EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0172

Semplifikazzjoni tal-PAK Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 18 ta’ Mejju 2010 dwar is-semplifikazzjoni tal-PAK (2009/2155(INI))

OJ C 161E, 31.5.2011, p. 32–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 161/32


It-Tlieta 18 ta’ Mejju 2010
Semplifikazzjoni tal-PAK

P7_TA(2010)0172

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2010 dwar is-semplifikazzjoni tal-PAK (2009/2155(INI))

2011/C 161 E/05

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2005 - Semplifikazzjoni u Regolamentazzjoni aħjar għall-Politika Agrikola Komuni (COM(2005)0509),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Marzu 2009 - PAK semplifikata għall-Ewropa – suċċess għal kulħadd (COM(2009)0128),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0051/2010),

A.

billi l-leġiżlazzjoni kollha trid tkun proporzjonata mal-objettiv u għandha tiddaħħal biss wara li ssir verifika sħiħa tal-impatt li tanalizza l-piż finanzjarju li tkun se timponi l-leġiżlazzjoni, u li tinkludi analiżi sħiħa tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż,

B.

billi s-semplifikazzjoni għandha l-ewwel u qabel kollox tkun ta’ benefiċċju għall-bdiewa u mhux biss għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-aġenziji tal-pagamenti fl-Istati Membri, kif ġie osservat b'mod predominanti,

C.

billi l-PAK il-ġdida għandha tippermetti lill-bdiewa jikkonċentraw fuq l-għan ewlieni tal-forniment ta’ ikel sigur, ta’ kwalità u traċċabbli filwaqt li tappoġġjahom wkoll biex jipprovdu prodotti pubbliċi li mhumiex tas-suq,

D.

billi l-objettiv għandu jkun ir-riduzzjoni tal-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-PAK filwaqt li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq il-produtturi Komunitarji, ħalli l-bdiewa jkunu jistgħu jiddedikaw aktar ħin jaħdmu r-raba’,

E.

billi l-PAK il-ġdida għandha tkun kompetittiva b'mod sostenibbli,

F.

billi jeħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm leġiżlazzjoni ċara u li tinftiehem u li tipprovdi ċertezza legali għall-awtoritajiet kompetenti u għall-bdiewa, u li tiġi eliminata l-leġiżlazzjoni bla bżonn,

G.

billi d-distribuzzjoni tal-pagament uniku għal kull azjenda agrikola għandha tiżgura l-ġustizzja,

H.

billi jinħtieġ qafas legali operattiv għall-ġestjoni tal-kwestjonijiet legali importanti li għandhom x’jaqsmu mal-PAK,

I.

billi l-KAP il-ġdida għandha tkun aktar orjentata lejn is-suq, in linja mar-riformi reċenti tal-politika agrikola komuni, u aktar iffokata fuq ir-riduzzjoni tal-protezzjoniżmu eċċessiv, filwaqt li żżomm disponibbli l-għodod biex tgħin lill-bdiew fi żminijiet ta’ volatilità ekonomika severa,

J.

billi l-PAK il-ġdida għandha tkun aktar sempliċi u sensittiva,

K.

billi l-leġiżlazzjoni għandha tkun aktar flessibbli, sabiex il-PAK tadatta ruħha b’mod li tirrikonoxxi reġjuni u territorji speċifiċi, mingħajr ma tipperikola l-karattru komuni tal-PAK,

L.

billi l-iskambju tal-aħjar prattika għandu jkun promoss fost l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali,

M.

billi l-Politika Agrikola Komuni għandha importanza ċentrali fl-UE-27 bħala mezz li mhux biss jiżgura l-provvista adegwata ta’ ikel sigur iżda wkoll ikompli jirreaġixxi għal sfidi bħall-konservazzjoni ta’ żoni rurali, ta’ reġjuni muntanjużi, ta’ żoni żvantaġġati u ta’ żoni estremament periferali u l-multifunzjonalità tal-agrikoltura Ewropea,

Prinċipji ġenerali

1.

