EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TJ0159

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tad-9 ta’ Settembru 2016.
Puma SE vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta felin jaqbeż – Trade marks figurattivi internazzjonali preċedenti li jirrappreżentaw felin jaqbeż – Raġuni relattiva għal rifjut – Amministrazzjoni tajba – Prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti – Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.
Kawża T-159/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2016:457

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

9 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għal trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta felin jaqbeż — Trade marks figurattivi internazzjonali preċedenti li jirrappreżentaw felin jaqbeż — Raġuni relattiva għal rifjut — Amministrazzjoni tajba — Prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti — Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑159/15,

Puma SE, stabbilita f’Herzogenaurach (il-Ġermanja), irrappreżentata minn P. González-Bueno Catalán de Ocón, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), inizjalment irrappreżentat minn P. Bullock, sussegwentement minn D. Hanf, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, kienet

Gemma Group Srl, stabbilita f’Cerasolo Ausa (l-Italja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tad-19 ta’ Diċembru 2014 (Każ R 1207/2014‑5), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Puma u Gemma Group,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. van der Woude (Relatur), President, I. Wiszniewska-Białecka u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ April 2015,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Ġunju 2015,

wara s-seduta tat-12 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fl-14 ta’ Frar 2013, Gemma Group Srl, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea għall-Proprjetà Intellettwali (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 78, p. 1).

2

It-trade mark li għaliha intalbet ir-reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv ta’ kulur blu segwenti:

Image

3

Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 7 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “magni biex jinħadem l-injam; magni għall-ipproċessar tal-aluminju; magni għall-ħidma tal-PVC”.

4

L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 066/2013, tat-8 ta’ April 2013.

5

Fit-8 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti, Puma SE, ressqet oppożizzjoni, taħt l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq. Ir-raġuni għall-oppożizzjoni kienet dik imsemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

6

L-oppożizzjoni saret, b’mod partikolari, fuq il-bażi tat-trade marks preċedenti segwenti (iktar ’il quddiem it-“trade marks preċedenti”):

it-trade mark internazzjonali figurattiva rrappreżentata iktar ’il quddiem, irreġistrata fit-30 ta’ Settembru 1983 taħt in-numru 480105 u mġedda sal‑2023, li għandha effett fl-Awstrija, fil-Benelux, fil-Kroazja, fi Franza, fl-Ungerija, fl-Italja, fil-Portugall, fir-Repubblika Ċeka, fir-Rumanija, fis-Slovakkja u fis-Slovenja u li tindika l-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 18, 25 u 28 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet għad-deskrizzjoni segwenti:

klassi 18: “Basktijiet ta’ fuq l-ispallejn u basktijiet għall-ivjaġġar, bagolli u bagallji tal-ivjaġġar, b’mod partikolari għal tagħmir u ħwejjeġ tal-isport”;

klassi 25: “Ħwejjeġ, stvali, xedd tas-saqajn u papoċċi”;

klassi 28: “Ġugarelli; magni tal-eżerċizzji fiżiċi, tagħmir tal-ġinnastika u tal-isport (li ma humiex inklużi f’klassijiet oħra), inklużi blalen tal-isport”.

Image

it-trade mark internazzjonali figurattiva rrappreżentata iktar ’il quddiem, irreġistrata fis-17 ta’ Ġunju 1992 taħt in-numru 593987 u mġedda sal‑2022, li għandha effett fl-Awstrija, fil-Benelux, fil-Bulgarija, f’Ċipru, fil-Kroazja, fi Spanja, fl-Estonja, fil-Finlandja, fi Franza, fil-Greċja, fl-Ungerija, fl-Italja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja, fil-Portugall, fir-Renju Unit, fir-Repubblika Ċeka, fir-Rumanija, fis-Slovenja u fis-Slovakkja, imġedda sal-2022, u li tindika b’mod partikolari l-prodotti elenkati iktar ’il quddiem fil-klassijiet 18, 25 u 28 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet għad-deskrizzjoni segwenti:

