EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0144

Il-Filippini Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta' Marzu 2009 dwar il-Filippini

OJ C 87E, 1.4.2010, p. 181–183 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/181


Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2009
Il-Filippini

P6_TA(2009)0144

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2009 dwar il-Filippini

2010/C 87 E/38

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-15 ta' Settembru 2008 f'isem l-UE dwar is-sitwazzjoni f’Mindanao,

wara li kkunsidra l-appell maħruġ mill-Ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Viċi Kap tal-Missjoni tal-Ambaxxata Awstraljana fid-29 ta’ Jannar 2009,

wara li kkunsidra t-tielet sessjoni tar-Reviżjoni Tripartitika tal-implimentazzjoni tal-Ftehima ta’ Paċi tal-1996 bejn il-Front għal-Liberazzjoni Nazzjonali Moro (MNLF) u l-Gvern tar-Repubblika tal-Filippini (GRP) mill-11 sat-13 ta’ Marzu 2009,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Aja mill-GRP u l-Front Demokratiku Nazzjonali tal-Filippini (NDFP) tal-1 ta' Settembru 1992 u l-Ewwel u t-Tieni Dikjarazzjonijiet Konġunti ta’ Oslo tal-14 ta' Frar u tat-3 ta' April 2004,

wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Strateġija tal-Pajjiż 2007-2013 tal-Kummissjoni għall-Filippini, il-programm ta’ appoġġ għall-Proċess tal-Paċi li jaqa’ taħt l-Istrument ta’ Stabilità u n-negozjati għal Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE l-Filippini,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Filippini, b’mod partikulari dik tas-26 ta’ April 2007 (1), u filwaqt li afferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għan-negozjati ta’ paċi bejn il-GRT u l-NDFP kif wera fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-17 ta’ Lulju 1997 (2) u tal-14 ta’ Jannar 1999 (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi bosta gruppi armati u b’mod partikulari l-Front Iżlamiku għal-Liberazzjoni Moro (MILF) ilhom jiġġieldu mat-truppu tal-gvern fin-nofsinhar tal-Filippini sa mill-1969, f’waħda mir-rewwixti li damu l-aktar tal-Asja,

B.

billi l-kunflitt bejn il-GRP u l-Komunisti tal-NDFP wassal għal mewt ta’ iktar minn 40,00 ruħ filwaqt li l-vjolenza sporadika kompliet minkejja t-taħdidiet ta’ paċi u l-waqfien mill-ġlied tal-2003,

C.

billi l-ostilitajiet bejn il-forzi tal-gvern u l-MILF f'Mindanao reġgħu bdew f'Awwissu tal-2008 wara li l-Qorti Suprema tal-Filippini ddikjarat il-Memorandu ta' Ftehim bejn il-MILF u l-GRP dwar id-Dominju tal-Antenati, li kien jagħti awtonomija sostanzjali lin-nazzjon tal-Bangsamoro, bħala mhux kostituzzjonali,

D.

billi dan il-ġlied li reġa’ beda wassal għall-mewt ta’ mitt ruħ filwaqt li ġew spustjati madwar 300 000 persuna li ħafna minnhom għadhom f’ċentri ta’ evakwazzjoni,

E.

billi l-Malasja, il-faċilitatur tal-paċi, irtirat is-sorveljaturi tagħha għall-waqfien mill-ġlied f'April 2008, minħabba m-nuqqas ta' progress fil-proċess tal-paċi, iżda hija lesta li tikkunsidra mill-ġdid l-irwol tagħha jekk il-GRP tikkjarifika l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tan-negozjati,

F.

billi t-taħdidiet ta’ paċi bejn il-GRP u l-NDFP ilhom wiefqa mill-2004 u billi l-Gvern Norveġiż wettaq sforzi kbar biex iħeġġeġ liż-żewġ naħat sabiex jerġgħu jibdew it-taħdidiet formali,

G.

billi mill-2001 mijiet ta’ attivisti, trejdjunjonisti, ġurnalisti u mexxejja reliġjużi fil-Filippini nqatlu jew inħatfu u l-GRP tinnega kwalunkwe involviment tal-forżi tas-sigurtà u tal-armata f’dan il-qtil politiku, minkejja li hemm evidenza wiesgħa li turi l-kuntrarju,

H.

billi fl-2008 kien hemm diversi każijiet fejn il-qrati lokali sabu li l-arrest u d-detenzjoni ta’ attivisti kienu illegali u ordnaw li dawn jinħelsu iżda fejn l-istess persuni reġgħu ġew arrestati u u akkużati sussegwentement b’ribelljoni jew bi qtil,

I.

billi l-ġudikatura fil-Filippini mhijiex indipendenti, filwaqt li l-avukati u l-imħallfin huma suġġetti wkoll għal fastidju u qtil u billi l-vulnerabilità tax-xhieda tagħmilha impossibbli li l-offiżi kriminali jiġu investigati u dawk responsabbli għalihom jiġu pproċessati,

J.

billi fil-każ tal-parti l-kbira ta’ dan il-qtil extraġudizzjarju ma nfetħet l-ebda investigazzjoni kriminali u dawk responsabbli għadhom ma ġewx ikkastigati minkejja d-dikjarazzjonijiet varji mill-gvern li adotta miżuri biex jieqaf dan il-qtil u biex dawk responsabbli jitressqu l-qorti,

K.

billi f’April tal-2008, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU eżamina s-sitwazzjoni fil-Filippini u enfasizza l-impunità ta’ dawk responsabbli għall-qtil extraġudizzjarju u għall-għejbien sfurzat, iżda l-GRP irrifjutat ir-rakkomandazzjonijiet biex isir rapport ta’ segwitu,

L.

billi sabiex jintemmu l-ħtif u l-qtil extraġudizzjarju jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kawżi ekonomiċi, soċjali u kulturali ewlenin tal-vjolenza fil-Filippini,

1.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-mijiet ta’ eluf ta’ persuni spustjati internament f’Mindanao, jistieden lill-GRP u lill-MILF biex jagħmlu dak kollu fis-setgħa tagħhom biex joħolqu sitwazzjoni li tippermetti li n-nies jerġgħu jmorru lura f’darhom u jitlob azzjoni nazzjonali u internazzjonali ikbar għall-protezzjoni tal-persuni spustjati u favur ir-rijabilitazzjoni tagħhom;

2.

