EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009AP0285
European rail network for competitive freight ***I European Parliament legislative resolution of 23 April 2009 on the proposal for a regulation of the European Parliament and of the Council concerning a European rail network for competitive freight (COM(2008)0852 – C6-0509/2008 – 2008/0247(COD))#P6_TC1-COD(2008)0247 Position of the European Parliament adopted at first reading on 23 April 2009 with a view to the adoption of Regulation (EC) No …/2009 of the European Parliament and of the Council concerning a European rail network for competitive freight#ANNEX
Netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' April 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv (COM(2008)0852 – C6-0509/2008 – 2008/0247(COD))
P6_TC1-COD(2008)0247 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit- 23 ta' April 2009 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (KE) …/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv
ANNESS
Netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' April 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv (COM(2008)0852 – C6-0509/2008 – 2008/0247(COD))
P6_TC1-COD(2008)0247 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit- 23 ta' April 2009 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (KE) …/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv
ANNESS
OJ C 184E, 8.7.2010, p. 354–367
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
8.7.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 184/354 |
Il-Ħamis, 23 ta' April 2009
Netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv ***I
P6_TA(2009)0285
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv (COM(2008)0852 – C6-0509/2008 – 2008/0247(COD))
2010/C 184 E/72
(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0852),
wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 71(1) tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0509/2008),
wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0220/2009),
1. |
Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata; |
2. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew tibdilha b'test ġdid; |
3. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
Il-Ħamis, 23 ta’ April 2009
P6_TC1-COD(2008)0247
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-23 ta' April 2009 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (KE) …/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 71(1) tiegħu,
wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni ║,
wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
waqt li jaġixxu b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),
Billi:
(1) |
Fil-qafas tal-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi u tal-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-Komunità, il-ħolqien ta' suq ferrovjarju intern, b'mod partikolari għat-trasport tal-merkanzija, huwa element essenzjali tal-progress lejn il-ħolqien ta' mobilità sostenibbli. |
(2) |
Id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta' piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji ║ (4) rrappreżentat stadju importanti fl-istabbiliment tas-suq ferrovjarju intern. |
(3) |
Sabiex ikunu kompetittivi mal-modi tat-trasport l-oħra, is-servizzi ferrovjarji internazzjonali u nazzjonali tal-merkanzija, miftuħa għall-kompetizzjoni mill-1 ta' Jannar 2007, għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn infrastruttura ferrovjarja ta' kwalità tajba, jiġifieri li tippermetti l-provvista ta' servizzi ta' trasport tal-merkanzija f'kundizzjonijiet tajba f'termini ta' veloċità kummerċjali u ta' ħin tal-vjaġġ, u għandhom ikunu ta' min joqgħod fuqhom, jiġifieri li s-servizz li jipprovdu jkun tabilħaqq jikkorrispondi mal-impenji kuntrattwali li jkunu daħlu għalihom l-operaturi ferrovjarji. |
(4) |
Minkejja li l-liberalizzazzjoni tat-traffiku tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija ppermettiet li jidħlu operaturi ġodda fin-netwerk, il-mekkaniżmi tas-suq mhumiex biżżejjed biex jorganizzaw, jirregolaw u jassiguraw it-traffiku tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. L-ottimizzazzjoni u l-iżgurar tal-affidabilità tiegħu jimplikaw, b'mod partikulari, it-tisħiħ tal-proċeduri għall-koperazzjoni u l-allokazzjoni tal-mogħdijiet ferrovjarji bejn l-amministratturi tal-infrastruttura. |
(5) |
Il-Kunsill, fil-laqgħa tiegħu tas-7 ║ ta' April 2008, kkonkluda li għandha tingħata preferenza għall-użu effikaċi tal-infrastrutturi u, jekk ikun il-każ, jitjiebu l-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja b'miżuri meħuda fuq livell Ewropew u nazzjonali, u b'mod partikolari permezz ta' testi leġiżlattivi. |
(6) |
F'dan il-kuntest, il-ħolqien ta' netwerk ferrovjarju għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva li fuqu l-ferroviji tal-merkanzija jkunu jistgħu jiċċirkolaw f'kundizzjonijiet tajbin u jgħaddu faċilment minn netwerk nazzjonali għal ieħor jippermetti li jitjiebu il-kundizzjonijiet tal-użu tal-infrastruttura. |
(7) |
Biex jinħoloq netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva, l-inizjattivi diġà mnedija għall-infrastruttura ferrovjarja juru li l-ħolqien ta' kurituri internazzjonali, li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' wieħed jew bosta setturi tas-suq tat-trasport tal-merkanzija identifikati b'mod ċar, jirrapreżenta l-metodu l-aktar xieraq. |
(8) |
