EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0239

Ftehim dwar l-ajru UE-Stati Uniti Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ Ġunju 2010 dwar il-ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti

OJ C 236E, 12.8.2011, p. 121–124 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/121


Il-Ħamis 17 ta’ Ġunju 2010
Ftehim dwar l-ajru UE-Stati Uniti

P7_TA(2010)0239

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar il-ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti

2011/C 236 E/20

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-test tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra, li ra l-bidu fil-25 ta’ Marzu 2010 (“il-Ftehim tat-tieni stadju”),

wara li kkunsidra riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar it-tnedija ta’ negozjati għal ftehimiet dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Jannar tal-2009 dwar koperazzjoni fit-treġija tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta’ Marzu u tal-11 ta’ Ottubru tal-2007 dwar il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika (3) (“il-Ftehim tal-ewwel stadju”),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2006 dwar l-iżvilupp tal-aġenda tal-politika barranija tal-avjazzjoni tal-Komunita (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura,

A.

billi l-Ftehim tal-ewwel stadju, li daħal f’applikazzjoni proviżorja fit-30 ta’ Marzu 2008, kien fih klawsola ta’ sospensjoni li tista’ tibda tapplika jekk ma jkunx hemm Ftehim tat-tieni stadju sa Novembru 2010,

B.

billi l-ftehim tal-ewwel stadju kien biss l-ewwel pass fil-ftuħ tas-swieq tal-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, li jimpenja bis-sħiħ liż-żewġ naħat għal negozjati ulterjuri dwar il-kontinwazzjoni tal-aċċess miftuħ għas-swieq u jiġu mmassimizzati l-benefiċċji għall-konsumaturi, il-linji tal-ajru, il-ħaddiema u l-komunitajiet, u jiġu indirizzati kwistjonijiet li jinkludu l-faċilitizzazzjoni tal-investiment ħalli jkunu jistgħu jiġu riflessi aħjar ir-realtajiet tal-industrija globali tal-avjazzjoni, it-tisħiħ tas-sistema ta’ trasportazzjoni transatlantika bl-ajru u t-twaqqif ta’ qafas li jinkoraġġixxi lil pajjiżi oħrajn jiftħu s-swieq tagħhom tas-servizzi tal-ajru,

C.

billi n-negozjati mnedija f'Mejju 2008 wasslu għal ftehim preliminari fil-25 ta’ Marzu 2010,

D.

billi l-ftuħ tas-swieq tal-avvjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika li, meta jitqiesu flimkien, jissarrfu f'madwar 60 % tat-traffiku dinji tal-ajru, għandu jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi fuq iż-żewġ naħiet tal-Atlantiku, u jagħti benefiċċji ekonomiċi sostanzjali u joħloq l-impjiegi,

Il-Prinċipji ġenerali

1.

Jinnota l-ftehim preliminari tal-25 ta’ Marzu 2010 li jista’jikkonsolida kemm l-avvanzi fl-aċċess għas-suq inklużi fil-Ftehim tal-ewwel stadju kif ukoll joffri kooperazzjoni regolatorja mtejba;

2.

Ifakkar li varji aspetti tar-regolamentazzjoni tal-avjazzjoni, inklużi r-restrizzjonijiet tal-ħoss u l-limitazzjonijiet tat-titjiriet ta’ bil-lejl, għandhom jiġu ddeterminati f'livell lokali, b'rispett sħiħ lejn il-prinċipju tas-sussidjarjetà, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tikkoordina dawn il-kwistjonijiet f'livell Ewropew, billi tqis il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, ħalli tissokta bin-negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika u ssolvi wkoll il-kwistjonijiet l-oħrajn marbutin ma’ dawn il-problemi, bħalma huwa l-kabotaġġ;

Il-ftuħ tas-suq

3.

Jiddispjaċih min-nuqqas ta’ progress sostantiv fit-tneħħija ta’ limitazzjonijiet regolatorji skaduti fil-qasam tal-investiment barrani, u jqis li dan se jħalli r-restrizzjonijiet żbilanċjati attwali fil-kuntest tas-sjieda u l-kontroll barranin fl-Istati Uniti;

4.

