għandhom taħt l-ebda ċirkustanza jieħdu prijorità fuq id-drittijiet fundamentali inaljenabbli u li għalhekk ma jistgħux jintużaw argumenti ta’ segretezza statali biex jillimitaw l-obbligi legali tal-istati biex jinvestigaw il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; iqis li d-definizzjonijiet ta’ informazzjoni klassifikata u tas-sigrieti tal-istat m’għandhomx ikunu soġġetti għal definizzjonijiet estensivi u li l-użu abbużiv tas-sigrieti tal-istat u tas-sigurtà nazzjonali huwa ostaklu serju għall-iskrutinju demokratiku;

4.

Jenfasizza li l-persuni suspettati minn xi att ta’ terroriżmu m'għandhomx ikunu soġġetti għal proċeduri speċjali; ifakkar li kull persuna għandha tkun tista’ tibbenefika mill-garanziji kollha previsti mill-prinċipju ta’ proċess ġust hekk kif stabbilit mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

5.

Itenni l-kundanna tiegħu ta’ prattiki ta’ rendiment straordinarju, ħabsijiet u tortura sigrieti, li huma projbiti mil-leġiżlazzjoni interna u internazzjonali li jistipulaw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u li jiksru fost l-oħrajn id-drittijiet għal-libertà, is-sigurtà, it-trattament uman, il-libertà mit-tortura, in-non-refoulement, il-preżunzjoni ta’ innoċenza, proċess ġust, il-konsulenza legali u protezzjoni ugwali skont il-liġi;

6.

Jinsisti fuq il-bżonn li jiġu stabbiliti garanziji bil-għan li jiġi evitat kull ksur tad-drittijiet fundamentali fl-implimentazzjoni tal-politki kontra t-terroriżmu;

7.

Jikkunsidra li l-Istati Membri wrew ir-rieda tagħha li jobdu l-liġi internazzjonali, imma s’issa ma ssodisfawx b’mod xieraq l-obbligu pożittiv li għandhom l-Istati Membri kollha li jinvestigaw ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem konness mal-programm tas-CIA, u jiddispjaċih dwar id-dewmien biex jintefa' dawl fuq dan il-każ ħalli jkun hemm rimedju sħiħ għall-vittmi kemm jista' jkun malajr, inklużi apoloġiji u kumpens fejn xieraq;

8.

Jemmen li d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-Istati Membri biex jagħmlu inkjesti jirriżultaw f'falliment li jkunu kompatibbli bis-sħiħ mal-obbligi internazzjonali tagħhom, li jaffettwaw b’mod negattiv il-fiduċja reċiproka fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u għalhekk issir ir-responsabilità tal-UE b’mod ġenerali;

9.

Itenni li l-impenn tal-Istati Membri u l-UE li jinvestigaw l-involviment tal-Ewropa fil-programm tas-CIA huwa konformi mal-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera u leali miktuba fl-Artikolu 4(3) tat-TUE;

Il-proċess ta’ responsabilità fl-Istati Membri

10.

Jesprimi tħassib dwar l-ostakli li ltaqgħu magħhom l-investigazzjonijiet parlamentari u ġudizzjarji nazzjonali dwar l-involviment ta' ċerti Stati Membri fil-programm tas-CIA, kif dokumentat fid-dettall mir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2011 dwar abbuż tas-segretezza tal-istat u s-sigurtà nazzjonali, inkluż in-nuqqas ta’ trasparenza, il-klassifikazzjoni tad-dokumenti, il-prevalenza ta’ interessi nazzjonali u politiċi, mandat dejjaq ta’ investigazzjonijiet, restrizzjonijiet tad-dritt tal-vittmi għall-parteċipazzjoni effettiva u d-difiża, u nuqqas ta’ tekniki investigattivi rigorużi u tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet investigattivi fl-UE; jistieden lill-Istati Membri biex jevitaw li jibbażaw il-proċeduri kriminali nazzjonali tagħhom fuq raġunijiet legali bħal dawn, li jippermettu u jwasslu għat-tmiem ta’ proċeduri kriminali billi jiġu evokati klawżoli tal-istatut tal-limitazzjonijiet u jwasslu għal impunità, u biex jirrispettaw il-prinċipju tad-dritt konswetudinarju internazzjonali li jirrikonoxxi li l-istatut tal-limitazzjonijiet ma jistax u m’għandux jiġi applikat f’każijiet ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

11.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri li ma ssodisfawx l-obbligi pożittivi tagħhom li jagħmlu inkjesti indipendenti u effettivi biex jinvestigaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem billi jqisu l-evidenza ġdida kollha li ħarġet; jistieden b'mod partikolari l-Istati Membri biex jinvestigaw jekk hemmx ħabsijiet sigrieti fit-territorju tagħhom jew jekk sarux operazzjonijiet li minħabba fihom inżammu n-nies f'faċilitajiet fit-territorju tagħhom taħt il-programm tas-CIA;

12.