▐ In-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva għandu jsir b'mod koerenti man-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u mal-kurituri tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (“ERTMS”) . Għal dan l-iskop, l-iżvilupp koordinat taż-żewġ netwerks huwa meħtieġ, u b'mod partikolari l-integrazzjoni tal-kurituri internazzjonali għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija mat-TEN-T li diġà jeżisti u mal-kurituri tal-ERTMS . Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti fuq livell Komunitarju ║ regoli armonizzanti relatati ma' dawn il-kurituri tal-merkanzija. Jekk ikun il-każ, il-ħolqien ta' dawn il-kurituri għandu jkun appoġġat finanzjarjament fil-qafas tat-TEN-T, ta' programmi ta' riċerka u tal-programm Marco Polo, u ta' linji politiċi u fondi Komunitarji oħrajn, bħall-Fond ta' Koeżjoni . |
(9) |
Il-ħolqien ta' kuritur għall-merkanzija għandu jqis l-importanza partikulari tal-estensjoni ppjanata tan-netwerk TEN-T għall-pajjiżi tal-Politka Ewropea tal-Viċinat (ENP) bil-ħsieb li jiġu żgurati interkonnessjonijiet aħjar mal-infrastruttura ferrovjarja ta' pajjiżi terzi Ewropej. |
(10) |
Fil-qafas ta' kuritur għall-merkanzija, għandha tiġi assigurata koordinazzjoni tajba bejn l-Istati Membri u l-amministraturi tal-infrastruttura kkonċernati, li tingħata faċilità aħjar u suffiċjenti għat-traffiku tal-merkanzija bil-ferrovija, biex jinħolqu komunikazzjonijiet biżżejjed u effiċjenti mal-modi l-oħra tat-trasport sabiex jiġi żviluppat netwerk effiċjenti u integrat għat-trasport tal-merkanzija, u jiġu stabbiliti kundizzjonijiet li huma ta' inċentiv għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni bejn dawk li jipprovdu s-servizz tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija. |
(11) |
Il-ħolqien ta' kuritur għall-merkanzija għandu jkun bbażat fuq proposti magħmula mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-amministraturi tal-infrastruttura. Fit-tieni fażi għandu jkun approvat fil-livell Ewropew skont kriterji u proċedura trasparenti u definita b'mod ċar. Il-kriterji għall-ħolqien ta' kurituri għall-merkanzija għandhom ikunu definiti b'mod li jkun adattat għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri u tal-amministraturi tal-infrastruttura b'mod li jippermettulhom li jkollhom spazju biżżejjed għat-teħid ta' deċiżjonijiet u għall-ġestjoni ▐. |
(12) |
Biex titħeġġeġ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri , l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji , kull kuritur għall-merkanzija għandu jkun appoġġjat minn korp ta' governanza, magħmul minn amministraturi diversi tal-infrastruttura li għandhom x'jaqsmu ma' dan il-kuritur għall-merkanzija. |
(13) |
Biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq, il-metodi għall-ħolqien ta' kuritur għall-merkanzija għandhom jiġu ppreżentati fi pjan ta' implimentazzjoni li għandu jinkludi l-identifikazzjoni u l-issettjar ta' skeda għall-miżuri li ttejjeb il-prestazzjoni tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija. Barra minn hekk, biex jiġi assigurat li l-azzjonijiet ippjanati jew implimentati għall-ħolqien ta' kuritur għall-merkanzija jissodisfaw il-ħtiġijiet jew l-aspettattivi tas-suq, l-impriżi ferrovjarji utenti kollha għandhom jiġu kkonsultati regolarment, skont proċeduri xierqa kif definiti mill-korp ta' governanza . |
(14) |
Biex tiġi assigurata l-koerenza u l-kontinwità tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura disponibbli tul il-kuritur għall-merkanzija, għandhom jiġu kkoordinati l-investimenti fuq il-kuritur għall-merkanzija bejn l-Istati Membri , l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji kkonċernati kif ukoll, jekk ikun applikabbli, bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi Ewropej, u jiġu ppjanati skont loġika li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-kuritur għall-merkanzija. Il-programm tal-ħolqien tagħhom għandu jkun ippubblikat biex jiġi żgurat li l-impriżi ferrovjarji li jistgħu joperaw fil-kuritur ikunu mgħarrfa tajjeb. Dawn għandhom jinkludu proġetti ta' intervent relatati mal-iżvilupp ta' sistemi interoperabbli u maż-żieda tal-kapaċità tal-ferroviji. |
(15) |
Għall-istess raġunijiet, ix-xogħol estensiv ta' manutenzjoni, li s-soltu jkollu impatt kbir fuq il-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja, għandu wkoll ikun ikkoordinat fuq il-livell tal-kuritur għall-merkanzija u jkun soġġett għal pubblikazzjonijiet aġġornati. |
(16) |
Il-ħolqien ta' infrastrutturi u ta' sistemi għall-iżvilupp tas-servizzi tat-trasport intermodali tal-merkanzija huwa wkoll meħtieġ biex jiffavorixxi l-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fil-Komunità. |
(17) |
L-Istati Membri kkonċernati u l-awtoritajiet nazzjonali ta' sigurtà kompetenti fil-kuritur għall-merkanzija jistgħu jikkonkludu ftehimiet dwar l-għarfien reċiproku tal-vetturi minn naħa waħda, u tal-ħiliet ta' xufiera tal-ferroviji min-naħa l-oħra. L-awtoritajiet għas-sikurezza tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-kuritur għall-merkanzija għandhom jikkooperaw sabiex jassiguraw l-implimentazzjoni ta' dawn il-ftehimiet. |
(18) |
Sabiex jiġu ffaċilitati d-domandi ta' kapaċitajiet tal-infrastruttura għas-servizzi ferrovjarji internazzjonali tal-merkanzija, huwa xieraq li tiġi stabbilita ġestjoni ċentralizzata għal kull kuritur għall-merkanzija. Għal dan jeħtieġ li wieħed jibbaża ruħu fuq l-inizjattivi li diġà jeżistu, b'mod partikolari dawk imnedija minn RailNetEurope, korp li huwa strument ta' koordinazzjoni tal-amministraturi tal-infrastruttura u li jipprovdi servizzi lill-operaturi tal-merkanzija internazzjonali. |
(19) |
Minħabba l-iskedi differenti ta' programmar tal-ħinijiet għat-tipi differenti tat-traffiku, ikun tajjeb li wieħed jara li d-domandi ta' kapaċità tal-infrastruttura għat-traffiku tal-merkanzija jkunu kompatibbli mad-domandirelatati mat-trasport ta' passiġġieri, b'mod partikolari fir-rigward tal-valuri soċjo-ekonomiċi rispettivi tagħhom. L-ispejjeż għall-użu tal-infrastruttura għandhom ivarjaw skont il-kwalità u l-affidabbiltà tal-mogħdija ferrovjarja allokata. |
(20) |
