EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0333

Is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u l-Afrika ta’ Fuq Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta’ Lulju 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u fl-Afrika ta’ Fuq

OJ C 33E, 5.2.2013, p. 158–165 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 33/158


Il-Ħamis 7 ta’ Lulju 2011
Is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u l-Afrika ta’ Fuq

P7_TA(2011)0333

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u fl-Afrika ta’ Fuq

2013/C 33 E/16

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn, b'mod partikolari dwar il-qagħda fis-Sirja, il-Baħrejn u l-Jemen tas-7 ta’ April 2011 (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar tas-7 ta’ April 2011 (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni (VP/RGħ) dwar is-Sirja, tat-18, 22, 24 u s-26 ta’ Marzu, tat-23 ta’ April, tas-6 u l-11 ta’ Ġunju 2011; u dwar il-Jemen tal-10, 12 u t-18 ta’ Marzu, tas-27 ta’ April, tal-11, is-26 u l-31 ta’ Mejju u tat-3 ta’ Ġunju 2011, u dwar il-Baħrejn tal-10, it-12 u t-18 ta’ Marzu, it-3 ta’ Mejju u l-1 ta’ Lulju 2011,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-VP/RGħ f'isem l-UE dwar is-Sirja tad-29 ta’ April 2011,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-25 ta’ Mejju 2011, dwar ir-"Rispons ġdid għal viċinat li qed jinbidel" li tikkomplimenta l-Komunikazzjoni Konġunta tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar "Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran",

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Vicinat tan-Nofsinhar tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2011,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-Sirja tad-29 ta’ April 2011,

wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/273/PESK tad-9 ta’ Mejju 2011, 2011/302/PESK tat-23 ta’ Mejju 2011 u 2011/367/PESK tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar is-Sirja,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-23 ta’ Mejju u tal-20 ta’ Ġunju 2011,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Sirja tat-3 ta’ Ġunju 2011,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Ġunju 2011, tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, dwar is-sentenzi kontra 21 attivista politiku Baħrejni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-kapijiet tal-oppożizzjoni,

wara li kkunsidra r-rapport preliminari tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-Sirja tal-14 ta’ Ġunju 2011,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1990,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u t-Trattament jew Piena oħra Krudila, Inumana jew Degradanti tal-1975,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2004, kif aġġornati fl-2008,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi, id-dimostrazzjonijiet paċifiċi fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani esprimew aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi u talbiet qawwija għal riformi istituzzjonali, politiċi, ekonomiċi u soċjali mmirati lejn il-kisba ta’ demokrazija ġenwina, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u n-nepotiżmu, l-iżgurar tar-rispett tal-istat ta’ dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali, u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar,

B.

billi l-Komunikazzjoni Konġunta msemmija "Rispons ġdid għal Viċinat li qed jinbidel" tal-25 ta’ Mejju 2011 tieħu approċċ ġdid, billi teżamina mill-ġdid l-implimentazzjoni tal-prinċipji bażiċi li jiggvernaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, b'mod partikolari l-valuri universali tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, li jinsabu fil-qalba tal-Politika tal-Viċinat, filwaqt li tirrifletti l-ħtieġa tal-UE li tappoġġa l-bidliet demokratiċi fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani,

Is-Sirja

C.

billi sa mill-bidu tar-ripressjoni fis-Sirja f'Marzu 2011, il-vjolenza kompliet tikber u l-forzi tas-sigurtà qegħdin jirreaġixxu għall-protesti kontinwi, b'arresti tal-massa u b'żieda fil-brutalità, bil-qtil ta’ aktar minn 400 ċittadin fil-provinċja ta’ Daraa waħedha u possibiliment ta’ aktar minn 1 000 ruħ madwar is-Sirja kollha,

D.

billi vidjows reċenti, li kienu mxandra madwar id-dinja, urew stampi inkwetanti ta’ tfal detenuti arbitrarjament fis-Sirja li sfaw vittmi tat-tortura jew trattament ħażin, li f'ċerti każi wasslet għall-mewt tagħhom, bħal fil-każ ta’ Hamza al-Khateeb, tifel ta’ 13-il sena; billi, b'żieda ma’ dan, l-użu ta’ munizzjon attiv kontra d-dimostranti diġà wassal għall-imwiet ta’ mill-anqas 30 tifel, kif rappuratat mill-UNICEF, l-aġenzija tan-NU għat-tfal, fil-31 ta’ Mejju 2011,