Jenfasizza li l-PAK għandha tfittex li tarmonizza r-regolamentazzjoni billi tneħħi d-duplikazzjoni; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex meta tintroduċi regolament ġdid fl-istess waqt tagħmel ħilitha biex tneħħi l-piżijiet bla bżonn;

2.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonsulta b'mod wiesa' u regolari mal-partijiet agrikoli interessati sabiex tkun tista' tivvaluta aħjar l-impatt tar-regolamentazzjoni fuq il-post, u sabiex tidentifika regoli prattiċi, sempliċi u trasparenti għall-bdiewa;

3.

Jenfasizza li s-semplifikazzjoni ulterjuri tal-PAK hija meħtieġa sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tagħha għall-istituzzjonijiet tal-UE, għall-Istati Membri u għall-benefiċjarji nfushom; b'dan il-mod, il-politika għandha tinfthiem aħjar mill-bdiewa u miċ-ċiitadini li jħallsu t-taxxi;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza r-regoli tal-PAK billi telimina d-duplikazzjoni tal-kompiti u billi tnaqqas il-burokrazija, bil-ħsieb li tiżdied il-kompetittività tas-settur agrikolu fl-Istati Membri kollha;

5.

Jenfasizza li l-miżuri tal-PAK għandhom ikunu proporzjonati għall-objettiv u li t-triq leġiżlattiva għandha tintagħżel biss meta din tkun ġenwinament ġustifikabbli, biex b'hekk tiġi evitata kostruzzjoni legali li tkun diffiċli biex tinftiehem mill-bdiewa;

6.

Jitlob li l-PAK tkun immexxija mill-eżitu aktar milli ffokata fuq ir-regolamentazzjoni u li l-Istati Membri kollha u l-awtoritajiet reġjonali tagħhom joffru aktar assistenza u konsulenza lill-bdiew permezz ta’ għodod ta’ konsulenza u permezz ta’ metodi ta’ komunikazzjoni li jgħoddu għaċ-ċirkostanzi;

7.

Jistenna li, b'konformità mal-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, il-leġiżlazzjoni fil-ġejjieni tkun akkumpanjata minn valutazzjoni sħiħa tal-impatt li tqis il-piżijiet regolatorji u amministrattivi, u li tiżgura li kwalunkwe regolament ġdid ikun proporzjonat għall-miri li jkollu l-għan jilħaq;

8.

Jemmen li, fejn ikun possibbli, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-awtoċertifikazzjoni;

9.

Iqis li l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla, fil-pjanijiet ta’ żvilupp rurali, li jintroduċi skemi ta’ land parcels b'rata fissa, b'mod partikulari għal azjendi agrikoli żgħar, bil-kundizzjoni li tkun iggarantita l-konformità mal-obbligi li jkunu daħlu għalihom;

10.

Jirrikonoxxi l-valur tal-prinċipju tal-kundizzjonalità bħala wieħed mill-kunċetti fundamentali tal-pagamenti diretti tal-PAK, għad li jirrakkomanda li jkun hemm semplifikazzjoni qawwija, mingħajr ma titnaqqas l-effikaċja tagħhom;

11.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-PAK tkun aktar sempliċi, aktar trasparenti u aktar ġusta;

12.

Jindika li s-semplifikazzjoni tal-PAK mhux bilfors għandha twassal għal anqas appoġġ għall-bdiew u għall-ħatt tal-istrumenti tradizzjonali tal-ġestjoni tas-suq; jistieden lill-Unjoni Ewropea tintroduċi mekkaniżmi effiċjenti ħalli titnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet bil-ġejjieni fi ħsiebha;

13.

Jenfasizza li s-semplifikazzjoni tal-PAK għandha timxi id f'id mal-miżuri ta’ informazzjoni għall-benefiċjarji, u jistieden lill-Kummissjoni tespandi u tiżviluppa miżuri ta’ informazzjoni dwar il-politika agrikola komuni;

14.

Jitlob għall-possibbiltà ta’ korrezzjoni awtonoma tal-iżbalji li tippermetti lil dawk li jkunu rċivew il-pagamenti u li jkunu kisru r-regoli involontarjament jinformaw lill-awtoritajiet mingħajr ma jkunu soġġetti għal multi;

15.

