EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0097

Integrità tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' Marzu 2009 dwar l-integrità tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet (2008/2215(INI))

OJ C 87E, 1.4.2010, p. 30–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/30


It-Tlieta, 10 ta’ Marzu 2009
Integrità tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet

P6_TA(2009)0097

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2009 dwar l-integrità tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet (2008/2215(INI))

2010/C 87 E/08

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mehmuża mat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-każistika żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern (2) (id-Direttiva dwar is-Servizzi),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televixin (3) (Id-Direttiva dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżiva),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, b'mod partikulari l-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Mejju 2008 dwar il-“White Paper” dwar l-Isport (6),

wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur lill-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2006 dwar il-logħob tal-ażżard u l-imħatri fuq l-isports fis-Suq Intern (O-0118/2006) u d-dibattitu li segwa fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Komsumatur fl-14 ta' Novembru 2006, u t-tweġiba mogħtija mill-Membru tal-Kummissjoni,

wara li kkunsidra d-dokument informattiv dwar il-logħob tal-ażżard fuq l-internet, li jiffoka fuq l-integrità u l-kodiċi ta' kondotta għal dan il-logħob, ippreparat għall-Parlament Ewropew mill-Europe Economics Research Ltd,

wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizzi tal-Logħob tal-Ażżard fis-Suq Intern tal-Unjoni Ewropea bid-data tal-14 ta' Ġunju 2006, ippreparat għall-Kummissjoni mill-Istitut Żvizzeru tal-Liġi Komparattiva (SICL),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0064/2009),

A.

billi bħalissa, il-logħob tal-ażżard, b'valur ta' EUR 2 sa 3 biljun fi dħul gross tal-logħob fl-2004, jilħaq bejn wieħed u ieħor 5 % tas-suq totali tal-logħob tal-ażżard fl-UE, kif ġie indikat mill-istudju msemmi hawn fuq mill-SICL, u t-tkabbir mgħaġġel jidher inevitabbli,

B.

billi d-dħul iġġenerat minn attivitajiet tal-logħob tal-ażżard tal-gvern u awtorizzati mill-gvern huwa bil-bosta l-aktar sors importanti ta’ dħul għall-organizzazzjonijiet sportivi f’ħafna Stati Membri,

C.

billi l-attivitajiet tal-logħob huma tradizzjonalment irregolati b'mod riġidu mill-Istati Membri kollha fuq il-bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, sabiex il-konsumaturi jiġu protetti mid-dipendenza u mill-frodi, jiġi evitat il-ħasil tal-flus u reati finanzjarji oħra, bħal-logħob mixtri, u tinżamm l-ordni pubblika; billi l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja taċċetta restrizzjonijiet tal-libertà tal-istabbilitment u tal-libertà tal-għoti tas-servizzi fid-dawl ta' għanijiet ta' interess ġenerali, jekk dan isir b'mod proporzjonat u mhux diskriminatorju,

D.

billi l-Istati Membri kollha ddivrenzjaw tali restrizzjonijiet skond it-tip ta’ servizz ta’ logħob tal-ażżard ikkonċernat, bħal ma huma logħob fil-każinò, imħatri fuq l-isport, lotteriji jew imħatri fuq tiġrijiet taż-żwiemel; billi l-maġġoranza tal-Istati Membri jipprojbixxu l-operazzjoni – inkluż minn operaturi lokali - ta’ logħob tal-każinò fuq l-internet, u numru sinifikanti jipprojbixxu bl-istess mod l-operazzjoni tal-imħatri fuq sport fuq l-internet u lotteriji fuq l-internet,

E.

billi l-attivitajiet tal-logħob kienu esklużi mill-ambitu tad-Direttivi 2006/123/KE, 2007/65/KE u 2000/31/KE, u l-Parlament Ewropew wera t-tħassib tiegħu dwar it-tneħħija possibbli tar-regolazzjoni tal-logħob tal-ażżard fir-riżoluzzjoni tiegħu fuq imsemmija dwar il-White Paper dwar l-Isport,

F.

billi Stati Membri rregolaw s-swieq tradizzjonali tal-logħob tal-ażżard bil-għan li jipproteġu l-konsumatur kontra d-dipendenza, il-frodi, il-ħasil tal-flus u l-logħob mixtri; billi dawn l-għanijiet ta’ politika huma aktar diffiċli li jintlaħqu fis-settur tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet,

G.

