EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009BP0095

Linji gwida għall-proċedura tal-baġit 2010 - Taqsima III - Kummissjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Marzu 2009 dwar il-linji gwida għall-proċedura tal-baġit 2010 - Taqsima III - Kummissjoni (2009/2005(BUD))

OJ C 87E, 1.4.2010, p. 321–327 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/321


It-Tlieta, 10 ta’ Marzu 2009
Linji gwida għall-proċedura tal-baġit 2010 - Taqsima III - Kummissjoni

P6_TA(2009)0095

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar il-linji gwida għall-proċedura tal-baġit 2010 - Taqsima III - Kummissjoni (2009/2005(BUD))

2010/C 87 E/47

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009,

wara li kkunsidra l-ipprogrammar finanzjarju aġġornat tal-Kummissjoni 2007-2013, kif imressaq fit-30 ta’ Jannar 2009 skont il-Punt 46 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija Annwali tagħha ta’ Politika għall-2010 (COM(2009) 0073) u, b’mod partikulari, il-Parti II tagħha,

wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali imsemmija aktar ’il fuq tas-17 ta’ Mejju 2006,

wara li kkunsidra l-Artikolu 272 tat-Trattat KE u l-Artikolu 177 tat-Trattat Euratom,

wara li kkunsidra l-Artikolu 112(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0111/2009),

A.

billi fl-2010 se jkun hemm evalwazzjoni ta’ nofs iż-żmien tal-programmi pluriennali,

B.

billi kemm il-Parlament Ewropew u kemm il-Kummissjoni Ewropea se jkunu kostitwiti mill-ġdid sa tmiem l-2009,

Ħarsa ġenerali baġitarja

1.

Jinnota li l-Qafas Pluriennali Finanzjarju (MFF) għall-2007-2013 jistabbilixxi ammont impenjattiv ta’ riżorsi baġitarji għall-2010, fosthom EUR 139 489 000 000 f’impenji, li jirrapreżentaw 1.02 % tal-GNI tal-UE u EUR 133 505 000 000 fi ħlasijiet li jikkostitwixxu 0.97 % tal-GNI tal-UE (bil-prezzijiet attwali), u jfakkar li l-aġġustament li jmiss tal-MFF se jsir f’April 2009, eżatt qabel il-pubblikazzjoni tal-PDB 2010;

2.

Iqis li l-ammonti stabbiliti fl-MFF għal kull intestatura huma l-ammonti massimi ta’ infiq u jikkostitwixxu l-qafas għall-baġits annwali; jawgura li l-baġit annwali jkun aktar qrib dawn il-limiti massimi għax dan jista’ jkun ta’ għajnuna għall-finanzjament ta’ bosta għanijiet ta’ importanza fundamentali tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma jiġu pperikolati l-politika u l-programmi attwali; jinnota li xi wħud mill-programmi Komunitarji għadhom mhumiex iffinanzjati biżżejjed; jgħid li l-Unjoni teħtieġ deċiżjonijiet finanzjarji u baġitarji iktar ambizzjużi li jippermettu li din iżżom l-irwol tagħha, l-iżjed fil-qasam tat-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi u fil-qasam tal-politika esterna, fejn ir-riżorsi huma skarsi;

3.

Jenfasizza li l-Parlament ser juża l-mezzi kollha disponibbli skont il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006, inkluż l-użu tal-flessibilità leġiżlattiva ta’ 5 % (Punt 37 tal-Ftehima Interistituzzjonali) matul il-perjodu MFF 2007-2013 sabiex jaċċerta li jitwettqu l-prijoritajiet politiċi tiegħu;

4.

Jinnota wkoll li implimentazzjoni dgħajfa tal-baġits annwali twassal għal livell aktar baxx ta’ twettiq tal-baġit, l-iżjed minħabba s-sistema ta’ regoli u rekwiżiti kkumplikati imposti mill-Kummissjoni u/jew mill-Istati Membri u minħabba l-kapaċità fqira ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri, li twassal għal ammont sostanzjali ta’ RALs (restes à liquider); iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni billi jnaqqsu piżijiet burokratiċi li huma stess imponew fuqhom infushom u, fejn ikun possibbli, biex jissimplifikaw is-sistemi tal-amministrazzjoni, partikularment tal-Fondi Strutturali;

5.