Jirrimarka li s-sistema ta’ multi fuq il-bdiewa li tippenalizza l-iżbalji fit-talbiet tal-pagamenti għandha tkun kommensurata mal-iskala tal-infrazzjoni, u li l-penali ma għandhomx jiġu applikati fil-każ ta’ żbalji minuri, b'mod partikulari fil-każ ta’ żbalji li ma jkunux ħtija tal-bidwi;

16.

Jirrimarka li kwalunkwe multa amministrattiva, inkluż l-obbligu li jitħallas lura kwalunkwe pagament miksub mill-bidwi, ma għandhiex tkun ibbażata fuq ċirkustanzi oġġettivament lil hinn mill-kontroll tal-bidwi;

17.

Jirrimarka l-problema tal-bdiewa miżżewġa li jmexxu l-ażjendi agrikoli separati, li għaldaqstant għandhom ikollhom drittijiet u obbligi separati fir-rigward tat-talbiet għall-ħlasijiet tal-PAK;

Il-Kundizzjonalità

18.

Jemmen li l-mira bażika tal-ispezzjonijiet hija li jingħata parir lill-bdiewa u li tiggwidahom fit-triq it-tajba sabiex jottemperaw ruħhom aħjar mar-rekwiżiti leġiżlattivi u bl-inqas piżijiet possibbli; l-ispezzjonijiet għandhom, għalhekk, ikomplu jsiru mill-awtoritajiet pubbliċi biex jiġi żgurat li jkunu indipendenti u imparzjali;

19.

Jenfasizza li, skont in-NU, il-produzzjoni globali tal-ikel għandha tiżdied b'70 % sal-2050 biex tissodisfa d-domanda ta’ disa' biljun ruħ;

20.

Iqis li għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tal-kundizzjonalità u li dawn għandhom ukoll iqisu d-daqs tal-farm sabiex jitnaqqas il-piż minn fuq il-azjendi agrikoli żgħar, fejn ir-riskju jkun iżjed baxx;

21.

Jinsisti li, meta l-Istati Membri japplikaw il-penali fuq il-bdiewa minħabba xi nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti, dawn penali għandhom ikunu applikati b'mod trasparenti, sempliċi u proporzjonat li jqis ir-realtajiet konkreti;

22.

Iqis li r-rekwiżiti statutorji għall-kontroll tal-kundizzjonalità u għandhom jinftiehmu faċilment mill-bdiewa u mill-awtoritajiet ta’ kontroll;

23.

Jemmen li l-objettiv fundamentali tal-verifiki hija li jinkuraġġixxu lill-bdiewa jottemperaw ruħhom bis-sħiħ mal-liġi u li l-kontrolli annwali tal-kundizzjonalità għar-rekwiżiti statutorji ta’ tmexxija (SMR) jistgħu jitnaqqsu jew flok isiru l-kontrolli każwali, jekk kemm-il darba jkun hemm biss ftit infrazzjonijiet fis-snin reċenti;

24.

Jenfasizza li r-rekwiżit ta’ kontrolli ta’ segwitu fir-rigward ta’ infrazzjonijiet żgħar (limitu de minimis) għandu jitnaqqas għal kampjuni aleatorji;

25.

Iqis li l-użu tar-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni li ma jistgħux ikunu kontrollati b’mod sempliċi u li ma jistgħux jitkejlu għandu jiġi abolit;

26.

Iqis li l-Istati Membri, jew l-awtoritajiet reġjonali u lokali, skont kif jgħodd fiċ-ċirkostanzi, għandhom jitħallew inaqqsu l-kwota ta’ spezzjonijiet għal limitu baxx speċifiku jekk ikollhom qafas ta’ analiżi tar-riskju li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-liġi Komunitarja, flimkien ma’ evidenza ta’ ottemperanza għolja;

27.

Jitlob li jkun hemm l-introduzzjoni ta’ qafas ta’ analiżi tar-riskju li jkun ottemperanti mal-liġi Komunitarja f'kull Stat Membru, bil-għan li titnaqqas il-kwota tal-ispezzjonijiet għal limitu speċifiku iżjed baxx;

28.