billi l-Kummissjoni fetħet proċeduri ta' ksur ta’ regolamenti kontra għaxar Stati Membri sabiex tivverifika jekk il-miżuri nazzjonali li jillimitaw il-forniment bejn il-fruntieri tas-servizzi tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet, b'mod partikulari l-imħatri fuq l-isports, humiex kompatibbli mil-liġi tal-Komunità; billi, kif enfassizat il-Kummissjoni, dawn il-proċeduri ma jolqtux l-eżistenza ta’ monopolji jew lotteriji nazzjonali bħala tali, lanqas ma għandhom xi implikazzjoni fuq il-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-logħob tal-ażżard in ġenerali,

H.

billi għadd dejjem jiżdied ta’ kwistjonijiet preliminari dwar każi relatati mal-logħob tal-ażżard qed ikunu riferuti lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, li juru b’mod ċar nuqqas ta’ ċarezza dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja fir-rigward tal-logħob tal-ażżard,

I.

billi l-integrità fil-kuntest ta’ din ir-riżoluzzjoni dwar il-logħob tal-ażżard fuq l-internet tfisser impenn biex jiġu evitati mhux biss il-frodi u r-reati imma wkoll il-problemi tal-logħob tal-ażżard u tal-logħob fost persuni taħt l-età, permezz ta' konformità mal-liġijiet dwar il-ħarsien tal-konsumatur u l-liġijiet kriminali, u l-ħarsien tal-kompetizzjonijiet sportivi minn influwenza mhux xierqa assoċjata mal-imħatri fuq l-isports,

J.

billi l-logħob tal-ażżard onlajn jgħaqqad ħafna fatturi ta' riskju relatati mal-problema tal-logħob, bħal fost l-oħrajn aċċess faċli għal-logħob, id-disponibilità ta' varjetà ta' logħob u inqas limitazzjonijiet soċjali (7),

K.

billi attivitajiet ta’ mħatri fuq l-isports u logħob fuq l-internet ieħor żviluppaw malajr u b'mod mhux ikkontrollat (partikularment fuq livell transkonfinali fuq l-Internet), u t-theddida dejjem eżistenti tal-logħob mixtri u l-fenomenu ta’ “lay bets” fuq avvenimenti sportivi speċifiċi jagħmel l-isports partikulament vulnerabbli għal imġiba ta’ imħatri llegali,

Suq trasparenti li jipproteġi l-interessi tal-pubbliku u tal-konsumatur

1.

Jenfasizza li, bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mal-każistika kostanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom interess u dritt li jirregolaw u jimmonitoraw is-swieq tal-logħob skont it-tradizzjoni u l-kultura tagħhom sabiex jipproteġu l-konsumaturi mid-dipendenza, il-frodi, il-ħasil tal-flus u l-logħob mixtri fl-isport kif ukoll biex jipproteġu l-istrutturi ta’ finanzjament mibnija kulturalment li jiffinanzjaw attivitajiet sportivi u kawżi soċjali oħrajn fl-Istati Membri; jenfasizza li l-partijiet interessati l-oħra kollha wkoll għandhom interess f'suq tal-logħob li jkun ikkontrollat tajjeb u rregolat; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-operaturi tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet għandhom jirrispettaw il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn jipprovdu s-servizzi tagħhom u fejn jgħix il-konsumatur;

2.

Jenfasizza li s-servizzi tal-logħob tal-ażżard għandhom jitqiesu bħala attività ekonomika ta’ natura speċjali ħafna minħabba l-ordni soċjali u pubbliku u aspetti tal-ħarsien tas-saħħa marbuta magħha, fejn il-kompetizzjoni ma twassalx għal allokazzjoni aħjar ta’ riżorsi, li hija r-raġuni għala l-logħob tal-ażżard jeħtieġ approċċ fuq diversi livelli; jenfasizza li approċċ pur ta’ Suq Intern mhuwiex xieraq f’dan il-qasam sensittiv ħafna u jitlob lill-Kummissjoni li tagħti attenzjoni partikulari lill-fehmiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni;

3.

Jappoġġja x-xogħol mibdi fil-Kunsill taħt il-Presidenza Franċiża, li jindirizza l-kwistjonijiet fil-qasam ta’ logħob tal-ażżard u tal-imħatri fuq l-internet u tradizzjonali; jitlob lill-Kunsill biex ikompli jorganizza diskussjonijiet formali dwar soluzzjoni politika potenzjali rigward kif għandhom jiġu ddefiniti u indirizzati l-problemi kkawżati mil-logħob tal-ażżard fuq l-internet, u jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġja dan il-proċess u twettaq studji u tressaq proposti xierqa meqjusa pożittivi mill-Kunsill għall-kisba tal-objettivi komuni fil-qasam tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet;

4.