Il-ferroviji li jassiguraw trasport tal-merkanzija sensittivi ħafna għad-dewmien ta' trasport u għall-puntwalità , kif definiti mill-korp ta' governanza, għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn prijorità suffiċjenti f'każ ta' problemi tat-traffiku. |
(21) |
Biex jiġi assigurat l-iżvilupp tal-kompetizzjoni bejn dawk li jipprovdu servizzi ferrovjarji tat-trasport tal-merkanzija, ▐ applikanti oħra minbarra l-impriżi ferrovjarji jew il-gruppi tagħhom għandhom ikunu jistgħu biex jitolbu l-kapaċitajiet tal-infrastruttura. |
(22) |
Sabiex tiġi ottimizzata l-ġestjoni tal-kuritur għall-merkanzija u jiġi assigurat fluss u prestazzjoni aħjar tas-servizzi ferrovjarji internazzjonali tal-merkanzija, huwa meħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni tajba bejn il-korpi ta' kontroll fir-rigward tan-netwerks differenti koperti mill-kuritur għall-merkanzija. Bl-iskop li jiġi assigurat użu aħjar tal-infrastrutturi ferrovjarji, huwa meħtieġ li tiġi kkoordinata l-ġestjoni ta' dawn l-infrastrutturi u tat-terminals strateġiċi li jinsabu tul il-kuritur għall-merkanzija. |
(23) |
Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni relatata mal-użu tal-infrastruttura kollha ewlenija tal-kuritur għall-merkanzija u jiġi assigurat aċċess mhux diskriminatorju għal dawn, jidher li jkun tajjeb li dawk li jipprovdu servizzi ferrovjarji internazzjonali tal-merkanzija jkollhom disponibbli dokument ta' referenza li jiġbor din l-informazzjoni kollha. |
(24) |
Sabiex wieħed ikun jista' jikkalkula b'mod oġġettiv il-benefiċċji tal-azzjonijiet li jwasslu għall-ħolqien ta' kuritur għall-merkanzija u jassigura monitoraġġ effikaċi ta' dawn l-azzjonijiet, għandhom jiġu stabbiliti u jiġu ppubblikati b'mod regolari indikaturi tal-prestazzjoni tas-servizz tul il-kuritur għall-merkanzija. Id-definizzjoni tal-indikaturi ta' prestazzjoni għandha tkun ifformulata b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha li jipprovdu u jużaw is-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. ▐ |
(25) |
Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħolqien ta' netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva magħmul minn kurituri tal-merkanzija, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħidhom u għalhekk jista' jintlaħaq aħjar, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tieħu miżuri b'mod konformi mal-prinċipju ta' sussidjarità msemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat. B'mod konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità bħal m'huwa msemmi f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan. |
(26) |
Għandhom jiddaħħalu regoli ġusti, ibbażati fuq kooperazzjoni bejn amministraturi tal-infrastruttura li għandhom jipprovdu servizz ta' kwalità lill-operaturi tal-merkanzija fil-qafas ta' kuritur ferrovjarju internazzjonali, fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-investimenti, il-ġestjoni tal-kapaċitajiet u tat-traffiku. |
(27) |
Jeħtieġ li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament skont id-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat għall-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (5). |
(28) |
Jeħtieġ b'mod partikolari li jingħata d-dritt lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-kriterji meħtieġa biex jiġi implimentat dan ir-Regolament. Billi dawn il-miżuri għandhom ambitu ġenerali u huma ddisinjati biex jemendaw xi elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh b'elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolamentarja b'kontroll stipulat fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. |
(29) |
L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jtejjeb l-effiċjenza tat-trasport ta' merkanzija bil-ferrovija meta mqabbel ma' metodi oħra ta' trasport, iżda dan l-iskop jeħtieġ li jintlaħaq ukoll permezz tal-azzjonijiet politiċi u l-involviment finanzjarju tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea. Il-koordinazzjoni għandha tiġi żgurata fl-ogħla livell fost l-Istati Membri sabiex jiġi garantit it-tħaddim l-aktar effiċjenti tal-kurituri tal-merkanzija. L-impenn finanzjarju fl-infrastruttura u f'tagħmir tekniku bħall-ERTMS għandu jkollu l-għan li jżid il-kapaċità u l-effiċjenza tal-merkanzija bil-ferrovija b'konformità mal-għan ta' dan ir-Regolament, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
L-għan u l-ambitu
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-ħolqien u l-organizzazzjoni tan-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva fil-kurituri ferrovjarji internazzjonali għall-merkanzija kompetittiva (“kurituri għall-merkanzija”). Huwa jistabbilixxi r-regoli ta' għażla u ta' organizzazzjoni tal-kurituri tal-merkanzija u tal-prinċipji kooperattivi relatati mal-ippjanar tal-investimenti, mal-ġestjoni tal-kapaċitajiet u tat-traffiku.
2. Dan ir-Regolament japplika għall-ġestjoni u l-użu ta' infrastrutturi ferrovjarji għas-servizzi ferrovjarji nazzjonali u internazzjonali, ħlief:
a) |
netwerks lokali u reġjonali awtonomi li jintużaw għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri li jissellfu infrastruttura ferrovjarja , ħlief meta tali servizzi joperaw fuq parti mill-kuritur għall-merkanzija ; |
b) |
netwerks li jintużaw biss għall-użu ta' servizzi urbani u suburbani tat-trasport tal-passiġġieri; |
ċ) |
netwerks reġjonali li jintużaw biss, għas-servizzi ta' trasport tal-merkanzija reġjonali, minn impriża ferrovjarja waħda li ma taqax taħt id-Direttiva 91/440/KEE tal-Kunsill tad-29 ta' Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (6) sakemm applikant ieħor jitlob biex juża l-kapaċità tan-netwerk imsemmi; |
d) |
infrastrutturi ferrovjarji privati ristretti għall-użu mill-proprjetarju tagħhom biss għall-attivitajiet tat-trasport tal-merkanizja tiegħu stess. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-fini ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/14/KE għandhom japplikaw.