Iqis li aktar assistenza u aktar konsulenza permezz ta’ għodod effiċjenti ta’ informazzjoni u konsulenza, bħalma huma helpline telefonika jew l-użu tal-Internet, għandhom jgħinu fil-prevenzjoni tal-infrazzjonijiet u lill-Istati Membri għandhom jagħtuhom il-mezzi kif b'mod kostanti jnaqqsu l-kwota tagħhom ta’ spezzjonijiet;

29.

Iqis li l-kontrolli li jsiru - jew li jkunu se jsiru - fl-azjendi agrikoli mid-diversi partijiet li x-xogħol jew id-dmir statutorju tagħhom huwa li jagħmlu dawn il-kontrolli, għandhom ikunu kkoordinati bil-ħsieb li jitnaqqas l-għadd ta’ żjarat ta’ spezzjoni fl-azjendi agrikoli;

30.

Iqis li għandu jitfassal pjan ta’ komunikazzjoni dwar il-kundizzjonalità sabiex jipprovdi informazzjoni kemm jista' jkun, kemm għall-bdiewa u kemm għall-konsumaturi, dwar ir-rekwiżiti tal-kundizzjonalità u l-benefiċċji li joħorġu mill-oġġetti u s-servizzi pubbliċi li jitwasslu minn bdiewa li jkollhom l-attivitajiet tagħhom konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti;

31.

Iqis li n-numru ta’ rekwiżiti tal-kundizzjonalità għandu jitnaqqas u li l-ambitu tagħhom għandu jiġi aġġornat;

32.

Jitlob l-awtorizzazzjoni ta’ sistema prattikabbli u trasparenti ta’ indikaturi bil-għan li jiġu ssimplifikati l-istrumenti ta’ valutazzjoni tal-kontrolli tal-kundizzjonalità, u jitlob għat-tneħħija tas-sistema attwali u tal-possibbiltà li jiġu imposti żewġ penali jew aktar għal żball wieħed; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-isproporzjon bejn l-infrazzjonijiet tar-regolamenti dwar l-identifikazzjoni tal-annimali, li jammontaw għal madwar 70 % tal-infrazzjonijiet kollha, u rekwiżiti oħra, u biex tagħmel il-bidliet li jgħoddu fiċ-ċirkostanzi;

33.

Iqis li għandu jitfassal test leġiżlattiv singolu dwar il-kundizzjonalità, u jikkunsidra li l-esternalitajiet pożittivi ġġenerati mill-azjendi agrikoli, f’termini ta’ beni u servizzi pubbliċi, għandhom jiġu remunerati;

34.

Jitlob biex jinżammu ċerti regoli fissi u definiti tal-kundizzjonalità, li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaqblu u jikkonformaw magħhom;

Pagamenti diretti

35.

Iqis li l-bdiewa għandu jkollhom aċċess għal sistemi prattiċi li jippermettulhom, faċilment u mingħajr burokrazija bla bżonn, jressqu applikazzjonijiet għal ħlasijiet diretti, tipikament fil-post fejn jgħixu;

36.

Jemmen li, sabiex jiġu ssimplifikati r-regoli għall-iskema ta’ pagament uniku, l-obbligu li tingħata l-istess informazzjoni dettaljata fuq bażi annwali għandu jitneħħa;

37.

Iqis li mal-applikazzjonijiet għandha tingħata inqas informazzjoni, minħabba li l-informazzjoni meħtieġa tista’ tinstab fl-aġenziji tal-pagament tal-Istati Membri;

38.

Jitlob li jkun permess li jsiru arranġamenti ta’ ħlasijiet aktar flessibbli li jippermettu li l-ħlasijiet isiru anke qabel ma jkunu tlestew il-kontrolli kollha b'mod definittiv;

39.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina d-definizzjoni ta 'art eliġibbli u l-interpretazzjoni tagħha fl-Istati Membri;

40.

Jemmen li d-definizzjoni attwali ta’ attività agrikola għall-finijiet ta’ pagament singolu għandhom jiġu riveduti sabiex jiġi żgurat li l-atturi li mhumiex bdiewa attivi ma jkunux eliġibbli;

41.