Jenfasizza l-importanza ta’ koperazzjoni interistituzzjonali tajba li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni tipprovdi l-awtorità baġitarja bl-informazzjoni bażika meħtieġa;

6.

Iqis li l-preżentazzjoni ċara u komprensiva tal-baġit tal-Unjoni hija xi ħaġa meħtieġa; għandu l-ħsieb isegwi mill-qrib l-ipprogrammar finanzjarju li jippermetti li jittieħdu d-deċiżjonijiet baġitarji adegwati; jilqa’ b’sodisfazzjon il-preżentazzjoni mtejba tal-Kummissjoni tad-dokumenti ta’ programmazzjoni finanzjarja tagħha; jixtieq, madankollu, li l-modifiki li għamlet il-Kummissjoni fil-programmazzjoni finanzjarja tagħha jidhru b’mod iktar distintiv u ċar; jitlob biex ikun hemm aktar kjarifika fl-allokazzjoni bejn infiq operattiv u dak amministrattiv; jinnota li diġà hemm ammont sostanzjali ta’ dak li, fir-realtà, huwa infiq amministrattiv li qiegħed ikun iffinanzjat mill-allokazzjonijiet operattivi;

7.

Jitlob lill-Kummissjoni, fit-tħejjija tagħha għall-abbozz preliminari tal-baġit (PDB) għall-2010, biex tipproduċi dikjarazzjonijiet ċari, konsistenti u sodi għal kull qasam ta’ politika sabiex il-kumitati kollha rilevanti tal-Parlament ikunu jistgħu jiflu sew l-implimentazzjoni tal-programmi u tal-linji politiċi differenti tal-UE; f’dan ir-rigward, jistenna li jara progress u implimentazzjoni adegwati tad-deċiżjonijiet baġitarji ewlenin li ttieħdu qabel, bħal Galileo, EIT u l-għajnuna għall-ikel;

8.

Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-prinċipju ta’ “bbaġitjar sod”; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprepara PDB li jindirizza l-isfidi attwali u li jipprevedi baġit sostenibbli għall-politika attwali; huwa partikularment imħasseb dwar il-ħtiġiet baġitarji għall-2010 fl-Intestaturi 1a u 4 tal-MFF; jixtieq jenfasizza li l-Istrument tal-Flessibilità huwa maħsub biex jiffinanzja sfidi politiċi mhux ipprevisti u li dan huwa wieħed mill-għodod li jippermettu fondi addizzjonali;

9.

Jilqa’ t-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma interistituzzjonali dwar l-aġenziji deċentralizzati; itenni l-fatt li r-riżorsi finanzjarji biex jinħolqu aġenziji ġodda huma limitati ħafna minħabba l-marġini attwali taħt kull intestatura u jfakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill bil-ħtieġa li jkun osservat il-punt 47 tal-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006; ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-bżonn li jitqies id-dħul allokat meta jiġi stabbilit il-PDB 2010 għall-aġenziji deċentralizzati eżistenti; jinsisti li dawk l-aġenziji li jiddependu bil-kbir fuq dħul iġġenerat minn miżati għandhom jibqgħu jkunu kapaċi jużaw dan l-istrument fit-totalità tiegħu sabiex ikollhom il-flessibilità baġitarja meħtieġa;

10.

Jappoġġja d-diversi strumenti ta’ għajnuna taħt l-Intestatura 4; ifakkar li l-Parlament għandu tħassib kontinwu rigward il-fatt li l-Intestatura 4 tal-MFF għaddejja minn sottofinanzjament serju; jirrimarka li jekk l-Unjoni trid iżżomm mal-wegħdiet u l-ambizzjonijiet tagħha bħala parteċipant globali, għandha taċċerta li l-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikun riflessi bis-sħiħ fl-għażliet strateġiċi tal-mekkaniżmi finanzjarji fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp;

11.