Jinnota li l-inkjesta parlamentari mwettqa fir-Rumanija kkonkludiet li ma setgħet tiġi stabbilita l-ebda prova sabiex tipprova l-eżistenza ta' sit ta' detenzjoni sigriet tas-CIA fuq it-territorju Rumen; jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji biex jiftħu inkjesta indipendenti dwar is-siti allegati ta’ detenzjoni sigrieti tas-CIA fir-Rumanija, b’mod partikolari fid-dawl tal-evidenza l-ġdida dwar konnessjonijiet ta’ titjiriet bejn ir-Rumanija u l-Litwanja;

13.

Jinkoraġġixxi lill-Polonja biex tkompli l-investigazzjoni kriminali tagħha li qed issir bħalissa dwar id-detenzjoni sigrieta iżda jikkundanna n-nuqqas ta’ komunikazzjoni uffiċjali dwar l-ambitu, it-twettiq u l-istat attwali tal-investigazzjoni; jitlob lill-awtoritajiet Pollakki biex jagħmlu stħarriġ rigoruż, bi trasparenza xierqa, li jippermetti l-parteċipazzjoni effettiva tal-vittmi u l-avukati tagħhom;

14.

Jinnota li l-inkjesti parlamentari u ġuddizjarji li saru fil-Litwanja bejn l-2009 u l-2011 ma rnexxilhomx juru li kienu nżammu priġunieri b’mod sigriet fil-Litwanja; jistieden lill-awtoritajiet Litwani biex jonoraw l-impenn tagħhom li jiftħu mill-ġdid l-investigazzjoni kriminali dwar l-involviment tal-Litwanja fil-programm tas-CIA jekk toħroġ xi informazzjoni ġdida, skont evidenza ġdida pprovduta fid-data tal-Eurocontrol li turi li l-ajruplan N787WH, li allegatament ittrasporta lil Abu Zubaydah, fil-fatt waqaf il-Marokk fit-18 ta’ Frar 2005 fi triqtu lejn ir-Rumanija u l-Litwanja; jinnota li analiżi tad-data tal-Eurocontrol tiżvela wkoll informazzjoni ġdida permezz ta’ pjanijiet tat-titjiriet ta’ konnessjoni bejn ir-Rumanija u l-Litwanja, permezz ta’ bdil tal-ajruplan f’Tirana, l-Albanija fil-5 ta’ Ottubru 2005, u bejn il-Litwanja u l-Afganistan, vija l-Kajr, fl-Eġittu, fis-26 ta’ Marzu 2006; iqis li huwa essenzjali li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ investigazzjonijiet ġodda għandu jkopri, lil hinn mill-abbużi tal-poter mill-uffiċjali tal-istat, id-detenzjoni kontra l-liġi possibbli u t-trattament ħażin ta’ persuni fit-territorju Litwan; jinkoraġġixxi lill-Uffiċju tal-Prosekutur-Ġenerali biex jissostanzja b'dokumentazzjoni l-affermazzjonijiet li saru matul iż-żjara tad-delegazzjoni ta’ LIBE li l-konklużjonijiet ‘kategoriċi’ tal-inkjesta legali jkunu li ‘l-ebda priġunier ma nżamm fil-faċilitajiet tal-Proġett Nru 1 u Nru 2 fil-Litwanja’;

15.

Jinnota l-investigazzjoni kriminali mnedija fir-Renju Unit dwar rendimenti għal-Libja u jilqa’ d-deċiżjoni li jkompli għaddej stħarriġ usa’ dwar ir-responsabilità tar-Renju Unit fil-programm tas-CIA ladarba l-investigazzjoni tiġi konkluża; jitlob lir-Renju Unit biex jagħmel dan l-istħarriġ bit-trasparenza xierqa, li jippermetti l-parteċipazzjoni effettiva tal-vittmi u s-soċjetà ċivili;

16.

Jirrikonoxxi li l-investigazzjonijiet tal-Istati Membri għandhom ikunu bbażati fuq evidenza ġudizzjarja konkreta u fuq ir-rispett għas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u l-liġi tal-UE, u mhux biss fuq l-ispekulazzjoni tal-midja u dik pubblika;

17.

