EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0137

Appell għal modi konkreti biex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni fiskali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 19 ta' April 2012 dwar l-appell għal modi konkreti biex jiġu miġġielda l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali (2012/2599(RSP))

OJ C 258E, 7.9.2013, p. 53–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 258/53


Il-Ħamis 19 ta’ April 2012
Appell għal modi konkreti biex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni fiskali

P7_TA(2012)0137

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2012 dwar l-appell għal modi konkreti biex jiġu miġġielda l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali (2012/2599(RSP))

2013/C 258 E/07

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 u l-2 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidra l-Mistoqsija li titlob tweġiba orali B7-0635/2011 lill-Kummissjoni tal-4 ta’ Ottubru 2011 dwar il-kompatibilità tal-ftehimiet fiskali tal-Ġermanja u tar-Renju Unit mal-Isvizzera mad-Direttiva tal-UE dwar it-Tassassjoni ta’ Riżervi,

wara li kkunsidra l-istudju tal-OECD ta’ Marzu 2012 bit-titlu ‘Hybrid mismatch arrangements: Tax policy and compliance issues’ (Arranġamenti ibridi:Kwistjonijiet ta’ politika u konformità fiskali),

wara li kkunsidra r-rapport dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva, kif adottat mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu fil-21 ta’ Marzu 2012 (A7-0080/2012),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Frar 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar it-Taxxi (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-estimi jindikaw li l-evażjoni fiskali u l-evitar fiskali jissarrfu f’ammont sinifikanti ta’ dħul mhux miġbur għall-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE;

B.

billi t-telf tad-dħul ikabbar il-livelli tad-defiċit u tad-dejn fl-Istati Membri, u jnaqqas il-fondi disponibbli għat-trawwim tal-investiment pubbliku, it-tkabbir u l-impjiegi;

C.

billi l-iskala ta’ evażjoni u evitar fiskali ddgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fil-ġustizzja u l-leġittimità tal-ġbir tat-taxxi;

D.

billi jinħtieġ ħafna titjib fl-informazzjoni disponibbli pubblikament dwar l-evitar u l-evażjoni fiskali f’kull Stat Membru;

E.

billi l-Istati Membri b’mod ġenerali għandhom jevitaw li jidħlu f’negozjati bilaterali ma’ pajjiżi mhux tal-UE u għandhom, jekk madankollu xorta jħossu li jkun meħtieġ li jikkonkludu xi ftehim bilaterali tali, jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih biex jevitaw ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE;

F.

billi pajjiżi li jgawdu minn programmi ta’ assistenza, wara li intensifikaw il-ġbir tat-taxxi u eliminaw il-privileġġi skont il-proposti tat-Trojka, raw ħafna mill-kumpaniji l-kbar tagħhom jitilqu biex igawdu privileġġi fiskali offruti minn pajjiżi oħra;

G.

billi hemm bżonn ta’ regoli ċari tal-UE biex jiġu evitati dawn il-forom ta’ kompetizzjoni fiskali, li jdgħajfu l-istrateġiji ta’ rkupru tal-pajjiżi kkonċernati;

1.

Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta’ Marzu 2012 li talab lill-Istati Membri biex, fejn ikun f’loku, jagħmlu rieżami tas-sistemi fiskali tagħhom bl-għan li jagħmluhom aktar effettivi u effiċjenti, ineħħu eżenzjonijiet mhux ġustifikati, iwessgħu l-bażijiet fiskali tagħhom, jorjentaw it-taxxi ’l hinn mix-xogħol, itejbu l-effiċjenza fil-ġbir tat-taxxi u jindirizzaw l-evażjoni fiskali, biex jintensifikaw rapidament il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali, anke f’relazzjoni ma’ pajjiżi terzi, u biex jirrappurtaw sa Ġunju 2012;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni biex rapidament tindirizza l-kwistjonijiet li tqajmu permezz tar-rieżami tad-Direttiva dwar it-Tassassjoni ta’ Riżervi u biex tilħaq qbil b’ħeffa mal-Isvizzera u mal-Istati Membri kkonċernati;

3.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni jiġi ġġeneralizzat u li l-ambitu tad-Direttiva dwar it-Tassassjoni ta’ Riżervi jitwessa’ sabiex tintemm verament is-segretezza bankarja;

4.

Itenni l-ħtieġa li jinżamm il-fokus fuq ir-rwol ewlieni li jista’ jkollha l-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva kontra l-frodi fiskali;

5.

Iqis li t-tisħiħ tar-regolamentazzjoni tar-reġistri tal-kumpaniji u tar-reġistri tat-trusts, u t-trasparenza tagħhom, huma prerekwiżit biex tiġi indirizzata l-evażjoni fiskali;

6.

Jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni dwar rappurtar għal kull pajjiż fid-Direttivi dwar il-Kontabilità u dwar it-Trasparenza; ifakkar li r-rekwiżiti ta’ rappurtar għal kull pajjiż għal kumpaniji transkonfinali huma essenzjali biex jiġi skopert l-evitar fiskali;

7.

Jitlob li jsir rieżami tad-Direttiva dwar il-Kumpaniji Prinċipali u dawk Sussidjarji u tad-Direttiva dwar it-Tassassjoni tal-Imgħax u tar-Royalties, sabiex tiġi eliminata l-evażjoni permezz ta’ strumenti finanzjarji ibridi fl-UE;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika oqsma fejn jista’ jiġi implimentat titjib kemm fil-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll fil-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri biex jonqos il-frodi fiskali;

9.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw kooperazzjoni u koordinazzjoni mingħajr intoppi bejn is-sistemi fiskali tagħhom biex jevitaw nuqqas ta’ ntaxxar mhux intenzjonat, jew evazjoni u frodi fiskali;

10.

Jistieden lill-Istati Membri jallokaw riżorsi adegwati lis-servizzi nazzjonali li għandhom is-setgħa jiġġieldu l-frodi fiskali;

11.

Jistieden lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 65 tat-TFUE, u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u koordinament mal-BĊE, jieħdu miżuri għall-prevenzjoni ta’ ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali, b'mod partikolari fil-qasam tat-tassazzjoni; jinnota li dan hu importanti partikolarment fir-rigward ta’ Stati Membri li qed jesperjenzaw, jew huma mhedda, b'diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom fiż-żona tal-euro;

12.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġu implimentati strateġiji ġodda u innovattivi għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fl-UE;

13.

Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu rieżami tal-ftehimiet bilaterali fis-seħħ bejn l-Istati Membri u ta’ ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, fejn dawn jikkontribwixxu għall-evażjoni fiskali u jikkumplikaw it-tassazzjoni effettiva f’ras il-għajn ġewwa ċerti Stati Membri;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar il-possibilità ta’ koordinament tal-UE biex jinbidlu ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri bl-għan li jaqblu aktar mal-objettivi tal-Kunsill Ewropew, u b’hekk l-evitar fiskali jagħmluh aktar diffiċli;

15.

Ifakkar it-talba tiegħu għal żieda fit-trasparenza, u kontroll aktar strett biex jipprevjenu l-użu ta’ rifuġji fiskali, li huma ġurisdizzjonijiet barranin li ma jikkoperawx, karatterizzati b’mod partikolari minn nuqqas ta’ taxxi jew taxxi nominali, nuqqas ta’ skambju effettiv tal-informazzjoni ma’ awtoritajiet fiskali barranin u nuqqas ta’ trasparenza fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, ġuridiċi jew amministrattivi,jew identifikati bħala tali mill-OECD jew mit-Task Force għall-Azzjoni Finanzjarja;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2012)0030.


Top