E.

billi l-President Bashar al-Assad, fit-tielet indirizz tiegħu fl-20 ta’ Ġunju 2011, qal li djalogu nazzjonali se jsawwar il-ġejjieni tas-Sirja; billi minkejja impenji ripetuti għall-implimentazzjoni ta’ riformi u bidliet politiċi fis-Sirja, l-awtoritajiet ma ħadu l-ebda pass kredibbli biex iwettquhom; billi diġà ġew dokumentati aktar minn 800 każ tal-għajbien furzat u 11 000 każ ta’ detenzjoni arbitrarja, mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem,

F.

billi fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2011 adotta deċiżjoni u regolament li jimponi miżuri restrittivi fuq seba' persuni oħrajn li żdiedu mal-lista stipulata fid-9 ta’ Mejju 2011, li daħħlet miżuri speċjali, bħall-projbizzjoni tal-viża u l-iffriżar tal-assi u li imponiet ukoll embargo fuq l-armi u tgħamir li jista' jintuża fir-ripressjoni interna, kontra l-erba' entitajiet assoċjati mar-reġim Sirjan,

G.

billi l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra, għadu jrid jiġi ffirmat; billi l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim ġie pospost fuq talba tas-Sirja minn Ottubru 2009, u l-Kunsill kien diġà ddeċieda li ma jieħux passi ulterjuri; billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jikkostitwixxi parti essenzjali ta’ dan il-Ftehim,

H.

billi hemm riskju serju ta’ żieda f'attakki vjolenti minn gruppi estremisti, inkluż minn gruppi armati tal-jihadi; billi huwa importanti li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-komunitajiet reliġjużi differenti fis-Sirja, inkluż in-numru kbir ta’ refuġjati Iraqqin li waslu fil-pajjiż,

I.

billi, wara l-assedju ta’ Daraa, il-forzi tas-sigurtà nedew operazzjoni u kampanja militari fuq skala kbira ta’ arresti arbitrarji fl-irħula qarib; billi hu stmat li madwar 12 000 Sirjan minn Jisr al-Shughour u mill-inħawi tal-viċin qasmu l-fruntiera bejn is-Sirja u t-Turkija, wara biża ta’ ripressjonijiet mill-forzi tas-sigurtà, u skont in-Nofs Qamar l-Aħmar hemm 17 000 oħra li qegħdin jistennew biex jaqsmu l-fruntiera,

Il-Jemen

J.

billi s-sitwazzjoni fil-Jemen tibqa' waħda ta’ tħassib serju wara xhur ta’ vjolenza u taqlib li kkawżaw sofferenza sostanzjali fuq il-poplu tal-Jemen, u wasslet għal telf ta’ ħajja u ġrieħi serji, u għall-arrest ta’ dimostranti, kif ukoll l-iggravar ta’ kriżi ekonomika u politika fil-pajjiż,

K.

billi l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) nieda pjan għat-trasferiment paċifiku tal-poter, li ma ġiex iffirmat mill-President tal-Jemen, Ali Abdullah Saleh,

L.

billi tul l-attakki reċenti fuq il-kwartieri tiegħu fit-3 ta’ Ġunju 2011, il-President Saleh kien ferut serjament u issa qiegħed jirċievi trattament mediku fl-Arabja Sawdija; billi l-poter kien ittrasferit temporanjament lill-Viċi President tal-pajjiż, Abd Rabbuh Mansur Hadi,

M.

billi l-Jemen hu l-ifqar pajjiż fil-Lvant Nofsani, b'malnutrizzjoni mifruxa, riżervi taż-żejt li qed jonqsu, popolazzjoni li qed tikber, gvern ċentrali dgħajjef, nuqqas dejjem akbar ta’ ilma u ftit investiment fl-ekonomija tal-pajjiż; billi hemm tħassib serju dwar id-diżintegrazzjoni tal-istat Jemenit, b'waqfien mill-ġlied fraġli li ilu fis-seħħ minn Frar mar-ribelli Xiti fit-Tramuntana, moviment seċessjonista fin-Nofsinhar u ħafna ġellieda ta’ Al Qaeda li huma rrappurtati li jużaw il-Jemen bħala kenn,

Il-Baħrejn

N.

billi l-istat tas-sikurezza nazzjonali fil-Baħrejn tneħħa fl-1 ta’ Ġunju 2011 u r-Re Hamad Bin Isa al-Khalifa għamel appell għal djalogu nazzjonali, li nbeda fit-2 ta’ Lulju 2011,

