EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009IP0126
The protection of consumers, in particular minors, in respect of the use of video games European Parliament resolution of 12 March 2009 on the protection of consumers, in particular minors, in respect of the use of video games (2008/2173(INI))
Il-ħarsien tal-konsumatur, partikolarment tal-minorenni, fir-rigward tal-użu tal-logħob tal-kompjuter Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta’ Marzu 2009 dwar il-ħarsien tal-konsumaturi, partikolarment tal-minorenni, fir-rigward tal-użu ta’ logħob tal-kompjuter (2008/2173(INI))
Il-ħarsien tal-konsumatur, partikolarment tal-minorenni, fir-rigward tal-użu tal-logħob tal-kompjuter Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta’ Marzu 2009 dwar il-ħarsien tal-konsumaturi, partikolarment tal-minorenni, fir-rigward tal-użu ta’ logħob tal-kompjuter (2008/2173(INI))
OJ C 87E, 1.4.2010, p. 122–126
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
1.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 87/122 |
Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2009
Il-ħarsien tal-konsumatur, partikolarment tal-minorenni, fir-rigward tal-użu tal-logħob tal-kompjuter
P6_TA(2009)0126
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2009 dwar il-ħarsien tal-konsumaturi, partikolarment tal-minorenni, fir-rigward tal-użu ta’ logħob tal-kompjuter (2008/2173(INI))
2010/C 87 E/21
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-22 ta’ April 2008 dwar il-ħarsien tal-konsumaturi, partikolarment tal-minorenni, fir-rigward tal-użu ta’ logħob tal-kompjuter (COM(2008)0207),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ Marzu 2002 dwar il-ħarsien tal-konsumaturi, partikolarment taż-żgħażagħ, permezz tat-tikkettar ta’ ċertu logħob tal-vidjow u logħob tal-kompjuter skont l-età (1),
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/952/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-ħarsien tal-minorenni u tad-dinjità tal-bniedem u dwar id-dritt ta’ tweġiba fir-rigward tal-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni online (2),
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali (COM(2007)0833),
wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni kif ukoll tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0051/2009),
A. |
billi l-popolarità tal-logħob tal-kompjuter hija kbira u qed tiżdied fl-Ewropa u s-suq għal-logħob tal-kompjuter qed jikber b’mod rapidu, |
B. |
billi l-biċċa l-kbira tal-logħob tal-kompjuter mhumiex vjolenti u jipprovdu divertiment lil min jużahom kif ukoll ħafna drabi jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ diversi ħiliet u tal-għarfien, |
C. |
billi fil-passat il-logħob tal-kompjuter kien l-aktar iffukat għall-minorenni, imma llum aktar logħob tal-kompjuter qed ikun magħmul għall-adulti, |
D. |
billi s-suq tal-logħob tal-kompjuter hu globali, |
E. |
billi hu fil-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar miżuri li jillimitaw il-bejgħ ta’ logħob tal-kompjuter jew li jipprojbixxuhom, |
F. |
billi l-ħarsien tas-saħħa mentali tat-tfal teħtieġ li ma jkunx hemm tolleranza u li jkun hemm azzjoni deċiża kontra l-ksur tad-dispożizzjonijiet għall-ħarsien tat-tfal marbutin mal-logħob tal-kompjuter, |
1. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar il-ħarsien tal-konsumaturi, partikolarment tal-minorenni, fir-rigward tal-użu ta’ logħob tal-kompjuter; |
2. |
Jenfasizza l-kontribuzzjoni tas-settur tal-logħob fil-kisba tal-objettivi tal-aġenda ta’ Liżbona u jenfasizza l-aspetti multikulturali ta’ ħafna logħob; |
3. |
Jenfasizza li l-logħob tal-kompjuter huwa stimulant kbir li minbarra d-divertiment jista’ jintuża għal skopijiet edukattivi; hu tal-fehma li l-iskejjel għandhom jiddedikaw ħin għal-logħob tal-kompjuter u jinfurmaw lit-tfal u lill-ġenituri dwar il-benefiċċji u l-iżvantaġġi li għandu l-logħob tal-kompjuter; |
4. |
Jisħaq li l-logħob tal-kompjuter huwa wieħed mill-attivitajiet rikreattivi favoriti taċ-ċittadini ta’ kull età u ta’ kull estrazzjoni soċjali; jagħraf il-valur edukattiv tal-logħob tal-kompjuter, inkluż li jgħin lill-minorenni jiffamiljarizzaw ruħhom mat-teknoloġiji l-ġodda; jaqsam, iżda, il-preokkupazzjoni espressa mill-Kummissjoni dwar il-ħsarat potenzjali li jiġu mill-użu ħażin tal-logħob tal-kompjuter mill-minorenni; |
5. |
Hu tal-fehma li l-logħob tal-kompjuter jista’ jistimula l-akkwist ta’ fatti u ħiliet bħall-ħsieb strateġiku, il-kreattività, il-koperazzjoni u l-ħsieb innovattiv, li huma ħiliet importanti fis-soċjetà tal-informatika; |
6. |
Jenfasizza l-benefiċċji tal-logħob tal-kompjuter fil-mediċina u, b’mod partikolari, li l-hekk imsejħa “terapija tal-logħob tal-kompjuter” ġiet ippruvata li kienet effettiva għar-riabilitazzjoni tal-pazjenti li sofrew puplesija, persuni bi ħsara trawmatika f’moħħhom, persuni bi problemi muskolari u tfal li għandhom l-awtiżmu; |
7. |
Hu tal-fehma li r-regoli tat-tikkettar armonizzati għal-logħob tal-kompjuter jiżguraw għarfien imtejjeb tas-sistemi tat-tikkettar u fl-istess ħin jippromwovu t-tħaddim effettiv tas-suq intern; għalhekk, jilqa’ b’sodisfazzjon ix-xogħol tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jippromwovi l-adozzjoni ta’ regoli tat-tikkettar fl-UE kollha dwar logħob tal-kompjuter u joħloq kodiċi ta’ kondotta volontarja dwar logħob interattiv maħsub għat-tfal; |
8. |
Jinnota li l-kundizzjonijiet tas-suq inbidlu sew minn sitwazzjoni fejn il-logħob tal-kompjuter kien l-aktar mixtri fi ħwienet u jintlagħab fuq kompjuter jew console għas-sitwazzjoni preżenti fejn il-logħob jista’ jinxtara u jitniżżel mill-internet; |
9. |
Jinnota li l-logħob tal-kompjuter jista’ jintlagħab fuq pjattaformi differenti bħal consoles u kompjuters personali, imma qed jiżdied l-użu fuq apparat mobbli bħat-telefown ċellulari; |
10. |
Ifakkar li l-logħob tal-kompjuter qed isir aktar interattiv jew qed ikollu wkoll kontenut dinamiku li jippermetti li l-utenti jiżviluppaw partijiet tal-logħba huma stess; jinnota li l-utenti għandhom possibilità akbar li jieħdu sehem f’forum ta’ diskussjonijiet, f’chat testwali jew bil-vuċi, u f’komunitajiet li jkunu integrati f’ċertu logħob tal-kompjuter; ifakkar fid-differenza fis-suq b’aktar logħob iddisinjat speċjalment għall-adulti; |
11. |
Hu tal-fehma li x-xejriet reċenti jżidu l-importanza li tkun assigurata protezzjoni adegwata tal-minorenni, inter alia, billi jkun evitat li dawn ikollhom aċċess għall-kontenut li jagħmel il-ħsara; |
12. |
Ifakkar li l-kontroll tal-ġenituri qed isir aktar diffiċli minħabba l-fatt li d-distribuzzjoni tal-logħob tal-kompjuter online mhux qed isir permezz ta’ pakkett fiżiku b’tikketta ċara u faċli tinqara u minħabba l-fatt li t-tfal jistgħu, mingħajr ma jkunu jafu l-ġenituri jew mingħajr il-kunsens tagħhom, iniżżlu logħob tal-kompjuter li ma jkunux adattati għall-età tagħhom; |
13. |
Jinnota li, filwaqt li l-vjolenza fil-logħob tal-kompjuter ma twassalx awtomatikament għal imġiba vjolenti, xi esperti madankollu huma tal-opinjoni li l-espożizzjoni fit-tul għal xeni ta’ brutalità fil-logħob tal-kompjuter jistgħu jħallu impatt negattiv fuq il-persuni li jilagħbu dan il-logħob, li potenzjalment iwassal għal imġiba vjolenti; jinnota, għalhekk, li għandha tittieħed strateġija ta’ prekawzjoni meta jiġi kkunsidrat l-impatt tal-logħob fuq l-imġiba, u speċjalment fuq dik ta’ tfal żgħar; |
14. |
Jenfasizza li l-vizzju hu problema għal uħud mill-utenti tal-logħob; jistieden lill-produtturi, lill-bejjiegħa bl-imnut, lill-ġenituri u l-partijiet interessati l-oħra biex jieħdu passi ħalli jevitaw kwalunkwe effett negattiv; |
15. |
Jenfasizza li l-iżvilupp attwali jżid il-ħtieġa ta’ sistemi ta’ verifika effettiva tal-età għal-logħob u l-aktar għal-logħob online; |
16. |
Hu tal-fehma li għandhom ikun eżaminati metodi differenti biex jissaħħaħ il-kontroll tal-logħob bil-kompjuter, waqt li fl-istess ħin ikun aċċettat li l-ebda sistema ma tista’ tipprovdi garanzija assoluta li t-tfal ma jkollhomx aċċess għal logħob bil-kompjuter mhux xieraq; |
17. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri f’koperazzjoni mal-industrija biex jesploraw il-vantaġġ li tkun żviluppata “buttuna ħamra” li tista’ tkun installata fuq console (mobbli) jew fuq apparat tal-logħob u kompjuters u li tista’ twaqqaf ċertu logħob jew li tista’ tikkontrolla l-aċċess għal-logħob waqt ċertu ħin jew ċerti partijiet ta’ logħba; |
18. |
Jitlob li f’dan ir-rigward ikun hemm sforzi addizzjonali, kif ukoll il-possibilità li jkun hemm twissija akustika fis-sistema tal-ikklassifikar tal-età tal-Informazzjoni Pan-Ewropea dwar il-Logħob (PEGI) u jinsab fiduċjuż li s-settur professjonali tal-logħob se jintegra b’mod sistematiku mudelli ta’ aċċess għal-logħob online, sabiex jiżgura li l-minorenni ma jkunux esposti għal materjal online perikoluż; |
19. |
Jenfasizza l-importanza ta’ miżuri ta’ kontroll adegwat għal xiri online relatat ma’ logħob tal-kompjuter, inklużi xiri li juża karti ta’ kreditu jew vouchers; |
20. |
Hu tal-fehma li l-iżviluppi relatati ma’ logħob tal-kompjuter, u partikolarment logħob tal-kompjuter online, jeħtieġu aktar għarfien pubbliku dwar il-kontenut ta’ logħob tal-kompjuter, dwar il-kontroll tal-ġenituri u ta’ strumenti bħas-sistema tal-ikklassifikar tal-età tal-Informazzjoni Pan-Ewropea dwar il-Logħob (PEGI); jilqa’ b’sodisfazzjon ix-xogħol li sar mill-industrija biex timplimenta l-awtoregolazzjoni; |
21. |
Jilqa’ s-sistema PEGI Online, li hija żvilupp loġiku tal-PEGI li jittratta l-logħob tal-kompjuter disponibbli fuq l-internet, bħal-logħob li jitniżżel jew il-logħob online; jappoġġja t-tkomplija tal-kofinanzjar tagħha mill-Kummissjoni permezz tal-Programm Internet aktar Sikur, li l-għan tiegħu huwa li jittratta kwistjonijiet relatati mal-użu sikur tal-Internet mit-tfal u ta’ teknoloġiji online ġodda; jistieden lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-Programm Internet aktar Sikur, biex tippromwovi studju sistematiku dwar l-effetti tal-logħob tal-kompjuter fuq il-minorenni; |
22. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon ix-xogħol li sar mill-Kunsill tal-Ewropa biex jistabbilixxi linji gwida għal-logħob bil-kompjuter kif ukoll biex jippromwovi l-għarfien fost it-tfal dwar is-sikurezza tal-internet b’mod ġenerali; |
23. |
Iqis li għandhom ikunu organizzati kampanji ta’ informazzjoni nazzjonali u kampanji li joħolqu kuxjenza fost il-konsumaturi, b’mod partikolari għall-ġenituri, biex jgħinuhom jagħżlu logħob tal-kompjuter li huma adattati għall-età u għar-rekwiżiti ta’ għarfien tat-tfal tagħhom u biex jevitaw prodotti li mhumiex tikkettati b’mod xieraq; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaqsmu l-aħjar prattiki f’dan il-qasam; |
24. |
Hu tal-fehma li l-introduzzjoni tas-sistema PEGI biex tikklassifika l-logħob hi mezz importanti li tejjbet it-trasparenza għall-konsumaturi, speċjalment għall-ġenituri, meta dawn jixtru l-logħob billi tippermettilhom jagħmlu għażla meqjusa dwar jekk logħba hijiex adattata għat-tfal; jiddispjaċih, madankollu, li ħafna konsumaturi u speċjalment ġenituri ma jidhirx li għandhom biżżejjed tagħrif dwar il-logħob bil-kompjuter u l-effetti possibbli tiegħu fuq it-tfal; |
25. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri li jikkontribwixxu għal ambjent aktar sikur għal-logħob tal-kompjuter online, inklużi metodi innovattivi li jwaqqfu lill-minorenni milli jkollhom aċċess għal-logħob tal-kompjuter online b’kontenut li ma jkunx xieraq għalihom; |
26. |
Jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jaħdmu mill-qrib flimkien ħalli jippromwovu l-ħarsien tal-minorenni; jistieden l-industriji tal-logħob tal-kompjuter u tal-console, biex itejbu s-sistemi tal-PEGI u tal-PEGI Online, b’mod patikolari, biex regolarment ikunu aġġornati l-kriterji għall-klassifikazzjoni tal-età u t-tikkettar, biex il-PEGI tkun irriklamata b’mod aktar effettiv u biex tiżdied il-lista tal-firmatarji; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li kwalunkwe sistema ta’ klassifikar nazzjonali ma tiżviluppax b’mod li twassal għall-frammentazzjoni tas-suq; |
27. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u ma’ partijiet oħra interessati, permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni, biex iqajmu kuxjenza fost il-konsumaturi, speċjalment fost il-konsumaturi żgħażagħ, u l-ġenituri tagħhom, dwar is-sistemi ta’ klassifikar fis-seħħ u b’mod partikolari s-sistema PEGI; jenfasizza l-importanza li din l-informazzjoni tkun ippruvata fl-iskejjel; |
28. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jmexxu kampanji ta’ informazzjoni għall-ġenituri u l-għalliema tal-iskejjel bit-tir li jimtela l-vojt ġenerazzjonali fit-teknoloġija u għall-promozzjoni tal-PEGI u s-sistemi PEGI online u ta’ użu aktar sikur u aktar konxju mit-teknoloġiji l-ġodda, inklużi l-logħob tal-kompjuter; |
29. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet edukattivi nazzjonali kompetenti fuq medda ta’ żmien qasir sabiex il-litteriżmu dwar il-logħob ikun integrat fl-objettivi edukattivi tal-iskejjel primarji u sekondarji; jitlob li jkun hemm skambju regolari ta’ esperjenzi u informazzjoni mill-partijiet kollha kkonċernati sabiex jiġu żviluppati prattiki tajbin rigward il-logħob tal-kompjuter; |
30. |
Jenfasizza li attwalment mhux l-Istati Membri kollha għandhom regoli li jiżguraw li l-bejjiegħa bl-imnut jillimitaw il-bejgħ ta’ logħob vjolenti għall-adulti, u jistieden lill-proprjetarji ta’ internet cafe biex jevitaw li t-tfal jilagħbu logħob li jkun ikklassifikat għal età ogħla fl-internet cafe tagħhom; jirreferi għall-istħarriġ tal-Ewrobarometru “Lejn l-użu aktar sikur tal-Internet mit-tfal fl-UE - il-perspettiva tal-ġenituri” (3), ippubblikat fid-9 ta’ Diċembru 2008, li sab li 3,2 % tat-tfal ta’ bejn is-6 u s-17-il sena għandhom aċċess għall-internet minn internet cafes bla superviżjoni mill-adulti; hu tal-fehma li metodu komuni ta’ sanzjonijiet qawwija għall-bejjiegħa bl-imnut u proprjetarji ta’ internet cafe ikun ta’ benefiċċju; jistieden, għalhekk lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri adegwati li ma jħallux tfal jixtru u jilagħbu logħob li jkun ikklassifikat għal livell ta’ età ogħla, pereżempju permezz tal-kontroll tal-identità; jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi introdott kodiċi ta’ kondotta pan-Ewropea għall-bejjiegħa bl-imnut u għall-produtturi tal-logħob tal-kompjuter sabiex ikun evitat il-bejgħ ta’ logħob tal-kompjuter vjolenti u li jagħmel ħsara lill-minorenni; |
31. |
Jistieden lill-Istati Membri biex jabbozzaw leġiżlazzjoni ċivili u kriminali speċifika dwar il-bejgħ bl-imnut ta’ logħob għat-televixin, għall-vidjow u għall-kompjuter li jkun vjolenti; jikkunsidra li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil-logħob online immirat primarjament għat-tfal u ż-żgħażagħ li l-iskop tiegħu huwa l-profitt; |
32. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex ma tinkuraġġixxix, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi speċifiċi, l-użu ħażin tal-logħob online għal attivitajiet kummerċjali diżonesti, bħalma huma dawk li b’mod diżonest iwasslu lill-utenti ta’ taħt l-età biex jidħlu f’impenji legali (eż. permezz ta’ abbonamenti awtomatizzati jew il-programmi ta’ telefonar malizzjużi li jużaw linji għaljin) u li jibagħtu messaġġi promozzjonali antikompetittivi (eż. il-pjazzament ta’ prodotti jew tekniki okkulti oħrajn ta’ marketing); |
33. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu mal-awtoritajiet f’partijiet oħra tad-dinja ħalli jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta’ linji gwida internazzjonali, ta’ sistema ta’ tikkettar u ta’ kodiċi ta’ kondotta li jippromwovu sistemi ta’ kklassifikar globali għal-logħob bil-kompjuter u l-logħob online; |
34. |
Hu tal-opinjoni li l-industrija għandha tkun imħeġġa li tiżviluppa u ttejjeb aktar is-sistemi awtoregolatorji u li attwalment mhemmx ħtieġa għal-leġiżlazzjoni li tiġbor l-UE kollha f’dan il-qasam; |
35. |
Ifakkar f’kemm hu importanti li l-midja tqajjem is-sens ta’ responsabilità fost il-ġenituri u li tirristrinġi r-reklamar ta’ logħob tal-kompjuter tal-kbar għall-ħinijiet meta t-tfal jaraw anqas it-televiżjoni; |
36. |
Huwa tal-fehma li l-awtoritajiet pubbliċi li huma responsabbli li jipprojbixxu l-logħob tal-kompjuter għandhom jinfurmaw lill-partijiet korrispondenti tagħhom fi Stati Membri oħra u jippubblikaw il-projbizzjoni fis-sistema tal-PEGI billi jibagħtu messaġġ ta’ allarm awtomatiku; |
37. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tal-programm MEDIA u tal-mekkaniżmi nazzjonali għall-eżenzjoni mit-taxxa, tappoġġja żviluppi ġodda f’dan is-settur li qed jikber malajr tal-ekonomija ta’ għarfien kreattiv, b’mod partikulari permezz tal-promozzjoni tal-elementi edukattivi, multimedjali u kulturali tal-logħob tal-kompjuter u permezz ta’ opportunitajiet ekwivalenti ta’ taħriġ u korsijiet ta’ studju; |
38. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa linji gwida għall-prevenzjoni ta’ kull kunflitt ta’ interess possibbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-klassifikazzjoni u għall-ħarsien tal-indipendenza ta’ tali organizzazzjonijiet mill-gruppi ta’ interess marbutin mal-industrija; |
39. |
Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri. |
(2) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 72.
(3) http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_248_en.pdf.