klassi 18: “Prodotti tal-ġilda u/jew imitazzjonijiet tal-ġilda (inklużi f’din il-klassi); basktijiet tal-id u prodotti oħra mhux adattati għal prodotti li huma maħsuba biex ikun fihom ukoll oġġetti żgħar tal-ġilda, b’mod partikolari portmonijiet, portafolli tal-but, portafolli taċ-ċwievet, basktijiet tal-id, kartieri tad-dokumenti, basktijiet ta’ ħażna u għax-xiri, basktijiet tal-iskola, basktijiet għal min jikkampeġġja, barżakki ta’ fuq id-dahar, pakketti, basktijiet għal-logħob, basktijiet għat-trasport u għal skopijiet ta’ ħażna u basktijiet għall-ivjaġġar tal-ġilda u imitazzjonijiet tal-ġilda, magħmulin minn materjal sintetiku, minn drappijiet u minn tessuti jew minn sostituti tal-ġilda; settijiet ta’ oġġetti tas-safar (tal-ġilda); ċinturini tal-ispalla; ġlud tal-annimali; bagolli u bagallji tal-ivjaġġar; umbrelel u umbrelel tax-xemx u bsaten; frosti, oġġetti magħmulin minn sarraġ”;

klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben u kpiepel; partijiet u komponenti ta’ żraben, suletti għal xedd is-saqajn, suletti għal xedd is-saqajn foloz u suletti għal xedd is-saqajn għall-aġġustar, tkaken supratakki u qiegħan ta’ xedd is-saqajn, ilsna tal-istvali; tagħmir ta’ kontra ż-żlieq għal xedd tas-saqajn, grampuni u spikes; interlinings, boroż infurrati tal-ħwejjeġ; kriepet; stvali, papoċċi, żraben bla għarqub u papoċċi; oġġetti lesti taż-żraben, żraben puliti, għall-isports, informali, ta’ taħriġ, tal-ġiri, tal-ġinnastika, tal-banju u fiżjoloġiċi (inklużi f’din il-klassi), żraben tat-tennis; tgeżwir biex iżomm l-għekiesi sħan u getta, tgeżwir biex iżomm l-għekiesi sħan u getta tal-ġilda, ilbies issikat għar-riġlejn, faxxi ta’ madwar is-sieq, getta għal xedd is-saqajn; ilbies għat-taħriġ, qliezet u ħwejjeġ innitjati għall-parti ta’ fuq tal-ġisem tal-ġinnastika, qliezet u ħwejjeġ innitjati għall-parti ta’ fuq tal-ġisem tal-futbol, flokkijiet u qliezet qosra tat-tenis, ħwejjeġ u lbies tal-banju u għal fuq ix-xtajta, qliezet u qliezet ta’ taħt tal-irġiel tal-banju u malji tal-għawm, inklużi il-bikinis, ħwejjeġ u lbies għall-isport u informali [inklużi ħwejjeġ u lbies innitjati u flokkijiet (ġampers)], ukoll għat-taħriġ fiżiku, il-ġiri jew it-tiġrijiet ta’ resistenza u tal-ġinnastika, qliezet għall-isport, ħwejjeġ innitjati għall-parti ta’ fuq tal-ġisem, ġersijiet, flokkijiet forma ta’ T, flokkijiet komdi li jintlibsu waqt eżerċizzji fiżiċi, ħwejjeġ u lbies tat-tenis u tal-iskijjar; ilbies għall-ġinnasju u lbies informali, ilbies għall-ġinnasju u lbies informali, kalzetti twal li jaslu sal-koxxa (maljerija), kalzetti tal-futbol, ingwanti, inklużi ingwanti tal-ġilda, kif ukoll imitazzjonijiet tal-ġilda jew ta’ ġilda sintetika, brieret u xedd tar-ras, strixxa drapp ta’ mar-ras, strixxa drapp ta’ mar-ras frontali u strixxa drapp ta’ mar-ras li tassorbi l-għaraq, trieħi, mkatar tar-ras, xalpi, mufflers, ċinturini ta’ mal-qadd, parkas, kowts qosra u ilbies impermeabli għax-xita, kowtijiet, libsa sħiħa milbusa fuq ħwejjeġ oħra, ġkieket u ġkieket tal-pranzu, dbielet, qliezet, ġersijiet u settijiet koordinati kombinati ta’ diversi biċċiet ta’ ħwejjeġ u ta’ ħwejjeġ ta’ taħt; ħwejjeġ ta’ taħt”;