Ifakkar fil-proċedura mniżżla fil-Punt 23 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006; ifakkar, madankollu, li diġà kien hemm bosta bdil li naqqas il-marġini disponibbli, u li għalhekk huwa diffiċli li jiġu ffinanzjati miżuri ġodda mingħajr flus ġodda; huwa favur soluzzjonijiet għal terminu ta’ żmien twil li jagħmlu l-baġit tal-UE biżżejjed biex jissodisfa l-bżonnijiet kollha minflok ma jsiru trasferimenti tal-approprjazzjonijiet bejn l-intestaturi; jenfasizza li l-marġini disponibbli taħt kull intestatura tal-MFF (speċjalment l-Intestatura 2) ma jistgħux jitqiesu bħala ċerti, minħabba l-kundizzjonijiet ekonomiċi li qegħdin jinbidlu; iqis li jkun aktar xieraq li tkun indirizzata b’mod dirett il-kategorija ta’ infiq li mhix biżejjed sabiex ikunu evitati ostakli f’oqsma oħra ta’ nfiq; iqis li fin-nuqqas ta’ flessibilità fl-intestaturi u minn intestatura għal oħra, reviżjoni tal-MFF tirrifletti bl-aħjar mod il-prinċipji baġitarji; jiddispjaċih li fil-kuntest attwali, il-Kunsill ma ħax approċċ kostruttiv rigward l-użu tal-mekkaniżmi ta’ flessibilità eżistenti; iqis li r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-MFF għandha tindirizza wkoll is-sottofinanzjament kroniku ta’ ċerti kategoriji ta’ nfiq;

12.

Jesprimi li huwa lest iqis l-eżitu tar-reviżjoni ta’ nofs iż-żmien li tkopri l-aspetti kollha tal-infiq u tar-riżorsi tal-UE, inklużi r-“rebate” tar-Renju Unit, ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar it-tħaddim tal-Ftehima Interistituzzjonali sa tmiem l-2009 pprevist mill-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 kif ukoll l-evalwazzjoni ta’ nofs iż-żmien tal-programmi pluriennali attwali;

Azzjoni biex jingħelbu l-isfidi

13.

Ifakkar li hemm sfidi enormi li jeħtieġ jingħelbu fil-baġit tal-UE 2010; jirrimarka li l-objettiv ewlieni huwa li ċ-ċittadini tal-UE jitqegħdu fl-ewwel post u li tingħatalhom iktar sikurezza, u dan jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lil dawn li ġejjin: lill-kriżi finanzjarja u ekonomika reċenti u l-impatt tagħha fuq it-tkabbir u l-kompetittività, l-impjiegi u l-koeżjoni u l-implimentazzjoni iżjed sempliċi tal-fondi strutturali; lit-tisħiħ tal-provvista tal-enerġija u s-sikurezza tat-trasport; kif ukoll is-sigurtà interna, b’mod partikulari l-ġlieda kontra t-terroriżmu; l-immigrazzjoni, l-isfidi demografiċi u l-kwistjoni tal-bidla fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent, il-koeżjoni soċjali, is-sigurtà taċ-ċittadini tagħha, u t-tisħiħ tal-irwol tal-Unjoni fid-dinja;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis iċ-ċirkustanzi msemmija hawn fuq meta tiddeċiedi dwar il-PDB; jistenna li l-Kummissjoni tressaq proposti validi u utli li jippermettu diskussjoni baġitarja sinifikanti fi ħdan l-awtorità baġitarja;

15.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħsieb tal-Kummissjoni li tagħti kontribut fl-irkupru ekonomiku u soċjali, li tirrinforza l-effiċjenza fl-enerġija u li tiġġieled il-bidla fil-klima u li tkompli tagħti l-għajnuna b’mod partikulari fil-Kosovo, fil-Lvant Nofsani, fl-Afganistan u fil-Ġeorġja kif mistqarr fl-Istrateġija Politika Annwali għall-2010; jistenna li l-Kummissjoni, wara li tkun identifikat xi wħud mill-prijoritajiet ewlenin, tirriflettihom fil-PDB, u li tipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji;

Risposta għall-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

16.