O.

billi fid-29 ta’ Ġunju 2011 twaqqfet kummissjoni indipendenti mir-Re Hamad sabiex tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tul ir-ripressjonijiet riċenti tal-gvern kontra d-dimostranti favur ir-riforma,

P.

billi fit-22 ta’ Ġunju 2011 il-Qorti tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Baħrejn, li hija qorti militari, ħabbret il-verdett tagħha kontra 21 attivist tal-oppożizzjoni tal-Baħrejn, inkluż sebgħa minnhom in absentia; billi tmien attivisti tal-oppożizzjoni ngħataw sentenza ta’ għomorhom il-ħabs u 13 oħra ngħataw sentenzi ta’ ħabs sa 15-il sena talli "ikkonfoffaw biex iwaqqgħu l-gvern"; billi bosta attivisti politiċi oħrajn, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti ġew miżmuma tul il-protesti reċenti favur ir-riforma, u billi skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem dawn ġew ittorturati, trattati ħażin u abbużati,

Q.

billi fit-22 ta’ Mejju 2011, il-kundanni għall-mewt kontra żewġt irġiel, Ali ‘Abdullah Hassan al-Sankis u Abdulaziz ‘Abdulridha Ibrahim Hussain, għall-qtil ta’ żewġ pulizija tul protesti kontra l-gvern fil-Baħrejn ġew ikkonfermati mill-Qorti tal-Appell tas-Sikurezza Nazzjonali; billi l-eżekuzzjoni tagħhom kienet posposta sa Settembru,

R.

billi 47 bejn tobba u infermiera mill-Baħrejn kienu akkużati b'"inċitament għat-twaqqigħ tar-reġim bil-forza" u qegħdin jiffaċċjaw proċess quddiem qorti militari tal-Baħrejn; billi l-professjonisti mediċi ttrattaw lill-persuni feruti kollha bl-istess mod, fir-rispett tal-kodiċi tal-etika tal-professjoni tagħhom,

S.

billi fuq talba tal-gvern tal-Baħrejn, ġew skjerati forzi barranin fil-Baħrejn taħt il-bandiera tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC),

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-użu sproporzjonat tal-vjolenza mir-reġimi, kontra d-dimostranti paċifiċi u jiddeplora l-għadd kbir ta’ persuni li nqatlu jew ndarbu; iwassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u l-midruba; jitlob it-tmiem minnufih ta’ tixrid tad-demm u r-rilaxx tal-persuni arrestati; jitlob li ssir investigazzjoni dwar il-qtil, l-arresti u l-allegati torturi;

2.

Ifaħħar liċ-ċittadini għall-kuraġġ muri fid-dimostrazzjonijiet tagħhom għall-bidla demokratika, b'mod partikolari n-nisa li kienu u li spiss jibqgħu fuq quddiem nett tal-protesti;

3.

Jistieden lill-mexxejja politiċi fil-pajjiżi Għarab jonoraw l-impenji tagħhom billi jipparteċipaw fi djalogu politiku miftuħ u kostruttiv li jinvolvi l-partiti u movimenti politiċi demokratiċi kollha kif ukoll lis-soċjetà ċivili mingħajr dewmien jew pre-kundizzjoni, hu mmirat għat-tħejjija tat-triq għal demokrazija ġenwina, u għall-implimentazzjoni ta’ riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali reali, u ambizzjużi, li huma essenzjali għall-istabbilità u l-iżvilupp fit-tul f'dawn il-pajjiżi u f'dan ir-reġjun kollu kemm hu;

Is-Sirja

4.

Jikkundanna bil-qawwa ż-żieda qawwija ta’ vjolenza fis-Sirja u t-tkomplija ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-assedji imposti fuq numru ta’ bliet, bħal Daraa, Jisr al-Shughour u Hama, arresti tal-massa, qtil extraġudizzjarju, detenzjoni arbitrarja, allegazzjonijiet ta’ għajbien furzat u tortura;

5.

