EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0135

Rapport ta’ segwitu tal-2008 dwar l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta’ Marzu 2009 dwar ir-rapport ta’ segwitu tal-2008 dwar l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja

OJ C 87E, 1.4.2010, p. 147–153 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/147


Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2009
Rapport ta’ segwitu tal-2008 dwar l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja

P6_TA(2009)0135

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2009 dwar ir-rapport ta’ segwitu tal-2008 dwar l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja

2010/C 87 E/29

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f’Tessaloniki tad-19-20 ta’ Ġunju 2003, fejn saret il-wegħda lill-istati kollha tal-Balkani tal-punent li dawn jissieħbu mal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU S/RES/817 tas-7 ta’ April 1993 u S/RES/845 tat-18 ta’ Ġunju 1993,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2005 biex jagħti lill-Ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja l-istatus ta’ pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE u l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsilli Ewropej tal-15-16 ta’ Ġunju 2006 u tal-14-15 ta’ Diċembru 2006,

wara li kkunsidra l-ftehima interim tal-1995 bejn ir-Repubblika tal-Greċja u l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja;

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-UE/Balkani tal-Punent, li ġiet approvat b’mod unanimu mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri kollha tal-UE u mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Istati Balkani tal-Punent f’Salzburg fil-11 ta’ Marzu 2006,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tar-Raba’ Laqgħa tal-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja tal-24 ta’ Lulju 2007,

wara li kkunsidra l-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi u l-ammissjoni mill-ġdid tal-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja tat-18 ta’ Settembru 2007,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/212/KE tat-18 ta’ Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta’ Adeżjoni mal-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja (1),

wara li kkunsidra l-Istqarrija Brdo: Iffukar ġdid fuq il-Balkani tal-Punent, magħmul mill-Presidenza tal-UE fid-29 ta’ Marzu 2008, li jenfasizza l-impetu l-ġdid tal-aġenda ta’ Tessaloniki u d-dikjarazzjoni ta’ Salzburg,

wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Progress tal-2008 tal-Kummissjoni dwar l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja (SEC(2008)2695),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2008 dwar dokument ta’ strateġija 2007 tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ April 2008 dwar ir-Rapport ta’ Progress 2007 f’dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja (3),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Parlamentari Konġunt bejn l-UE u l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja tad-29-30 ta’ Jannar 2007 u s-26-27 ta’ Novembru 2007,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ottubru 2007 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra (4),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ottubru 2007 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja dwar id-dħul mill-ġdid (5),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/824/KE tat-8 ta’ Novembru 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (6),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/817/KE tat-8 ta’ Novembru 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja dwar id-dħul mill-ġdid ta’ persuni b’residenza mingħajr awtorizzazzjoni (7),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-Ħames Kumitat Parlamentari Konġunt bejn l-UE u l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, adottata fit-28 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Novembru 2008 bit-titolu, “l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2008-2009” COM(2008)0674 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni li sar fid-9 ta’ Diċembru 2008,

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi d-dokument ta’ strateġija 2007 tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir jagħti importanza kbira – mill-istadji inizjali ta’ din l-istrateġija ’l quddiem – lill-istat ta’ dritt u t-tmexxija tajba, b’mod partikulari fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, ir-riforma amministrattiva u ġudizzjarja u l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili,

B.

billi l-UE ħadet passi sabiex ittejjeb il-kwalità tal-proċess tat-tkabbir,

C.

billi wieħed mill-Istati Membri tal-UE, primarjament il-Greċja, u l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja qegħdin f’nofs proċess ta’ negozjati li qed isir taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tinstab soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat rigward l-isem tal-istat kandidat; billi li jkunu żgurati relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u jinstabu soluzzjonijiet negozjati u aċċettati miż-żewġ naħat għal kwistjonijiet mhux solvuti mal-ġirien, f’konformità mad-dikjarazzjoni ta’ Salzburg tal-11 ta’ Marzu 2006, huma essenzjali,

1.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-partijiet fil-gvern u l-oppożizzjoni fl-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, bl-appoġġ wiesa’ tas-soċjetà ċivili u l-opinjoni pubblika, huma magħquda fix-xewqa tagħhom li jirrispettaw il-kriterji ta’ Kopenħagen għas-sħubija mal-UE u biex jingħaqdu kemm jista’ jkun malajr mal-UE; f’liema kuntest jenfasizza li essenzjalment mhijiex kwistjoni ta’ konformità ma’ rekwiżiti imposti esternament iżda titjib fil-ġejjieni tal-pajjiż kandidat;

2.

Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-perspettiva Ewropea tal-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, li huwa essenzjali għall-istabilità, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi tar-reġjun fil-ġejjieni;

3.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, seba’ snin wara l-Ftehima ta’ Ohrid, il-Parlament tal-pajjiż adotta l-liġi dwar l-użu tal-lingwi fl-amministrazzjoni u l-edukazzjoni; jilqa’ b’sodisfazzjon b’mod partikulari l-possibilitajiet estiżi għal edukazzjoni ogħla disponibbli permezz tal-ftuħ ta’ fakultajiet ġodda f’bosta bliet, inklużi dawk b’curricula f’diversi lingwi; jinnota t-titjib tar-rappreżentanza ekwa tal-membri ta’ gruppi li mhumiex fil-maġġoranza, l-aktar fl-amministrazzjoni pubblika, fil-pulizija u fil-forzi militari;

4.

Jirrakkomanda l-progress li sar mill-pajjiż fid-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża l-aktar l-għadd kbir ta’ dokumenti tal-ivjaġġar u tal-identità bijometriċi maħruġa, l-implimentazzjoni tal-iskema integrata tal-ġestjoni tal-fruntiera u l-istabbiliment ta’ sistema nazzjonali ta’ informazzjoni dwar il-viża; jinnota b’sodisfazzjon il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-migrazzjoni illegali u l-korruzzjoni, u jistieden lill-gvern biex ikompli fl-isforzi tiegħu f’dan il-qasam; jilqa’ b’sodisfazzjon l-implimentazzjoni tal-ftehima ta’ ammissjoni mill-ġdid mal-UE u jistieden għal koperazzjoni iktar mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex), l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) u l-Unità tal-Koooperazzjoni Ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea (Eurojust); jinnota d-diffikultajiet li jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja minħabba n-nuqqas ta’ rikonoxximent minn Stat Membru wieħed tal-UE tal-passaporti tagħhom; u jistieden lill-Kummissjoni, meta jitqies il-progress miksub, biex tirrakkomanda lill-Kunsill kemm jista’ jkun malajr il-liberalizzazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini tal-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, u l-abolizzjoni tar-rekwiżiti tal-viża;

5.

Ifaħħar l-isforzi li saru mill-gvern tal-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja fil-qasam ekonomiku, li wassal għal progress sinifikanti fil-kisba tal-kriterji ekonomiċi, li permezz ta’ hekk il-pajjiż resaq eqreb għal ekonomija tas-suq funzjonali; jilqa’ b’sodisfazzjon, b’mod partikolari, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-ħlas tat-taxxa, ir-riforma dwar ir-reġistrazzjoni permezz ta’ “one-stop-shop”, it-tħaffif tal-kummerċ barrani u t-tnaqqis ta’ burokrazija żejda; jinkoraġġixxi lill-gvern biex ikompli bil-politiki tiegħu bil-għan li jkun stabbilizzat it-tkabbir tal-PĠD, li tonqos ir-rata tal-inflazzjoni, li tkun segwita dixxiplina fiskali u li tissaħħaħ il-klima kummerċjali ġenerali;

6.

Josserva li, wara għadd ta’ tentattivi biex ikunu sfrattati l-elezzjonijiet parlamentari tal-1 ta’ Ġunju 2008, b ’mod partikolari fil-majjistral tal-pajjiż, il-gvern adotta miżuri effettivi, permezz ta’ repetizzjoni parzjali tal-elezzjonijiet u ta’ proċeduri effettivi ta’ monitoraġġ, biex jasal għal riżultat regolari tal-elezzjoni; jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftuħ tal-proċeduri ġudizjarji biex ikunu kkundannati dawk responsabbli għall-irregolaritajiet tal-elezzjoni; jikkundanna l-adozzjoni tal-emendi għall-Kodiċi Elettorali, li sostanzjalment kienu konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, u jittama li jsir dak kollu possibbli biex ikunu evitati tentattivi oħra li jisfrattaw elezzjonijiet fil-ġejjieni, bħall-elezzjonijiet presidenzjali u dawk lokali f’Marzu 2009;

7.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress milħuq fit-twaqqif tal-istrutturi meħtieġa għal tmexxija deċentralizzata tal-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA); jappoġġja l-isforzi magħmula mill-gvern biex jinbnew kapaċitajiet amministrattivi li jippermettu l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tgħaddi t-tmexxija tal-assistenza tal-IPA f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali;

8.

