Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Tagħlim tul il-ħajja: Kwalifiki Ewropej

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

L-Istabbiliment tal-Qafas tal-Kwalifiki Ewropej għat-tagħlim tul il-ħajja — Rakkomandazzjoni

SOMMARJU

X'TAGĦMEL DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI?

Din toħloq skema komuni, magħrufa bħala Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), biex tgħin lill-pajjiżi tal-UE u lill-istituzzjonijiet edukattivi, l-impjegaturi u individwi biex iqabblu l-kwalifiki mas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ tal-UE. Din l-għodda hija essenzjali għall-iżvilupp ta' suq tax-xogħol Ewropew.

PUNTI EWLENIN

  • Billi jagħmel il-kompetenzi u kwalifiki aktar trasparenti, il-QEK huwa strument għall-promozzjoni tal-Erasmus+. Permezz ta' dossier standardizzat, il-QEK jikkumplimenta wkoll is-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES) u l-inizjattiva Europass, it-tnejn li huma jgħinu l-Ewropej biex isibu xogħol u taħriġ fi kwalunkwe post fl-Ewropa.
  • Il-QEK, li jkopri kemm l-edukazzjoni għolja (l-università u stabbilimenti simili) u t-taħriġ vokazzjonali, sejjer jgħin biex tiżdied il-mobilità tal-ħaddiema u tal-istudenti billi jippermetti li l-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti 'il barra mill-pajjiż tagħhom stess.
  • Il-QEK huwa għodda abbażi tar-riżultat mit-tagħlim aktar milli tat-tul tal-istudji. Id-deskritturi tal-livell ta' referenza ewlenin huma:
    • il-ħiliet (il-ħila li tapplika għarfien sabiex twettaq kompiti u ssolvi l-problemi),
    • kompetenzi (il-ħila li tuża l-għarfien jew il-ħiliet f'sitwazzjonijiet tax-xogħol jew ta' studju,
    • għarfien.
  • Il-qalba tal-QEK tikkonsisti minn 8 livelli ta' referenza li jiddeskrivu x'jaf, x'jifhem u x'kapaċi jagħmel l-istudent. Pereżempju, livell 1 (għarfien ġenerali bażiku), japplika għal xi ħadd mingħajr ebda taħriġ jew edukazzjoni, filwaqt li livell 8 (l-aktar għarfien avvanzat) japplika għal xi ħadd bi grad ta' Dottorat.
  • Il-QEK ma għandux jissostitwixxi l-oqfsa ta' kwalifiki nazzjonali (NQFs), iżda pjuttost għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni bejniethom. Punt ta' Koordinazzjoni Nazzjonali tal-QEK huwa stabbilit f'kull pajjiż li jipparteċipa fil-QEK, li jikkoordina l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali u jipprovdi informazzjoni fuq kif il-NQFs jirrelataw mal-QEK.

SFOND

Id-Dikjarazzjoni ta' Bolonja tal-1999 ippromwoviet il-mobilità u t-trasparenza tal-edukazzjoni fl-UE. Sadanittant, il-Proċess ta' Bolonja ġab lill-UE eqreb lejn sistema komparabbli, kompatibbli u koerenti għall-edukazzjoni ogħla, u dan qanqal il-ħtieġa għal azzjoni simili li tkopri t-taħriġ vokazzjonali.

ATT

Rakkomandazzjoni Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1–7)

l-aħħar aġġornament 12.01.2016

Top