Jiddeplora l-fatt li t-tneħħija tal-istat ta’ emerġenza mħabbar fil-21 ta’ April, 2011 u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ riformi oħrajn imwiegħda mill-President Assad, u li l-priġunieri politiċi għadhom taħt arrest minkejja l-amnestija reċenti mħabbra mill-President; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-Sirja jwaqqfu minnufih l-assedju ta’ bliet affettwati u jippermettu aċċess rapidu u mingħajr xkiel għall-aġenziji u l-ħaddiema umanitarji;

6.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-Sirja u lill-President Bashar al Assad biex itemmu l-qtil ta’ dimostranti mhux armati u biex jeħilsu minnufih mill-arrest lid-dimostranti, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u priġunieri politiċi; jistieden lill-forzi demokratiċi kollha u lill-atturi tas-soċjetà ċivili biex jipparteċipaw fi proċess politiku immedjat u ġenwin sabiex jikkontribwixxu għal transizzjoni demokratika fis-Sirja msejsa fuq aġenda ta’ riformi fundamentali reali u fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

7.

Jitlob lill-awtoritajiet tas-Sirja jippermettu d-dħul tal-istampa barranija fil-pajjiż biex din tivverifika l-allegazzjonijiet kollha ta’ "gruppi ta’ estremisti armati" li qegħdin jisparaw kontra l-forzi tas-sigurtà, li tirrappreżenta l-ġustifikazzjoni tar-reġim għat-tixrid ta’ demm inaċċettabbli li qiegħed iseħħ; jistieden lill-awtoritajiet tas-Sirja jikkooperaw bis-sħiħ u jipprovdu aċċess mingħajr xkiel lill-uffiċċju tal-Kummissarju Għoli u lill-mekkaniżmi oħrajn tan-NU;

8.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-Sirja sabiex minnufih jeħilsu lit-tfal kollha arrestati tul ir-ripressjoni tad-dimostrazzjonijiet u tul avvenimenti relatati, biex jinvestigaw bir-reqqa r-rapporti ta’ każijiet ta’ vjolenza kontra t-tfal u biex jieqfu milli jwettqu aktar arresti u vjolenza kontra t-tfal u minn kull ksur ta’ drittijiet tat-tfal;

9.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jimponi miżuri restrittivi fuq is-Sirja u fuq il-persuni responsabbli mir-ripressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili, jissospendi t-tħejjijiet għall-programmi ta’ kooperazzjoni bilaterali ġodda, jissospendi l-programmi bilaterali li għadhom għaddejjin mal-awtoritajiet tas-Sirja skont l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) u l-istrument MEDA, jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex għalissa ma japprovax operazzjonijiet ta’ finanzjament ġodda fis-Sirja, biex jikkunsidra s-sospensjoni ta’ għajnuna Komunitarja ulterjuri għas-Sirja fid-dawl tal-iżviluppi attwali u biex ma jieħux aktar passi rigward il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mas-Sirja; japoġġa ġabra ta’ sanzjonijiet intelliġenti adottati mill-Kunsill u jistieden lill-Kunsill jieħu inizjattiva diplomatika qawwija biex jikkonvinċi l-pajjiżi l-oħra jadottaw l-istess sanzjonijiet; hu tal-fehma li l-Kunsill għandu jkompli jestendi s-sanzjonijiet immirati lejn il-persuni kollha u l-entitajiet kollha marbuta mar-reġim bil-għan li ddgħajjifhom u tiżolahom filwaqt li twitti t-triq għal tranżizzjoni demokratika;

10.

Jappoġġja bil-qawwa l-isforzi diplomatiċi tal-UE flimkien mas-sħab tagħha fil-komunità internazzjoni biex tiżgura li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) jikkundanna l-vjolenza kontinwa fis-Sirja, jirrifjuta l-impunità u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-Sirja jwettqu l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan; jiddispjaċih għall-fatt li s'issa dawn l-isforzi ma kienux ta’ suċċess u li r-riżoluzzjoni ma setgħatx tiddaħħal; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lir-VP/RGħ jkomplu jaħdmu flimkien mas-sħab internazzjonali biex jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-KSNU fis-sitwazzjoni fis-Sirja u għall-implimentazzjoni mill-awtoritajiet Sirjani tar-responsabilità tagħhom li jipproteġi l-popolazzjoni tas-Sirja;

11.

Jilqa' l-politika tat-Turkija li żżomm il-fruntieri miftuħa għar-refuġjati Sirjani u l-organizzazzjoni u l-mobilizzazzjoni mħaffa tar-riżorsi tan-Nofs Qamar l-Aħmar;

12.