Jistieden lill-Istati Membri, bħall-Finlandja, id-Danimarka, il-Portugall, l-Italja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Spanja, l-Irlanda, il-Greċja, Ċipru, ir-Rumanija u l-Polonja, li ssemmew fir-rapport tal-Kumitat Temporanju, biex jikxfu l-informazzjoni meħtieġa kollha dwar l-ajruplani suspettati kollha assoċjati mas-CIA u t-territorju tagħhom; jistieden lill-Istati Membri kollha biex jirrispettaw id-dritt għal-libertà tal-informazzjoni u biex iwieġbu kif suppost it-talbiet għal aċċess għal informazzjoni; jesprimi tħassib, fid-dawl ta' dan, li ħafna mill-Istati Membri, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda u l-Litwanja, ma rrispondewx kif xieraq għat-talbiet mir-Reprieve u mill-Access Info Europe għal aċċess għal informazzjoni għar-raġunijiet tal-investigazzjonijiet tagħhom fuq il-każijiet ta’ rendiment straordinarju;

18.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrevedu kwalunkwe dispożizzjoni jew interpretazzjoni li huma simpatetiċi għat-tortura, bħall-opinjoni legali ta’ Michael Wood (imsemmija fir-riżoluzzjoni msemmija qabel tal-Parlament tal-14 ta’ Frar 2007) li, bi sfida għall-ġurisprudenza internazzjonali, isostni li huwa leġittimu li wieħed jirċievi u juża informazzjoni miksuba permezz ta’ tortura sakemm ma jkunx hemm responsabilità diretta għaliha (li tagħti motivazzjoni u tiġġustifika l-esternalizzazzjoni tat-tortura);

19.

Jitlob lill-Istati Membri kollha biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha minn Għajbien Sfurzat;

20.

Jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tal-kooperazzjoni miżjuda u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-aġenziji ta’ informazzjoni sigrieta u ta’ sigurtà tagħhom, biex jiżguraw skrutinju demokratiku sħiħ ta’ dawk l-aġenziji u tal-attivitajiet tagħhom permezz ta’ sorveljanza parlamentari interna, eżekuttiva, ġudizzjarja u indipendenti xierqa, preferibbilment permezz ta’ kumitati parlamentari speċjalizzati b’mandat u setgħat estensivi inkluż is-setgħa li tinkiseb l-informazzjoni, u b’biżżejjed riżorsi investigattivi u ta’ riċerka biex ikunu jistgħu jeżaminaw mhux biss kwistjonijiet bħall-politika, l-amministrazzjoni u l-finanzi, iżda wkoll il-ħidma operattiva tal-aġenziji;

Rispons tal-istituzzjonijiet tal-UE

21.

Jikkunsidra li huwa essenzjali li l-UE tikkundanna l-prattiki abbużivi kollha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, inklużi dawk li jitwettqu fuq it-territorju tagħha, mhux biss sabiex tissodisfa l-valuri tagħha imma wkoll sabiex tiddefendihom b’mod kredibbli fis-sħubijiet esterni tagħha;

22.

Ifakkar li l-Kunsill qatt ma ta apoloġija formali talli kiser il-prinċipju minqux fit-Trattati ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta b’mod żbaljat ipprova jipperswadi lill-Parlament biex jipprovdi deliberatament verżjonijiet imqassra tal-minuti għal-laqgħat tal-COJUR (il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar id-Dritt Internazzjonali Pubbliku) u COTRA (il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar ir-Relazzjonijiet Transatlantiċi) mal-uffiċjali għolja tal-Amerika ta’ Fuq; jistenna l-apoloġiji mill-Kunsill;

23.

Jistenna li finalment il-Kunsill joħroġ dikjarazzjoni li fiha jagħraf l-involviment tal-Istati Membri fil-programm tas-CIA u d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-Istati Membri fil-qafas tal-inkjesti;

24.

Jistieden lill-Kunsill sabiex jagħti l-appoġġ kollu għall-proċessi ta’ sejba tal-verità u responsabilità fl-Istati Membri billi jindirizza formalment il-kwistjoni fil-laqgħat tal-ĠAI, jaqsam l-informazzjoni kollha, jipprovdi assistenza għall-istħarriġ u, b’mod partikolari, jilqa’ talbiet għal aċċess għal dokumenti;

25.

Jistieden lill-Kunsill biex jorganizza seduti ta’ smiegħ ma’ aġenziji ta’ sigurtà tal-UE relevanti, b’mod partikolari l-Europol, Eurojust u l-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, biex jikkjarifikaw l-għarfien tagħhom tal-involviment tal-Istati Membri fil-programm tas-CIA u r-rispons tal-UE; jistieden ukoll lill-Kunsill biex iwaqqaf salvagwardji li jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-iskambju tal-informazzjoni, u delimitazzjoni stretta tar-rwoli bejn l-attivitajiet ta’ informazzjoni u infurzar tal-liġi sabiex l-aġenziji tal-informazzjoni ma jkunux permessi li jieħdu setgħat ta’ arrest u detenzjoni, u biex jirrapporta lill-Parlament fi żmien sena;

26.