klassi 28: “Ġugarelli, inklużi żraben żgħar u blalen żgħar (bħala ġugarelli); tagħmir u magni ta’ taħriġ fiżiku, ta’ ġinnastika u tal-isport (inklużi f’din il-klassi), faċilitajiet tal-iskijjar, tat-tenis u tas-sajd; skis, qfieli tal-iskis, lasti għall-iskijjar; burduri tal-iskis, ġlud għall-iskis; blanen għall-grawnds tal-logħob, inklużi blanen għall-isport u għal-logħob; diski tqal imwaħħla fit-truf ta’ ħadida użati fil-ġinnasju, boċċi, diski, gavellotti; rakketti tat-tenis, paletti tal-ping pong, rakketti tal-badminton u tal-iskwoxx, pali tal-kriket, stikek tal-golf u tal-ħoki, blalen tat-tenis u shuttlecocks; pattini bir-roti u pattini, żraben għall-iskejzjar bir-roti, ukoll b’suletti rinfurzati; imwejjed għall-ping pong; bsaten għall-ġinnastika, ċrieki għall-isport, xbieki għall-isport, xbieki għall-gowls u xbieki għall-blalen; ingwanti għall-isport (għall-użu fil-logħob); pupi, ħwejjeġ tal-pupi, żraben tal-pupi, brieret tal-pupi, ċinturini tal-qadd tal-pupi, libsa mingħajr kmiem jew għonq tal-pupi (pinafores); kuxxinetti għall-irkoppa, protezzjoni għall-minkbejn, protezzjoni għall-għekiesi u tgeżwir biex iżomm l-għekiesi sħan għall-isport; dekorazzjonijiet tas-siġar tal-Milied”.

Image

7

Insostenn tal-oppożizzjoni tagħha bbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-rikorrenti għamlet użu mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti fl-Istati Membri kollha u għall-prodotti kollha elenkati fil-punt 6 hawn fuq.

8

Fl-10 ta’ Marzu 2014, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni kollha kemm hi. Fir-rigward tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti Nru 593987, hija qieset li, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, ma kienx hemm lok li jiġu eżaminati l-provi prodotti mir-rikorrenti sabiex turi l-użu estensiv u r-reputazzjoni tagħha u li l-eżami ser isir fuq il-bażi tal-ipoteżi li t-trade mark preċedenti kellha “karattru distintiv imsaħħaħ”.

9

Fis-7 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10

B’deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. L-ewwel nett huwa qies li t-trade marks preċedenti u t-trade mark mitluba kienu jippreżentaw ċertu grad ta’ xebh viżiv u li jagħti l-istess kunċett ta’ “felin jaqbeż li jixbah puma”. It-tieni nett, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argument tar-rikorrenti li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet ikkonfermat l-eżistenza tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, għar-raġuni li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet fil-fatt kuntenta li tafferma, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, li ma kienx neċessarju, f’dan il-każ, li jiġu evalwati l-provi tar-reputazzjoni prodotti mir-rikorrenti u li l-eżami ser jiġi effetwat billi wieħed jitlaq mill-ipoteżi li t-trade mark preċedenti Nru 593987 kienet dotata b’“karattru distintiv msaħħaħ”. Il-Bord tal-Appell sussegwentement eżamina u ċaħad il-provi tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti rigward il-prodotti msemmija fil-punt 6 hawn fuq. It-tielet nett, il-Bord tal-Appell qies li, anki jekk wieħed jassumi li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti għandha titqies bħala stabbilita, l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 għandha tiġi miċħuda, peress li l-kundizzjonijiet l-oħra, jiġifieri l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jew ta’ dannu mwettaq fuq dawn, lanqas ma ġew issodisfatti.

It-talbiet tal-partijiet

11

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

12

L-EUIPO jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà ta ’ atti ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

13

Preliminarjament, l-EUIPO tqis li l-istampi riprodotti fil-punt 56 tar-rikors, li huma estratti minn sit internet ta’ terz, jikkostitwixxu “dokumenti ġodda” li huma inammissibbli.

14

Dawn l-istampi, li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jistgħux jiġu meqjusa. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009, b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għalhekk għandhom jiġu esklużi l-istampi ta’ hawn fuq mingħajr li jkun neċessarju li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata].

Fuq il-mertu

15

Ir-rikorrenti tqajjem essenzjalment tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba peress li l-Bord tal-Appell ċaħad l-provi dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u kkonkluda li r-reputazzjoni tagħhom ma ntwerietx, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell eżamina l-provi dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti filwaqt li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma kinitx wettqet tali eżami, u t-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-regolament imsemmi.

16

Fir-rigward tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell, billi ċaħad il-provi tar-rikorrenti dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, u billi mar kontra l-prassi deċiżjonali tiegħu rigward ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, kiser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba. Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni, għalhekk, żewġ argumenti, wieħed dwar ir-rifjut tal-Bord tal-Appell li jikkunsidra l-provi li ma kinux ġew tradotti fil-lingwa tal-kawża u l-ieħor li jikkonċerna ċ-ċirkustanza li l-Bord tal-Appell mar kontra l-prassi deċiżjonali tiegħu.