Josserva li, bħall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, wara deċiżjoni li kellha appoġġ kbir fil-Parlament tagħha, għarfet l-indipendenza tal-ġar tagħha, il-Kosovo, fl-istess waqt li l-Montenegro għamel l-istess ħaġa, minkejja d-diffikultajiet li dan seta’ ħalaq għal żmien qasir biex tinżamm ix-xewqa tar-relazzjonijiet tajbin mal-pajjiż ġar l-ieħor, is-Serbja; jilqa’ b’sodisfazzjoni il-ftehim milħuq mal-awtoritajiet tal-Kosovo dwar id-demarkazzjoni tal-fruntiera;

9.

Jinnota li t-tkattir tal-interess fis-Serbja, li fl-2009 għandu mnejn tingħata l-istatus ta’ kandidat għal sħubija fl-UE, m’għandu bl-ebda mod iwassal għal tnaqqis ta’ interess fl-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja bħala membru tal-UE jew li l-proċess ta’ sħubija jimxi aktar bil-mod;

10.

Josserva li l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja qed tadotta miżuri biex tilħaq il-kriterji għal sħubija fl-UE, u jieħu nota tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Ftehima ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ffirmata fl-2001, u tal-Ftehima Qafas Ohrid, kif ukoll tal-progress li sar dan l-aħħar fl-implimentazzjoni tal-kriterji ta’ referenza tal-Kummissjoni; jiddispjaċih, madankollu, li tliet snin wara li ngħatat status ta’ kandidat għal sħubija tal-UE, in-negozjati għall-adeżjoni għadhom ma bdewx, u din hi sitwazzjoni insostenibbli li għandha effetti li jiskoraġġixxu lill-pajjiż, u tipperikola li tiddistabbilizza r-reġjun; jixtieq li din is-sitwazzjoni ta’ eċċezzjoni tintemm; iħeġġeġ sabiex il-proċess ikun aċċellerat, u jfakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ April 2008 hu wera t-tama li tittieħed deċiżjoni fl-2008 dwar il-bidu ta’ negozjati għall-adeżjoni, waqt li jirrikonoxxi li l-ostakli li għad fadal għall-adeżjoni bikrija jeħtieġ li jkunu megħluba matul is-snin ta’ negozjati li ġejjin; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jaċċellera dan il-proċess billi jiddeċiedi dwar data għall-bidu tan-negozjati għall-adeżjoni, matul din is-sena, sakemm il-prijoritajiet ewlenin tas-Sħubija ta’ Adeżjoni jkunu implimentati b’mod sħiħ;

11.

Ifakkar, bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li sar fid-19 u fl-20 ta’ Ġunju 2008 u dawk tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni li sar fit-8 u fid-9 ta’ Diċembru 2008, fl-importanza li l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, bħala pajjiż kandidat tal-UE, tkompli tinkoraġġixxi relazzjonijiet ta’ viċinat tajba u tfittex li ssib tarf tal-kwistjonijiet pendenti mal-ġirien tagħha dwar il-kwistjoni tal-isem, fuq il-bażi tal-impenji internazzjonali tagħha u l-impenji u l-obbligi bilaterali u multilaterali tagħha;

12.