Jistieden lill-Kunsill biex jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jaqsmu l-aħjar prattika fir-rigward tas-sorveljanza parlamentari u ġudizzjarja tas-servizzi ta’ intelliġenza, u jinvolvi lill-parlamenti nazzjonali u lill-Parlament Ewropew f’dan l-isforz;

27.

Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill u l-Istati Membri biex jeskludu, bħala bażi għall-estradizzjoni jew deportazzjoni ta' persuni meqjusa li huma ta' theddida għas-sigurtà nazzjonali, id-dipendenza fuq assigurazzjonijiet diplomatiċi mhux infurzabbli fejn hemm riskju reali li jiġu soġġetti għal tortura jew trattament ħażin jew li jsir proċess bl-użu ta’ evidenza miksuba b'dan il-mod;

28.

Jitlob lill-awtoritajiet rilevanti sabiex ma jinvokawx is-segretezza statali fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-intelliġenza internazzjonali sabiex jiġu blukkati l-obbligu ta’ rendikont u r-rimedju, u jinsisti li raġunijiet nazzjonali awtentiċi dwar is-sikurezza biss jistgħu jiġġustifikaw is-segretezza, li fi kwalunkwe każ tiġi wara l-obbligi tad-drittijiet fundamentali mhux derogabbli bħall-projbizzjoni assoluta tat-tortura;

29.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet relevanti biex jiżguraw li ssir distinzjoni stretta bejn l-attivitajiet ta’ servizzi ta’ informazzjoni sigrieta u sigurtà min-naħa waħda u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi min-naħa l-oħra, sabiex jiġi żgurat li l-prinċipju ġenerali ta’ "nemo iudex in sua causa" jiġi mħares;

30.

Jenfasizza li l-Kumitat Temporanju li wettaq l-investigazzjoni li kienet il-bażi tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-14 ta’ Frar 2007 u tad-19 ta’ Frar 2009 wera kif il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u kontroll tal-inġenji tal-ajru ċivili li jtiru fuq l-ispazju tal-ajru jew jinżlu fit-territorju tal-Istati Membri kienu estremament żbaljati, b’hekk mhux talli ġew abbużati fir-“rendimenti straordinarji” tas-CIA, iżda wkoll ġew faċilment evitati minn kull operatur ta’ kriminalità organizzata, inklużi netwerks ta’ terroristi; ifakkar ukoll fil-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport u r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament lill-Kummissjoni biex tirregola u tissorvelja l-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru, l-ajruporti u l-avjazzjoni mhux kummerċjali tal-UE; għalhekk, jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ma jkomplux jipposponu l-analiżi bir-reqqa tal-implimentazzjoni tagħhom tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-Konvenzjoni ta’ Chicago) rigward l-awtorizzazzjoni u l-ispezzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru ċivili li jtiru fl-ispazju tal-ajru jew jinżlu fit-territorju tal-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat li tittejjeb is-sigurtà u jsiru kontrolli b’mod sistematiku, billi jeħtieġu l-identifikazzjoni antiċipata ta’ passiġġieri u ekwipaġġ, u jiżguraw li kwalunkwe titjira kklassifikata bħala “titjiriet statali” (li huma esklużi mill-ambitu tal-Konvenzjoni) jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel u kif suppost; ifakkar ukoll fir-rakkomandazzjoni tal-Parlament li l-Konvenzjoni ta’ Tokyo dwar ir-Reati u Ċerti Atti Oħra Mwettqa Abbord Inġenji tal-Ajru tiġi msaħħa b’mod effettiv mill-Istati Membri;

31.

Jinnota l-inizjattivi tal-Kummissjoni b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament; iqis b'dispjaċir, madanakollu, li ma kinux parti minn aġenda u strateġija usa' biex jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem magħmula fil-kuntest tal-programm tas-CIA u r-rimedju u l-kumpens meħtieġa għall-vittmi;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga jekk id-dispożizzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari dawk dwar kooperazzjoni ta’ asil u ġudizzjarja, ġewx miksura bil-kollaborazzjoni mal-programm tas-CIA;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita u tappoġġja l-għajnuna legali reċiproka u l-kooperazzjoni ġudizzjarja konformi mad-drittijiet tal-bniedem bejn l-awtoritajiet investigattivi u kooperazzjoni bejn l-avukati involuti fil-ħidma tal-obbligu ta’ rendikont fl-Istati Membri, u b'mod partikolari biex jiġi żgurat li jkun hemm skambju ta' informazzjoni importanti u jitħeġġeġ l-użu effettiv tal-istrumenti u r-riżorsi disponibbli kollha tal-UE;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta fi żmien sena qafas, inklużi rekwiżiti ta’ rappurtaġġ għall-Istati Membri, li jissorvelja u jappoġġja l-proċessi ta’ responsabilità nazzjonali, inklużi linji gwida dwar stħarriġ kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem, ibbażati fuq l-istandards żviluppati mill-Kunsill tal-Ewropa u n-NU;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl ta’ nuqqasijiet istituzzjonali mikxufa fil-kuntest tal-programm tas-CIA, biex tadotta miżuri immirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE biex jiġi evitat u jissewwa l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE u tipprovdi għat-tisħiħ tar-rwol tal-Parlament;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tipproponi miżuri għall-kooperazzjoni permanenti u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-kumitati parlamentari għas-superviżjoni tas-servizzi tal-informazzjoni u s-sikurezza tal-Istati Membri f’każijiet li jindikaw li azzjonijiet konġunti mis-servizzi ta’ informazzjoni u tas-sigurtà tal-Istati Membri li jkunu saru fit-territorju tal-UE;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għall-iżvilupp ta’ arranġamenti għas-sorveljanza demokratika ta’ attivitajiet ta’ informazzjoni transkonfinali fil-kuntest tal-politiki tal-UE kontra t-terroriżmu; għandu l-intenzjoni li jagħmel użu sħiħ mis-setgħat parlamentari tiegħu stess għall-iskrutinju ta’ politiki kontra t-terroriżmu, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet imfassla mid-dipartiment ta’ studju tal-Parlament (PE 453.207);