Ifakkar li l-għan finali tal-ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti huwa l-ftuħ totali tas-suq mingħajr ebda restrizzjonijiet miż-żewġ naħat;

5.

Jinnota l-aċċess limitat li l-kumpaniji tal-ajru tal-UE se jakkwistaw għat-traffiku tal-Istati Uniti ffinanzjat mill-Gvern (“Fly America Programme”) u jfakkar li l-gvernijiet nazzjonali tal-UE ma għandhomx dispożizzjonijiet simili;

Il-konverġenza, is-sigurtà u s-sikurezza regolatorja

6.

Iħeġġeġ lill-Kumitat Konġunt biex jiżviluppa proposti addizzjonali għar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet regolatorji b'konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar;

7.

Jorbot importanza kbira mal-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp tas-sistemi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropej u tal-Istati Uniti (“SESAR” u “Next Gen”) bil-għan li tinkiseb l-interoperabilità u l-kompatibilità kif ukoll biex jitnaqqas l-impatt ambjentali.

8.

Jilqa’ l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika għall-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni fil-livelli kollha;

9.

Jiddispjaċih li ebda passi ulterjuri ma ttieħdu fir-rigward tal-kwistjonijiet marbuta mal-istazzjonijiet ta’ tiswija barranin;

10.

Itenni l-importanza tal-lista s-sewda Ewropea għal kumpaniji tal-ajru li mhumiex ta’ standard xieraq u tas-sistema tal-Istati Uniti li tissorvelja l-istandards tal-kumpaniji tal-ajru u jistieden liż-żewġ partijiet biex jaqsmu informazzjoni f'dan il-qasam;

11.

Jenfasizza li l-privatezza taċ-ċittadini Ewropej u tal-Istati Uniti għandha tiġi rispettata meta jkun hemm skambju bejn l-UE u l-Istati Uniti ta’ data personali tal-passiġġieri, skont il-kriterji mitluba mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010; jenfasizza f'dan ir-rigward l-urġenza li jinkisbu standards mad-dinja kollha dwar protezzjoni tad-data u dwar il-privatezza;

12.

Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq l-istat tad-dritt u li t-trasferimenti kollha tad-data personali mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għal raġunijiet ta’ sigurtà għandhom ikunu bbażati fuq ftehimiet internazzjonali bl-istatus ta’ atti leġiżlattivi, sabiex ikun hemm is-salvagwardji neċessarji għaċ-ċittadini tal-UE, jiġu rispettati l-garanziji proċedurali u d-drittijiet ta’ difiża, u sabiex ikun hemm konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data fil-livell nazzjonali u dak Ewropew;

13.

Jenfasizza l-importanza taċ-ċertezza legali għaċ-ċittadini u l-linji tal-ajru tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti tal-Amerika, kif ukoll il-bżonn ta’ standards armonizzati għal dawn tal-aħħar;

14.

Jinnota l-importanza ta’ konsultazzjoni u kooperazzjoni fir-rigward ta’ miżuri tas-sigurtà iżda jwissi kontra miżuri eċċessivi jew mhux ikkoordinati li mhumiex ibbażati fuq evalwazzjoni adegwata tar-riskju;

15.

Itenni mill-ġdid l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Uniti tal-Amerika biex jirrevedu l-effiċjenza tal-miżuri tas-sigurtà addizzjonali adottati mill-2001 sabiex jeliminaw l-irduppjar u l-lakuni fil-katina tas-sigurtà;

16.

Jippromwovi l-kunċett ta’ “kontroll wieħed tas-sigurtà”, aktar milli jsir kontroll mill-ġdid fuq il-passiġġieri u l-bagalji ma’ kull trasferiment;

L-ambjent

17.

Jirrikonoxxi li s-settur tal-avjazzjoni għandu ħafna effetti ambjentali negattivi, b'mod partikulari bħala sors ta’ storbju u bħala kontributur għat-tibdil tal-klima, u li dawn l-effetti se jiżdiedu bit-tkabbir tal-avjazzjoni;

18.