17

F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell elenka fid-deċiżjoni kkontestata l-provi segwenti: żewġ studji tas-suq dwar Franza (2008) u l-Isvezja (2011), ħmistax-il deċiżjoni tal-uffiċċji tat-trade marks nazzjonali jiġifieri tlieta tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej (uffiċċju tal-privattivi Pollakk), erba’ tal-Institut national de la propriété (INPI, istitut nazzjonali tal-proprjetà intellettwali), waħda tal-Instituto nacional da propriedade industrial (INPI, istitut Portugiż tal-proprjetà industrijali) u seba’ tal-Oficina Española de Patentes y Marcas (uffiċċju tal-privattivi u tat-trade marks Spajnol), kif ukoll is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Budziewska vs UASI – Puma (Felin jaqbeż) (T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584). Huwa kkonstata li l-istudju tas-suq għall-Isvezja kien irrilevanti sa fejn l-oppożizzjoni ma kinitx ibbażata fuq drittijiet preċedenti fl-Isvezja u li l-istudju tas-suq dwar Franza ma ġiex ippreżentat fil-lingwa tal-kawża li kienet l-Ingliż, bi ksur tar-Regola 19(1), (3) u (4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1. p. 189). Huwa rrileva, barra minn hekk, li dan l-aħħar studju kien sar ħames snin qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark, li kien diffiċli li wieħed ikun jaf fuq liema bażi kien ġie kondott dan l-istudju tas-suq u għal liema prodotti kienet tirreferi l-allegata reputazzjoni. Bl-istess mod, il-Bord tal-Appell irreleva li tnejn mit-tliet deċiżjonijiet tal-uffiċċju tal-privattivi Pollakk u d-deċiżjonijiet tal-uffiċċju tal-privattivi u tat-trade marks Spanjol ma kinux ġew tradotti fil-lingwa tal-kawża u għandhom għalhekk jiġu miċħuda. Rigward id-deċiżjoni tal-2008 tal-uffiċċju tal-privattivi Pollakk u d-deċiżjonijiet tal-INPI Franċiż, li kienu ġew tradotti, il-Bord tal-Appell ikkonstata li kien diffiċili li wieħed ikun jaf fuq liema provi kienu bbażaw ruħhom dawn l-uffiċċji nazzjonali sabiex jikkonkludu dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. Huwa spjega, pereżempju, li d-deċiżjoni tal-INPI Franċiża tat-13 ta’ Novembru 2012 sempliċement semmiet dokumenti prodotti sabiex jipprovaw li l-element figurattiv tat-trade mark preċedenti – li jikkonsisti fir-rappreżentazzjoni ta’ puma – kien notorjament magħruf mill-pubbliku fil-qasam tal-ħwejjeġ, iżda kien impossibbli li tiġi vverifikata l-eżattezza ta’ din l-affermazzjoni, mingħajr il-provi tar-reputazzjoni li kienu ġew prodotti fil-kuntest ta’ din il-proċedura nazzjonali. Huwa fakkar f’dan ir-rigward li għandha tiġi evalwata r-reputazzjoni fuq il-bażi tal-provi prodotti minn min qed jopponi skont ir-Regola 19(1) u (4) tar-Regolament Nru 2868/95 u enfasizza li d-dokumenti prodotti fil-proċeduri l-oħra ma setgħux jiġu meqjusa bħallikieku ġew imsemmija espressament u identifikati mill-parti li invokathom. Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell fakkar li, fi kwalunkwe każ, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 207/2009, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni Ewropea, mhux fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-EUIPO jew tal-uffiċċji nazzjonali. Bħala konklużjoni, il-Bord tal-Appell qies li, b’mod ġenerali, il-provi kienu insuffiċjenti sabiex juru r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti fir-rigward tal-prodotti involuti f’xi wieħed mill-Istati Membri.

18

Qabel ma jiġu eżaminati ż-żewġ argumenti tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari l-obbligu li għandha l-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha.

19

Skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandha żewġ skopijiet, minn naħa, li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lill-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni [sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI, C‑447/02 P, EU:C:2004:649, punti 64 u 65, u tat-28 ta’ Novembru 2013, Herbacin cosmetic vs UASI – Laboratoire Garnier (HERBA SHINE), T‑34/12, mhux ippublikata, EU:T:2013:618, punt 42].