2. Flimkien mad-definizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1:
a) |
“kuritur għall-merkanzija” għandha tfisser il-linji ferrovjarji kollha stabbiliti fit-territorju tal-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, ta' pajjiżi terzi Ewropej li huma kollegati ma' żewġ terminals strateġiċi jew iżjed, inklużi fus ewlieni, rotot alternattivi u binarji li jikkomunikawhom, kif ukoll l-infrastrutturi ferrovjarji u t-tagħmir tagħhom fit-terminals tal-merkanzija, l-istazzjonijiet ta' tqassim u ta' kompożizzjoni, kif ukoll il-binarji ta' kollegament ta' dawn tal-aħħar , inkużi s-servizzi kollha relatati mal-ferrovija kif stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2001/14/KE ; |
b) |
“pjan ta' implimentazzjoni” għandu jfisser dokument li jippreżenta l-istrateġija ║ u l-mezzi li l-partijiet kkonċernati għandhom jimplimentaw sabiex jiżviluppaw matul perjodu determinat l-attivitajiet meħtieġa u suffiċjenti biex jinħoloq il-kuritur għall-merkanzija; |
ċ) |
“xogħol estensiv ta' manutenzjoni” għandu jfisser kwalunkwe intervent jew tiswija , li jkunu ppjanati mill-inqas sena qabel, tal-infrastruttura ferrovjarja u tat-tagħmir tagħha meħtieġa għaċ-ċirkolazzjoni tal-ferroviji tul il-kuritur għall-merkanzija li tinvolvi l-kapaċita ta' infrastruttura riservata skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2001/14/KE; |
d) |
“terminal” għandu jfisser l-installazzjoni tul il-kuritur għall-merkanzija mgħammar b'mod speċjali biex jippermetti t-tagħbija u/jew il-ħatt ta' oġġetti mill-ferroviji tal-merkanzija u l-integrazzjoni tas-servizzi ferrovjarji tal-merkanzija mas-servizzi tat-triq, marittimi, ta' fuq ix-xmajjar u tal-ajru, jiġifieri l-formazzjoni jew il-modifikazzjoni tal-kompożizzjoni tal-ferroviji tal-merkanzija; |
e) |
“terminal strateġiku” għandu jfisser it-terminal tal-kuritur għall-merkanzija, miftuħ għall-applikanti kollha u li diġà għandu rwol importanti , jew hemm il-ħsieb li jkollu rwol importanti fit-trasport ferrovjarju tal-merkanzija tul il-kuritur għall-merkanzija; |
f) |
“punt wieħed ta' waqfa” hija d-dipartiment konġunt stabbilit minn kull amministratur tal-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija li tagħti lill-applikanti l-possibbiltà li jitolbu mogħdija ferrovjarja għal vjaġġ li jaqsam tal-inqas fruntiera waħda. |
KAPITOLU II
ID-DISINN U L-GOVERNANZA TAN-NETWERK FERROVJARJU EWROPEW GĦALL-MERKANZIJA KOMPETITTIVA
Artikolu 3
Għażla tal-kurituri tal-merkanzija
1. Il-kuritur għall-merkanzija għandu jgħaqqad mill-inqas żewġ Stati Membri u jħaddem servizzi ferrovjarji internazzjonali u nazzjonali tal-merkanzija ▐. Dan għandu l-karatteristiċi li ġejjin:
a) |
ikun jagħmel parti , jew tal-anqas ikun kompatibbli, mat-TEN-T, jew, fejn ikun applikabbli, mal-kurituri tal-ERTMS. Jekk ikun meħtieġ, xi sezzjonijiet li mhumiex inklużi fit-TEN-T, li jkollhom volum qawwi jew potenzjalment qawwi ta' traffiku tat-trasport tal-merkanzija, jistgħu wkoll jagħmlu parti mill-kuritur ; |
b) |
jippermetti żvilupp sinifikattiv tat-traffiku tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u jqis il-flussi ewlenin tal-kummerċ u tat-traffiku tal-merkanzija ; |
ċ) |
huwa ġġustifikat fuq il-bażi ta' analiżi soċjo-ekonomika. Din tiġbor l-impatti fuq l-elementi tas-sistema tat-trasport fejn l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija jaffettwa b'mod sinifikanti t-traffiku tal-merkanzija u tal-passiġġieri. Hija tinkludi l-analiżi tal-effetti ewlenin f'termini tal-ispejjeż esterni; |
d) |
għandu jippermetti interkonnessjonijiet aħjar bejn l-Istati Membri tal-fruntiera u l-pajjiżi terzi Ewropej; |
e) |
huwa appoġġat minn pjan ta' implimentazzjoni. |
2. Il-ħolqien jew il-modifikazzjoni ta' kuritur għall-merkanzija għandhom ikunu deċiżi mill-Istati Membri kkonċernati , wara li jkunu għarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħhom, flimkien ma' proposta mfassla flimkien mal-amministraturi tal-infrastruttura kkonċernati u filwaqt li jqisu l-inizjattivi u l-opinjonijiet ta' impriżi ferrovjarji li jużaw il-kuritur jew li jkunu interessati li jagħmlu dan u l-kriterji msemmija fl-Anness. L-impriżi ferrovjarji interessati jistgħu jipparteċipaw fil-proċess, kull meta jkun hemm investimenti sostanzjali li jirrigwardawhom .
3. Il-kurituri tal-merkanzija jinħolqu skont ir-regoli li ġejjin:
a) |
sa mhux aktar tard minn … (7), it-territorju ta' kull Stat Membru li għandu għallinqas żewġ konnessjonijiet ferrovjarji diretti ma' xi Stati Membri oħra għandu jaċċetta għallinqas proposta waħda ta' kuritur għall-merkanzija; |
b) |
sa, mhux aktar tard minn … (8), it-territorju ta' kull Stat Membru għandu jaċċetta għallinqas kuritur għall-merkanzija wieħed. ▐ |
4. Il-Kummissjoni għandha tinnota l-proposti ta' ħolqien ta' kurituri tal-merkanzija stabbiliti fil-paragrafu 2 u għandha teżamina l-konsistenza tagħhom mal-kriterji ta' evalwazzjoni stabbiliti fl-Anness. Il-Kummissjoni tista' tistqarr l-oġġezzjonijiet tagħha jew tipproponi bidliet f'konformità ma' dak li tqis xieraq .
5. Il-kuritur għall-merkanzija jista' jinkludi xi elementi tan-netwerk ferrovjarju ta' pajjiżi terzi Ewropej. Jekk ikun il-każ, dawn l-elementi għandhom jaqblu mal-politika tat-TEN-T.
▐
6. Meta jkun hemm xi diffikultajiet bejn żewġ jew bosta Stati Membri fir-rigward tal-ħolqien jew il-modifikazzjoni ta' kuritur tal-merkanizja, li jikkonċerna l-infrastruttura ferrovjarja li tinsab fit-territorju tagħhom, il-Kummissjoni, fuq talba ta' wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, għandha tikkonsulta lill-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 18 dwar dan is-suġġett. L-opinjoni tal-Kumitat għandha tiġi rrapportata lill-Istati Membri kkonċernati. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkunsidraw din l-opinjoni sabiex isibu soluzzjoni.
7. Il-miżuri maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jiġi adattat l-Anness għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikolu 18(3).
Artikolu 4
Governanza tal-kurituri tal-merkanzija
1. L-Istati Membri kkonċernati ma' kuritur għall-merkanzija għandhom jikooperaw biex jassiguraw l-iżvilupp ta' kuritur għall-merkanzija b'mod konformi mal-pjan tiegħu ta' implimentazzjoni. Huma jiddefinixxu l-għanijiet ġenerali tal-kuritur għall-merkanzija u jassiguraw li l-pjan ta' implimentazzjoni jimmira għal dawn l-għanijiet.
2. Għal kull kuritur għall-merkanzija, l-amministraturi tal-infrastruttura kkonċernati ║ għandhom jistabbilixxu korp ta' governanza inkarigat bid-definizzjoni, it-twettiq u l-aġġornament tal-pjan ta' implimentazzjoni tal-kuritur għall-merkanzija. L-impriżi ferrovjarji interessati, jew il-gruppi ta' impriżi ferrovjarji interessati, li jużaw il-kuritur regolarment għandhom ikollhom il-jedd li jipparteċipaw f'dan il-korp fuq bażi konsultattiva. Il-korp ta' governanza għandu jirrapporta b'mod regolari dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Istati Membri kkonċernati, u jekk ikun il-każ lill-Kummissjoni u lill-koordinaturi Ewropej tal-proġetti prijoritarji tat-TEN-T integrati bil-kuritur għall-merkanzija u li huma stabbiliti fl-Artikolu 17a tad-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1996 fuq linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew (9).
