EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0332

Il-Bożnja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta' April 2009 dwar il-qagħda fil-Bożnja u l-Ħerzegovina

OJ C 184E, 8.7.2010, p. 107–110 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/107


Il-Ġimgħa, 24 ta' April 2009
Il-Bożnja

P6_TA(2009)0332

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' April 2009 dwar il-qagħda fil-Bożnja u l-Ħerzegovina

2010/C 184 E/22

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni tas-16 ta' Ġunju 2003 dwar il-Balkani tal-Punent u l-anness tagħhom intitolat “L-Aġenda ta' Thessaloniki għall-Balkani tal-Punent: lejn integrazzjoni Ewropea”, li kien approvat mill-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003,

wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u l-Bożnja u l-Ħerzegovina, fuq in-naħa l-oħra, li ġie ffirmat fis-16 ta' Ġunju 2008,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u l-Bożnja u l-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (1),

wara li kkunsidra l-ħatra, fil-11 ta' Marzu 2009, tal-E.T.Valentin Inzko bħala r-Rappreżentant Speċjali ġdid tal-UE fil-Bożnja u l-Ħerzegovina (2),

wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta dwar ir-riforma kostituzzjonali, Propjetà Statali, ċensiment tal-popolazzjoni u d-Distrett Brčko, ippublikata fi Prud fit-8 ta' Novembru 2008 mill-mexxejja tal-partiti HDZ BiH, SNSD u SDA, u wara li kkunsidra l-laqgħat sussegwenti tagħhom,

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-klima politika fil-Bożnja u l-Ħerżegovina (BĦ) qed tkompli tiddeterjora u dan huwa sors ta' tħassib konsidrevoli għall-Parlament,

B.

billi l-Istat tal-BĦ, kif hemm fil-Ftehima għall-Paċi ta' Dayton (DPA), huwa xhieda tanġibbli tax-xewqa li tinkiseb rikonċiljazzjoni dejjiema bejn il-komunitajiet differenti wara l-kunflitt brutali tas-snin disgħin,

C.

billi dan il-proċess huwa marbut mill-qrib mal-progress tal-pajjiż lejn l-integrazzjoni Ewropea, billi huwa bbażat fuq l-istess valuri bħal dawk imħaddna mill-UE,

D.

billi l-iffirmar tal-Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-KE u l-BĦ imsemmija hawn fuq ta messaġġ ċar li l-wegħda tas-sħubija fl-UE għall-BĦ hija reali u tista' tintlaħaq mill-pajjiż, sakemm huwa jikkonforma mal-kriterji ta' Kopenħagen u jikseb ir-riformi meħtieġa stipulati fil-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea,

E.

billi kwalunkwe dubju fl-integrità tal-BĦ mhux biss ikun ksur tad-DPA, skont liema ftehima ebda entità m'għandha d-dritt toħroġ mill-BĦ, iżda jmur ukoll kontra l-prinċipji tat-tolleranza u l-koabitazzjoni paċifika bejn il-komunitajiet etniċi li fuqhom isserraħ l-istabilità tal-Balkani tal-Punent kollha,

F.

billi, għalhekk, il-komunità internazzjonali u l-UE f'ebda ċirkustanza m'huma ser jaċċettaw jew jittolleraw kwalunkwe qasma tal-BĦ,

1.

Iqis li l-integrazzjoni Ewropea hija fl-aħjar interessi tal-popolazzjoni kollha tal-Balkani tal-Punent; jiddeplora, għaldaqstant, in-nuqqas ta' ħila tal-politiċi tal-BĦ biex jaqblu dwar viżjoni politika komuni għall-pajjiż tagħhom, u b'hekk, għal raġunijiet ta' nazzjonaliżmu li ma jħarisx fil-bogħod, jikkompromettu l-għan tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, għan li jġib il-paċi, l-istabilità u l-prosperità għaċ-ċittadini tal-BĦ;

2.

Ifakkar lill-mexxejja tal-BĦ li l-adeżjoni mal-UE tfisser aċċettazzjoni tal-valuri u tar-regoli li fuqhom hija bbażata l-UE, jiġifieri r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi, is-solidarjetà, inkluża solidarjetà bejn il-popli u l-komunitajiet, it-tolleranza, inkluża t-tolleranza ta' tradizzjonijiet u ta' kulturi differenti, l-istat tad-dritt, inkluż ir-rispett għall-indipendenza tal-ġudikatura, u d-demokrazija, inkluża l-aċċettazzjoni tat-tmexxija mill-maġġoranza u l-libertà tal-espressjoni; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi biex ma jħaddnux il-politika tal-mibegħda, l-aġendi nazzjonali u s-seċessjoniżmu u jikkundanna l-irtirar unilaterali mir-riformi;

3.

Ifakkar ukoll li l-prospett tas-sħubija fl-UE ġie offrut lill-BĦ bħala pajjiż wieħed, u mhux lill-partijiet kostitwenti tiegħu, u li, konsegwentement, it-theddid ta' seċessjoni jew attentati oħra li jheddu s-sovranità tal-Istat huma kompletament inaċċettabbli;

4.