20

Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, l-EUIPO kellu, fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, jqis id-deċiżjonijiet li diġà ttieħdu fuq applikazzjonijiet simili u jqis b’attenzjoni partikolari l-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm lok jew le li jiddeċiedi bl-istess mod. Madankollu, hija żiedet li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba għandhom jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tal-legalità. Konsegwentement, il-persuna li tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark ma tistax tinvoka favuriha illegalità li setgħet saret favur ħaddieħor bil-għan li tikseb deċiżjoni identika. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, b’mod speċifiku, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet bil-għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod illeġittimu. Dan l-eżami għandu jitwettaq f’kull każ konkret. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi fuq kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni u maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt raġuni għal rifjut (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punti 74 sa 77).

21

Fir-rigward tal-ewwel argument tagħha, dwar ir-rifjut tal-Bord tal-Appell li jqis ċerti provi li ma kinux ġew tradotti, ir-rikorrenti ssostni li l-istudju tas-suq għal Franza huwa ċertament miktub bil-Franċiż, iżda ma kienx neċessarju li jiġi tradott, sa fejn l-istudju kien “assolutament elokwenti” dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. Barra minn hekk, l-istess studju ġie ippreżentat fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni oħrajn mingħajr ebda oġġezzjoni mill-istanzi tal-EUIPO.

22

L-EUIPO jikkontesta dan l-argument, billi jirreferi essenzjalment għar-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95.

23

Ir-Regola 19(3) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprevedi li “[l]-informazzjoni u evidenza msemmija f’paragrafi 1 u 2 [tal-istess artikolu] għandhom ikunu bil-lingwa tal-proċedimenti jew akkumpanjati bi traduzzjoni”, li għandha “tkun sottomessa fil-perjodu ta’ żmien speċifikat għas-sottomissjoni tad-dokumenti oriġinali”. Ir-Regola 19(4) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprevedi li “[l-EUIPO] ma jiħux in konsiderazzjoni sottomissjonijiet miktuba jew dokumenti jew partijiet minnhom, li ma ġewx sottomessi, jew li ma ġewx tradottti bil-lingwa tal-proċedimenti, fil-perjodu ta’ żmien stipulat mill-[EUIPO]”.

24

Ir-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95 hija ċara u preċiża u tippermetti lir-rikorrenti li tkun taf mill-bidu tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni x’għandha tagħmel dwar il-provi eżistenti f’lingwa differenti mil-lingwa tal-kawża konformement mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

25

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li l-atti li ma kinux ġew tradotti fil-lingwa tal-kawża ma setgħux jiġu meqjusa. Il-fatt li l-istudju tas-suq għal Franza kien fi kwalunkwe każ “assolutament elokwenti” jew li kien ikun aċċettat mingħajr traduzzjoni fil-proċedimenti preċedenti, ma jikkontestax tali konklużjoni. Ir-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95 hija ġġustifikata fil-fatt min-neċessità li jiġu osservati l-prinċipju ta’ kontradittorju kif ukoll dak ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-proċeduri inter partes (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2007, SAME vs UASI – Racke (REVIAN’s), T‑407/05, EU:T:2007:329, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 iktar ’il fuq li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba għandhom jiġu kkonċiljati mal-osservanza tal-legalità. Il-fatt li r-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95 tista’ tkun possibbilment miksura f’kawżi oħra huwa irrilevanti f’dan il-każ.

27

Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ewwel argument li r-rikorrenti sostniet insostenn tal-ewwel motiv tagħha.

28

Fir-rigward tat-tieni argument, ir-rikorrenti tinvoka żball ta’ liġi li l-Bord tal-Appell wettaq meta mar kontra l-prassi deċiżjonali tal-EUIPO, diġà invokata minnha, kif ukoll diversi deċiżjonijiet ta’ uffiċċji nazzjonali u s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Felin jaqbeż (T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584). Dawn id-deċiżjonijiet kollha jikkonkludu l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. Fil-fatt, huwa element fattwali uniku għal trade marks ta’ reputazzjoni rikonoxxuta li ma jistgħux jiddependu fuq trade marks li huma s-suġġett ta’ oppożizzjoni. Issa, il-Bord tal-Appell ma spjegax kif tali devjazzjoni mid-deċiżjonijiet invokati kienet iġġustifikata.

29

L-EUIPO jikkontesta dan l-argument. L-ewwel nett, huwa jqis li r-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni l-provi tar-reputazzjoni, billi invoka l-prassi deċiżjonali preċedenti. Huwa jirreferi, essenzjalment, għall-motivazzjoni, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 207/2009 hekk kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux abbażi tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-EUIPO jew tal-uffiċċji nazzjonali, il-prassi deċiżjonali tagħha ma tiġix awtomatikament imposta, kull każ huwa kkaratterizzat minn ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt speċifiċi li jistgħu jwasslu għal konklużjonijiet differenti.