Jappoġġja l-isforzi tal-medjatur Matthew Nimetz fi ħdan in-NU, bi qbil mar-riżoluzzjonijiet S/RES/817 u S/RES/845 tal-1993 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti imsemmija hawn fuq, bil-għan li jinstab tarf tal-kontroversji dwar l-isem kostituzzjonali tal-istat sabiex jintħalaq ftehim finali bejn l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u l-Greċja mingħajr telf ta’ żmien, fuq il-bażi tal-proposta tiegħu tas-6 ta’ Ottubru 2008 dwar kif id-distinzjoni bejn iz-zoni diversi li jagħmlu parti minn stati differenti imma li għandhom komuni l-fatt li jissejħu Maċedonja tista’ tkun iċċarata fuq livell internazzjonali; hu konxju li din il-proposta qed titqies b’ċertu riservi miż-żewġ partijiet; jinnota l-ħatra ta’ negozjatur ġdid l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja; jistieden liż-żewġ partijiet biex jibqgħu impenjati fid-taħditiet taħt il-patroċinju tan-NU u biex isibu soluzzjoni ta’ kompromess, sabiex il-kwistjoni ma tibqax tirrappreżenta ostaklu għas-sħubija tal-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja f’organizzazzjonijiet internazzjonali, kif stipulat fil-Ftehima Interim tal-1995 imsemmija hawn fuq, li għada fis-seħħ; iwissi li jekk ma jintlaħaqx ftehim malajr bejn iż-żewġ stati, dan jista’ jwassal għal dewmien biex l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja tissieħeb mal-UE; hu tal-fehma li dawn il-kwistjonijiet bilaterali pendenti fil-Balkani m’għandhomx jostakolaw l-adeżjoni jew jieħdu preċedenza fuq il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea;

13.

Jinnota l-applikazzjoni mressqa mill-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 11 tal-Ftehima Interim; jesprimi t-tama li l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u l-Greċja jibqgħu impenjati li jkomplu n-negozjati minkejja l-proċeduri legali li hemm quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tal-Ftehima Interim; jesprimi t-tama, fid-dawl tan-negozjati ġodda imħabbra fil-proċess “Nimetz”, li l-gvernijiet kollha fil-viċinat ser jappoġġjaw l-integrazzjoni ta’ dan il-pajjiż fl-UE, b’hekk jikkontribwixxu għall-istabilità u l-prosperità fir-reġjun;

14.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-gvern tal-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja biex taħdem flimkien mal-Istati Membri ġirien tal-UE bil-għan li jkunu riveduti d-diskrepanzi u l-miżinterpretazzjonijiet tal-istorja li jista’ jkun hemm u li jistgħu jwasslu għal nuqqas ta’ ftehim u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jippromwovu ċ-ċelebrazzjoni konġunta tal-wirt kulturali u storiku komuni tal-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja mal-ġirien tagħha; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ progress fil-ġlieda kontra l-bidu mill-ġdid ta’ “diskors ta” mibgħeda’ kontra stati ġirien, partikolarment fil-midja u fis-sistema edukattiva, u jkompli jħeġġeġ lill-gvern biex jassigura l-konformità tas-settur pubbliku mal-istandards relevanti tal-UE u tal-Kunsill tal-Ewropa;

15.

Josserva li, f’demokrazija, isseħħ l-interazzjoni bejn il-gvern u l-oppożizzjoni li fiha jkun hemm dejjem lok għal fehmiet konfliġġenti, tingħata attenzjoni għal soluzzjonijiet alternattivi u jkun possibbli li jintisġu maġġoranzi favur bidla fil-politika; jara l-importanza li jkun żgurat li sezzjonijiet tal-popolazzjoni ma jkunux jibżgħu li din it-tolleranza tista’ tonqos jekk xi partit ikollu l-maġġoranza parlamentari, kif kien il-każ fl-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja wara l-aħħar elezzjonijiet parlamentari;

16.

Iħeġġeġ sabiex il-membri tal-pubbliku li jressqu ilmenti dwar abbużi ta’ poter u/jew korruzzjoni jingħataw dokument li jiċċertifika b’mod ċar dan il-fatt; jilqa’ b’sodisfazzjon il-prattika attwali li fiha ċ-ċittadini jkunu infurmati dwar l-azzjoni li ttieħdet rigward l-ilment tagħhom kif ukoll ir-riżultat finali, u l-fatt li dawn l-ilmenti huma reġistrati b’mod ċar u uniformi mill-pulizija u mill-awtoritajiet ġudizzjarji;

17.

Jistieden lill-Gvern tal-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja biex issaħħaħ il-ġlieda kontra r-rabtiet li hemm fi ħdan il-kriminalità organizzata fl-ex-Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja, fil-Montenegro, fil-Kosovo u fl-Albanja;

18.