Jenfasizza li, fi żmien ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika globali, l-Istati Membri rrispondew b’miżuri ta’ għajnuna individwali; jemmen bis-sħiħ li l-Unjoni għandha tirreaġixxi malajr b’miżuri addizzjonali u kkoordinati li jkollhom impatt dirett fuq l-ekonomija, u li għandha tappoġġja lill-Istati Membri b’azzjonijiet kumplimentari, partikularment b’dawk li jistimulaw it-tkabbir ekonomiku, għax dan iwassal għall-inkoraġġament ta’ investimenti mis-settur privat u għalhekk jgħin fit-tegħlib tal-periklu tat-telf tal-impjiegi, fil-promozzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi u fl-appoġġ tal-SMEs fuq medda qasira u twila ta’ żmien;

17.

Jenfasizza li l-kuntest attwali ta’ kriżi ekonomika għandu jitqies bħala opportunità biex jiżdiedu l-investimenti fit-teknoloġiji ħodor, li jistgħu jirrikjedu modifiki fil-programmi finanzjarji attwali;

18.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrispondi għall-kriżi ekonomika u jtenni r-rieda tiegħu li jinnegozja s-soluzzjoni baġitarja adegwata mal-Kunsill mill-aktar fis; jemmen li d-deċiżjoni dwar il-proġetti li għandhom jiġu appoġġjati finanzjarjament tkun faċilitata permezz ta’ proposta bbilanċjata ġeografikament; jistieden lill-Kummissjoni biex iġġorr r-responsabilità tagħha u biex taħdem ħalli d-dimensjoni Ewropea tal-pjan ta’ rkupru ssir realtà;

19.

Jinsab imħasseb li l-SMEs b’mod partikulari ser isofru minħabba l-kriżi ekonomika u ser jinqatgħu mill-finanzjament li huwa meħtieġ b’mod urġenti; għalhekk jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-fondi tal-UE li jappoġġjaw l-SMEs, b’mod partikulari dawk li għandhom x’jaqsmu mal-oqsma tar-riċerka, tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li l-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) jista’ jipprovdi appoġġ effettiv għall-attivitajiet ta’ innovazzjoni tagħhom;

20.

Jinsab imħasseb li l-marġni attwali taħt l-Intestatura 1a, li tlaħħaq għal EUR 111 599 000, ma tippermettix li jkunu indirizzati l-effetti tal-kriżi ekonomika b’mod xieraq;

21.

Iqis il-fatt li l-bosta opportunitajiet tat-teknoloġiji ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni (ICTs) iżidu t-tkabbir u l-innovazzjoni, u b’hekk jagħtu kontribut fil-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona u fit-tegħlib tal-kriżi ekonomika attwali; ifakkar li iżjed minn qatt qabel iz-Zona ta’ Riċerka Ewropea hija element bażiku għas-soċjetà ta’ għarfien Ewropea, u jfakkar ukoll fil-bżonn li tintemm il-frammentazzjoni tal-attivitajiet, tal-programmi u tal-politika ta’ riċerka madwar l-Ewropa; f’dan il-kuntest, jinnota l-importanza li jingħata finanzjament adegwat biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta’ dawn il-proġetti;

22.

Jitlob biex malajr issir ftehima dwar il-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Aġġustament tal-Globalizzazzjoni sabiex jiġu indirizzati aħjar il-konsegwenzi tar-rilokazzjonijiet, tat-tnaqqis fil-produzzjoni u tat-telf tal-impjiegi u sabiex il-ħaddiema jiġu megħjuna jerġgħu lura għas-suq tax-xogħol;

Is-Sigurtà tal-Enerġija u tat-Trasport

23.