30

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti kienet ressqet fis-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni prassi deċiżjonali reċenti tal-EUIPO li ddeċidiet fuq ir-reputazzjoni u l-għarfien wiesa’ mill-pubbliku ta’ trade marks preċedenti. Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tal-EUIPO tat-30 ta’ Mejju 2011 (oppożizzjoni B1291618) li t-trade mark preċedenti Nru 480105 kienet ġiet meqjusa, fuq il-bażi ta’ numru kbir ta’ provi, bħala li tgawdi minn reputazzjoni kbira, tal-inqas fi Franza, minħabba l-użu tagħha fis-suq, rigward il-prodotti tal-klassi 25 (ħwejjeġ, xedd tas-saqajn u xedd ir-ras). Il-provi segwenti kienu b’mod partikolari elenkati f’din id-deċiżjoni: storja tal-impriża u siltiet mill-istampa, siltiet mis-sit tal-internet tagħha, stampi ta’ plejer tat-tenis magħruf madwar id-dinja li jilbes l-prodotti tar-rikorrenti, siltiet mill-istampa li juru timijiet tal-futbol famużi li jilbsu l-prodotti tar-rikorrenti, katalgi ta’ żraben u ħwejjeġ mill-1996 sal-1998 bi stampi ta’ prodotti tar-rikorrenti, dokumenti li juru l-attivitajiet ta’ sponsoring tar-rikorrenti fil-qasam tal-isports bil-muturi, kopji tar-rivista Sporting Goods intelligence bejn l-2002 u l-2007 li jkun fiha informazzjoni fil-qasam tal-isport li ssemmi t-trade mark tar-rikorrenti jew l-isem tal-impriża Puma, kopji ta’ artikli jew ta’ pubbliċità ta’ diversi rivisti fi Franza, fil-Ġermanja, fi Spanja, fil-Benelux, fl-Italja, fir-Renju Unit, fir-Rumanija u fil-Greċja, ir-rapport annwali tal-2007 li juri li l-ispejjeż tal-marketing kienu telgħu minn EUR 29 miljun fl-1997 għal EUR 424.9 miljuni fl-2007. L-EUIPO spjega li jirriżulta mill-provi prodotti li l-imsemmija trade mark preċedenti kienet ġiet użata “b’mod sostnut u intensiv” u kienet ġeneralment magħrufa fis-swieq inkwistjoni, fejn kellha “pożizzjoni kkonsolidata” fost it-“trade marks ewlenin”, hekk kif jirriżulta minn “sorsi diversi u indipendenti”. Barra minn hekk, l-EUIPO semma diversi referenzi fl-istampa (pereżempju Votre Beauté, Maximal, Femme Actuelle, Le Point, Têtu, Paris Match, Biba, Vogue, Glamour, eċċ.), li fost provi oħrajn, juru li t-trade mark kienet tgawdi minn grad għoli ta’ rikonoxxenza fost il-pubbliku rilevanti. Wara d-deċiżjoni tal-EUIPO tat-30 ta’ Awwissu 2010 dwar l-oppożizzjoni B1287178, it-trade mark preċedenti Nru 593987 kienet meqjusa wkoll, fid-dawl tal-provi numerużi prodotti bħala li kisbet reputazzjoni kbira mill-użu fl-Unjoni, li tikkonċerna ħwejjeġ, xedd is-saqajn, xedd ir-ras, oġġetti sportivi mhux inklużi fi klassijiet oħra. Fid-deċiżjoni tagħha tal-20 ta’ Awwissu 2010, fuq l-oppożizzjoni B1459017, l-EUIPO kkonkluda wkoll li t-trade mark preċedenti Nru 593987 kienet tgawdi minn karattru distintiv qawwi minħabba l-użu tagħha “b’mod sostnut u intensiv” u tal-“grad għoli ta’ rikonoxxenza” tagħha.

31

Dawn id-deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO, għalkemm debitament invokati mir-rikorrenti, la huma eżaminati u lanqas huma msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Bord tal-Appell ikkuntenta ruħu biss li jfakkar li l-EUIPO ma kinitx marbuta bil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha.