Jinnota li l-istqarrija konġunta dwar il-kooperazzjoni ambjentali hija ta’ importanza kruċjali fl-indirizzar tal-impatti ambjentali tal-avjazzjoni internazzjonali, madankollu, jiddispjaċih li r-regolament ETS mhuwiex parti mill-ftehim preliminari; jinnota li jeħtieġ isiru taħdidiet addizzjonali mal-Istati Uniti bil-ħsieb tad-dħul fis-seħħ tal-ETS sal-2012;

19.

Jilqa’ l-ftehim biex jaħdmu flimkien fil-qafas tal-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali biex jitnaqqas l-istorbju u l-emissjonijiet tal-ajruplani flimkien mal-intenzjoni li tissaħħaħ il-kooperazzjoni teknika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti fl-oqsma tax-xjenza klimatika, l-iżvilupp tar-riċerka u t-teknoloġija, l-effiċjenza tal-fjuwil u t-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-trasport tal-ajru kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar it-tnaqqis tal-istorbju, filwaqt li jirrikonoxxu d-differenzi fiċ-ċirkostanzi lokali;

Il-politika soċjali

20.

Jilqa’ r-rikonoxximent tal-ftehim fir-rigward tal-importanza tad-dimensjoni soċjali u r-responsabilità mogħtija lill-Kumitat Konġunt biex jissorvelja l-effetti soċjali tal-Ftehim u jiżviluppa rispons xieraq kif meħtieġ;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-Ftehim sabiex tippromwovi l-konformità mal-leġiżlazzjoni internazzjonali relevanti dwar id-drittijiet soċjali, b'mod partikulari l-istandards tax-xogħol inkorporati fil-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO 1930-1999), il-linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali (1976, riveduti 2000) u l-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali tal-1980;

22.

Jinsisti li l-leġiżlazzjoni soċjali tal-UE għandha tiġi applikata għall-ħaddiema reklutati u/jew li jaħdmu fl-Istati Membri, b'mod partikulari d-Direttivi dwar il-konsultazzjoni u l-informazzjoni tal-impjegati (2002/14/KE, 98/59/KE u 80/987/KEE), id-Direttiva dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħinijiet tax-Xogħol tal-Ħaddiema Mobbli fl-Avjazzjoni Ċivili (2000/79/KE) u d-Direttiva dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (96/71/KE);

L-operazzjoni tal-Ftehim

23.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati rilevanti kollha jiġu infurmati bis-sħiħ u kkonsultati dwar ix-xogħol tal-Kumitat Konġunt;

24.

Ifakkar li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-kunsens tal-Parlament Ewropew huwa meħtieġ qabel il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam ta’ proċedura ordinarja (Artikolu 218(6));

25.

Jilqa' l-idea li jkun hemm laqgħat regolari bejn Membri tal-Parlament Ewropew u l-Kungress tal-Istati Uniti biex jiddiskutu l-kwistjonijiet relevanti kollha rigward il-politika tal-avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika;

26.

Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tibda l-proċess tat-tielet fażi bil-għan li jiġu nklużi l-punti li ġejjin, sal-31 ta’ Diċembru 2013:

a)

aktar liberalizzazzjoni ta’ drittijiet tat-traffiku;

b)

opportunitajiet ta’ investiment barrani addizzjonali;

c)

L-effet ta’ miżuri ambjentali u restrizzjonijiet infrastrutturali fuq l-eżerċizzju ta’ drittijiet tat-traffiku;

d)

koordinament aħjar għall-politiki dwar id-drittijiet tal-passiġġieri sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri;

*

* *

27.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta-Istati Membri, u lill-Kungress tal-Istati Uniti.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2010)0144.

(2)  Testi adottati, P6_TA(2009)0001.

(3)  Testi adottati, P6_TA(2007)0071 u P6_TA(2007)0428.

(4)  ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 84.


Top