EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0557

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Ġunju 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Malta.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Qabda u żamma ta’ għasafar ħajjin – Speċi li jagħmlu parti mill-familja tal-għasafar tal-għana – Projbizzjoni – Sistema derogatorja nazzjonali – Setgħa ta’ deroga tal-Istati Membri – Kundizzjonijiet.
Kawża C-557/15.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:477

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Qabda u żamma ta’ għasafar ħajjin – Speċi li jagħmlu parti mill-familja tal-għasafar tal-għana – Projbizzjoni – Sistema derogatorja nazzjonali – Setgħa ta’ deroga tal-Istati Membri – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C-557/15,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-30 ta’ Ottubru 2015,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Mifsud-Bonnici u C. Hermes, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika ta’ Malta, irrappreżentata minn A. Buhagiar, bħala aġent, assistita minn J. Bouckaert, advocaat, u L. Cassar Pullicino, avukat,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Frar 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi adottat sistema derogatorja li tippermetti l-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana selvaġġi (l-isponsun, Fringilla coelebs, il-ġojjin, Carduelis cannabina, il-gardell, Carduelis carduelis, il-verdun, Carduelis chloris, taż-żebbuġ, Coccothraustes coccothraustes, l-apparell, Serinus serinus, u l-ekru, Carduelis spinus) ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(a) u (e) u taħt l-Artikolu 8(1), flimkien mal-punt (a) tal-Anness IV, tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), moqrija flimkien mal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/147 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iżommu jew jadattaw il-popolazzjoni tal-ispeċi kollha msemmija fl-Artikolu 1 fil-livell li jikkorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali.”

3

L-Artikolu 5(a) u (e) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 9, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċi kollha tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1, li tipprojbixxi partikolarment:

(a)

il-qtil u l-qabda intenzjonata bi kwalunkwe metodu;

[…]

(e)

iż-żamma tal-għasafar ta’ speċi li l-kaċċa u l-qabda tagħhom hija pprojbita.”

4

L-Artikolu 7(1) u (4) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Minħabba l-livell tal-popolazzjoni tagħhom, id-distribuzzjoni ġeografika u r-rata tar-riproduttività fil-Komunità, l-ispeċi elenkati fl-Anness II jistgħu jkunu suġġetti għall-kaċċa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kaċċa ta’ dawn l-ispeċi ma tfixkilx l-isforzi tal-konservazzjoni fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-prattika tal-kaċċa, inkluż il-falkunerija jekk prattikata, kif prattikata bi qbil mal-miżuri nazzjonali fis-seħħ, tikkonforma mal-prinċipji tal-użu bil-għaqal u l-bilanċ ekoloġiku tal-kontroll tal-ispeċi tal-għasafar kkonċernati u li din il-prattika tkun kompatibbli għal dak li jirrigwarda l-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, partikolarment l-ispeċi migratorji, mall-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 2.

Dawn għandhom jaraw partikolarment li l-ispeċi li japplikaw għalihom il-liġijiet tal-kaċċa ma humiex suġġetti għal kaċċa fl-istaġun tat-trobbija u lanqas waqt l-istadji differenti tar-riproduzzjoni [u ta’ dipendenza].

Fil-każ tal-ispeċi migratorji, għandhom jaraw partikolarment li l-ispeċi li r-regolamenti tal-kaċċa japplika għalihom ma humiex suġġetti għall-kaċċa waqt il-perjodu tar-riproduzzjoni tagħhom jew waqt il-perjodu tar-ritorn tagħhom għall-postijiet tat-trobbija.

[…]”

5

Is-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana selvaġġi msemmija fil-punt 1 ta’ din is-sentenza ma humiex inklużi fl-Anness II tad-Direttiva 2009/147.

6

Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/147:

“Dwar il-kaċċa, qabda jew qtil tal-għasafar taħt din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu tal-mezzi, arranġamenti u l-metodi kollha użati għall-qabda jew qtil tal-għasafar fuq skala kbira jew mhux selettiva jew li jkunu kapaċi jikkawżaw l-għejbien lokali ta’ speċi, partikolarment l-użu ta’ dawk elenkati fl-Anness IV punt (a).”