3. L-Istati Membri kkonċernati jistgħu iwaqqfu bord eżekuttiv li jkun responsabbli mill-awtorizzazzjoni tal-pjan ta' implimentazzjoni tal-kuritur mill-korp ta' governanza u mis-superviżjoni tat-twettiq tiegħu. F'dan il-każ, il-membri individwali tal-bord eżekuttiv għandu jkollhom mandat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.
4. Il-korp ta' governanza huwa entità ġuridika indipendenti. Jista' jkun ikkostitwit fil-forma ta' grupp Ewropew ta' interess ekonomiku skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/85 (10) u jibbenefika mill-istatus ta' grupp bħal dan.
5. Il-membri tal-korp ta' governanza għandhom jaħtru d-direttur tiegħugħal mhux inqas minn 3 snin.
6. Għandu jiġi stabbilit grupp ta' ħidma magħmul minn amministraturi u proprjetarji tat-terminals strateġiċi tal-kuritur għall-merkanzija, inklużi l-portijiet tal-baħar u tal-mogħdijiet tal-ilma interni, imsemmija fl-Artikolu 9. Dan jista' jagħti opinjoni fuq kull proposta tal-korp ta' governanza li jkollha konsegwenzi diretti fuq l-investimenti u l-ġestjoni tat-terminals strateġiċi. Il-korp ta' governanza ma jistax jieħu deċiżjoni kontra din l-opinjoni.
Artikolu 5
Miżuri ta' implimentazzjoni tal-kuritur għall-merkanzija
1. Il-pjan ta' implimentazzjoni, approvat u aġġustat regolarment mill-korp ta' governanza, għandu jinkludi mill-inqas :
a) |
desrkrizzjoni tal-kwalitajiet tal-kuritur għall-merkanzija , fosthom il-punti ta' konġestjoni potenzjali, kif ukoll il-programm ta' implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien tiegħu ; |
b) |
l-elementi essenzjali tal-istudju tas-suq stabbilit fil-paragrafu 2; |
ċ) |
l-għanijiet tal-korp ta' governanza u l-programm tiegħu għat-titjib tal-prestazzjoni tal-kuritur għall-merkanzija, ▐ b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16. |
▐
2. Għandu jsir studju dwar is-suq li jiġi aġġornat perjodikament, rigward il-progress osservat u mistenni fir-rigward tal-kuritur għall-merkanzija kif ukoll l-elementi tas-sistema tat-trasport marbuta ma' dan tal-aħħar , bil-ħsieb li jiġi żviluppat jew adattat, jekk ikun meħtieġ, il-pjan tal-implimentazzjoni tiegħu. Għandu jeżamina l-bidliet fid-diversi tipi ta' traffiku, u jiġbor fih l-elementi ewlenin tal-analiżi soċjoekonomika msemmija fl-Artikolu 3(1)(ċ) kif ukoll ix-xenarji possibbli fir-rigward tal-ispejjeż u l-benefiċċji u l-impatt finanzjarju fuq żmien twil .
3. Qed jiġi stabbilit programm ta' ħolqien u ta' titjib tal-prestazzjoni tal-kuritur għall-merkanzija. Dan il-programm jinkludi b'mod partikolari l-għanijiet komuni, l-għażliet tekniċi u l-iskeda għall-involviment meħtieġ mal-infrastruttura ferrovjarja u t-tagħmir tagħha biex jiġu implimentati l-miżuri kollha stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 16. Dawn il-miżuri għandhom jevitaw jew inaqqsu kemm jista' jkun ir-restrizzjonijiet li jolqtu l-kapaċità ferrovjarja.
Artikolu 6
Konsultazzjoni mal-applikanti
1. Għall-finijiet ta' parteċipazzjoni xierqa tal-applikanti, ║ li jistgħu jużaw il-kuritur ║.
2. L-applikanti għall-użu tal-kuritur għall-merkanzija , inklużi l-operaturi ferrovjarji tat-trasport tal-merkanzija, l-operaturi tal-passiġġieri, ix-shippers, il-burdnara u l-korpi rappreżentattivi tagħhom, għandhom jiġu kkonsultati mill-korp ta' governanza qabel l-approvazzjoni tal-pjan ta' implimentazzjoni u qabel l-aġġornament tiegħu. Jekk ikun hemm nuqqas ta' qbil bejn il-korp ta' governanza u l-applikanti, dawn tal-aħħar jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-korpi regolatorji msemmijin fl-Artikolu 17 .
KAPITOLU III
INVESTIMENTI FIL-KURITUR GĦALL-MERKANZIJA
Artikolu 7
Ippjanar tal-investimenti
1. Il-korp ta' governanza għandu jistabbilixxi u japprova:
a) |
pjan komuni ta' investimenti fl-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija fuq żmien twil, jiġifieri għal mhux inqas minn 10 snin; |
b) |
jekk ikun il-każ, pjan komuni ta' investimenti fuq żmien medju (ta' mill-inqas sentejn) tul il-kuritur għall-merkanzija. |
Il-pjani ta' investment għandhom jistabbilixxu l-lista ta' proġetti previsti għall-estensjoni, it-tiġdid jew l-iżvilupp mill-ġdid tal-infrastrutturi ferrovjarji u tat-tagħmir tagħhom li jeżistu tul il-kuritur u tal-ħtiġijiet finanzjarji relatati u s-sorsi tal-finanzjament .
2. Il-pjani ta' investimenti stabbiliti fil-paragrafu 1 jinkludu wkoll strateġija relatata mat-tħaddim tas-sistemi interoperabbli tul il-kuritur għall-merkanzija li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta' interoperabbiltà applikabbli għan-netwerks ferrovjarji msemmija fid-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (11). Din l-istrateġija hija bbażata fuq analiżi ta' spejjeż-benefiċċji tat-tħaddim ta' dawn is-sistemi. Din għandha tkun koerenti mal-pjani nazzjonali u Ewropej tat-tħaddim ta' sistemi interoperabbli, b'mod partikolari mal-pjan tat-tħaddim tal-ERTMS , kif ukoll mal-interkonnessjonijiet transkonfinali u s-sistemi interoperabbli ma' pajjiżi terzi Ewropej, fejn ikun applikabbli .