32

Barra minn hekk, il-konklużjonijiet li waslu għalihom dawn id-deċiżjonijiet rigward ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti kienu kkorroborati mid-deċiżjonijiet tal-uffiċċji nazzjonali pprovduti. Għalhekk, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, id-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-privattivi Pollakk tal-4 ta’ Lulju 2008 kienet fiha nnifisha partikolarment dettaljata dwar il-provi li fuqhom huwa bbaża l-evalwazzjoni tiegħu tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti (fosthom it-trade mark preċedenti Nru 593987). L-uffiċċju tal-privattivi Pollakk kellu wkoll b’mod partikolari jispeċifika l-kampanji globali ta’ marketing u ta’ pubbliċità tar-rikorrenti u l-azzjonijiet tagħha ta’ sponsoring ta’ personalitajiet sportivi. Huwa kien b’mod partikolari kkonstata li l-impriża kienet preżenti fis-suq sa mill-1948, jiġifieri għal 60 sena sad-data tad-deċiżjoni tagħha, u li t-trade mark li tirrappreżenta felin jaqbeż kienet magħrufa fil-Polonja għal diversi snin. Fuq il-bażi ta’ provi li huwa ddeċieda li kienu “affidabbli, konsistenti u koerenti,” li juru b’mod kredibbli l-isforzi tar-rikorrenti fil-promozzjoni tat-trade mark tagħha, huwa qies li t-trade marks tar-rikorrenti li juru felin jaqbeż kienu ġew użati b’mod intensiv fil-kummerċ u b’dan il-fatt kienu kisbu reputazzjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet tal-INPI Franċiż, b’mod partikolari dawk tal‑10 ta’ April 2013, tal-25 ta’ Ottubru u tat-13 ta’ Novembru 2012, u d-deċiżjoni tal-INPI Portugiż tal-10 ta’ Marzu 2009, anki jekk ma jispeċifikawx il-provi li fuqhom ibbażaw il-konklużjonijiet tagħhom, huma kollha konsistenti dwar l-eżistenza ta’ għarfien wiesa’ mill-pubbliku rilevanti (b’mod partikolari fil-qasam tal-ħwejjeġ) jew ta’ reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, jirriżulta mis-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Felin jaqbeż (T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 36), invokata mir-rikorrenti, li d-“disinn [li jikkorrispondi għat-trade marks preċedenti huwa] magħruf”. Ċertament kien hemm proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn, iżda t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq disinni preċedenti “żvelati” fir-reġistrazzjonijiet internazzjonali tat-trade marks tar-rikorrenti, inklużi fit-trade marks preċedenti.

33

Għalhekk għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti kienet ġiet ikkonstatata mill-EUIPO fi tliet deċiżjonijiet reċenti, li kienu kkorraborati minn diversi deċiżjonijiet nazzjonali, u li dawn id-deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw l-istess trade marks preċedenti, ta’ prodotti identiċi jew simili għal dawk inkwistjoni u ċerti Stati Membri kkonċernati fil-każ preżenti. Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti hija konstatazzjoni tat-tip fattwali li ma tiddependix fuq it-trade mark mitluba, kif osservat ir-rikorrenti.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 iktar ’il fuq, l-EUIPO għandu jqis d-deċiżjonijiet diġà meħuda fuq applikazzjonijiet simili u jistaqsi b’attenzjoni partikolari dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens, u dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell ma setax imur kontra l-prassi deċiżjonali tal-EUIPO mingħajr ma jipprovdi ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet li wassluh biex iqis li l-konstatazzjonijiet fattwali dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, magħmula f’dawn id-deċiżjonijiet, ma jkunux rilevanti jew iktar rilevanti. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ma jsemmi l-ebda tnaqqis ta’ din ir-reputazzjoni wara d-deċiżjonijiet reċenti msemmija hawn fuq, u lanqas tal-illegalità possibbli tal-prassi deċiżjonali.

35

It-tieni nett, l-EUIPO jsostni li dawn id-deċiżjonijiet ma għandhomx jitqiesu peress li ebda waħda minnhom ma kienet akkumpanjata minn provi tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti prodotti fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti. Huwa jenfasizza li r-rikorrenti kellha terġa’ tippreżenta l-provi tar-reputazzjoni li hija kienet diġà pproduċiet fil-kuntest tal-proċeduri preċedenti, jew terġa’ tibgħathom b’mod preċiż.

36

Skont it-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, meta appell isir kontra deċiżjoni tad-Divizjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell għandu jillimita l-eżami tal-appell għall-fatti u għall-provi prodotti fit-termini stipulati jew speċifikati mid-Divizjoni tal-Oppożizzjoni, sakemm huwa ma jqisx li fatti u provi addizzjonali jew supplimentari għandhom jitqiesu skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 2868/95 jipprevedi espressament li waqt l-eżami ta’ appell minn deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali li tirriżulta mit-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 u mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok li jqis provi addizzjonali jew supplimentari li ma ġewx prodotti fit-termini stabbiliti jew speċifikati mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASI, C‑120/12 P, EU:C:2013:638, punti 31 u 32).