Jirrikonoxxi li, bħala riżultat tal-kriżi reċenti tal-enerġija, hemm ħtieġa kbira ta’ proġetti li jipprovdu s-sigurtà tal-enerġija fl-Unjoni permezz tad-diversifikazzjoni tar-riżorsi u tal-interkonnessjoni tas-swieq tal-enerġija; jenfasizza li s-sigurtà tal-Unjoni tal-provvista tal-enerġija, kif ukoll il-prinċipju tas-solidarjetà tal-enerġija, huma prijorità ewlenija fl-aġenda tal-UE u li għandhom ukoll jiġu riflessi b’mod adegwat fil-baġit tal-UE; iqis li ż-żieda fl-investiment fl-enerġija hija wkoll għodda għall-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika u jaqbel mal-idea li jiġi antiċipat l-infiq tal-baġit tal-UE fir-rigward tal-iktar proġetti importanti ta’ infrastruttura tal-enerġija;

24.

Jirrimarka li l-kriżi reċenti tal-gass u l-volatilità tal-prezzijiet taż-żejt urew mill-ġdid il-vulnerabilità tas-sistema tal-provvista tal-enerġija Ewropea; jenfasizza li n-nuqqas ta’ sorsi alternattivi (rinnovabbli) tal-enerġija, ta’ rotot alternattivi tat-trasport tal-enerġija, tal-kapaċità ta’ ħażna tal-enerġija u ta’ interkonnessjonijiet tat-trasport tal-enerġija fost l-Istati Membri huma ta’ ħsara għall-indipendenza enerġetika tal-Ewropa u għar-riżq tal-popli tagħha; għalhekk l-Unjoni għandha tkun imħejjija aħjar għal żminijiet ta’ nuqqas ta’ enerġija;

25.

Jixtieq jesplora l-possibilitajiet ta’ aktar finanzjament tal-UE f’dawn l-oqsma; jistenna li l-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet sodi biex tappoġġja t-twettiq ta’ rotot diversifikati ta’ trasport tal-gass, inkluż il-proġett Nabucco; jirrimarka, f’dan il-kuntest, is-sehem tal-Bank Ewropew għall-Investiment li joħloq effetti ta’ influwenza u li jgħin fil-mobilizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tas-settur privat, waqt li jikkunsidra, madankollu, il-kwistjoni tar-responsabilità demokratika;

26.

Jirrikonoxxi li t-trasport, speċjalment il-Programm TEN-T, dejjem kien prijorità għolja għall-Parlament; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa għat-trasport bil-ferrovija, bil-baħar u bit-triq, u jixtieq jgħaġġel l-implimentazzjoni tal-proġetti fl-2010; jinnota l-importanza li tagħti l-Unjoni lit-tnaqqis tal-impatt tal-bidla fil-klima u huwa tal-fehma li l-prijorità għandha tingħata lill-proposti li jistgħu jisfruttaw il-potenzjal ta’ tfaddil tal-enerġija;

Ħarsien ambjentali u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima

27.

Ifakkar li l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima hija marbuta wkoll mas-sigurtà tal-enerġija u li l-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija u tal-iffrankar tal-enerġija, waqt li jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli, hija wkoll għodda li toffri sigurtà akbar lill-provvista tal-enerġija;

28.

Jirrimarka li l-bidla fil-klima għandha impatt rikonoxxut ħafna fuq l-ambjent, fuq l-ekonomija u fuq is-soċjetà tal-Ewropa; f’dan il-kuntest, itenni t-twemmin tiegħu li l-miżuri li jiġġieldu l-bidla fil-klima għadhom mhumiex inklużi b’mod sodisfaċenti fil-baġit tal-UE, peress li jeħtieġu riżorsi addizzjonali sinifikanti mill-UE għall-effiċjenza tal-enerġija u teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, u peress li dawn għandhom jintużaw biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE għall-2020; jenfasizza li biħsiebu jappoġġja l-isforzi kollha biex jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji xierqa u biex dawn ikunu kkonċentrati ħalli jiġġieldu l-konsegwenzi tal-bidla fil-klima; ifakkar lill-Kummissjoni li l-awtorità baġitarja fl-2009 vvotat favur żieda fil-baġit 2009 sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta din iż-żieda; ifakkar dwar ir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2008 dwar abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (2) li fiha jistieden lill-Kummissjoni biex, sal-15 ta’ Marzu 2009, tressaq pjan ambizzjuż għal żieda adegwata fil-fondi għall-bidla fil-klima li jqis it-waqqif ta’ “fond għall-bidla fil-klima” speċifiku jew il-ħolqien ta’ linja tal-baġit apposta li ttejjeb il-kapaċità tal-baġit sabiex jiġu ffaċċjati dawn il-kwistjonijiet;

29.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, mill-2009 ’il quddiem, iżżid l-appoġġ finanzjarju għal livell adegwat favur teknoloġiji ġodda ta’ enerġija sostenibbli (jiġifieri b’mod partikulari mingħajr karbonju);

30.

