Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ċittadini mhux tal-UE — regoli għal residenza għal żmien twil

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2003/109/KE — status ta' ċittadini mhux tal-UE li huma residenti għal żmien twil

X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-għoti — u l-irtirar — ta' status ta' residenza għal żmien twil lil ċittadini mhux tal-Unjoni Ewropea (ċittadini ta' pajjiż terz*) li ilhom jgħixu legalment f'pajjiż tal-Unjoni Ewropea għal mill-inqas 5 snin.
  • Hija tiddetermina d-drittijiet tagħhom u ż-żoni fejn huma jgawdu minn trattament ugwali maċ-ċittadini tal-UE.
  • Hija tispjega l-kundizzjonijiet li japplikaw jekk huma jkunu jixtiequ jiċċaqalqu lejn pajjiż ieħor tal-UE.

PUNTI EWLENIN

  • Sabiex ċittadini mhux tal-UE jiksbu status ta' resident għal żmien twil, iridu jkunu għexu legalment jew kontinwament f'pajjiż tal-UE għal mill-inqas 5 snin.
  • Assenzi ta' inqas minn 6 xhur konsekuttivi u mhux aktar minn 10 xhur fuq il-perjodu kollu jitħallew meta jiġu kkalkulati l-5 snin.
  • Iċ-ċittadini mhux tal-UE għandhom jagħtu prova li huma għandhom riżorsi ekonomiċi stabbli u regolari sabiex jappoġġjaw lilhom infushom u lill-familji tagħhom u li għandhom assigurazzjoni tal-mard.
  • L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet, flimkien ma' dokumentazzjoni rilevanti, fi żmien 6 xhur li jkunu rċivewhom.
  • L-awtoritajiet jistgħu jirrifjutaw li jagħtu status ta' resident għal raġunijiet ta' politika pubblika jew sigurtà pubblika, iżda mhux għal raġunijiet ekonomiċi.
  • L-applikanti li jintgħażlu jingħataw permess ta' residenza li huwa validu għal mill-inqas 5 snin u li jista' jiġġedded awtomatikament.
  • Residenti għal żmien twil jistgħu jitilfu dan l-istatus jekk huma:
    • ikunu akkwistawh bi frodi;
    • ikunu nħarġu b'ordni ta' espulsjoni peress li huma jitqiesu bħala theddida serja għall-politika jew is-sigurtà pubblika; jew
    • iħallu lill-UE għal 12-il xahar konsekuttivi.
  • Residenti għal żmien twil igawdu minn trattament ugwali maċ-ċittadini tal-pajjiż f'oqsma bħall-impjieg, l-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali, it-tassazzjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni. Madankollu, f'ċerti każijiet, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jillimtaw dan it-trattament ugwali.
  • Residenti għal żmien twil jistgħu jiċċaqalqu biex jgħixu, jaħdmu jew jistudjaw f'pajjiż ieħor tal-UE għal aktar minn 3 xhur, diment li huma jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Huma jistgħu jkunu akkumpanjati mill-membri tal-familja tagħhom.
  • Il-punti ta' kuntatt nazzjonali jeżistu biex tintbagħat u tasal l-informazzjoni rilevanti bejn il-pajjiżi tal-UE.
  • Il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għal ċerti kategoriji ta' ċittadini tal-UE, bħal studenti jew dawk li jaħdmu temporanjament bħala au pairs jew ħaddiema staġjonali.

Il-leġiżlazzjoni ma tapplikax fir-Renju Unit (1), l-Irlanda u d-Danimarka li għandhom arranġamenti speċjali għall-immigrazzjoni u l-politika tal-asil.

Fl-2011, id-Direttiva ġiet emendata sabiex tkopri liċ-ċittadini mhux tal-UE, bħar-refuġjati jew dawk apolidi, li jgwadu minn protezzjoni internazzjonali.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-23 ta’ Jannar 2004. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-23 ta’ Jannar 2006.

SFOND

Għal aktar tagħrif, ara:

* TERMINI EWLENIN

Ċittadin ta’ pajjiż terz: kull persuna li ma tkunx ċittadin ta' pajjiż tal-UE.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.1.2004, pp. 44–53)

Emendi suċċessivi u korrezzjonijiet għad-Direttiva 2003/109/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta' ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' studju, skambju ta' studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (ĠU L 375, 23.12.2004, pp. 12–18)

Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju ta' skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.5.2016, pp. 21–57)

l-aħħar aġġornament 04.05.2020



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top