38.

Jistieden lill-Ombudsman Ewropew biex jinvestiga n-nuqqasijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill u l-aġenziji tas-sigurtà tal-UE, notevolment l-Europol u l-Eurojust biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u kooperazzjoni leali fir-risposta tagħhom għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat temporanju dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u ż-żamma illegali ta' priġunieri (TDIP);

39.

Jitlob lill-UE sabiex tiżgura li l-obbligi internazzjonali tagħha stess jiġu kollha osservati u li l-politiki tal-UE u l-istrumenti tal-politika barranija, bħal-linji gwida dwar it-tortura u djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, ikunu implimentati bis-sħiħ, sabiex tkun f’pożizzjoni aqwa biex titlob l-implimentazzjoni rigoruża ta’ klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali kollha ffirmati minnha u li tħeġġeġ lill-alleati ewlenin tagħha, inkluża l-Istati Uniti, biex jikkonformaw mal-liġi interna u internazzjonali tagħhom stess;

40.

Jafferma mill-ġdid li l-ġlieda internazzjonali kontra t-terroriżmu u l-kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali internazzjonali f’dan il-qasam, inkluż bħala parti min-NATO jew bejn servizzi ta’ intelliġenza u sikurezza, għandhom jkunu mwettqa b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u b’sorveljanza demokratika u ġudizzjarja xierqa; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kunsill sabiex jiżguraw li dawn il-prinċipji jiġu applikati fir-relazzjonijiet barranin tagħhom, u jinsisti li għandhom jagħmlu evalwazzjoni bir-reqqa tar-rekords tal-kontrapartijiet tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem qabel ma jidħlu għal xi ftehim ġdid, notevolment dwar kooperazzjoni fir-rigward ta’ informazzjoni sigrieta u kondiviżjoni ta’ informazzjoni, jirrevedu ftehimiet eżistenti fejn dawk il-kontropartijiet ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem, u jinfurmaw lill-Parlament dwar il-konklużjonijiet ta’ tali valutazzjonijiet u reviżjonijiet;

41.

Iħeġġeġ li fil-futur ma jerġax ikun hemm indħil minn servizzi speċjali barranin fl-affarijiet tal-Istati Membri sovrani tal-UE u li l-ġlieda kontra t-terroriżmu tiġi mwettqa b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

42.

Ifakkar li l-Protokoll Fakultattiv għas-CAT jeħtieġ it-twaqqif ta’ sistemi ta’ monitoraġġ li jkopru s-sitwazzjonijiet kollha ta’ tiċħid tal-libertà, u jinsisti fuq il-fatt li l-konformità ma’ dan l-istrument internazzjonali żżid element ta’ protezzjoni; jinkoraġġixxi b’mod qawwi l-pajjiżi sieħba tal-UE biex jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv u biex joħolqu mekkaniżmi preventivi nazzjonali indipendenti li jikkonformaw mal-Prinċipji ta’ Pariġi, u biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat;

43.