7

Ir-raba’ inċiż tal-punt (a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva jsemmi l-mezzi segwenti:

“– Xbiek, nasses, lixki valenati jew anestetiċi”.

8

L-Artikolu 9(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonjiet tal-Artikoli 5 sa 8, fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin:

[…]

(c)

biex jippermettu, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta u fuq bażijiet selettivi, il-qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċerti għasafar f’numri żgħar.

2.   Id-derogi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw:

(a)

l-ispeċi li huma suġġetti għad-derogi;

(b)

l-mezzi, l-arranġamenti jew il-metodi awtorizzati għall-qabda jew il-qtil;

(c)

il-kondizzjonjiet tar-riskju u ċ-ċirkostanzi taż-żmien u l-post skont liema derogi bħal dawn jistgħu jingħataw;

(d)

l-awtorità li jkollha s-setgħa li tiddikjara li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu sodisfatti u li tiddeċidi liema mezzi, arranġamenti jew metodi jistgħu jkunu użati, f’liema limiti u minn min;

(e)

il-kontrolli li se jkunu magħmula.

[…]”

Id-dritt Malti

Ir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi

9

L-Avviż Legali 79, tad-29 ta’ Marzu 2006, jistabbilixxi r-regolamenti dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi u huwa l-att legali prinċipali li jittrasponi d-Direttiva 2009/147 fid-dritt Malti (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi”).

10

B’mod partikolari, ir-Regolament 9 tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi jittrasponi, essenzjalment, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/147 u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom għandu jitwettaq l-eżami tad-derogi. Ir-Regolament 9 jorganizza wkoll proċedura deċiżjonali preċiża li għandha tiġi segwita matul l-eżami ta’ tali deroga, proċedura li tinkludi eżami obbligatorju min-naħa tal-Kumitat Ornitoloġiku Malti (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Ornitoloġiku”).

11

Ir-Regolament 10 tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi jistabbilixxi r-rwol tal-Kumitat Ornitoloġiku. Skont il-punt (ċ) tal-paragrafu 6 tar-Regolament 10, ir-rwol ta’ dan il-kumitat huwa, b’mod partikolari, li “jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Ministru dwar l-awtorizzazzjoni tad-derogi mid-dispożizzjonijiet tar-regolamenti 4, 5, 6, 7, 18 u 21”, u li “jivverifika minn żmien għal żmien li l-kondizzjonijiet li jwasslu biex jingħataw l-awtorizzazzjoniet imsemmija qed jiġu osservati”. Barra minn hekk, ir-raba’ kundizzjoni ta’ dan l-istess paragrafu tistabbilixxi, bi preċiżjoni, is-setgħa li għandu l-Ministru għall-Ambjent, għall-Iżvilupp Sostenibbli u għat-Tibdil fil-Klima (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), meta jeżamina r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ornitoloġiku, li jiddeċiedi dwar jekk għandux jawtorizza jew le derogi, kif ukoll l-obbligu tal-Ministru li jindika bil-miktub ir-raġunijiet tad-deċiżjoni tiegħu fil-każ ta’ diverġenza sostanzjali bejn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ornitoloġiku u d-deċiżjoni meħuda mill-Ministru.

12

Ir-Regolament 27 tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi jorganizza l-mod kif għandhom jiġu ttrattati l-każijiet ta’ ksur tal-imsemmija regolamenti u jipprevedi sensiela ta’ sanzjonijiet li, fil-każijiet ta’ ksur imwettaq fil-kuntest tad-derogi, ivarjaw minn multa ta’ mhux inqas minn EUR 500 flimkien mal-irtirar immedjat tal-liċenzja speċjali, sa multa ta’ EUR 15000 flimkien ma’ sentejn priġunerija, mar-revoka permanenti tal-liċenzji kollha maħruġa fil-kuntest ta’ dawn ir-regolamenti, kif ukoll mal-konfiska tal-corpus delicti.

Ir-Regolamenti Qafas

13

L-Avviż Legali 253, tal-15 ta’ Lulju 2014, jistabbilixxi qafas sabiex tiġi permessa deroga li tiftaħ l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana fil-ħarifa (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti Qafas”).

