This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Finanzjament tal-politika agrikola komuni
Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-regoli speċifiċi applikabbli għall-finanzjament tal-ispejjeż li jaqgħu taħt il-politika agrikola komuni (PAK). Ġew stabbiliti żewġ fondi ġodda: Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).
ATT
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal- 21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni [Ara l-atti li jemendaw].
SINTEŻI
Dan ir-regolament jistabbilixxi qafas legali uniku għall-finanzjament tal-ispejjeż li jaqgħu taħt il-politika agrikola komuni (PAK). F’dan is-sens, jistabbilixxi żewġ fondi ġodda: il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Iż-żewġ fondi jaħdmu fuq il-bażi ta’ sistema simili waqt li għandhom ċerti karatteristiċi speċifiċi. Peress li l-finanzjament tal-miżuri previsti isir parzjalment fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża, it-test jippreċiża l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-Kummissjoni li tassumi r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-baġit ġenerali u jikkjarifika l-obbligi ta’ kooperazzjoni li għandhom l-Istati Membri.
Ir-regolament jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jew l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni tal-aġenziji tal-pagamenti u l-aġenziji ta' koordinazzjoni mill-Istati Membri. Dawn l-aġenziji huma inkarigati rispettivament mill-eżekuzzjoni tal-pagamenti u s-superviżjoni tal-kontabilità amministrata mill-aġenziji tal-pagamenti. Dan ir-regolament jipprevedi wkoll l-istabbiliment ta' korpi ta' ċertifikazzjoni, entitajiet ġuridiċi pubbliċi jew privati maħtura mill-Istati Membri u li huma responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni, ta’ segwitu u ta’ kontroll stabbiliti mill-aġenziji tal-pagamenti approvati, kif ukoll tal-kontijiet annwali ta’ dawn tal-aħħar. L-Istati Membri huma mitluba jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Komunità. Barra minn hekk, huma biss l-ispejjeż li jsiru mill-aġenziji tal-pagamenti approvati li jistgħu jirċievu finanzjament Komunitarju u l-ħlasijiet isiru totalment lill-benefiċjarji.
Il-FAEG
Il-FAEG jiffinanzja fil-qafas tal-ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membru u l-Kummissjoni:
B’mod ċentralizzat, dan il-fond jiffinanzja:
Il-krediti neċessarji biex jiġu żgurati l-ispejjeż iffinanzjati mill-FAEG jitħallsu mill-Kummissjoni lill-Istati Membri, fil-forma ta’ rimborsi fix-xahar. Dawn isiru fuq il-bażi ta’ dikjarazzjoni tal-ispejjeż u ta’ informazzjoni pprovduta minn dawn tal-aħħar. F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-allokazzjonijiet ta’ fondi mar-regoli Komunitarji, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tnaqqas jew tissospendi l-pagamenti.
Il-Kummissjoni tiffissa l-bilanċ nett disponibbli għall-ispejjeż tal-FAEG u tistabbilixxi sistema ta’ twissija u ta’ segwitu ta’ kull xahar ta’ dawk l-ispejjeż. Kull xahar, hija tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill rapport fejn hija teżamina l-evoluzzjoni fl-ispejjeż meta mqabbla mal-profili ffissati fil-bidu tas-sena u tevalwa l-evoluzzjoni prevedibbli għas-sena finanzjarja attwali.
F’każ ta’ irregolarità jew negliġenzi, is-somom irkuprati jitħallsu lill-aġenziji tal-pagamenti, li għandhom iniżżluhom bħala dħul allokat għall-FAEG, għax-xahar meta effettivament jiġu riċevuti.
Il-FAEŻR
Il-FAEŻR jiffinanzja, unikament fil-qafas ta’ ġestjoni kondiviża, il-programmi ta’ żvilupp rurali mwettqa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005.