Itenni t-talba tiegħu, skont il-liġi internazzjonali, b'mod partikolari l-Artikolu 12 tas-CAT, għall-istati kollha li qed jiffaċċjaw allegazzjonijiet kredibbli sabiex jagħmlu kull sforz biex iġibu l-kjarifiki neċessarji u, jekk l-indikazzjonijiet jippersistu, biex iwettqu investigazzjonijiet u inkjesti dettaljati dwar l-atti kollha allegati ta’ rendiment straordinarju, ħabsijiet sigrieti, tortura u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex jistabbilixxu l-verità u, jekk ikun hemm bżonn, jiddeterminaw ir-responsabilità u jiżguraw l-obbligu ta’ rendikont u jevitaw l-impunità, inkluż li jinġiebu individwi quddiem il-ġustizzja fejn ikun hemm evidenza ta’ responsabilità kriminali; jistieden lir-RGħ/VP u l-Istati Membri tal-UE biex, f'din ir-rabta, jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiġi żgurat segwitu xieraq għall-Istudju Konġunt tan-NU dwar prattiki globali fir-rigward tad-detenzjoni sigrieta fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’mod partikolari fir-rigward tal-ittra ta’ segwitu li ntbagħtet mid-detenturi tal-Mandati Speċjali fil-21 ta’ Ottubru 2011 lil 59 stat, li talbet lill-gvernijiet rispettivi tagħhom biex jipprovdu aġġornament dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f’dan l-istudju;

44.

Jitlob lill-UE biex tiżgura li l-Istati Membri tagħha, assoċjati u msieħba tal-UE (b'mod partikolari dawk koperti mill-Ftehim ta’ Cotonou), li aċċettaw li jospitaw dawk li qabel kienu priġunieri fi Guantánamo, fil-fatt jagħtuhom appoġġ sħiħ fir-rigward ta' kundizzjonijiet ta’ għajxien, sforzi biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà, trattament mediku inkluż irkupru psikoloġiku, aċċess għal dokumenti ta’ identifikazzjoni u tal-ivvjaġġar, eżerċizzju tad-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja u d-drittijiet fundamentali l-oħra kollha attribwiti lill-persuni bi status ta’ asil politiku;

45.

Huwa mħasseb b’mod partikolari dwar il-proċedura mwettqa minn kummissjoni militari tal-Istati Uniti fir-rigward tas-Sur Abd al-Rahim al-Nashiri li jista’ jiġi kkundannat għall-mewt jekk jinsab ħati; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jinsew għal kollox il-possibilità li tingħata l-piena tal-mewt lis-Sur al Nashiri u jtenni l-oppożizzjoni tiegħu, li ilha stabbilita, għall-piena kapitali fis-sitwazzjonijiet kollha u taħt iċ-ċirkostanzi kollha; jinnota li l-każ tas-Sur al-Nashiri ilu quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem mis-6 ta' Mejju 2011; jistieden lill-awtoritajiet ta' kwalunkwe pajjiż li fih inżamm is-Sur al-Nashiri biex jużaw il-mezzi disponibbli kollha biex jiżguraw li ma jkunx soġġett għall-piena kapitali; iħeġġeġ lir-RGħ/VP biex tqajjem il-każ tas-Sur al-Nashiri bħala kwistjoni ta’ prijorità mal-Istati Uniti bi qbil mal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena Kapitali;

46.

Itenni li applikazzjoni sħiħa tal-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem tal-ftehimiet ma' pajjiżi terzi hija fundamentali fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u dawk il-pajjiżi, u jqis li hemm momentum reali biex jiġi rivedut kif il-gvernijiet Ewropej ikkooperaw mal-apparat ta’ ripressjoni tad-dittatorjati fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; iqis, f’dan ir-rigward, li l-Politika Ewropea tal-Viċinat li għadha kemm ġiet riveduta għandha ġġib appoġġ b’saħħtu għar-riforma fis-settur tas-sigurtà li għandu jiżgura, b’mod partikolari, separazzjoni ċara bejn funzjonijiet ta’ informazzjoni sigrieta u infurzar tal-liġi; jistieden lis-SEAE, il-Kunsill u l-Kummissjoni biex jerġgħu isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura u mekkaniżmi oħra relevanti tal-Kunsill tal-Ewropa fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ assistenza fil-ġlieda kontra t-terroriżmu ma’ pajjiżi terzi u fil-forom kollha ta’ djalogi kontra t-terroriżmu ma’ pajjiżi terzi;

47.

Jitlob lill-Gvern ta' Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM) biex jiċċara r-responsabilità u jiżgura l-obbligu ta’ rendikont għall-ħtif, apparentament minħabba identità żbaljata, tas-Sur Khaled el-Masri, li wassal għad-detenzjoni illegali u t-tortura allegata tiegħu; jiddeplora n-nuqqas ta' azzjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' Skopje bil-għan li ssir investigazzjoni kriminali dwar l-ilment tas-Sur el-Masri; jinnota li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ħadet dan il-każ u li l-Awla Manja kellha l-ewwel smigħ tagħha fis-16 ta’ Mejju 2012; iqis li, f'dan il-każ, l-imġiba allegata tal-Gvern tal-FYROM hija inkonsistenti mal-prinċipji li fuqhom twaqqfu d-drittijiet fundamentali tal-UE u l-istat tad-dritt u trid tiġi diskussa kif suppost mill-Kummissjoni f'konnessjoni mal-kandidatura tal-FYROM għall-adeżjoni tal-UE;

48.