14

Ir-Regolament 3 tar-Regolamenti Qafas jipprevedi:

“L-għasafar tal-għana jistgħu jinqabdu intenzjonalment bi xbieki tradizzjonali magħrufin bħala clap-nets bil-għan esklużiv li jinżammu għat-trobbija, inkluż l-użu tagħhom fil-fieri u eżibizzjonijiet, għat-tnissil u, jew biex jintużaw bħala għasafar għall-għajat u taħrik skont id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti: […]”

15

Ir-Regolament 3 jiddefinixxi ċerti kriterji dwar il-clap-nets, it-tqegħid ta’ ċrieket fuq l-għasafar maqbuda u d-daqs minimu tal-malju tax-xbieki.

16

Ir-Regolament 4 tar-Regolamenti Qafas jipprovdi:

“[…] il-perjodu tal-istaġun għall-insib għall-għasafar tal-għana fil-Ħarifa għandu jkun ta’ massimu ta’ tlieta u sebgħin (73) ġurnata bejn ix-xahar ta’ Ottubru u x-xahar ta’ Diċembru tal-istess sena li fiha l-Ministru jista’ jiddeċiedi li għandu jkun miftuħ l-istaġun għall-insib tal-għasafar tal-għana fil-Ħarifa bil-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Gazzetta:

Iżda meta jiddikjara l-istaġun għall-insib għall-għasafar tal-għana fil-Ħarifa, il-Ministru għandu jistabbilixxi li m’hemmx soluzzjoni oħra sodisfaċenti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva [2009/147], u għandu ukoll jieħu konsiderazzjoni taż-żamma tal-popolazzjoni tal-ispeċi kkonċernata f’livell sodisfaċenti kif ukoll jikkonsidra l-limiti stabbiliti fl-Iskeda II:

Iżda ukoll, meta jistabbilixxi l-perjodu tal-istaġun għall-insib tal-għasafar tal-għana fil-Ħarifa, il-Ministru għandu jistabbilixxi l-kwota komplessiva għall-istaġun għal kull waħda mill-ispeċi tal-għasafar tal-għana kif ukoll il-kwota individwali għall-istaġun għal kull liċenza, u għandu ukoll jiddeċiedi jekk jistabbilixxix il-kwota individwali għal kull jum għal kull liċenza, li għandha tkun permissibbli għal dik id-deroga li tiftaħ l-istaġun għall-insib għall-għasafar tal-għana fil-Ħarifa.”

17

Ir-Regolament 8 tar-Regolamenti Qafas jikkonċerna l-miżuri ta’ sorveljanza matul iż-żmien li jkun miftuħ l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana fil-ħarifa. Dan ir-regolament jipprevedi li għandhom jitwettqu verifiki fuq il-post mill-pulizija u li għandu jkun hemm fuq ix-xogħol minn tal-inqas 7 uffiċjali għal kull 1000 liċenzja.

18

Ir-Regolamenti Qafas jinkludu l-Iskeda I, li tistabbilixxi l-lista tas-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana kkonċernati.

19

L-Iskeda II tar-Regolamenti Qafas hija fformulata kif ġej:

“Meta jkun qed jiġi stabbilit in-numru totali ta’ għasafar tal-għana li jista’ jsir insib għalihom matul l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana fil-Ħarifa, il-Ministru għandu jistabbilixxi l-kwota komplessiva f’mhux iżjed minn 1% mir-rata ta’ mortalità totali ta’ kull sena tal-popolazzjoni li tintuża għar-referenza ta’ kull speċi fi ħdan it-territorju tal-Unjoni Ewropea fuq il-bażi tal-aħħar data xjentifika disponibbli fir-rigward ta’ għasafar immarkati b’ċurkett li jindika minn fejn passew.