Iqis li s-sistema futura għandha tqis il-prinċipji tas-semplifikazzjoni u li s-semplifikazzjoni, it-trasparenza, u t-trattament ġust huma l-prijoritajiet fundamentali għar-riforma tal-PAK;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi s-sistema tal-kontroll u tal-ħlas tal-kontijiet;

43.

Iqis li l-Kummissjoni għandha tadotta approċċ iżjed proporzjonat u fl-aħħar mill-aħħar approċċ ibbażat fuq ir-riskju fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kontrolli regolatorji, tat-twettiq tal-verifiki tal-konformità u tal-impożizzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ bi proposti li bihom il-verifika u l-qafas ta’ kontroll tal-PAK jistgħu jittejbu;

45.

Iqis li d-disparitajiet maġġuri eżistenti fl-appoġġ dirett bejn l-Istati Membri għandhom jiġu evitati, biex ikun żgurat it-trattament ugwali tal-bdiewa fl-Unjoni Ewropea kollha u biex ma jitħalliex li jkun hemm distorsjonijiet fis-suq u fil-kompetizzjoni;

46.

Jirrikonoxxi li, sabiex ikampaw mal-isfidi ambjentali, fosthom l-adattament u l-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima, il-bdiewa għandhom irwol importanti fid-definizzjoni tal-miżuri prattiċi meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-objettivi, u jemmen li l-ftehimiet tar-riżultat, iżjed milli r-regolazzjoni, huma l-aqwa mekkaniżmi sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi;

47.

Jenfasizza li kwalunkwe tnaqqis fil-piż amministrattiv relatat mal-monitoraġġ u mar-rapportar li jiġi impost fuq organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex jagħmel lil dawn l-organizzazzjonijiet aktar attraenti għall-bdiewa u jinkuraġġihom jingħaqdu f'assoċjazzjonijiet u jaġixxu flimkien;

Żvilupp rurali

48.

Jenfasizza li meta l-pagamenti jsiru skont skema eżistenti ta’ ċertifikazzjoni (pereżempju, il-produzzjoni organika u l-iskemi ta’ għajnuna ambjentali), verifika waħda hija biżżejjed;

49.

Jinnota bi tħassib il-livell għoli ta’ żbalji fl-applikazzjonijiet għall-pagamenti diretti li ġew irreġistrat f'xi Stati Membri; jenfasizza li dawn l-iżbalji huma attribwibbli l-aktar għat-tagħmir ortofotografiku użat, iżjed milli għall-bdiewa; jitlob li tali żbalji jiġi kkastigat biss f'każi ċari ta’ attentat ta’ frodi;

50.

Iqis li l-leġiżlazzjoni li tikkunfliġġi ma’ leġiżlazzjoni oħra għandha tkun irregolata qabel ma tiġi imposta fuq il-bidwi (pereżempju, leġiżlazzjoni ambjentali u l-iskema tal-pagamenti singoli);

51.

Iqis li d-definizzjonijiet fil-leġiżlazzjonii dwar l-iżvilupp rurali għandhom jiġu riveduti u, jekk ikun meħtieġ, imwessa' sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-leġiżlazzjoni dwar il-pagamenti diretti;

52.

Jemmen li t-trasparenza fir-rigward tal-penali u l-obbligi għandha tiżdied;

53.

Jitlob li jiddaħħlu obbligi li jkunu ddefiniti b'mod preċiż għall-bdiewa bil-ħsieb li jitneħħa n-nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-penali;

54.

Jittama li jkun jista’ jintuża metodu aktar wiesa' u fuq żmien fit-tul, tal-kontroll ta’ dawn l-iskemi, b’aktar enfasi fuq l-impatt u r-riżultati aħħarin minflok ma tingħata attenzjoni fuq rati speċifiċi ta’ żbalji li jirriżultaw minn miżuri ta’ żvilupp rurali jew minn miżuri ambjentali;

55.