Jilqa' r-rikonoxximent mill-UE tal-isforzi tat-Turkija u tas-sħab reġjonali l-oħrajn fit-trattament tagħhom tal-aspetti differenti tal-kriżi, b'mod partikolari l-aspetti umanitarji, u jiddikjara li ser jaħdem magħhom biex jindirizza s-sitwazzjoni fis-Sirja; jistieden lit-Turkija u lill-UE biex ikabbru l-isforzi tagħhom ta’ koordinament tal-politika barranija u jħeġġeġ bil-qawwa t-tfittxija ta’ sforzi mmirati ta’ appoġġ għad-demokratizzazzjoni u l-iżvilupp fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq;

13.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex minnufih jipprovdu għajnuna u appoġġ lill-awtoritajiet tat-Turkija u tal-Libanu fl-isforzi tagħhom biex jimmaniġġjaw l-kriżi umanitarja tul il-fruntieri tagħhom mas-Sirja, bil-ħolqien ta’ kuridur umanitarju fil-livell tan-NU;

14.

Jistieden lir-RGħ/VP, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jħeġġu lill-movimenti demokratiċi tal-oppożizzjoni ġewwa u barra mill-pajjiż; jitlob, f'dan ir-rigward, għal tnedija urġenti ta’ djalogu politiku ġenwin li jwassal għal transizzjoni demokratika profonda fis-Sirja;

Il-Jemen

15.

Jikkundanna bil-qawwa l-attakki armati reċenti fil-Jemen, inkluż l-attakk tat-3 ta’ Ġunju 2011 fuq il-kwartieri presidenzjali; jistieden lill-partijiet kollha jtemmu l-ostilitajiet kollha, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jirrispettaw waqfien mill-ġlied permanenti;

16.

Jilqa' l-impenn tal-Viċi President Abd Rabbuh Mansur Hadi li jirrispetta l-waqfien mill-ġlied, id-demilitarizzazzjoni tal-bliet tal-Jemen u biex jiżgura l-protezzjoni għal kull protesta u dimostrazzjoni paċifika oħra;

17.

Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Jemen, jilqa' pożittivament l-aspirazzjonijiet tagħhom għal bidla demokratika fil-pajjiż u jappoġġa l-isforzi tal-GCC fejn dawn ikunu ffukati fuq is-sejbien ta’ soluzzjoni nnegozjata, li timplika r-riżenja tal-President Saleh u tal-membri tal-familja tiegħu li għadhom iżommu pożizzjonijiet ta’ poter, fil-qafas ta’ sistema politika aktar inklusiva mmirata biex jittaffa l-faqar u jitjiebu l-kundizzjoniiet tal-għajxien tal-parti l-kbira tal-popolazzjoni;

18.

Jiddeplora l-falliment tal-awtoritajiet tal-Jemen li jiżguraw il-passaġġ sikur ta’ diplomatiċi mill-Ambaxxata tal-Emirati Għarab Magħquda f'Sana'a fit-22 ta’ Mejju 2011, inkluż is-Segretarju Ġenerali tal-GCC u l-Ambaxxaturi tal-Istati Membri tal-GCC, tal-UE, tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti; jistieden lill-awtoritajiet tal-Jemen jirrispettaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi;

19.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ rapporti ta’ progress mill-kumitat ta’ livell għoli maħtur mill-Gvern tal-Jemen biex jinvestiga l-attakk fuq id-dimostranti fit-18 ta’ Marzu 2011 f'Sana'a, fejn inqatlu 54 persuna u aktar minn 300 ġew midruba; itenni t-talba tiegħu lir-RGħ/VP biex jappoġġja t-talbiet għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar dan l-inċident;

20.

Jilqa' l-missjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) għall-Jemen, li evalwa s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u se jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Gvern tal-Jemen u lill-komunità internazzjonali;

Il-Baħrejn

21.

Jikkundanna r-ripressjoni fil-Baħrejn u jħeġġeġ il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tad-dimostranti paċifiċi kollha inkluż l-attivisti politiċi, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tas-47 tabib u infermiera mill-Baħrejn li kienu qegħdin iwettqu d-dover professjonali tagħhom; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sentenzi ta’ għomor il-ħabs għal tmien attivisti tal-oppożizzjoni u għas-sentenzi ta’ ħabs ta’ 15-il sena għal 13 oħra;

22.