Iżda l-ogħla limitu għal kwota komplessiva għal deroga li tiftaħ l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana fil-Ħarifa m’għandux, f’kull każ, jeċċedi dawn in-numri li ġejjin:

SPEĊI KWOTA NAZZJONALI

Ġojjin 12000

Gardell 800

Verdun 4500

Ekru 2350

Taż-Żebbuġ 500

Sponsun 5000

Apparell 2350

In-numri massimi fuq imsemmija jistgħu jiġu emendati mill-Ministru, b’avviż fil-Gazzetta, biex ikun hekk jista’ jirrevedihom u jaġġornahom billi jqis l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi konċernati u ż-żamma tal-popolazzjoni tal-ispeċi fuq livell sodisfaċenti”

Id-Dikjarazzjoni tal-2014

20

L-Avviż Legali 250, tal-15 ta’ Lulju 2014, li jistabbilixxi r-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi u li jagħmel Dikjarazzjoni dwar Deroga għall-Istaġun tal-Insib fil-Ħarifa tal-2014 għall-Għasafar tal-Għana (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni tal-2014”) jipprevedi, fir-Regolament 3 tiegħu:

“[…] il-perjodu għall-insib tal-Għasafar tal-Għana għas-sena 2014, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘l-istaġun għall-insib fil-Ħarifa’, għandu jkun fid-dati li ġejjin:

– l-insib għall-Ġojjin, Gardell, Verdun, Ekra, Taż-Żebbuġ, Sponsun u Apparell għandu jsir bejn l-20 ta’ Ottubru 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014, iż-żewġ dati inklużi.”

21

Skont ir-Regolament 5(1) tad-Dikjarazzjoni tal-2014, il-kwota kumplessiva għall-istaġun tal-insib fil-ħarifa tikkorrispondi għal dik indikata fl-Iskeda II tar-Regolamenti Qafas.

22

Skont ir-Regolament 5(2) tad-Dikjarazzjoni tal-2014, il-kwota għall-istaġun tal-insib hija ta’ għaxar għasafar tal-għana għal kull liċenzja tal-insib fil-ħarifa jew dak l-għadd ta’ għasafar taħt l-imsemmi numru li jistgħu jkunu ġew maqbuda qabel jagħlaq l-istaġun.

Id-Dikjarazzjoni tal-2015

23

Ir-Regolament 3 tal-Avviż Legali 330, tas-16 ta’ Ottubru 2015, li jistabbilixxi r-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi u li jagħmel Dikjarazzjoni dwar Deroga għall-Istaġun tal-Insib fil-Ħarifa tal-2015 għall-Għasafar tal-Għana (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni tal-2015”) huwa, għas-sena 2015, identiku għar-Regolament 3 tad-Dikjarazzjoni tal-2014.

24

Ir-Regolament 5(1) u (2) tad-Dikjarazzjoni tal-2015 huwa, mutatis mutandis, l-istess bħar-Regolament 5(1) u (2) tad-Dikjarazzjoni tal-2014.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

25

Peress li matul is-sena 2014 ir-Repubblika ta’ Malta adottat ir-Regolamenti Qafas u d-Dikjarazzjoni tal-2014, li jawtorizzaw il-qabda ta’ seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana, il-Kummissjoni, fis-17 ta’ Ottubru 2014, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika ta’ Malta fejn indikat li s-sistema derogatorja ta’ dan l-Istat Membru ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/147. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan l-Istat Membru ma kienx stabbilixxa l-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra u ma kienx osserva l-kundizzjonijiet dwar l-użu meqjus, dwar in-numri żgħar u dwar is-sorveljanza stretta previsti fl-Artikolu 9(1)(c) ta’ din id-direttiva.

26

Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Novembru 2014, ir-Repubblika ta’ Malta wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni filwaqt li sostniet li s-sistema derogatorja tagħha kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/147.

27

Peress li ma kinitx issodisfatta bit-tweġiba mogħtija mir-Repubblika ta’ Malta, il-Kummissjoni bagħtitilha opinjoni motivata fit-28 ta’ Mejju 2015.

28

Ir-Repubblika ta’ Malta wieġbet għal din l-opinjoni motivata fit-28 ta’ Lulju 2015, fejn tenniet il-pożizzjoni li kienet diġà esprimiet fl-ittra tagħha tal-14 ta’ Novembru 2014.