3. Jekk ikun il-każ, il-pjani ta' investiment għandhom isemmu l-kontribuzzjoni Komunitarja prevista skont il-programm TEN-T jew kwalunkwe politika, fondi jew programmi oħra u jippruvaw li l-istrateġija tagħhom hija konsistenti magħhom .
4. Il-pjani ta' investiment stabbiliti fil-paragrafu 1 jinkludu wkoll strateġija relatata mat-tkabbir tal-kapaċità tal-ferroviji tal-merkanzija , jiġifieri, biex jitneħħew iz-zoni ta' konġestjoni tat-traffiku, biex tittejjeb l-infrastruttura eżistenti u biex tinbena infrastruttura ġdida . Din l-istrateġija tista' t tinkludi miżuri biex jiżdiedu t-tul, il-wisa' tal-linji, il-loading gauge, il-ġestjoni tal-veloċità, it-tagħbija mgħobbija jew it-tagħbija tal-fus awtorizzati għall-ferroviji li jiċċirkolaw tul il-kuritur għall-merkanzija.
5. Il-pjani ta' investimenti stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppubblikati fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 15 u aġġornati b'mod regolari. Dawn jagħmlu parti mill-pjan ta' implimentazzjoni tal-kuritur għall-merkanzija.
Artikolu 8
Koordinazzjoni tax-xogħlijiet
L-amministraturi tal-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija għandhom jikkoordinaw , b'mod u fi żmien xieraq u b'konformità mal-ftehimiet kontrattwali rispettivi tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/14/KE, l-iskeda tagħhom biex isir ix-xogħol kollu tal-infrastruttura u tat-tagħmir tagħha li jista' jillimita l-kapaċità disponibbli fin-netwerk .
Artikolu 9
Terminals strateġiċi
1. Bi ftehim mal-grupp ta' ħidma stabbilit fl-Artikolu 4(6), il-korp ta' governanza għandu jadotta strateġija integrata relatata mal-iżvilupp tat-terminals strateġiċi biex ikunu jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija li jiċċirkola tul il-kuritur għall-merkanzija , b'mod partikulari bħala ċentri intermodali tul il-kurituri tal-merkanzija. Dan għandu jinkludi l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali, lokali u nazzjonali. l-akkwist tal-art għall-iżvilupp ta' terminals għall-merkanzija ferrovjarja u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-fondi sabiex jiġu inkoraġġiti żviluppi bħal dawn. Il-korp ta' governanza għandu jiżgura li jinħolqu biżżejjed terminals f'postijiet strateġiċi, skont il-volum mistenni ta' traffiku.
2. Il-korp ta' governanza għandu jieħu l-miżuri adegwati għal-istabbiliment ta' din l-istrateġija. Huwa għandu jirrevediha b'mod regolari.
KAPITOLU IV
ĠESTJONI TAL-KURITUR GĦALL-MERKANZIJA
Artikolu 10
Ġestjoni ċentralizzata għat-talbiet ta' mogħdijiet ferrovjarji internazzjonali
1. Il-korp ta' governanza għandu jistabbilixxi ġestjoni ċentralizzata iex tirrispondi għal talbiet għal mogħdijiet ferrovjarji għal ferroviji tal-merkanzija li taqsam ▐ mill-inqas fruntiera waħda tul il-kuritur għall-merkanzija jew tuża bosta netwerks .
2. Lill-amministraturi individwali tal-infrastruttura ta' kuritur jistgħu jingħatawlhom il-funzjonijiet ta' front office tat-one-stop shop għall-applikanti li jitolbu mogħdijiet ferrovjarji.
3. Il-korpi ta' kontroll ikkonċernati, kif jingħad fl-Artikolu 17 ║, għandhom jassiguraw li l-attivitajiet tal-ġestjoni ċentralizzata jkunu pprattikati f'kundizzjonijiet trasparenti u mhux diskriminatorji.
Artikolu 11
Kategoriji standard ta' mogħdijiet ferrovjarji fil-kurituri tal-merkanzija
1. Il-korp ta' governanza għandu jiddefinixxi u jaġġorna regolarment il-kategoriji standard ta' mogħdijiet ferrovjarji tal-merkanzija, li għandhom ikunu validi tul il-kuritur għall-merkanzija kollu. Mill-inqas waħda minn dawn il-kategoriji ║, għandha tinkludi, fost dawn il-kategoriji ta' mogħdijiet, mogħdija ferrovjarja tal-merkanzija b'ħin ta' trasport effiċjenti u b'puntwalità ggarantita (“trasport tal-merkanzija ffaċilitat”).
2. Il-kriterji ta' definizzjoni tal-kategoriji tat-tip ta' traffiku tal-merkanzija għandhom jiġu adottati mill-korp ta' governanza wara konsultazzjoni mal-applikanti li x'aktarx jużaw il-kuritur għall-merkanzija .
Artikolu 12
Mogħdijiet ferrovjarji allokati għall-ferroviji tal-merkanzija
1. Barra l-każi msemmija fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2001/14/KE, l-amministraturi tal-infrastruttura kkonċernati, għandhom iżommu riserva ta' kapaċità , fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq għar-riserva tal-kapaċità. L-amministraturi tal-infrastruttura għandhom jippubblikaw l-iskeda tal-ħinijiet ta' xogħol għall- mogħdija ferrovjarju meħtieġa biex tissodisfa l-bżonnijiet tat-traffiku tal-merkanzija bi prijorità internazzjonali ffaċilitata għas-sena finanzjarja li ġejja, qabel l-eżerċizzju annwali biex tiġi definita l-iskeda ta' xogħol imsemmija fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2001/14/KE abbażi tat-traffiku tal-merkanzija osservat u l-istudju tas-suq imsemmi fl-Artikolu 5(2) ta' dan ir-Regolament.
2. L-amministraturi tal-infrastruttura għandhom iżommu , wara l-evalwazzjoni tal-ħtieġa xierqa biex tiġi kostitwita riżerva ta' kapaċitajiet għal talbiet ad hoc, din ir-riżerva, filwaqt li jiggarantixxu livell biżżejjed ta' kwalità ta' mogħdijiet ferrovjarji għall-ħin tal-vjaġġ u skedi tal-ħinijiet li jkunu adattati għat-traffiku internazzjonali ffaċilitat tal-merkanzija fi ħdan l-iskeda finali tal-ħinijiet sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw malajr u b'mod xieraq it-talbiet ad hoc għal kapaċitajiet stabbiliti fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/14/KE.
