This document is an excerpt from the EUR-Lex website
L-indukrar tat-tfal - il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja għall-irġiel u n-nisa
Rakkomandazzjoni 92/241/KEE dwar l-indukrar tat-tfal
ATT
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/241/KEE tal-31 ta’ Marzu 1992 dwar l-indukrar tat-tfal (ĠU L 123, 8.5.1992, pp. 16-18)
SOMMARJU
X'TAGĦMEL IR-RAKKOMANDAZZJONI?
Hija tippromwovi l-opportunitajiet indaqs għall-ommijiet u għall-missirijiet sabiex isibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja familjari, billi tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE jieħdu u/jew jappoġġjaw inizjattivi li jgħinu lill-ġenituri jimmaniġġjaw ir-responsabbiltajiet marbuta mal-indukrar tat-tfal tagħhom.
PUNTI EWLENIN
Ir-rakkomandazzjoni tindirizza l-oqsma li ġejjin:
— |
il-provvediment ta’ servizzi ta’ indukrar tat-tfal waqt li l-ġenituri jkunu qegħdin jaħdmu, jistudjaw jew jitħarrġu jew inkella jfittxu x-xogħol b’mod attiv,
|
— |
liv speċjali għall-ġenituri li jaħdmu li jkollhom it-tfal x’jieħdu ħsieb,
|
— |
nagħmlu l-ambjent tax-xogħol wieħed li jirrispondi aktar għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema li għandhom it-tfal,
|
— |
miżuri maħsuba biex jgħinu liż-żewġ ġenituri jikkondividu r-responsabbiltajiet tax-xogħol tagħhom ma’ dawk tal-indukrar tat-tfal.
|
Hija tirrakkomanda li s-servizzi tal-indukrar tat-tfal għandhom:
— |
ikollhom prezzijiet raġonevoli,
|
— |
jikkombinaw indukrar affidabbli (tajjeb għas-saħħa u mingħajr periklu) ma’ input edukattiv/relatat mal-iżvilupp,
|
— |
ikunu kapaċi jakkomodaw lit-tfal bi bżonnijiet speċjali (eż. rekwiżiti lingwistiċi) u dawk f’familji b’ġenitur wieħed.
|
Liv speċjali
Bil-għan li jidħlu aktar nisa fis-suq tax-xogħol, il-pajjiżi tal-UE għandhom jinkoraġġixxu inizjattivi bħal liv speċjali, kemm għall-ommijiet kif ukoll għall-missirijiet.
L-ambjent tax-xogħol
Il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu u/jew jinkoraġġixxu inizjattivi li:
— |
jagħmlu x-xogħol aktar favorevoli għall-indukrar tat-tfal, b’mod partikolari permezz ta’ ftehimiet kollettivi bejn dawk li jħaddmu u l-unjins,
|
— |
jiggarantixxu pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti għall-ħaddiema li jaħdmu f’servizzi tal-indukrar tat-tfal,
|
— |
jieħdu azzjoni fis-settur pubbliku li tista’ sservi bħala mudell għall-bqija tal-ekonomija.
|
Il-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet
Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinkoraġġixxu żieda fil-parteċipazzjoni mill-irġiel fid-doveri tal-indukrar tat-tfal, bil-għan li jkun hemm kondiviżjoni aktar ugwali tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri u sabiex in-nisa jingħataw iċ-ċans li jkollhom irwol aktar effettiv fis-suq tax-xogħol.
Aktar dwar il-miri tal-UE għall-indukrar tat-tfal.
ATTI RELATATI
Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-objettivi ta’ Barċellona - L-iżvilupp ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal għal tfal żgħar fl-Ewropa bil-għan li jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv (COM(2013) 322 final tad-29.5.2013)
l-aħħar aġġornament 14.09.2015