Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Programm ta’ Riċerka u Taħriġ ta’ Euratom (2014-2018)

 

SOMMARJU TA’:

Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1314/2013 dwar il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ (2014-2018) tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) li jikkumplementa l-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020.

PUNTI EWLENIN

F’konformità mat-Trattat dwar l-Euratom, il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom jaħdem għal 5 snin (mill-2014 sal-2018), mhux bħal programmi ta’ riċerka tal-UE oħrajn li jdumu 7 snin. L-objettiv ġenerali tal-programm huwa li jitwettqu attivitajiet ta’ riċerka u taħriġ nukleari b’enfasi fuq it-titjib kontinwu tas-sikurezza, is-sigurtà u l-protezzjoni mir-radjazzjoni nukleari, b’mod partikolari sabiex jikkontribwixxi potenzjalment għad-dekarbonizzazzjoni fit-tul tas-sistema tal-enerġija b’mod sikur, effiċjenti u sigur.

Dan l-objettiv ġenerali għandu jiġi implimentat fil-forma ta’ azzjonijiet indiretti u diretti.

L-azzjonijiet indiretti huma attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni appoġġjati finanzjarjament mill-UE u mwettqa minn parteċipanti esterni bħal kumpaniji, universitajiet u ċentri ta’ riċerka.

L-azzjonijiet indiretti tal-Programm Euratom għandhom dawn l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

  • l-appoġġ għas-sigurtà ta’ sistemi nukleari;
  • il-kontribuzzjoni għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ sigurtà aktar fit-tul għall-ġestjoni ta’ skart nukleari aħħari inkluż rimi ġeoloġiku finali kif ukoll separazzjoni u trasmutazzjoni;
  • l-appoġġ għall-iżvilupp u s-sostenibbiltà ta’ kompetenza u eċċellenza nukleari fl-UE;
  • l-appoġġ għall-protezzjoni mir-radjazzjoni u għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet mediċi għar-radjazzjoni, inkluż fost l-oħrajn, il-provvista sigura u sikura u l-użu ta’ isotopi radjuattivi;
  • il-mixja lejn dimostrazzjoni tal-fattibbiltà tal-fużjoni bħala sors ta’ enerġija billi jisfruttaw faċilitajiet eżistenti u futuri tal-fużjoni;
  • il-bini tal-pedamenti għall-impjanti tal-enerġija mill-fużjoni tal-futur billi jiżviluppaw materjali, teknoloġiji u disinn kunċettwali;
  • il-promozzjoni tal-innovazzjoni u tal-kompetittività industrijali;
  • l-iżgurar tad-disponibbiltà u l-użu tal-infrastrutturi tar-riċerka ta’ rilevanza pan-Ewropea.

L-azzjonijiet diretti huma attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea permezz taċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka (JRC) tagħha.

L-azzjonijiet diretti tal-Programm Euratom għandhom dawn l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

  • it-titjib tas-sigurtà nukleari inklużi:
    • is-sigurtà tar-reatturi nukleari u tal-karburant;
    • il-ġestjoni tal-iskart, inkluż rimi ġeoloġiku finali kif ukoll separazzjoni u trasmutazzjoni;
    • id-dekummissjonar;
    • it-tħejjija għall-emerġenza;
  • it-titjib tas-sikurezza nukleari inklużi:
    • is-salvagwardji nukleari;
    • in-nonproliferazzjoni;
    • il-ġlieda kontra t-traffikar illegali;
    • il-forensika nukleari;
  • iż-żieda fl-eċċellenza fil-bażi tax-xjenza nukleari għall-istandardizzazzjoni;
  • it-trawwim tal-ġestjoni tal-għarfien, l-edukazzjoni u t-taħriġ;
  • l-appoġġ għall-politika tal-UE dwar is-sigurtà u s-sikurezza nukleari.

Baġit

Il-baġit għall-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom (2014-2018) huwa €1 603 329 000.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-regolament ilu japplika mit-23 ta’ Diċembru 2013.

DOKUMENT EWLIENI

Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1314/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014-2018) li jikkumplementa l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 948-964)

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-20) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 104–173)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f’“Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 81-103)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020 (COM(2011) 808 final, 30.11.2011)

l-aħħar aġġornament 08.06.2018

Top