Ifakkar fir-responsabilità lejn il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni biex ikunu adottati miżuri effettivi mill-aspett ta’ spiża sabiex ikun appoġġjat il-ħarsien tal-ambjent; itenni li l-azzjoni tal-UE teħtieġ tittieħed f’kuntest globali, u għalhekk jisgħobbih dwar il-fatt li l-azzjonijiet Ewropej mhux qed ikunu segwiti b’azzjonijiet minn parteċipanti oħra, u dan qiegħed ikollu effetti serji fuq il-kompetittività tal-Unjoni;

31.

Ifakkar dwar ir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar politika Ewropea dwar l-Ispazju (3), u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom iressqu rakkomandazzjonijiet u proposti speċifiċi f’dan il-qasam politiku, flimkien ma’ finanzjament adegwat;

Tisħiħ tas-sigurtà interna

32.

Ifakkar li l-fondi għal kwistjonijiet bħall-ħarsien tal-fruntieri, il-protezzjoni ċivili u l-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom jinżammu u jissaħħu fl-2010, għax dawn il-linji politiċi jittrattaw b’mod dirett l-interessi taċ-ċittadini Ewropej; jinnota li l-promozzjoni tas-sikurezza tal-ikel tibqa’ wkoll prijorità; jiddispjaċih li, skont il-programmazzjoni finanzjarja ta’ Jannar 2009, il-fondi għal dawn il-kwistjonijiet żdiedu b’mod moderat fl-Intestatura 3a u baqgħu kważi l-istess għaċ-ċittadinanza, Intestaturta 3b skont l-APS 2010 meta mqabbel mal-baġit 2009, minkejja l-fatt li jindirizzaw għadd ta’ kwistjonijiet ta’ tħassib sinifikanti għaċ-ċittadini Ewropej;

33.

Iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tal-fruntieri f’rabta mal-problema tal-immigrazzjoni illegali u li l-isforzi tal-Istati Membri għandhom ikunu appoġġjati mill-Unjoni;

It-titjib fil-kwalità tal-infiq

34.

Jinsisti li titjib fl-implimentazzjoni u fil-kwalità tal-infiq għandu jkun prinċipju ta’ gwida biex jintlaħqu l-aħjar riżultati tal-baġit tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffokaw l-isforzi tagħhom f’din id-direzzjoni u biex jissorveljaw mill-qrib l-implimentazzjoni tal-politika, partikularment tal-Intestatura 1B dwar il-politika strutturali;

35.

Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm l-awtorità baġitarja infurmata u biex tirrifletti dwar azzjonijiet xierqa li jistgħu jsaħħu l-implimentazzjoni; jixtieq ikompli r-riflessjoni f’konformità mad-dikjarazzjoni konġunta tal-21 ta’ Novembru 2008 dwar l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni; jixtieq jespandi l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni wkoll għal oqsma oħra ta’ politika;

36.

Jistenna li l-Kummissjoni tressaq proposta għar-reviżjoni regolari tar-Regolament Finanzjarju li jmiss, inklużi proposti reali dwar is-simplifikazzjoni; jistenna li l-Kummissjoni tagħmel pressjoni fuq il-Kunsill biex jiġu żviluppati u mtejba l-kundizzjonijiet ta’ impjieg fil-ġlieda tal-OLAF kontra l-frodi fir-rigward tal-proposti magħmula mill-Parlament f’konnessjoni mar-Regolament (KE) Nru 1073/1999;

37.