L-impenji baġitarji fuq din il-bażi jsiru permezz ta’ porzjonijiet annwali fil-forma ta’ prefinanzjament, ħlasijiet intermedjarji u l-ħlas ta’ bilanċ. Il-ħlasijiet intermedjarji jsiru fil-livell ta’ kull programm ta’ żvilupp rurali, skont id-disponibbiltajiet baġitarji, fi ħdan il-limiti massimi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja u miżjuda bl-ammonti b’ammonti ffissati mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti għall-ħlasijiet diretti lill-bdiewa u għas-suq tal-inbid. L-imsemmija ħlasijiet isiru taħt ċerti kundizzjonijiet, pereżempju, li jintbagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-ispejjeż u talba għall-ħlas iċċertifikati mill-aġenzija tal-pagamenti approvata. F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta' dik id-dikjarazzjoni mar-regoli Komunitarji, il-Kummissjoni tista' tnaqqas jew tissospendi l-pagamenti.
F’każ ta’ irregolarità, il-finanzjament Komunitarju jiġi kkanċellat totalment jew parzjalment, jew meta l-fondi jkunu diġà tħallsu lill-benefiċjarju, jiġu rkuprati mill-aġenzija tal-pagamenti approvata. L-ammonti kkanċellati jew rkuprati jistgħu jerġgħu jintużaw mill-Istat Membru għal operazzjoni prevista fl-istess programm ta' żvilupp rurali.
Rigward il-ħlas tal-bilanċ, dan isir wara li jiġi riċevut rapport finali ta’ eżekuzzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ żvilupp rurali u tad-deċiżjoni ta' verifika korrispondenti. Jekk ma jintbagħtux id-dokumenti meħtieġa, dan iwassal għat-telf awtomatiku tal-bilanċ.
Kontroll mill-Kummissjoni
Il-Kummissjoni tissorvelja l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi Komunitarji, b’mod partikolari permezz ta’ proċedura ta’ verifika tal-kontijiet f’żewġ stadji : verifika tal-kontabilità u verifika tal-konformità. L-Istati Membri għandhom ipoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni kull informazzjoni meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tal-fondi. Minbarra l-kontrolli li jsiru mill-Istati Membri b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom, il-Kummissjoni tista’ torganizza kontrolli fuq il-post. Fil-qafas tal-FAEG u tal-FAEŻR, il-pagamenti destinati għal Stat Membru jistgħu jitnaqqsu jew jiġu sospiżi meta jinstabu ċerti nuqqasijiet serji u persistenti.
L-ismijiet tal-benefiċjarji tal-fondi agrikoli għandhom jiġu ppubblikati a posteriori, flimkien mal-ammonti li jkunu rċevew.
Referenzi
Att |
Dħul fis-seħħ |
Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Ġurnal Uffiċjali |
Regolament (KE) Nru 1290/2005 |
18.8.2005 |
— |
ĠU L 209, 11.8.2005 |
Att(i) li jemenda(w) |
Dħul fis-seħħ |
Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Ġurnal Uffiċjali |
Regolament (KE) Nru320/2006 |
3.3.2006 |
— |
ĠU L 58, 28.2.2006 |
Regolament (KE) Nru 378/2007 |
12.4.2007 |
— |
ĠU L 95, 5.4.2007 |
Regolament (KE) Nru 1437/2007 |
15.12.2007 |
— |
ĠU L 322, 7.12.2007 |
Regolament (KE) Nru 479/2008 |
13.6.2008 |
— |
ĠU L 148, 6.6.2008 |
Regolament (KE) Nru 13/2009 |
16.1.2009 |
— |
ĠU L 5, 9.1.2009 |
Regolament (KE) Nru 73/2009 |
1.2.2009 |
— |
ĠU L 30, 31.1.2009 |
Regolament (KE) Nru 473/2009 |
9.6.2009 |
— |
ĠU L 144, 9.6.2009 |
L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) nru 1290/2005 ġew integrati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss għal skopijiet ta' referenza.
ATTI RELATATI
Ammonti disponibbli u spejjeż mhux eliġibbli
Deċiżjoni 2008/321/KE [Ġurnal Uffiċjali L 109, 19.4.2008].