Jiddeplora l-fatt li l-liġi l-ġdida tal-20 ta’ Settembru 2007“dwar l-istatus legali ta’ knisja, ta’ komunità reliġjuża u ta’ grupp reliġjuż” għadha ma wasslitx biex l-aderenti ta’ għaqdiet ta’ twemmin differenti jħossu li għandhom l-istess opportunitajiet li jħaddnu u jippropagaw twemminhom u li jippossjedu, jużaw u jistabilixxu binjiet għall-istess skop bħaż-żewġ denominazzjonijiet li tradizzjonalment kienu l-akbar fil-pajjiż - il-Knisja Ortodossa “Maċedona” u l-Iżlam; ifakkar li l-awtoritajiet għandhom id-dmir li jiggarantixxu t-tolleranza għal dawk li t-twemmin tagħhom huwa differenti kif ukoll id-dritt għad-diversità reliġjuża;

19.

Jiddispjaċih li qed tiżdied il-pressjoni fuq il-midja mill-forzi tal-gvern, partikolarment waqt il-kampanja elettorali; jitlob sabiex tkun garantita l-informazzjoni indipendenti u diversa bir-radju u t-televiżjoni, li fiha tibqa’ viżibbli l-konnessjoni bejn il-fehmiet varji li hemm fis-soċjetà, kemm billi tinżamm il-libertà editorjali ta’ dawk li jipprovdu l-informazzjoni u kemm billi ma jitħallewx jintisġu r-rabtiet mill-qrib bejn ix-xandara kummerċjali u partiti jew persuni politiċi partikulari; jinsab ukoll imħasseb dwar id-dipendenza finanzjarja qawwija tal-gazzetti u tal-istazzjonijiet tat-TV fuq riklamar mill-gvern u d-dħul li dan jiġġenera, li jista’ jiskoraġġixxi metodu ġurnalistiku kritiku;

20.

Josserva li, mill-adozzjoni tal-emendi għal-Liġi tal-Impjiegi tal-2005 ’l hawn, għadu ma huwiex ċar kif il-ko-trade unions eżistenti jistgħu jikkonkludu legalment kuntratti validi mal-gvern u l-intraprendituri, b’mod partikolari minħabba l-obbligu attwali li t-trade unions għandhom jirrappreżentaw 33 % tal-impjegati kkonċernati qabel ma jkunu jistgħu jagħmluha ta’ sħab kontraenti li huwa ta’ xkiel għad-diversità u jwassal lill-partijiet interessati biex il-ħin kollu jqajmu d-dubji dwar il-livelli ta’ sħubija ta’ membri li fil-fatt għandhom;

21.

Jistieden lill-Gvern tal-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja biex jiżviluppa mingħajr telf ta’ żmien siti ġodda għall-iskart, biex jagħlaq u jnaddaf siti qodma għall-iskart, fl-istess waqt jiżviluppa miżuri prattiċi biex jaġġorna ċ-ċiklu integrat tal-iskart, li jkun jinkludi l-ġbir differenzjat tal-iskart, inter alia minn kumpaniji, u biex jistabbilixxi impjanti “waste-to-energy” u impjanti “waste-to-fuel”;

22.

Jitlob biex il-kwalità u l-livell tal-ilma fl-għadajjar tal-fruntieri Ohrid, Prespa u Dojran jitjiebu u jkunu ppreservati u biex ikun hemm ftehimiet effettivi dwar il-kwistjoni mal-pajjiżi ġirien, l-Albanija u l-Greċja; jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll l-abbozz ta’ liġi proposta dwar il-ġestjoni tal-ilma u jħeġġeġ biex din tkun eżaminata mill-Parlament tagħha mingħajr telf ta’ żmien;

23.

Innota bi tħassib l-effetti negattivi fuq il-bniedem u l-ambjent tar-raffinerija taż-żejt OKTA li qed tiffunzjona fil-belt ta’ Ilinden ħdejn Skopje u li hi meqjusa bħala l-akbar sors ta’ tniġġis fil-pajjiż;

24.

Iwissi li, mingħajr investiment ġdid fil-ħżin, it-trattament u t-trasport tal-ilma, tista’ titqiegħed fil-periklu l-provvista kontinwa tal-ilma għax-xorb urban;

25.