Jitlob lill-Istati Membri biex jikkoperaw mill-qrib sabiex isolvu l-problemi soċjali u ta’ ordni pubbliku li joħorġu mil-logħob tal-ażżard transkonfinali fuq l-internet, bħal ma huma d-dipendenza fuq il-logħob tal-ażżard u l-użu ħażin tad-data personali jew tal-karti ta’ kreditu; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkoperaw mill-qrib mal-Istati Membri fil-ġlieda kontra s-servizzi kollha mhux awtorizzati jew illegali ta' logħob tal-ażżard li jiġu offruti fuq l-internet, u biex iħarsu lill-konsumaturi u jevitaw il-frodi; jenfasizza l-ħtieġa ta' pożizzjoni komuni dwar kif dan għandu jsir;

5.

Jisħaq li r-regolaturi u l-operaturi għandhom jikkoperaw mill-qrib mal-partijiet l-oħra interessati li joperaw fil-qasam tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet, eż. operaturi tal-logħob tal-ażżard, regolaturi, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, organizzazzjonijiet tal-isport, assoċjazzjonijiet tal-industrija u l-mezzi ta' komunikazzjoni, li jaqsmu bejniethom responsabiltà konġunta għall-integrità tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet u biex jinfurmaw lill-konsumaturi dwar il-konsegwenzi negattivi possibbli tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet;

It-trattament ta' frodi u forom oħra ta' mġiba kriminali

6.

Jinnota li attivitajiet kriminali, bħal ma huma l-ħasil tal-flus u ekonomiji suwed, jistgħu jkunu assoċjati ma’ attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard u jħallu impatt fuq l-integrità ta’ avvenimenti sportivi; iqis li t-tħeddida għall-integrità ta’ l-isport u l-kompetizzjonijiet sportivi tħalli impatt fuq il-parteċipazzjoni fil-livell taċ-ċittadin, kontributur ewlieni għas-saħħa pubblika u l-integrazzjoni soċjali; huwa tal-fehma li, jekk sport jitqies bħala suġġett ta’ manipulazzjoni għall-qligħ finanzjarju għal min jilgħabu, uffiċjali jew partijiet terzi aktar milli jitlagħab skont il-valuri u r-regoli tiegħu u għat-tgawdija tad-dilettanti tiegħu, dan jista' jwassal għat-telf tal-fiduċja pubblika;

7.

Huwa tal-fehma li ż-żieda fil-logħob tal-ażżard fuq l-internet tipprovdi iżjed opportunitajiet għal prattika korrotta bħal ma huma l-frodi, il-logħob mixtri, il-kartelli tal-imħatri illegali u l-ħasil tal-flus, għax il-logħob tal-ażżard fuq l-internet jista’ jitwaqqaf u jiżżarma b’mod mgħaġġel ħafna u minħabba l-proliferazzjoni ta' operaturi offshore; jistieden lill-Kummissjoni, l-Europol u istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali oħra biex jimmonitoraw mill-qrib u jirrapportaw dwar sejbiet f’dan il-qasam;

8.

Iqis li l-protezzjoni tal-integrità tal-avvenimenti u l-kompetizzjonijiet sportivi jeħtieġu kooperazzjoni bejn is-sidien tad-drittijiet tal-isports, l-operaturi tal-imħatri fuq l-internet u l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE u dak internazzjonali;

9.

Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet sportivi, l-operaturi tal-imħatri u r-regolaturi jikkoperaw fuq miżuri biex jindirizzaw ir-riskji marbuta mal-imġiba illegali rigward l-imħatri u l-logħob mixtri fl-isport u jesploraw it-twaqqif ta' qafas regolatorju ekwu, sostenibbli u li jaħdem biex jipproteġi l-integrità tal-isport;

10.

Jenfasizza li l-imħatri tal-isport huma forma ta' esplojtazzjoni kummerċjali tal-kompetizzjonijiet sportivi, u jirrakkomanda li l-Istati Membri jipproteġu l-kompetizzjonijiet tal-isport minn kwalunkwe użu kummerċjali mhux awtorizzat, b'mod partikulari billi jirrikonxxu d-drittjiet tal-organizzaturi tal-isport, u jimplimentaw arranġamenti biex jiżguraw profitti finanzjarji ġusti għall-benefiċċju tal-livelli kollha tal-isport professjonali jew amateur; jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina jekk hux possibbli li l-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet jingħataw dritt tal-proprjetà intellettwali (xi tip ta' dritt tar-ritratti persunali  (8)) fuq il-kompetizzjonijiet tagħhom;

Il-prevenzjoni tal-ħsara lill-konsumatur

11.