Jenfasizza li s-sistema kumplessa attwali ta’ indikaturi jeħtieġ li tiġi riveduta u simplifikata, u li s-sistema ta’ monitoraġġ, ir-rapporti annwali u l-evalwazzjonijiet ex-ante, ta’ nofs iż-żmien, u ex-post, ħolqu sistema kkumplikata ferm ta’ indikaturi u rapporti;

56.

Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-użu tal-ftehimiet dwar l-eżitu bħala metodu sempliċi u aktar effiċjenti għall-provvista tal-oġġetti pubbliċi fil-ġejjieni;

57.

Jitlob għall-introduzzjoni ta’ sistema ta’ indikaturi li tkun issimplifikata u konsistenti, li għandha tirriżulta b'mod impliċitu f'aktar tħaffif akbar fil-fehim u fl-applikazzjoni, f'valutazzjonijiet rilevanti u f'anqas burokrazija;

58.

Iqis li r-regoli dwar l-eliġibilità tal-VAT li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Pilastru II tal-PAK, speċjalment għal attivitajiet magħmula minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku, għandhom jiġu armonizzati ma’ dawk użati għall-Fondi Strutturali;

59.

Jenfasizza li s-semplifikazzjoni tal-PAK trid timxi id f'id mas-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tagħha, u jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu l-formalitajiet burokratiċi rikjesti mill-benefiċjarji potenzjali tal-PAK, speċjalment fil-qasam ta’ l-iżvilupp rurali;

60.

Jistieden lill-Istati Membri, biex fil-programmi nazzjonali tagħhom tal-iżvilupp rurali, iqiegħdu disponibbli għall-benefiċjarji potenzjali sistemi li jiggarantixxu t-trasparenza, u biex jagħtuhom il-ħin meħtieġ ħalli jħejju l-applikazzjonijiet għall-finanzjament u ħalli jissodisfaw id-diversi kriterji ta’ eliġibilità għall-iskemi ta’ għajnuna; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li din il-kwistjoni tkun punt permanenti fid-diskussjonijiet bilaterali mal-Istati Membri;

Identifikazzjoni tal-annimali

61.

Iħeġġeġ lill-Kumissjoni teżamina s-sistema ta’ identifikazzjoni tal-annimali użata f’kull Stat Membru, u taħdem favur sistema uniforma ta’ identifikazzjoni tal-annimali li tkun tiżgura li titneħħa r-regolamentazzjoni mhux neċessarja; b’mod partikolari, l-eżami tan-numri tal-produttur u n-numri tal-azjendi, il-għadd ta’ reġistri rikjesti u d-differenzi bejn il-produttur u l-azjenda;

62.

Jitlob biex ikumn hemm armonizzazzjoni wiesgħa tar-regolamenti dwar l-identifikazzjoni tal-annimali li bħalissa huma differenzjati bil-kbir;

63.

Jemmen li r-rapportaġġ tal-moviment tan-ngħaġ u l-mogħoż u l-għoti tat-tagħrif lid-databases u lill-awtoritajiet għandhom ikunu ssemplifikati kemm jista' jkun, billi jkunu permessi l-għodod kollha tal-komunikazzjoni, inklużi t-teknoloġiji l-ġodda;

64.

Iqis li għan-nagħaġ u l-mogħoż, kif ukoll għall-ħnieżer, l-identifikazzjoni tal-merħla hija biżżejjed;

65.

Jitlob biex ikun hemm differiment tal-obbligu dwar l-identifikazzjoni elettronika ta’ nagħaġ u mogħoż li jibda mill-31 ta’ Diċembru 2009, minħabba l-ispiża eċċessiva tiegħu fi żmien ta’ kriżi ekonomika;

66.

Jitlob għal amnestija ta’ tliet snin dwar il-penali tal-kundizzjonalità li huma relatati mal-identifikazzjoni elettronika tan-nagħaġ u tal-mogħoż, minħabba li din hija teknoloġija ġdida u kumplessa u l-bdiewa ser jeħtieġu ż-żmien biex jidrawha u jipprovawha; barra dan, jistieden lill-Kummissjoni tagħmel reviżjoni bir-reqqa tar-regolament;

*

* *

67.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


Top