Jilqa' t-tneħħija tal-"istat ta’ sikurezza nazzjonali" fil-Baħrejn kif ukoll is-sejħa għal djalogu nazzjonali magħmula mir-Re Hamad Bin Isa al-Khalifa; iqis li d-djalogu nazzjonali mniedi mir-Re Hamad jista' jseħħ biss bil-parteċipazzjoni tal-forzi politiċi kollha inkluż tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili bil-għan li titħejja t-triq għal demokrazija u riformi politiċi ġenwini fil-Baħrejn;

23.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex jibdlu s-sentenzi tal-mewt ta’ Ali ‘Abdullah Hassan al-Sankis u ta’ ‘Abdulaziz ‘Abdulridha Ibrahim Hussain, u biex jerġgħu jdaħħlu d-de facto moratorium fuq il-piena kapitali;

24.

Jieħu nota pożittiva tad-deċiżjoni tar-Re Hamad li joħloq kummissjoni indipendenti li tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tul ir-ripressjonijiet reċenti mill-gvern kontra dimostranti favur ir-riforma; iħeġġeġ l-imparzjalità u t-trasparenza totali tal-kummissjoni u jistieden lill-gvern tal-Baħrejn ma jindaħalx f'ħidmietha;

25.

Jilqa' l-ħolqien ta’ Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp Soċjali fil-Baħrejn u jitlob lill-Ministeru jaġixxi skont l-obbligi u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

26.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-preżenza ta’ truppi barranin taħt il-bandiera tal-GCC fil-Baħrejn; itenni t-talba lill-GCC biex jikkontribwixxi r-riżorsi tiegħu bħala parteċipant kollettiv reġjonali biex jaġixxi b'mod kostruttiv u jagħmilha ta’ medjatur fl-interess ta’ riformi paċifiċi fil-Baħrejn;

Id-Dinja Għarbija u l-Afrika ta’ Fuq

27.

Jilqa' l-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika fl-Eġittu u fit-Tuneżija, bħala l-ewwel eżempji tal-proċess ta’ demokratizzazzjoni attwali u tal-mewġa l-ġdida ta’ parteċipazzjoni miċ-ċittadini, u b'mod speċjali taż-żgħażagħ fid-dinja Għarbija; jappoġġja bil-qawwa l-aspirazzjonijiet tal-poplu għal-libertà, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jitlob għal proċess elettorali trasparenti, ġust u ħieles fiż-żewġ pajjiżi li jqis iċ-ċirkostanzi individwali tagħhom; jistieden lill-komunità internazzjonali twettaq aktar sforzi biex issostni u tħeġġeġ il-proċess ta’ riforma politika fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani;

28.

Itenni l-impenn tal-komunità internazzjonali favur il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili fil-Libja, inkluż permezz tal-intensifikazzjoni tal-pressjoni fuq ir-reġim Libjan, u l-appoġġ għall-bini ta’ stat demokratiku Libjan; jilqa' d-deċiżjoni tal-UE li tintensifika s-sanzjonijiet tagħha kontra r-reġim biż-żieda ta’ sitt awtoritajiet portwali taħt il-kontroll tar-reġim mal-lista ta’ ffriżar tal-assi tal-UE; itenni t-talba tiegħu lill-Kurunell Muammar Mohammed Abu Minyar Gaddafi biex iċedi l-poter minnufih;

29.

Hu mħasseb dwar id-diffikultajiet iffaċċjati mill-popolazzjoni tal-Libja, minħabba nuqqas ta’ ikel, nuqqas ta’ aċċess għal għajnuna medika u n-nuqqas ta’ flussi ta’ kapital fis-salarji u bħala tweġiba għall-ħtiġijiet amministrattivi differenti; jitlob lir-RGħ/VP u lill-Istati Membri tal-UE jaġixxu minnufih biex jipprovdu lill-Kunsill Transizzjonali Nazzjonali b'parti mill-assi Libjani ffriżati, b'awtorizzazzjoni u taħt is-superviżjoni tal-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għas-Sanzjonijiet, sabiex jiġu żgurati l-bżonnijiet ta’ emerġenza;

30.

Jistieden lill-Kunsill u lir-RGħ/VP biex jieħdu aktar inizjattivi biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt b'kunsiderazzjoni tal-mandat ta’ arrest reċenti tal-QKI kontra l-Kurunell Gaddafi, ibnu Saif al-Islam u Abdullah al-Sanussi;

31.