F'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti kollha u l-mexxejja politiċi biex jiffukaw ħafna aktar fuq ir-rikonċiljazzjoni, il-fehim reċiproku u l-miżuri favur il-bini tal-paċi, sabiex jappoġġjaw l-istabilità tal-pajjiż u paċi inter-etnika;

5.

Itenni li jekk il-BĦ serjament tixtieq tissieħeb mal-UE għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-istituzzjonijiet Statali għandhom ikunu kapaċi jadottaw u jimplimentaw b'mod effettiv ir-riformi mitluba għall-adeżjoni mal-UE;

(b)

għalhekk il-pajjiżi irid joħloq istituzzjonijiet pubbliċi bbażati fuq l-istat tad-dritt u li jkunu kapaċi jieħdu d-deċiżjonijiet b'mod effikaċi; dawn l-istituzzjonijiet għandhom jiffunzjonaw, ikunu awtoritattivi u indipendenti mill-influwenza politika u jkollhom riżorsi xierqa;

6.

Jemmen li r-rekwiżiti msemmija hawn fuq jistgħu jinkisbu biss permezz ta' riforma kostituzzjonali tal-BĦ li tkun ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin:

(a)

l-Istat għandu jkollu biżżejjed setgħat leġiżlattivi, baġitarji, eżekuttivi u ġudizzjajri biex jiffunzjona bħala membru tal-UE, joħloq u jżomm suq wieħed li jiffunzjona, jippromwovi l-koeżjoni ekonomika u soċjali u jirrappreżenta u jiddefendi l-interessi tal-pajjiż lil hinn mill-fruntieri;

(b)

in-numru ta' livelli amministrattivi involuti fl-immaniġġjar tal-pajjiż għandu jkun proporzjonat mar-riżorsi finanzjarji tal-BĦ u għandu jkun ibbażat fuq allokazzjoni effikaċi, koerenti u effettiva tar-responsabilitajiet;

(c)

is-salvagwardjar ta' interessi nazzjonali vitali fil-BĦ għandu jkun kompatibbli mal-kapaċità tal-pajjiż li jaġixxi;

(d)

il-komunitajiet minoritarji kollha jridu jgawdu mill-istess drittijiet bħall-popli kostitwenti, u dan jinkludi l-abolizzjoni tal-limitazzjonijiet ibbażati fuq l-etniċità fuq id-dritt li jiġu eletti, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-opinjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea tad-Demokrazija permezz tal-Liġi (Kummissjoni ta' Venezja) tal-Kunsill tal-Ewropa;

7.

Jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li tinstab soluzzjoni ċara għall-kwistjoni tal-proprjetà Statali li tkun kompatibbli mal-prerogattivi kostituzzjonali tal-Istat ċentrali;

8.

Ifakkar lill-politiċi tal-BĦ li huwa l-obbligu tagħhom li jilħqu ftehima dwar il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq, u li, fejn ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim ikunu qed jikkundannaw lil pajjiżhom għall-istaġnar u għall-iżolament, f'mument meta l-kriżi finanzjarja u ekonomika qed tolqot lill-BĦ ħażin u twassal għal ħafna telf ta' impjieg;

9.

Jirrimarka li r-riforma kostituzzjonali tal-pajjiż u l-prospettiva Ewropea tiegħu għandhom ikunu s-suġġett ta' dibattitu wiesa' u fil-fond li jinvolvi l-komponenti kollha tas-soċjetà tal-BĦ, u m'għandux ikun monopolizzat mill-mexxejja tal-partiti politiċi u l-komunitajiet etniċi ewlenin;

10.

Iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Ministri u l-Assemblea Parlamentari tal-BĦ biex jagħmlu sforzi akbar u aħjar favur l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-integrazzjoni Ewropea, u jinkoraġġixxi l-entitajiet u l-awtoritajiet differenti tal-BĦ biex itejbu l-koordinazzjoni dwar kwistjonijiet marbuta mal-UE;

11.

Jitlob biex sa fl-aħħar jinħatar il-Kap il-ġdid tal-Uffiċċju tal-Integrazzjoni tal-UE u jfakkar lill-awtoritajiet tal-BĦ li l-għażla tal-persuna nominata m'għandhiex tkun partiġġjana u għandha tkun ibbażata esklussivament fuq esperjenza professjonali rilevanti, ħiliet ippruvati u għarfien fil-fond ta' kwistjonijiet Ewropej;

12.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-BĦ biex jissodisfaw malajr il-ħtiġijiet stabbiliti fil-pjan għall-liberalizzazzjoni tal-viża, sabiex tiġi żgurata t-tneħħija tal-obbligi attwali rigward il-viża sa tmiem l-2009;

13.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-indħil politiku fil-midja fil-BĦ u t-taħlit ta' interessi kummerċjali, politiċi u tal-midja; f'dan ir-rigward, jistieden lill-awtoritajiet biex jirrispettaw b'mod sħiħ id-drittijiet tal-ġurnalisti u l-indipendenza tal-midja;

14.