Iqis li l-opportunità potenzjali dejjem preżenti pprovduta mill-Internet biex tilgħab l-ażżard fuq l-internet fil-privatezza b’riżultati immedjati u bil-possibiltà li jintlagħbu somom kbar ta’ flus, toħloq potenzjal ġdid għad-dipendenza fuq il-logħob tal-ażżard; jinnota, madankollu, li l-impatt sħiħ fuq il-konsumaturi tal-forom speċifiċi tas-servizzi tal-logħob tal-ażżard offruti fuq l-internet għadu mhux magħruf u għandu jiġi rriċerkat f'aktar dettall;

12.

Jiġbed l-attenzjoni għat-tħassib li qed jiżdied dwar il-ħila ta’ persuni żgħażagħ li jsibu opportunitajiet ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet, kemm legali kif ukoll illegali, u jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm kontroll aktar effettiv tal-età u sabiex ikun evitat li lagħba taħt l-età jilagħbu f'wirjiet b’xejn fuq is-siti web;

13.

Jirrimarka li ż-żgħażagħ, b'mod partikulari, jistgħu ma jagħmlux differenza faċilment bejn il-kunċetti ta' xorti, destin, riskju u probabiltà; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-fatturi ta’ riskju ewlenin li jistgħu jżidu l-probabiltà li persuna (żagħżugħa) tiżviluppa problema ta’ logħob tal-ażżard, u sabiex isibu għodod li jimmiraw lejn dawk il-fatturi;

14.

Huwa mħasseb dwar ir-rabta li dejjem tikber bejn it-televixin interattiv, it-telefoni ċellulari u s-siti tal-internet biex joffru logħob remot jew logħob tal-ażżard fuq l-internet immirat b'mod partikulari għall-minorenni; iqis li dan l-iżvilupp se jwassal għal sfidi ġodda regolatorji u dwar il-ħarsien soċjali;

15.

Huwa tal-fehma li l-logħob tal-ażżard fuq l-internet għandu t-tendenza jwassal għal riskji għall-konsumatur u li l-Istati Membri jistgħu għalhekk jirristrinġu b'mod leġittimu l-libertà li jiġu provduti servizzi għal-logħob tal-ażżard fuq l-internet sabiex jiġu protetti l-konsumaturi;

16.

Jenfassiza li l-ġenituri għandhom ir-responsabiltà li jipprevjenu logħob tal-ażżard minn persuni taħt l-età u d-dipendenza tal-minorenni fuq il-logħob tal-ażżard;

17.

Fl-istess ħin jitlob lill-Istati Membri biex jallokaw fondi adegwati għar-riċerka dwar il-problemi marbuta mal-logħob tal-ażżard fuq l-internet u l-prevenzjoni u t-trattament tagħhom;

18.

Jikkunsidra li l-profitt mil-logħob tal-ażżard għandu jintuża għall-benefiċċju tas-soċjetà, li jinkludi l-iffinanzjar kontinwu għall-edukazzjoni, is-saħħa, l-isport professjonali u tad-dilettanti u l-kultura;

19.

Jappoġġja l-iżvilupp ta' standards għal-logħob tal-ażżard fuq l-internet rigward l-età, projbizzjoni tal-iskemi tal-kreditu u tal-bonus biex jitħarsu l-lagħba vulnerabbli, l-informazzjoni dwar il-konsegwenzi possibbli tal-logħob, l-informazzjoni dwar fejn tista’ tinstab l-għajnuna f’każ ta’ dipendenza, id-dipendenza potenzjali ta’ ċertu logħob, u oħrajn;

20.

Jistieden lill-partijiet interessati biex jindirizzaw ir-riskju ta’ iżolament soċjali kkawżat minn dipendenza fuq logħob tal-ażżard fuq l-internet;

21.

Iqis li l-awtoregolazzjoni dwar ir-reklamar, il-promozzjoni u l-provvista tal-logħob onlajn mhijiex effettiva biżżejjed u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa kemm ta' koregolazzjoni kif ukoll ta' koperazzjoni bejn l-industrija u l-awtoritajiet;

22.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkoperaw fil-livell tal-UE biex jieħdu miżuri kontra kwalunkwe reklamar jew kummerċjalizzazzjoni aggressiva minn kwalunkwe operatur pubbliku jew privat tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet, inklużi l-wirjiet bla ħlas ta' logħob, biex b'mod partikulari jipproteġu lagħba u konsumaturi vulnerabbli, bħal ma huma t-tfal u ż-żgħażagħ;

23.