Jistieden lin-NATO u l-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom stess, biex jikkooperaw mill-qrib mal-UE u l-inkjesti parlamentari u ġudizzjarji tal-Istati Membri dwar dawn il-kwistjonijiet (31), inkluż, fejn hu xieraq, billi jwieġbu mal-ewwel għat-talbiet għal għajnuna legali reċiproka, biex jiżvelaw informazzjoni dwar programmi ta' rendimenti straordinarji u prattiki oħrajn li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jipprovdu rappreżentanti legali ta' nies suspettati bl-informazzjoni neċessarja kollha ħalli jiddefendu l-klijenti tagħhom; jitlob għal konfermazzjoni li l-ftehimiet kollha tan-NATO u ta’ bejn in-NATO u l-UE u ftehimiet transatlantiċi oħrajn ikunu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali;

49.

Jagħti ġieħ lill-inizjattivi tas-soċjetà ċivili tal-Istati Uniti biex twaqqaf fl-2010 task force indipendenti magħmula miż-żewġ partiti biex teżamina l-politika u l-azzjonijiet tal-Gvern tal-Istati Uniti relatati mal-qbid, id-detenzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ “terroristi suspettati” u l-kustodja tal-Istati Uniti waqt l-amministrazzjonijiet ta’ Clinton, Bush u Obama;

50.

Jitlob lill-Istati Uniti, minħabba r-rwol ewlieni tas-sħubija transatlantika u t-tmexxija tal-Istati Uniti f’dan il-qasam, sabiex jinvestigaw bis-sħiħ u jiżguraw obbligu ta’ rendikont għal kwalunkwe abbuż li ġie prattikat, jiżguraw li l-liġi domestika u internazzjonali relevanti jiġu applikati bis-sħiħ bil-għan li jtemmu l-paradigma tal-gwerra li fil-prattika wasslet għal nuqqasijiet legali, itemmu l-proċessi quddiem qrati militari, japplikaw bis-sħiħ il-liġi kriminali għal dawk suspettati b’terroriżmu u jistabbilixxu reviżjoni tad-detenzjoni, habeas corpus, proċess ġust, libertà mit-tortura u n-nondiskriminazzjoni bejn ċittadini barranin u tal-Istati Uniti;

51.

Jistieden lill-President Obama sabiex jonora l-wegħda tiegħu magħmula f’Jannar 2009 sabiex jingħalaq Guantánamo, biex jippermetti lil kwalunkwe persuna arrestata li ma tkunx se tiġi akkużata tmur lura pajjiżha jew pajjiż ieħor sigur malajr kemm jista’ jkun, u sabiex jitressqu l-persuni arrestati fi Guantánamo li jkun hemm prova ammissibbli suffiċjenti kontrihom mingħajr dewmien f’seduta ta’ smigħ ġusta u pubblika minn qorti indipendenti u imparzjali u, jekk jinstabu ħatja, jiġu impriġunati fl-Istati Uniti skont l-istandards u l-prinċipji internazzjonali applikabbli; jitlob bl-istess mod li jiġi investigat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ f’Guantánamo u li jiġu rfinati r-responsabilitajiet;

52.

Jitlob sabiex kwalunkwe persuna arrestata li ma tkunx se tiġi akkużata iżda li ma tistax tkun ripatrijata minħabba r-riskju reali ta’ tortura jew persekuzzjoni f’pajjiżha sabiex tingħata l-opportunità ta’ risistemazzjoni fl-Istati Uniti taħt protezzjoni umanitarja u tingħata rimedju (32), u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex huma wkoll jospitaw persuni miżmuma fi Guantánamo;

53.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jirrevokaw is-setgħa ta’ detenzjoni indefinita mingħajr akkuża jew proċess taħt l-NDAA;

54.

Jistieden lill-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet biex tiżgura l-bidu tad-djalogi parlamentari dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali filwaqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu abbażi tas-sejbiet tal-Istudju Konġunt tan-NU dwar prattiki globali fir-rigward tad-detenzjoni sigrieta fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u bħala s-segwitu tiegħu, u tal-Kompilazzjoni ta’ prattiki tajba tan-NU dwar oqfsa u miżuri legali u istituzzjonali li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem minn aġenziji tal-informazzjoni sigrieta filwaqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu, inkluża s-sorveljanza tagħhom;

55.

Jintrabat li jiddedika l-laqgħa parlamentari konġunta tiegħu li jmiss mal-parlamenti nazzjonali għar-reviżjoni tar-rwol tal-parlamenti li jiżguraw responsabilità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-programm tas-CIA, u li jippromwovi kooperazzjoni aktar b’saħħitha u skambju regolari bejn korpi ta’ sorveljanza nazzjonali li huma responsabbli mill-iskrutinju tas-servizzi tal-intelliġenza, fil-preżenza tal-awtoritajiet nazzjonali relevanti, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE;

56.