Itenni, fl-istess waqt, li l-komunità internazzjonali u r-Rappreżentant Għoli tagħha (HR) Mr Valentin Inzko, ser jaġixxu b'mod sod, b'konformità mal-mandat tal-HR, kontra kwalunkwe attentat sabiex jiddgħajfu l-pedamenti tad-DPA, b'mod partikulari l-koeżistenza paċifika fi Stat uniku ta' komunitajiet etniċi differenti;

15.

Huwa tal-fehma, għalhekk, li l-Uffiċċju tal-HR għandu jgħin lill-awtoritajiet tal-BĦ fil-kisba u l-implimentazzjoni kif suppost tal-ħames objettivi u ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill għall-Implimentazzjoni tal-Paċi (PIC), u li sa dak iż-żmien l-Uffiċċju għandu jibqa' jopera u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tad-DPA;

16.

Jenfasizza li l-progress fl-indirizzar tal-ħames objettivi u ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti mill-PIC huwa wkoll meħtieġa sabiex isir progress fuq l-aġenda tal-UE;

17.

Jesprimi dispjaċir fir-rigward tan-nuqqas ta' attenzjoni li l-Kunsill ta lid-deterjorazzjoni tal-klima politika fil-BĦ u n-nuqqas ta' determinazzjoni li s'issa l-Istati Membri wrew meta naqsu milli jittrattaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż b'mod serju u koordinat;

18.

Jistieden lill-Kunsill sabiex jendorsja r-rekwiżiti imposti fuq il-BĦ, kif imsemmi f'din ir-riżoluzzjoni, u sabiex jikkommetti ruħu favur il-promozzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom; jemmen li f'dan il-kuntest il-Kunsill għandu jagħti lir-Rappreżentant Speċjali l-ġdid tal-UE:

(a)

mandat qawwi u definit b'mod ċar u r-riżorsi umani neċessarji biex jiffaċilitaw l-adozzjoni tar-riformi deskritti f'din ir-riżoluzzjoni u biex jippromwovu d-djalogu mas-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet bħal dawn, inkluż permezz ta' kampanji pubbliċi mmirati, u permezz ta' attivitajiet li jappoġġjaw id-djalogu bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet;

(b)

il-mezzi kollha biex jiġu mobilizzati l-istrumenti kollha tal-UE sabiex jippromwovu progress reali fil-pajjiż, inkluż is-setgħat ta' sanzjonijiet (eż. is-sospensjoni ta' għajnuna finanzjarja tal-UE);

(c)

appoġġ politiku sħiħ u sostenut u l-awtorità biex tiġi żgurata koordinazzjoni ġenerali tal- atturi u l-istrumenti tal-UE użati fil-BĦ, biex b'hekk tiġi garantita l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjonijiet kollha tal-UE, kif ukoll il-koordinazzjoni ma' atturi internazzjonali rilevanti mhux fl-UE impenjati fil-BĦ;

(d)

id-dritt li taġġorna lill-Kumitat Politiku kull xahar dwar l-iżviluppi fil-BĦ u biex tagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa dwar sanzjonijiet immirati;

19.

Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika Barranija u Sigurtà Komuni, Javier Solana, u lill-Kummissarju għat-Tkabbir, Olli Rehn, biex jieħdu rwol ħafna aktar attiv u viżibbli fl-BĦ billi jagħmlu żjarat regolari lejn il-pajjiż u billi jippromwovu b'mod iktar effettiv djalogu mas-soċjetà ċivili;

20.

Jifraħ lis-soċjetà ċivili tal-BĦ dwar it-turija ta' aktar rieda tajba mill-mexxejja politiċi tagħhom u li l-fatt li huma fattur pożittiv għall-bidla u r-rikonċiljazzjoni fil-pajjiż;

21.

Jemmen, barra minn hekk, li l-preżenza militari internazzjonali fil-BĦ għandha tibqa' sostanzjali u għandha tiġi skjerata malajr, sabiex tintwera d-determinazzjoni tal-komunità internazzjonali biex tissalvagwardja s-sigurtà u l-integrità tal-BĦ;

22.

Itenni t-talbiet għall-arrest immedjat tal-akkużati li fadal mfittxa mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja u għall-azzjoni riżoluta mill-awtoritajiet tal-BĦ biex jinqerdu n-netwerks kriminali li jagħtu kenn lil dawk l-akkużati;

23.

Fl-aħħarnett, jitlob li jkun hemm djalogu msaħħaħ bejn l-UE u l-Istati Uniti u ma' atturi internazzjonali rilevanti oħra, sabiex jinkiseb appoġġ wiesa' għal approċċ koerenti għall-BĦ u biex jiġi evitat li l-qagħda politika fil-pajjiż tkompli sejra lura u li r-reġjun jitlef l-istabilità; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' tisħiħ fil-koperazzjoni reġjonali sabiex ikompli l-progress fil-Bożnja u Ħerzegovina;

24.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Bożnja u l-Ħerzegovina u l-entitajiet tagħhom.


(1)  Testi adottati, P6_TA(2008)0522.

(2)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/181/CFSP tal-11 ta' Marzu 2009 li taħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Bożnja u l-Ħerżegovina (ĠU L 67, 12.3.2009, p. 88).


Top