Jissuġġerixxi li tkun studjata l-possibiltà li jkun introdott ammont massimu li persuna tista’ tuża għall-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard kull xahar jew li l-operaturi tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet ikunu obbligati li jużaw karti imħallsa minn qabel għal-logħob tal-ażżard fuq l-internet u li għandhom jinbigħu mill-ħwienet;

Kodiċi ta' Mġiba

24.

Jinnota li Kodiċi ta' Mġiba jista' tkun għodda supplimentari utli biex jintlaħqu xi għanijiet pubbliċi (u privati) u jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi, tibdiliet fil-preferenzi tal-konsumatur jew l-iżviluppi fl-istrutturi tas-suq;

25.

Jisħaq fuq il-fatt li, fl-aħħar mill-aħħar, Kodiċi ta’ Mġiba jibqa’ approċċ awtoregolatorju mmexxi mill-industrija u għalhekk jista’ jservi biss bħala żieda mal-leġiżlazzjoni, u mhux bħala sustitut;

26.

Jenfasizza wkoll li l-effettività ta' Kodiċi ta' Mġiba tiddependi ħafna mir-rikonoxximent tiegħu mir-regolaturi nazzjonali u l-konsumaturi, kif ukoll mill-infurzar tiegħu;

Il-monitoraġġ u r-riċerka

27.

Jitlob lill-Istati Membri biex jiddokumentaw il-firxa u t-tkabbir tas-swieq tagħhom tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet, kif ukoll l-isfidi li joħorġu mil-logħob tal-ażżard fuq l-internet;

28.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tibda riċerka dwar il-logħob tal-ażżard fuq l-internet u r-riskju li tiżviluppa dipendenza fuq il-logħob, per eżempju kif ir-reklamar jinfluwenza d-dipendenza fuq il-logħob, jekk huwiex possibbli li tinħoloq kategorizzazzjoni Ewropea komuni tal-logħob skont il-potenzjal tad-dipendenza, u miżuri preventivi u rimedjali possibbli;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina b’mod partikulari l-irwol tar-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni (inklużi logħob ta’ dimostrazzjoni bla ħlas, fuq l-internet) li direttament jew impliċitament iħeġġu persuni żgħażagħ taħt l-età jilagħbu l-ażżard;

30.

Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Europol u l-awtoritajiet nazzjonali biex jiġbru u jiskambjaw informazzjoni dwar il-firxa tal-frodi u mġiba kriminali oħra fis-settur tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet per eżempju fost l-atturi involuti fis-settur;

31.

Jitlob lill-Kummissjoni biex, f'koperazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet nazzjonali, tistudja l-effetti ekonomiċi u mhux ekonomiċi tal-provvista tas-servizzi tal-logħob transkonfinali f'relazzjoni mal-integrità, ir-responsabilità soċjali, il-protezzjoni tal-konsumatur u kwistjonijiet relatati mat-taxxa;

32.

Jisħaq fuq l-importanza li l-Istat Membru tar-residenza tal-konsumatur ikun kapaċi li jikkontrolla, jillimita u jissorvelja b’mod effettiv is-servizzi tal-logħob tal-ażżard provduti fit-territorju tiegħu;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiċċaraw il-post ta’ tassazzjoni tal-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet;

*

* *

34.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  Schindler 1994 (C-275/92), Läärä 1999 (C-124/97), Zenatti 1999 (C-67/98), Anomar 2003 (C-6/01), Gambelli 2003 (C-243/01), Lindman 2003 (C-42/02), Placanica 2007 (C-338/04), Unibet 2007 (C- 432/05), UNIRE 2007 (C– 260/04).

(2)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(3)  ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27.

(4)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(5)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

(6)  Testi adottati, P6_TA(2008)0198.

(7)  Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Bot tal-14 ta’ Ottubru 2008 fil-każ C-42/07; l-istudju msemmi hawn fuq mill-SICL f’paġna 1450; Professor Gill Valentine, Literature review of children and young people’s gambling (Ikkummissjonata mill-Kummissjoni tal-Ingilterra għal-Logħob tal-Ażżard ), Settembru 2008.

(8)  Refernza għal-prinċipju “portretrecht” fil-liġi Olandiża.


Top