Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Attakki kontra sistemi ta' informazzjoni

Id-Direttiva dwar iċ-Ċiberkriminalità timmira li tiġġieled iċ-ċiberkriminalità u li tippromwovi s-sigurtà tal-informazzjoni permezz ta' liġijiet nazzjonali aktar b'saħħithom, penali kriminali aktar severi u kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet relevanti.

ATT

Id-Direttiva 2013/40 tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni.

SOMMARJU

Din id-Direttiva tintroduċi regoli ġodda li jarmonizzaw il-kriminalizzazzjoni u l-penali għal numru ta' offiżi indirizzati kontra sistemi ta' informazzjoni. Dawn ir-regoli jinkludu l-kriminalizzazzjoni tal-użu tal-hekk imsejħa botnets -- software malizzjuż iddisinjat sabiex jieħu kontroll mill-bogħod ta' netwerk ta' kompjuters. Titlob ukoll lill-pajjiżi tal-UE sabiex jużaw l-istess punti ta' kuntatt użati mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-G8 sabiex jieħdu azzjoni rapida għal theddid li jinvolvi teknoloġija.

It-tipi prinċipali ta' offiżi kriminali koperti b'din id-Direttiva huma attakki kontra sistemi ta' informazzjoni, li jvarjaw minn ċaħda ta' attakki fuq servizzi ddisinjati sabiex iwaqqfu server għall-interċettazzjoni tad-dejta u attakki botnet.

Iċ-ċiberkriminalità teħtieġ li tiġi miġġielda b'mod effettiv, mhux biss fi ħdan Stat Membru partikolari iżda wkoll fl-Istati Membri differenti. Dan jeħtieġ:

  • l-iżgurar li l-istess offiżi jiġu kriminalizzati fl-Istati Membri kollha; u
  • li l-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi jingħataw il-mezzi sabiex jaġixxu u sabiex jikkooperaw ma' xulxin.

Għal dan il-għan, din id-Direttiva teħtieġ l-approssimazzjoni tas-sistemi tal-liġijiet kriminali bejn il-pajjiżi tal-UE u t-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji li jikkonċernaw:

  • l-aċċess illegali għal sistemi ta' informazzjoni,
  • l-interferenza illegali għas-sistema,
  • l-interferenza illegali għad-dejta,
  • l-interċettazzjoni illegali.

Fil-każijiet kollha, l-att kriminali għandu jitwettaq b'mod intenzjonali.

Insitigar, għajnuna, tħeġġiġ u tentattiv li jitwettaq xi wieħed minn dawn ir-reati ukoll se jkun soġġett għal punizzjoni.

L-Istati Membri se jkollhom jagħmlu dispożizzjoni għal tali reati sabiex jiġu puniti b'penali kriminali effettivi, proporzjonati u diswassivi.

Meta jitwettaq reat fil-kuntest ta' organizzazzjoni kriminali fi ħdan it-tifsira ta' din id-Direttiva, u jikkawża telf sostanzjali jew jaffettwa l-interessi essenzjali, dan jitqies bħala ċirkostanza aggravanti. L-istess japplika jekk reat jitwettaq bl-użu ta' identità ta' persuna oħra u jikkawża ħsara lil din il-persuna.

Id-Direttiva tintroduċi wkoll ir-responsabilita ta'persuni ġuridiċi” u tistabbilixxi sanzjonijiet li jistgħu japplikaw jekk jinstabu responsabbli.

Kull pajjiż tal-UE sejjer jassumi l-ġurisdizzjoni bħala minimu għal offiżi mwettqin fuq it-territorju tiegħu jew minn wieħed miċ-ċittadini tiegħu barra mit-territorju tiegħu. Meta bosta pajjiżi jkollhom il-ġurisdizzjoni fuq reat, għandhom jikkooperaw ma' xulxin sabiex jiddeċiedu liema minnhom ikun se jmexxi proċeduri kontra l-awtur tal-imsemmi reat.

Kooperazzjoni mtejba

Biex tiġġieled iċ-ċiberkriminalità aħjar, id-Direttiva titlob li jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet ta' infurzar ġudizzjarji u tal-liġi.

Għal dan il-għan, il-pajjiżi tal-UE:

  • għandu jkollhom punt nazzjonali ta' kuntatt operattiv,
  • għandhom jużaw in-netwerk eżistenti ta' punti ta' kuntatt 24/7,
  • għandhom iwieġbu għal talbiet urġenti għal għajnuna fi żmien 8 sigħat sabiex jindikaw jekk u meta tista' tingħata tweġiba,
  • għandhom jiġbru dejta statistika dwar iċ-ċiberkriminalità.

Din id-Direttiva tibni u tissostitwixxi d-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2005/222/JHA dwar attakki kontra sistemi tal-informazzjoni. Tibni wkoll fuq il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropea dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-2001, li sservi bħala mudell għal leġiżlazzjoni nazzjonali u reġjonali dwar iċ-ċiberkriminalità u toħloq bażi komuni għal kooperazzjoni fi ħdan u lil hinn mill-UE.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Id-Direttiva 2013/40 tal-UE

3.9.2013

4.9.2015

ĠU L 218 tal-14.8.2013

ATTI RELATATI

Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2005/222/JHA tal-24 ta' Frar 2005 dwar attakki kontra sistemi tal-informazzjoni.

Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropea dwar iċ-ċiberkriminalità

l-aħħar aġġornament 02.04.2014

Top