▐
3. Ħlief fil-każ ta' forza maġġuri, mogħdija ferrovjarja allokata biex tiffaċilita l-operazzjoni tal-merkanzija skont dan l-Artikolu ma tistax tiġi mħassra inqas minn xahar qabel il-ħin ta' servizz fl-iskeda sakemm l-applikant ikkonċernat ma japprovax it-tħassir. L-applikant jista' jirreferi l-każ lill-korp regolatorju. Skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2001/14/KE l-amministraturi tal-infrastruttura jistgħu jispeċifikaw, fil-kondizzjonijiet tad-dikjarazzjoni tagħhom tan-netwerk li permezz tagħhom għandhom iqisu l-livelli ta' qabel ta' użu tal-mogħdijiet ferrovjarji tal-merkanzija faċilitati meta jiddeterminaw il-prijoritajiet fil-proċess ta' allokazzjoni.
4. L-amministraturi tal-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija u l-grupp ta' ħidma stabbilit fl-Artikolu 4(6), għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jassiguraw l-aħjar koordinazzjoni possibbli tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet b'konformità ma' dan l-Artikolu, billi jqisu l-aċċess għat-terminals strateġiċi, stabbiliti fl-Artikolu 9.
5. L-amministraturi tal-infrastruttura għandhom jinkludu fil-kondizzjonijiet tagħhom tal-użu, ħlas għall-mogħdijiet li jkunu ġew allokati imma mbagħad ma jintużawx. L-ammont ta' dan il-ħlas għandu jkun xieraq, dissważiv u effettiv.
Artikolu 13
Applikanti awtorizzati
Minkejja l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2001/14/KE, applikanti oħra minbarra l-impriżi ferrovjarji u l-gruppi internazzjonali li dawn jikkostitwixxu jistgħu jitolbu mogħdijiet ferrovjarji għat-trasport tal-merkanzija meta dawn tal-aħħar jikkonċernaw sezzjoni bosta tal-kuritur għall-merkanzija.
Artikolu 14
Ġestjoni tat-traffiku
1. Wara proposta mill-korp ta' governanza tal-kuritur għall-merkanzija u filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji u l-pjani imsemmija fil-paragrafu 2, l-amministraturi tal-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw ir-regoli ta' prijorità bejn it-tipi differenti ta' mogħdijiet ferrovjarji, b'mod partikolari għall- mogħdijiet ferrovjarji allokati għal ferroviji li jaslu tard , f'każ ta' tfixkil fiċ-ċirkolazzjoni għal kull parti tal-kuritur għall-merkanzija fid-dokument ta' referenza tan-netwerk stabbilit fl-Artikolu 3 u fl-Anness I tad-Direttiva 2001/14/KE.
2. Ir-regoli ta' prijorità msemmija fil-paragrafu 1 ║ għandhom ║ mill-inqas jistipulaw, bl-eċċezzjoni tas-sigħat l-aktar intensi meta dan il-paragrafu ma japplikax, li l-mogħdija ferrovjarja allokata lil ferrovija tal-merkanzija faċilitata li tissodisfa d-dispożizzjonijiet inizjali għall-mogħdija ferrovjarja tagħha għandha tkun irrispettata kemm jista' jkun jew għall-inqas jitnaqqas id-dewmien totali b'enfasi fuq id-dewmien tal-ferroviji tal-merkanzija faċilitati. Il-korp ta' tmexxija, flimkien mal-applikanti, għandu jiżviluppa u jippubblika:
a) |
prinċipji tar-regolamentazzjoni ferrovjarji li għandhom jiżguraw li l-ferroviji tal-merkanzija rapidi jieħdu l-aħjar trattament possibbli f'dak li għandu x'jaqsam mal-allokazzjoni tal-kapaċità mnaqqsa; |
b) |
pjanijiet ta' kontinġenza fil-każ ta' tfixkil fil-kuritur, li jkunu bbażati fuq dawn il-prinċipji. |
Kull Stat Membru permezz tal-amministratur tal-infrastruttura għandu jiddefinixxi s-sigħat l-aktar intensi fid-dokument ta' referenza tan-netwerk. Sigħat l-aktar intensi japplikaw biss għall-jiem tax-xogħol u għandhom ikunu limitati għal massimu ta' tliet sigħat filgħodu u għal massimu ta' tliet sigħat wara nofsinhar. Fid-definizzjoni ta' sigħat l-aktar intensi għandhom jitqiesu t-traffiku tal-passiġġieri reġjonali u dak fuq distanzi twal.
3. L-amministraturi tal-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija għandhom jistabbilixxu proċeduri ta' koordinazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tul il-kuritur għall-merkanzija.
4. L-amministraturi tal-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija u l-grupp ta' ħidma stabbilit fl-Artikolu 4(6) għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jassiguraw l-aħjar koordinazzjoni possibbli bejn il-ġestjoni, fir-rigward tal-kapaċitajiet u ta' ċirkolazzjoni, tal-infrastruttura ferrovjarja u tat-terminals strateġiċi, stabbiliti fl-Artikolu 9.
Artikolu 15
Informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-użu tal-kuritur għall-merkanzija
Il-korp ta' governanza għandu jistabbilixxi u jippubblika rapport li jkun fih:
a) |
it-tagħrif kollu li tinsab fid-dokumenti ta' referenza tan-netwerks nazzjonali li jikkonċernaw il-kuritur għall-merkanzija, stabbilit b'mod konformi mal-proċedura tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/14/KE; |
b) |
il-lista tal-kwalitajiet tat-terminals strateġiċi; l-informazzjoni kollha dwar il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti ta' aċċess għat-terminals strateġiċi. |
Artikolu 16
Kwalità tas-servizz fil-kuritur għall-merkanzija
1. L-amministraturi tal-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija għandhom jassiguraw il-koerenza bejn is-sistemi użati biex titjieb il-prestazzjoni kurrenti tul il-kuritur għall-merkanzija, kif jingħad fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14/KE. Din il-koerenza għandha tkun ikkontrollata mill-korpi regolatorji, li għandhom jikkooperaw f'dan il-kontroll b'konformità mal-Artikolu 17(1) ta' dan ir-Regolament.
2. Sabiex tiġi kkalkolata l-kwalità tas-servizz u l-kapaċità tas-servizzi internazzjonali u nazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija tul il-kuritur għall-merkanzija, il-korp ta' governanza għandu jikkonsulta lill-applikanti li x'aktarx ikunu se jużaw il-kurituri u l-utenti tas-servizzi tal-merkanzija ferrovjarja dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni fil-kuritur għall-merkanzija . Wara din il-konsultazzjoni, il-korp tal-governanza għandu jiddefinihom u jippubblikahom mill-inqas darba fis-sena.