Jemmen bis-sħiħ li l-kunflitt jista’ jissolva biss permezz tad-djalogu u li r-riżoluzzjoni ta’ din ir-rewwixta antika hija essenzjali għall-iżvilupp ġenerali tal-Filippini;

3.

Jistieden lill-GRP biex terġa’ tibda b’urġenza n-negozjati għall-paċi mal-MILF u biex tikkjarifika l-istatus u l-futur tal-Memorandu ta' Ftehim wara s-Sentenza tal-Qorti Suprema msemmija hawn fuq; jilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-GRP li bi ħsiebha tirrinunzja għall-prikondizzjonijiet biex jerġgħu jibdew it-taħdidiet;

4.

Jilqa’ b’sodisfazzjon it-taħdidiet iffaċilitati minn Norveġja bejn il-GRP u l-NDFP ffaċilitati min-Norveġja f’Oslo f’Novembru tal-2008 u jittama li, anke f’dan il-każ, in-negozjati formali jkunu jistgħu jerġgħu jibdew malajr; jistieden lill-partijiet biex jikkonformaw mal-ftehimiet bilaterali għall-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ tagħhom, biex jiltaqgħu skont il-Ftehima Komprensiva dwar ir-Rispett għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Liġi Umanitarja Internazzjonali (CARHRIHL) u biex jippermettu li jsiru investigazzjonijiet konġunti fir-rigward ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

5.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipprovdu u jiffaċilitaw appoġġ u assitenza lill-partijiet fl-implimentazzjoni tas-CARHRIHL, b’mod partikulari permezz ta’ programmi ta’ żvilupp, għajnuna u rijabilitazzjoni;

6.

Jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni biex jappoġġjaw lill-GRP fl-isforzi tagħha għall-avvant tan-negozjati għall-paċi, inkluż permezz ta’ faċilitazzjoni fil-każ li tintalab, kif ukoll permezz ta' appoġġ għat-Tim ta' Monitoraġġ Internazzjonali responsabbli biex jissorvelja l-waqfien mill-ġlied bejn il-militar u l-MILF;

7.

Jissuġġerixxi li l-irwol tat-Tim ta’ Monitoraġġ Internazzjonali jikber permezz ta’ mandat iktar b’saħħtu biex jitwettqu l-investigazzjonijiet u permezz ta’ politika li jkun hemm ftehim dwarha biex ir-riżultati tiegħu jiġu ppubblikati;

8.

Jistieden lill-GRP biex iżżid l-għajnuna għall-iżvilupp lil Mindanao sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet iddisprati tal-għajxien tal-popolazzjoni lokali u jilqa’ b’sodisfazzjon l-għajnuna finanzjarja ta’ iktar minn EUR13-il miljun f’ikel u f’assistenza mhux alimentari li l-UE tat lil Mindanao minn meta reġa’ beda l-ġlied f'Awwissu tal-2008;

9.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward tal-mijiet ta’ każijiet ta’ qtil extraġudizzjarju ta’ ġurnalisti u attivisti politiċi li seħħew fin-snin reċenti fil-Filippini, u l-irwol li kellhom il-forżi tas-sigurtà fl-organizzar u t-twettiq ta’ dan il-qtil;

10.

Jistieden lill-GRP biex tinvestiga l-każijiet ta’ qtil extraġudizzjarju u l-għejbien furzat; fl-istess ħin jistieden lill-GRP biex twaqqaf mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti għas-sorveljanza tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ dawk responsabbli minn tali atti;

11.

Jistieden lill-GRP biex tadotta miżuri sabiex jintemmu l-intimidazzjonijiet u l-fastidji sistematiċi tal-attivisti politiċi u l-attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem, tal-membri tas-soċjetà ċivili, tal-ġurnalisti u tax-xhieda fil-prosekuzzjonijiet kriminali u biex tiżgura protezzjoni verament effettiva tax-xhieda;

12.

Itenni t-talba tiegħu lill-Awtoritajiet Filippini biex jagħtu aċċess bla restrizzjoni għall-pajjiż lill-korpi speċjali tan-NU li jieħdu ħsieb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet biex jadottaw u jimplimentaw malajr liġijiet sabiex l-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem (eż. kontra t-tortura u l-għejbien sfurzat) li ġew irratifikati jiġu inkorporati fil-liġi nazzjonali;

13.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-assistenza finanzjarja tal-UE għall-iżvilupp ekonomiku tal-Filippini tkun akkumpanjata minn skrutinju ta' ksur possibbli tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali biex jiġu mħeġġa d-djalogu u l-inklużjoni fil-gruppi kollha tas-soċjetà;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President u lill-Gvern tar-Repubblika tal-Filippini, lill-MILF, lill-NDFP, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN.


(1)  ĠU C 74 E, 20.3.2008, p.788.

(2)  ĠU C 286, 22.9.1997, p.245.

(3)  ĠU C 104, p.14.4.1999, p.116.


Top