Jitlob lill-Kummissjoni, permezz tas-servizzi responsabbli tagħha, inkluż l-OLAF, biex tappoġġja lill-Bulgarija u lir-Rumanija fl-isforzi tagħhom fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ verifika u koperazzjoni u l-ġestjoni tal-fondi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi mill-qrib l-iżviluppi fil-Kosovo u fl-Istati tal-Balkani fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni adegwata tal-fondi tal-UE, u biex tistabbilixxi organizzazzjoni biex tieħu post l-ITF fis-segwitu tal-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolarità;

38.

Jixtieq jara l-infiq amministrattiv f’livelli aktar effiċjenti meta mqabbel mal-infiq operattiv; jemmen li l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika tal-UE hija essenzjali biex isir l-aħjar użu mill-baġit tal-UE; jinnota li l-Parlament naqqas l-infiq amministrattiv fil-baġit tas-sena preċedenti meta mqabbel mal-infiq operattiv u jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli f’din id-direzzjoni;

39.

Jinnota bi tħassib li għadd dejjem jikber ta’ staff impjegat mal-Unjoni Ewropea ma jidhirx fl-organigrammi tal-istituzzjonijiet kif adottati mill-awtorità baġitarja u lanqas m’huwa ffinanzjat taħt l-Intestatura 5 tal-MFF; huwa determinat li jkompli l-eżerċizzju ta’ eżaminazzjoni dwar l-istaff tal-Kummissjoni u dwar ir-rappreżentanza bilanċjata tal-Istati Membri; ser jissorvelja wkoll mill-qrib il-politika tal-bini tal-Kummissjoni fi Brussell;

Il-ħarsien tal-prerogattivi tal-PE

40.

Jenfasizza li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet ta’ tħejjija jagħtu lill-Parlament il-possibilità li jħejji t-triq għal politika u għal attivitajiet ġodda li jgħanu l-azzjonijiet tal-Unjoni; jenfasizza li, għalkemm il-marġni limitati jdgħajfu l-użu sħiħ ta’ din l-għodda kif ipprevist fil-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006, il-Parlament biħsiebu juża l-ammonti kollha mwarrba għall-proġetti pilota u għall-azzjonijiet ta’ tħejjija, fl-Anness II, Parti D tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006, jekk il-proposti jkunu jeħtieġu dan;

41.

Ifakkar fil-prestazzjoni inkontrovertibbli ferm pożittiva, kemm f’termini ta’ parteċipazzjoni u kemm f’termini ta’ implimentazzjoni, ta’ diversi proġetti pilota tal-Erasmus mnedija mill-Parlament tul l-aħħar snin (apprendistati Erasmus, intraprenditorija żagħżugħa Erasmus, skola sekondarja Erasmus, amministrazzjoni pubblika Erasmus) kif ukoll tal-programm tradizzjonali Erasmus; jikkonferma l-ħtieġa li l-Unjoni tinvesti iżjed f’dan il-qasam; jemmen li jeħtieġ żieda sostanzjali fil-portafoll finanzjarju globali allokat għal-linji kollha tal-Erasmus sabiex jiżdied kunsiderevolment (sa 1 000 000 fis-sena) l-għadd ta’ żgħażagħ li jieħdu sehem fil-“Politika Ewropea tal-Erasmus”; jinsab konvint li din il-miżura hija essenzjali biex jiġu solvuti korrettament id-diffikultajiet li qiegħda tiffaċċja l-Ewropa fil-proċess ta’ integrazzjoni tagħha kif ukoll biex tkun tista’ tiġi ffaċċjata l-kriżi ekonomika attwali;

42.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jkun hemm disponibbli biżżejjed fondi għall-politika tal-komunikazzjoni, partikularment dwar il-ħtieġa ta’ konformità mal-għanijiet imniżżla fid-Dikjarazzjoni konġunta dwar Ewropa li Tikkomunika fi Sħubija, adottata mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni f’Ottubru 2008;

43.

Jenfasizza l-isforzi li għamel biex jadotta l-linji gwida għall-baġit tal-2010 fi stadju bikri; għalhekk jistenna li l-Kummissjoni tikkunsidrahom fil-preparazzjoni tal-PDB;

*

* *

44.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0515.

(3)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0564.


Top