Jilqa' l-proċess ta’ riformi fil-Marokk, u b'mod partikolari r-riforma kostituzzjonali proposta li tressqet f'referendum, bħala pass fid-direzzjoni t-tajba għall-ftuħ tas-sistema ta’ governanza, ta’ modernizzazzjoni u ta’ demokratizzazzjoni; jistieden lill-partiti politiċi fil-Marokk biex iwettqu rwol attiv f'dan il-proċess ta’ bidla; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili u l-partiti politiċi għandhom jibqgħu fil-qalba tal-proċess ta’ implimentazzjoni ta’ riformi kontinwu, u jinnota li l-Marokk kien l-ewwel pajjiż fir-reġjun li ngħata Status Avvanzat fir-relazzjonijiet mal-UE;

32.

Jinnota l-aħbar pożittiva mill-President tal-Alġerija dwar it-tnedija ta’ proċess ta’ tħejjija għad-demokratizzazzjoni u għall-iżgurar ta’ governanza aħjar tal-pajjiż, inkluż it-tneħħija tal-istat ta’ emerġenza u tar-riforma kostituzzjonali ppjanata; jenfasizza l-ħtieġa li jitħaffu dawn l-inizjattivi u jitlob impenn qawwi mill-awtoritajiet tal-Alġerija għal dan il-proċess ta’ riformi, li għandu jkun inklusiv u miftuħ għas-soċjetà ċivili;

33.

Jilqa' l-impenn tal-awtoritajiet tal-Ġordan għal riformi politiċi, u b'mod partikolari għar-rieżami tal-Kostituzzjoni tal-Ġordan u l-ħidma tal-Kumitat ta’ Djalogu Nazzjonali; ifaħħar l-isforzi mwettqa mill-awtoritajiet tal-Ġordan u jenfasizza l-ħtieġa għall-implimentazzjoni reali tar-riformi; jinnota li l-UE qablet li tagħti lill-Ġordan sħubija bi "Status Avvanzat" fl-2010;

34.

Jenfasizza li d-dritt tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem li għandu jkun garantit mill-awtoritajiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jipprovdu protezzjoni affidabbli u effikaċi għad-denominazzjonijiet reliġjużi li jinsabu f'pajjiżhom u jiżguraw is-sikurezza personali u l-integrità fiżika tal-membri tad-denominazzjonijiet reliġjużi kollha;

35.

Jappoġġja bil-qawwa l-pożizzjoni tal-Kunsill li l-Politika Ewropea tal-Viċinat għandha tkun ugwali għall-isfidi l-ġodda fil-Viċinat tan-Nofsinhar; jilqa' l-impenn tal-UE u l-Istati Membri biex jakkompanjaw u jappoġġjaw sforzi reali mill-gvernijiet li qegħdin iwettqu riformi politiċi u ekonomiċi b'mod attiv, kif ukoll is-soċjetajiet ċivili; jilqa' l-ħolqien ta’ Task Force għall-Mediterran tan-Nofsinhar mir-RGħ/VP;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isegwu approċċ differenzjat ibbażat fuq politika ta’ "aktar għal aktar" kif mfassla mill-Komunikazzjoni Konġunta tal-25 ta’ Mejju 2011 rigward il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, li skontha għandu jiġi ppremjat il-progress reali lejn id-demokrazija, l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti, u fuq kollox id-drittijiet tal-bniedem;

37.

Jistieden lill-Unjoni Ewropea tkompli tipprovdi l-għajnuna umanitarja meħtieġa għall-persuni mċaqalqa fir-reġjun, li ħafna minnhom issa jgħixu bħala refuġjati fil-fruntieri ta’ pajjiżhom;

38.

Jilqa' s-"Sħubija Deauville" mal-popli tar-reġjun li tnediet mill-membri tal-G8; jinnota li l-ewwel "Pajjiżi Sħab" se jkunu l-Eġittu u t-Tuneżija; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE jikoordinaw l-isforzi tagħhom mal-membri tal-G8 li jinsabu lesti li jestendu din is-Sħubija lill-pajjiżi kollha fir-reġjun li qegħdin jipparteċipaw fi transizzjoni lejn soċjetajiet ħielsa, demokratiċi u tolleranti;

*

* *

39.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Jemen, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Baħrejn, lill-Kunsill Transizzjonali Nazzjonali, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Marokk, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Ġordan, lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, lill-Gvern tar-Repubblika tat-Tuneżija, lis-Segretarju Ġenerali tal-GCC u lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2011)0148.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2011)0109.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2011)0154.


Top