▐
Artikolu 17
Korpi ta' kontroll
1. Il-korpi ta' kontroll stabbiliti fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE li huma kompetenti għall-kuritur għall-merkanzija għandhom jikkooperaw biex jissorveljaw l-attivitajiet internazzjonali tal-amministraturi tal-infrastruttura u tal-applikanti tul il-kuritur għall-merkanzija. Huma għandhom jikkonsultaw lil xulxin u jagħtu informazzjoni lil xulxin. Huma għandhom jitolbu, jekk ikun il-każ, l-informazzjoni meħtieġa mingħand l-amministraturi tal-infrastruttura tal-Istat Membru li għalih ikunu kompetenti. L-amministraturi tal-infrastruttura u l-partijiet terzi l-oħrajn involuti fl-allokazzjoni tal-kapaċità internazzjonali huma obbligati jagħtu lill-korpi regolatorji kkonċernati, mingħajr dewmien, t-tagħrif kollu meħtieġ dwar il-mogħdijiet ferrovjarji u l-kapaċità internazzjonali li huma responsabbli għalihom.
2. F'każ li jkun hemm ilment minn xi applikant dwar is-servizzi internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, jew fil-qafas ta' investigazzjoni ex-officio, il-korp ta' kontroll ikkonċernat għandu jikkonsulta lill-korp ta' kontroll ta' Stat Membru ieħor li jkollu l-kuritur għall-merkanzija għaddej mit-territorju tiegħu u jitolbu l-informazzjoni meħtieġa qabel ma jieħu d-deċizjoni tiegħu. Il-korpi ta' kontroll l-oħra għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha li huma stess għandhom id-dritt jitolbu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Jekk ikun il-każ, il-korp ta' kontroll li jkun irċieva l-ilment jew li jkun beda l-investigazzjoni ex-officio għandu jittrasferixxi l-każ lill-korp ta' kontroll kompetenti sabiex jippermettilu jieħu miżuri fil-konfron tal-partijiet ikkonċernati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30(5) u (6) tad-Direttiva 2001/14/KE .
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 18
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.
2. Fil-każ li ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE japplikaw, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.
▐.
3. Fil-każ li ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1 sa 4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.
▐
Artikolu 19
Deroga
Jekk ikun il-każ, Stat Membru jista' jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, huwa għandu jinnotifika talba motivata ta' deroga lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta Deċiżjoni fuq din it-talba, skont il-proċedura konsultattiva stabbilita fl-Artikolu 18(2) filwaqt li tikkunsidra s-sitwazzjoni ġeografika kif ukoll l-iżvilupp tas-servizzi ferrovjarji tat-trasport tal-merkanzija fl-Istat Membru li jkun għamel it-talba għad-deroga.
Artikolu 20
Monitoraġġ tal-implimentazzjoni
Kull sentejn sa minn meta nħoloq il-kuritur għall-merkanzija, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport li juri r-riżultati tal-kooperazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 4(1). Il-Kummissjoni għandha tanalizza dan ir-rapport u tinnotifika lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 18 b'din l-analiżi.
Artikolu 21
Rapport
Il-Kummissjoni għandha teżamina perjodikament l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Hija għandha tħejji rapport għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill, l-ewwel darba sa … (12) , u mbagħad kull tliet snin.
Artikolu 22
Reviżjoni
Jekk, f'każ ta' reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T, skont it-termini tal-Artikolu 18(3) tad-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE, il-Kummissjoni tikkonkludi li jkun xieraq jekk jiġi adattat dan ir-Regolament għal dawn il-linji gwida, hija għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta biex dan ir-Regolament ikun emendat kif imiss. Bl-istess mod, ċerti deċiżjonijiet meħudin skont dan ir-Regolament jistgħu jwasslu għall-ħtieġa ta' reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T.
Artikolu 23
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ għoxrin jum wara li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi ║,
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
Għall-Kunsill
Il-President
(1) ĠU C , , p.
(2) ĠU C , , p.
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009.
(4) ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29.
(5) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(6) ĠU L 237, 24.8.1991, p. 25.
(7) Sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
(8) Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
(10) ĠU L 199, 31.7.1985, p. 1.
(11) ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.
(12) Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Il-Ħamis, 23 ta' April 2009
ANNESS
Kriterji ta' evalwazzjoni tal-proposti ta' ħolqien ta' kuritur għall-merkanzija
L-għażla tal-kurituri tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 3, kif ukoll l-aġġornament tan-netwerk ferrovjarju għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva, għandhom isiru skont il-kriterji li ġejjin:
(a) |
l-eżistenza ta' ittra ta' intenzjoni tal-Istati Membri kkonċernati li tikkonferma r-rieda tagħhom li joħolqu l-kuritur għall-merkanzija; ▐ |
(b) |
meta l-itinerarju tal-kuritur għall-merkanzija jikkoinċidi ma' sezzjoni (jew parti minn sezzjoni) ta' wieħed jew bosta proġetti prijoritarji tat-TEN-T (1), din għandha tkun integrata mal-kuritur għall-merkanzija, ħlief jekk tkun użata għas- servizzi tat-trasport tal-passiġġieri; |
(c) |
il-kuritur għall-merkanzija li l-ħolqien tiegħu huwa propost jgħaddi mit-territorju ta' mill-inqas tliet Stati Membri jew ta' mill-inqas żewġ Stati Membri jekk id-distanza bejn fejn jiltaqgħu l-linji tal-ferrovija moqdija mill-kuritur għall-merkanzija propost hija ta' aktar minn 500 kilometru; |
(d) |
il-vijabbiltà ekonomika u l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi tal-kuritur għall-merkanzija; |
(e) |
il-koerenza tal-kurituri tal-merkanzija kollha proposti mill-Istati Membri biex jaslu għall-istabbiliment ta' netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva; |
(f) |
il-koerenza man-netwerks ferrovjarji Ewropej li diġà jeżistu bħall-kurituri ERTMS u l-kurituri definiti minn RailNetEurope; |
(g) |
il-preżenza ta' interkomunikazzjoni tajba mal-modi tat-trasport l-oħra, b'mod partikolari permezz ta' netwerk adegwat ta' terminals strateġiċi, inklużi fir-rigward ta' portijiet marittimi u portijiet 'l ġewwa mix-xtajta; |
(h) |
l-approċċ propost biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 16. |
(1) Stabbiliti fl-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE.