EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009IP0119
Greening of transport and internalisation of external costs European Parliament resolution of 11 March 2009 on the greening of transport and the internalisation of external costs (2008/2240(INI))
Trasport aktar ekoloġiku u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta' Marzu 2009 dwar trasport aktar ekoloġiku u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni (2008/2240(INI))
Trasport aktar ekoloġiku u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta' Marzu 2009 dwar trasport aktar ekoloġiku u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni (2008/2240(INI))
OJ C 87E, 1.4.2010, p. 76–79
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
1.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 87/76 |
L-Erbgħa, 11 ta’ Marzu 2009
Trasport aktar ekoloġiku u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni
P6_TA(2009)0119
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2009 dwar trasport aktar ekoloġiku u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni (2008/2240(INI))
2010/C 87 E/14
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2008 bit-titolu “Nagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku” (COM(2008)0433),
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2008 bit-titolu “Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni” (COM(2008)0435),
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2008 bit-titolu “Miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju maħsuba għall-flotta eżistenti” (COM(2008)0432),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 bit-titolu “Inżommu lill-Ewropa miexja - Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna” (1),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar politika Ewropea tat-trasport sostenibbli li tqis il-linji politiċi Ewropej dwar l-enerġija u l-ambjent (2),
wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0055/2009),
A. |
billi l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea huma li tnaqqas il-gassijiet b'effett ta' serra b’20 %, iżżid l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli għal 20 % u tnaqqas il-konsum tal-enerġija b’20 %, kollha sal-2020, |
B. |
billi, rigward l-għan li t-trasport isir iktar ekoloġiku, il-Kummissjoni pproponiet sensiela ta' suġġerimenti bl-objettiv li jiġġieldu kontra l-bidla fil-klima, komunikazzjoni dwar l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għall-mezzi kollha ta' trasport, komunikazzjoni dwar it-tnaqqis tal-ħsejjes ferrovjarji, u proposta leġiżlattiva speċifika waħda għar-reviżjoni tal-ħlasijiet għall-użu tat-toroq minn vetturi tal-ġarr tal-merkanzija tqal, |
C. |
billi l-Artikolu 11, paragrafu 3 u 4, tad-Direttiva tal-Eurovignette (3) kif emendata fl-2006, stipula li: “Mhux iktar tard mill-10 ta' Ġunju 2008 l-Kummissjoni, wara li tkun eżaminat l-għażliet kollha, inklużi spejjeż marbuta mal-ambjent, mal-ħsejjes, mal-konġestjoni u mas-saħħa, għandha tippreżenta mudell applikabbli b'mod ġenerali, trasparenti u komprensibbli għall-valutazzjoni tal-ispejjeż esterni kollha sabiex iservi bħala l-bażi għall-kalkolu fil-ġejjieni tal-ħlasijiet għall-infrastruttura. Dan il-mudell għandu jkun akkumpanjat minn analiżi tal-impatt tal-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni għall-modi kollha ta' trasport u minn strateġija għal implimentazzjoni fi stadji tal-mudell għall-modi kollha ta' trasport. Ir-rapport u l-mudell għandhom ikunu akkumpanjati, fejn ikun xieraq, minn proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal reviżjoni ulterjuri ta' din id-Direttiva”, |
D. |
billi l-internalizzazzjoni trid tkun integrata f’politika aktar komprensiva li tippromwovi l-ko-modalità u sistema sostenibbli tat-trasport u billi din il-politika għandha tinkludi wkoll il-promozzjoni tar-riċerka, il-finanzjament tal-infrastruttura, il-ftuħ tas-swieq u l-istandardizzazzjoni; billi, madankollu, dawn is-sinjali ta’ prezzijiet infushom mhux se jkunu biżżejjed biex ibiddlu l-imġiba tal-utenti sakemm l-alternattivi meħtieġa jkunu disponibbli għalihom (karozzi aktar nodfa, forom alternattivi ta’ trasport, eċċ), |
E. |
billi l-Kummissjoni ddeskriviet b’mod konvinċenti l-impatt negattiv fuq is-saħħa pubblika tal-istorbju tal-ferroviji, iżda madankollu, bħala l-ġebla tax-xeka għall-inizjattiva tagħha għat-tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju, qiegħda sempliċiment tistipula rekwiżit biex il-vetturi tal-merkanzija jkunu “mgħammra bi brejkijiet b'ħoss baxx”, |
Trasport iktar ekoloġiku
1. |
Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar trasport iktar ekoloġiku bħala pass inizjali importanti lejn approċċ iktar komprensiv li jagħmel it-trasport, fil-ħafna modi varjati tiegħu, iktar rispettuż tal-ambjent, u wkoll bħala rikonoxximent tal-importanza u l-ħtieġa li t-trasport isir iktar effiċjenti fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima; |
2. |
Jirrimarka li l-mobilità toffri benefiċċji kbar għall-kwalità tal-ħajja personali, għat-tkabbir u għall-impjiegi fl-UE, għall-koeżjoni soċjo-ekonomika, għall-kummerċ ma' pajjiżi mhux membri tal-UE, u għall-intrapriżi u l-impjegati involuti direttament jew indirettament fil-qasam tat-trasport u tal-loġistika; |
3. |
Jirrikonoxxi li, minbarra li għandha effetti pożittivi u li hi indispensabbli għall-iżvilupp ekonomiku tal-Unjoni Ewropea u l-koeżjoni ekonomika-soċjali u territorjali, il-mobilità għandha wkoll effetti negattivi fuq l-ambjent naturali u fuq il-bnedmin, u għalhekk isostni li l-politika tat-trasport Ewropea – mingħajr ma tinjora l-interessi leġittimi tal-individwi u tal-industrija fejn tidħol il-mobilità – għandha tkompli tfittex li tagħmel iktar ekoloġiku l-qasam tat-trasport sabiex telimina, jew tal-inqas tnaqqas, l-effetti ta' ħsara, skont l-objettivi tal-Unjoni fil-ġlieda kontra t-tisħin globali sal-2020; |
4. |
Jilqa’ l-fatt li fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għamlet “inventarju” tal-miżuri meħuda s'issa mill-UE biex tippromwovi politika ta’ trasport sostenibbli; |
5. |
Jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset li tipproduċi pjan integrat sabiex it-trasport isir aktar ekoloġiku, jiġifieri pjan li jkopri kull qasam tat-trasport; josserva li l-Kummissjoni ħadet inizjattivi preliminari li finalment għandhom iwasslu għal strateġija komprensiva għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-modi kollha ta' trasport; iżda minflok s'issa:
|
6. |
Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex, għall-mezzi kollha ta' trasport, tagħmel dispożizzjoni għall-miżuri u l-istrumenti neċessarji biex it-trasport ikompli jsir iktar ekoloġiku, waqt li tqis il-konvenzjonijiet internazzjonali fis-seħħ u l-miżuri li diġà ttieħdu fis-setturi differenti tat-trasport, b'referenza għal dawk il-proposti, twettaq evalwazzjonijiet tal-impatt xjentifikament effikaċi tal-miżuri individwali u tal-konsegwenzi tagħhom fuq il-kompetizzjoni f'termini ta' modi kif ukoll tal-impatt tagħhom fuq l-ispejjeż tal-mobilità u tal-kompettitività; u biex, fuq din il-bażi, tippreżenta pjan integrat għal trasport iktar ekoloġiku, flimkien ma' proposti leġiżlattivi speċifiċi; |
L-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni
7. |
Jinnota li fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-istrateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, il-Kummissjoni naqset li tissodisfa l-obbligu impost fuqha mill-Parlament u mill-Kunsill, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Eurovignette kif emendata, ladarba ma fasslitx u ma ressqitx – kif ammettiet hi stess – mudell applikabbli b’mod ġenerali, trasparenti u komprensibbli għall-valutazzjoni globali tal-ispejjeż esterni, ma analizzatx l-impatt fuq il-modi kollha ta’ trasport u, fil-livell prattiku, ipproduċiet fir-rigward tal-vetturi tqal biss l-ewwel pass ta' strateġija għall-implementazzjoni gradwali tal-mudell għall-modi kollha ta' trasport; |
8. |
Jinnota li fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni saru referenzi estensivi għall-Ktieb ta' Gwida ppubblikat f'Jannar 2008 rigward il-kalkolu tal-ispejjeż esterni, li jgħaqqad l-għarfien xjentifiku l-aktar reċenti rigward il-kalkolu tal-ispejjeż esterni fil-qasam tat-trasport; |
9. |
Jinnota li l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha, ippreżentat ġustifikazzjonijiet xjentifikament koerenti għall-ħlas ta' spejjeż esterni individwali mill-mezzi differenti ta' trasport, u adottat dak li tiddeskrivi bħala “approċċ prammatiku msejjes fuq l-ispiża medja”; jappoġġa b'mod ġenerali l-bażi magħżula mill-Kummissjoni tal-ipprezzar tal-ispejjeż soċjali marġinali, f'konformità mal-White Paper dwar it-Trasport tal-2001; |
10. |
Jinnota li fil-komunikazzjoni tagħha u fil-proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 1999/62/KE (id-Direttiva tal-Eurovignette) il-Kummissjoni espliċitament tqis il-prinċipju li min iniġġes iħallas, stabbilit fl-Artikolu 175 (5) tat-Trattat; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, fil-passi ulterjuri fir-rigward tal-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni, biex jitqiesu l-forom kollha ta' internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni li diġà jeżistu, bħal taxxi taż-żejt u ħlasijiet tat-toroq; |
11. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex meta tressaq iktar proposti biex il-qasam tat-trasport isir aktar ekoloġiku, tinkludi evalwazzjonijiet dwar l-impatt tal-kompetizzjoni bejn il-mezzi tat-trasport u dwar l-impatti soċjali u ambjentali assoċjati, kif sar bil-proposta biex tiġi reveduta d-Direttiva 1999/62/KE (d-Direttiva tal-Eurovignette), u biex tinkludi l-ispejjeż tal-mobilità u tal-kompetittività; |
12. |
Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma pproponietx miżuri biex tnaqqas l-effetti ta’ żieda fid-distanza li tirriżulta mit-tkabbir tal-UE u ma għamlet ebda previżjonijiet dwar il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tagħha, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri li għandhom ostakoli ġeografiċi u għal dawk li s'issa għad m’għandhomx alternattivi multimodali; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tirrimedja dawn in-nuqqasijiet bħala parti mir-reviżjoni futura tan-netwerks tat-trasport trans-Ewropew (TENs); |
13. |
Jinkoraġixxi lill-Kummissjoni, għal dan l-iskop, biex tippreżenta proposta supplimentari għal kurituri għall-mobilità multimodali (“kurituri ekoloġiċi”) bħala parti mir-reviżjoni tat-TEN-T, li tibbilanċja l-piżijiet imposti mill-proposta preżenti billi tippermetti aċċessibbiltà u mobilità mingħajr ostakli; |
14. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex l-ewwel nett tieħu passi mingħajr dewmien sabiex tipproduċi proposti konkreti għall-modi kollha ta' trasport, u t-tieni nett, biex twettaq il-kompitu li joħroġ mill-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Eurovignette kif emendata billi tressaq pjan komprensiv għall-kalkolu u l-ħlas tal-ispejjeż esterni u ta’ evalwazzjoni tal-impatt tagħhom fuq il-bażi ta' mudell komprensibbli; |
Tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju
15. |
Jagħraf li fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju għall-flotta eżistenti, il-Kummissjoni wieġbet għall-bżonn tat-tnaqqis tat-fastidju mill-ħsejjes, b’mod partikulari mill-vaguni tal-merkanzija, għan-nies li jgħixu qrib il-linji ferrovjarji; |
16. |
Jenfasizza li l-adattament ta’ vaguni bi prezz raġonevoli jippresupponi r-riżoluzzjoni tal-ostakli tekniċi eżistenti kif ukoll l-eliminazzjoni tal-piżijiet amministrattivi fiċ-ċertifikati relevanti malajr kemm jista’ jkun u qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura leġiżlattiva li torbot; |
17. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal direttiva bl-għan li tintroduċi ħlasijiet marbuta mal-istorbju għall-aċċess għal-linji ferrovjarji għal-lokomottivi u l-vaguni sabiex tipprovdi inċentivi kemm jista' jkun malajr għall-impriżi ferrovjarji biex jarmaw mill-ġdid il-flottot tagħhom b'vetturi li jagħmlu ftit ħoss billi jissostitwixxu l-blokok tal-brejkijiet; iqis li, jekk ikun meħtieġ u fejn ikun meħtieġ, jistgħu jitqiesu wkoll miżuri għal perjodu ta' żmien qasir u li l-ebda miżura leġiżlattiva m’għandu jkollha impatt negattiv fuq is-settur ferrovjarju f’kompetizzjoni intermodali; |
18. |
Jistenna mill-Kummissjoni li fil-proposta tagħha tipprovdi metodu prattikabbli li, permezz tal-allokazzjoni tad-dħul, jiggarantixxi li dan it-tip ta' titjib ma jsirx biss fil-vaguni li jkunu proprjetà tal-impriżi ferrovjarji, iżda jkun estiż ukoll għall-vaguni ta' kumpanniji oħra li jiġu trasportati minn intrapriżi ferrovjarji; |
*
* *
19. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU C 175E, 10.7.2008, p. 556.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2008)0087.
(3) Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42).