Huwa determinat li jkompli jissodisfa l-mandat mogħti lilu mill-Kumitat Temporanju, skont l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-TUE; jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu, flimkien mas-Sottokumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem, biex jindirizzaw il-Parlament fil-plenarja dwar il-kwistjoni sena wara l-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni; jikkunsidra li huwa essenzjali li issa jiġi vvalutat sa fejn ġew segwiti r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Parlament, u f’każ li ma jkunux ġew segwiti, jiġi analizzat għaliex dan ma seħħx;

57.

Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, tal-istati kandidati u l-pajjiżi assoċjati, u lill-Kunsill tal-Ewropa, lin-NATO, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern u ż-żewġ Kmamar tal-Kungress tal-Istati Uniti biex iżommu lill-Parlament infurmat bi kwalunkwe żvilupp li jista’ jsir fl-oqsma li jaqgħu taħt il-mandat ta' dan ir-rapport;

*

* *

58.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, tal-istati kandidati u l-pajjiżi assoċjati, u lill-Kunsill tal-Ewropa, lin-NATO, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern u ż-żewġ Kmamar tal-Kungress tal-Istati Uniti.


(1)  ĠU L 200, 30.7.2005, p. 1.

(2)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(3)  A/HRC/13/42, 19.2.2010.

(4)  A/HRC/19/61, 18.1.2012.

(5)  A/HRC/14/46, 17.5.2010.

(6)  Riżoluzzjoni 1507 (2006).

(7)  Riżoluzzjoni 1562 (2007).

(8)  Dok. 12714, 16.9.2011.

(9)  ĠU C 285E, 21.10.2010, p. 12.

(10)  ĠU C 287E, 29.11.2007, p. 309.

(11)  ĠU C 76E, 25.3.2010, p. 51.

(12)  Testi adottati, P7_TA(2011)0271.

(13)  ĠU C 67E, 18.3.2010, p. 91.

(14)  ĠU C 300E, 9.12.2006. p. 136.

(15)  ĠU C 102E, 28.4.2004, p. 640.

(16)  ĠU C 169E, 15.6.2012, p. 49.

(17)  Testi adottati, P7_TA(2011)0577.

(18)  DISKORS/08/716, ‘Une politique visant à assurer l’effectivité des droits fondamentaux sur le terrain’.

(19)  ‘Remarks en route to Germany’, Stampa, mistoqsijiet u tweġibiet ma' Condoleezza Rice, Berlin, 5 ta' Diċembru 2005, u ‘Press Availability at the Meeting of the North Atlantic Council’, Brussell, 8 ta' Diċembru 2005.

(20)  ‘Sources Tell ABC News Top Al Qaeda Figures Held in Secret CIA Prisons’, ABC News, 5.12.2005.

(21)  ‘Lithuania Hosted Secret CIA Prison to Get “Our Ear”‘, ABC News, 20.8.2009.

(22)  ‘CIA Holds Terror Suspects in Secret Prisons’, 2.11. 2005, u ‘Europeans Probe Secret CIA Flights’, Washington Post, 17.11.2005.

(23)  Fost l-oħrajn: Dikjarazzjoni tal-Human Rights Watch dwar il-Faċilitajiet ta' Detenzjoni Sigrieta fl-Ewropa, 6.11.2005; Rapport tal-Amnesty International Europe intitolat ‘Open secret: Mounting evidence of Europe’s complicity in rendition and secret detention’, 15.11.2010; Rapport ta' Reprieve intitolat ‘Rendition on Record: Using the Right of Access to Information to Unveil the Paths of Illegal Prisoner Transfer Flights’, 15.12.2011.

(24)  Paragrafu 232 tar-riżoluzzjoni msemmija qabel tal-Parlament tal-14 ta’ Frar 2007.

(25)  ĠU L 200, 30.7.2005, p. 1.

(26)  ĠU L 338, 21.12.2011, p. 31.

(27)  L-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-każistika relatata, u l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(28)  A/HRC/19/44.

(29)  "Inside Romania’s secret CIA prison", The Independent, 9.12.2011.

(30)  Rapport tas-CPT tad-19 ta' Mejju 2011 waqt iż-żjara tiegħu fil-Litwanja mill-14 sat-18 ta' Ġunju 2010.

(31)  Ara fost l-oħrajn ir-riżoluzzjoni msemmija qabel tal-Parlament tad-9 ta’ Ġunju 2011.

(32)  Ara Paragrafu 3 tar-riżoluzzjoni msemmija qabel tal-Parlament tal-4 ta’ Frar 2009.


Top