Jitlob lill-Gvern tal-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja biex tniedi mill-ġdid il-proċess ta’ liberalizzazzjoni u privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi lokali, waqt li tagħti attenzjoni partikolari għas-settur tal-produzzjoni, it-trasport u d-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika;

26.

Jiddispjaċih li t-tħaddim tan-netwerk tal-ferrovija mar lura sew fl-aħħar snin; jinnota, b’mod partikolari, li kemm il-frekwenza tas-servizzi ferrovjarji għall-passiġġieri domestiċi kif ukoll il-konnessjonijiet mal-pajjiżi ġirien tnaqqsu għall-minimu u li l-lokomotivi u l-vaguni li qed jintużaw ma humiex daqstant tajbin għal servizz għall-passiġġieri f’distanzi relattivament qosra, tant li se jkun meħtieġ investiment ġdid sabiex is-servizzi ferrovjarji għall-passiġġieri jistgħu jibqgħu għaddejjin fil-ġejjieni; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ progress fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni tal-ferrovija bejn l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u l-Bulgarija, li tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u għall-istabilità fir-reġjun kollu;

27.

Jinkoraġġixxi lill-Gvern biex jaċċellera l-ippjanar u l-produzzjoni minn sorsi rinnovabbli fir-rigward, b’mod partikolari, tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-awtoritajiet ta’ Skopje sabiex jagħmlu kull sforz biex jiżviluppaw politika għall-enerġija li tkun konformi mal-miri tal-UE u sabiex jappoġġjaw il-pożizzjoni tal-UE fil-konferenza li jmiss f’Kopenħagen dwar it-trattat ta’ wara Kyoto;

28.

Huwa mħasseb dwar iż-żieda fl-għadd kbir ta’ rapporti ta’ vittmi ta’ vjolenza domestika u jħeġġeġ sabiex tgħaddi liġi separata kontra din il-vjolenza b’żjieda mal-Liġi tal-Familja li diġà teżisti, biex ikun possibbli għall-prosekutur pubbliku li jipproċedi kontra dawk li jwettqu l-vjolenza domestika;

29.

Hu ferm imħasseb dwar il-pożizzjoni żvantaġġjata tal-minorità Roma fil-pajjiż, fid-dawl inter alia tar-rapport l-aktar reċenti mill-Amnesty International, skont liema rapport 39 % tan-nisa Roma prattikament ma jirċievu l-ebda formazzjoni edukattiva, 83 % qatt ma kellhom impjieg regolari bi ħlas u 31 % ibatu minn mard kroniku - perċentwali strutturalment ogħla mill-medja tan-nisa li mhumiex Roma;

30.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar dwar ir-rappreżentanza politika tar-Roma; fl-istess ħin, iħeġġeġ lill-gvern biex jaċċellera l-implimentazzjoni tal-politiki attwali tar-Roma, u biex jipprovdi risorsi adegwati;

31.

Jingħaqad mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) biex jilqa’ l-fatt li s’issa l-ebda waħda mill-minoranzi li ħarbu mill-Kosovo u li l-membri tagħha ma kisbux status ta’ residenti permanenti għadha ma ġiet imġiegħla titlaq, u jittama li ma jdumx ma jintlaħaq ftehim bejn il-gvern u l-UNHCR dwar ir-responsabilità għas-sostenn finanzjarju ta’ dan il-grupp;

32.

Meta wieħed iqis li l-kriżi finanzjarja internazzjonali waslet sal-Ewropa u li jista’ jkollha effett indirett fuq l-investiment kummerċjali u barrani fil-Balkani tal-Punent, jitlob lill-Kummissjoni biex tkun viġilanti u, jekk meħtieġ, tadotta miżuri meħtieġa sabiex tiggarantixxi l-kontinwazzjoni bla xkiel tal-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fir-rigward tal-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, kif ukoll ta’ pajjiżi oħra tal-Balkani tal-Punent, li huwa fattur importanti għall-istabilità fir-reġjun u li huwa fl-aħjar interess tal-UE nnifisha;

33.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u l-Parlament tal-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja.


(1)  ĠU L 80, 19.3.2008, p 32.

(2)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0363.

(3)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0172.

(4)  ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 402.

(5)  ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 402.

(6)  ĠU L 334, 19.12.2007, p. 120.

(7)  ĠU L 334, 19.12.2007, p. 1.


Top