Din id-deċiżjoni tinkludi lista tal-ispejjeż mhux eliġibbli għall-finanzjament Komunitarju minħabba n-nuqqas ta' konformità mar-regoli ta' finanzjament tal-PAK. L-esklużjoni ta’ dawn l-ispejjeż, li saru mill-aġenziji tal-pagamenti ta’ ċerti Stati Membri bejn l-2002 u 2007 issegwi verifiki, diskussjonijiet bilaterali u proċeduri ta’ rikonċiljazzjoni u timplika t-tnaqqis tal-ammonti kkonċernati.
Deċiżjoni 2009/379/KE [Ġurnal Uffiċjali L 117, 12.5.2009].
Din id-deċiżjoni tiffissa l-ammonti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-FAEŻR u tal-FAEG għall-perjodu 2007-2013.
Proċedi ta' applikazzjoni
Regolament (KE) Nru 883/2006 [Ġurnal Uffiċjali L 171, 23.6.2006].
Dan ir-regolament jispeċifika l-proċeduri ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, fir-rigward tal-kontenut tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti, id-dikjarazzjoni tal-ispejjeż u tad-dħul u l-kundizzjonijiet għar-rimbors tal-ispejjeż fil-qafas tal-FAEG u tal-FAEŻR.
Regolament (KE) nru 884/2006 [Ġurnal Uffiċjali L 171, 23.6.2006].
Dan ir-regolament jispeċifika l-proċeduri ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 1290/2005, fir-rigward tal-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) ta’ miżuri ta’ intervent fil-forma ta’ ħażna pubblika u l-kontabilità tal-operazzjonijiet ta’ ħażna pubblika mill-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri.
Regolament (KE) Nru 885/2006 [Ġurnal Uffiċjali L 171, 23.6.2006].
Dan ir-regolament jispeċifika l-proċeduri ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 1290/2005, fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-aġenziji tal-pagamenti u entitajiet oħrajn kif ukoll lil-verifika tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR.
Regolament (KE) Nru 259/2008 [Ġurnal Uffiċjali L 76, 19.3.2008].
Dan ir-regolament jispeċifika l-proċeduri ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 1290/2005 fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-FAEG u tal-FAEŻR. Dawn għandhom jiġu ppubblikati fuq websajt uniku sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena u jinkludu d-dettalji personali tal-benefiċjarju u l-ammont riċevut.
Verifika tal-kontijiet
Regolament (KE) Nru 941/2008 [Ġurnal Uffiċjali L 254, 9.10.2009].
Dan ir-regolament jiddefinixxi l-forma u l-kontenut tal-informazzjoni dwar il-kontabilità li għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-verifika tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR, kif ukoll għall-finijiet ta’ segwitu u ta’ previżjonijiet.
Deċiżjoni 2009/373/KE [Ġurnal Uffiċjali L 116, 9.5.2009].
Id-deċiżjoni tippreżenta l-verifika tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri li jikkonċernaw l-ispejjeż iffinanzjati mill-FAEŻR għas-sena finanzjarja 2008.
Deċiżjoni 2009/367/KE [Ġurnal Uffiċjali L 111, 5.5.2009].
Id-deċiżjoni tippreżenta l-verifika tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri li jikkonċernaw l-ispejjeż iffinanzjati mill-FAEG għas-sena finanzjarja 2008.
Irregolaritajiet, Frodi u rkupru
Regolament (KE) Nru 1848/2006 [Ġurnal Uffiċjali L 355, 15.12.2006].
Dan l-att jippreżenta l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ investigazzjoni tal-Istati Membri f’każ ta’ frodi fir-rigward tal-finanzjament tal-politika agrikola komuni u jistabbilixxi sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam.
Inkjesti
Regolament (KE) Nru 78/2008 [Ġurnal Uffiċjali L 25, 30.1.2008].
Dan l-att jirrigwarda l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni, għall-perjodu 2008-2013, permezz ta’ applikazzjonijiet ta’ skoperta awtomatika stabbiliti fil-qafas tal-politika agrikola komuni.
L-aħħar aġġornament: 10.09.2009