37

Konsegwentement, fiċ-ċirkustanzi f’dan il-każ, fid-dawl tal-prassi deċiżjonali preċedenti reċenti tiegħu, ikkorraborata minn numru relattivament kbir ta’ deċiżjonijiet nazzjonali u b’sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell kellu, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif spjegat fil-punti 18 sa 20 iktar ’il fuq, jitlob lir-rikorrenti sabiex tissottometti provi addizzjonali dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti – jekk biss biex jiċħadhomlha –, kif jippermettilu t-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 jew jipprovdi raġunijiet għalfejn hija qieset li l-konstatazzjonijiet magħmula f’dawn id-deċiżjonijiet preċedenti dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti għandhom ikunu injorati f’dan il-każ. Dan kien l-iktar neċessarju peress li xi wħud minn dawn id-deċiżjonijiet semmew f’dettall kbir il-provi dwar l-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, li għandha tiġbed l-attenzjoni tiegħu għall-eżistenza tagħhom.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari tal-obbligu tal-EUIPO li jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu.

39

Għalhekk, dan l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ.

40

Madankollu, din il-konstatazzjoni waħedha ma hijiex biżżejjed biex tannulla d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għandu jiġi nnotat li l-Bord tal-Appell iddeċieda wkoll, għal finijiet ta’ kompletezza, dwar il-kwistjoni jekk il-kundizzjoni l-oħra indispensabbli skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 kienet issodisfatta, jiġifieri l-eżistenza ta’ dannu għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jew ta’ vantaġġ indebitu miksub minn dawn tal-aħħar.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-iżball magħmul mill-Bord tal-Appell jista’ jkollu influwenza determinanti fuq l-eżitu tal-oppożizzjoni. Huwa minnu li l-Bord tal-Appell ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu tal-eżistenza ta’ dannu fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 fuq l-ipoteżi li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti kienet stabbilita. Madankollu, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti hija meqjusa fl-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ dannu fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, kemm fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ rabta bejn it-trade marks kemm bħala ksur fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, li huma kundizzjonijiet distinti u indispensabbli.

42

Fil-fatt, l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks għandha tiġi evalwata globalment, b’kunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti ta’ dan il-każ, fosthom, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u l-grad ta’ karattru distintiv, intrinsiku jew miksub bl-użu tat-trade mark preċedenti (sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punti 4142 u 53, u tat‑12 ta’ Marzu 2009 Antartica vs UASI C‑320/07 P, mhux ippubblikata, EU: C:2009:146, punt 45). Bl-istess mod bħal fil-każ ta’ rabta bejn it-trade marks f’kunflitt, l-eżistenza ta’ wieħed mill-ksur imsemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jew tar-riskju serju li ksur bħal dan jista’ jipproduċi fil-futur għandha tiġi evalwata globalment, b’kunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti tal-każ, li fosthom hemm l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u l-grad ta’ karattru distintiv, intrinsiku jew miksub bl-użu tat-trade mark preċedenti (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punti 42 u 68). Barra minn hekk, iktar ma l-karattru distintiv u mar-reputazzjoni ta’ din it-trade mark ser ikunu kbar, l-eżistenza ta’ ksur tiġi ammessa iktar faċilment (ara s-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Issa, peress li l-Bord tal-Appell ma wettaqx reviżjoni kompleta tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punti 72 u 73, tal-14 ta’ Diċembru 2011, Völkl vs UASI – Marker Völkl (VÖLKL), T‑504/09, EU:T:2011:739, punt 63 u tad‑29 ta’ Marzu 2012, You‑Q vs UASI – Apple Corps (BEATLE), T‑369/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:177, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata].

44

Konsegwentement, għandu jintlaqa’ l-ewwel motiv u għalhekk, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija ċaħdet l-oppożizzjoni tar-rikorrenti, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti.

Fuq l-ispejjeż

45

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

46

Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea għall-Proprjetà Intellettwali (EUIPO) tad-19 ta’ Diċembru 2014 (Każ R 1207/2014‑5) hija annullata.

 

2)

L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż, inklużi dawk ta’ Puma SE.

 

Van der Woude

Wiszniewska-Białecka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2016.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top