29

Wara li eżaminat it-tweġiba tar-Repubblika ta’ Malta u informazzjoni komplementari, il-Kummissjoni, peress li qieset li dan l-Istat Membru ma kienx irrimedja n-nuqqasijiet invokati, iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

30

Il‑Kummissjoni ssostni li s-sistema derogatorja adottata mir-Repubblika ta’ Malta li tawtorizza l-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana hija kuntrarja għall-Artikolu 5(a) u (e) u għall-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/147, moqri flimkien mal-punt (a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, u ma tissodisfax il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva.

31

Fir-rigward ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li r-Repubblika ta’ Malta ma rnexxilhiex tistabbilixxi l-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra, kif tirrikjedi din id-dispożizzjoni. Fit-tieni lok, hija ssostni li dan l-Istat Membru ma ppreżenta ebda motivazzjoni dwar l-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra sabiex jiġġustifika s-sistema derogatorja tiegħu. Fit-tielet lok, skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika ta’ Malta ma stabbilixxietx li l-attività awtorizzata tikkostitwixxi “użu meqjus”, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147. Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika ta’ Malta ma rnexxilhiex tipprova li hija tosserva l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(c) ta’ din id-direttiva, li tipprevedi li d-deroga inkwistjoni tista’ tikkonċerna biss numri żgħar ta’ għasafar. Fl-aħħar lok, skont il-Kummissjoni, l-Istat Membru konvenut ma stabbilixxiex li l-awtorizzazzjoni tingħata “taħt kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta”, kif jirrikjedi madankollu l-Artikolu 9(1)(c) tal-imsemmija direttiva.

Fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, fis-sistema derogatorja Maltija, dwar l-ineżistenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/147, kif ukoll fuq l-allegata assenza ta’ prova tal-ineżistenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu

L-argumenti tal-partijiet

32

Minn naħa, il-Kummissjoni ssostni li s-sistema derogatorja Maltija hija ġenerali wisq u ma tinkludi ebda motivazzjoni ċara u suffiċjenti fir-rigward tal-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra.

33

Ir-Regolament 4 tar-Regolamenti Qafas jipprevedi biss, skont il-Kummissjoni, li, meta jiftaħ l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana fil-ħarifa, il-Ministru għandu jistabbilixxi li ma hemmx “soluzzjoni oħra sodisfaċenti”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/147. Il‑Kummissjoni ssostni li r-Regolamenti Qafas ma jagħmlu ebda riferiment għat-trobbija fil-maqful u ma jobbligawx speċifikament lill-Ministru jevalwa jekk it-trobbija fil-maqful tikkostitwixxix soluzzjoni sodisfaċenti oħra qabel ma jawtorizza l-insib għall-għasafar tal-għana fi staġun partikolari.

34

Barra minn hekk, dejjem skont il-Kummissjoni, id-Dikjarazzjonijiet tal-2014 u tal-2015, li jawtorizzaw l-insib għall-għasafar tal-għana fil-ħarifa tal-2014 u tal-2015, ma humiex konformi mal-kundizzjoni vaga stabbilita fir-Regolament 4 tar-Regolamenti Qafas, sa fejn ma jinkludu ebda deċiżjoni dwar l-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra, u lanqas ma jinkludu l-motivazzjonijiet li wasslu lill-Ministru ma jqisx li t-trobbija fil-maqful kienet alternattiva sodisfaċenti meta awtorizza dawn iż-żewġ staġuni tal-insib.

35

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li d-deliberazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ornitoloġiku ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni ċara u suffiċjenti. Minn naħa, il-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat Ornitoloġiku ċċitati mir-Repubblika ta’ Malta ma jindikaw ebda evalwazzjoni fil-fond ta’ soluzzjonijiet alternattivi u, min-naħa l-oħra, lanqas id-Dikjarazzjonijiet tal-2014 u tal-2015 stess ma fihom evalwazzjoni jew konklużjoni dwar l-assenza ta’ soluzzjonijiet sodisfaċenti oħra.

36

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tosserva li, skont ir-Regolament 3 tar-Regolamenti Qafas, il-problema partikolari jew is-sitwazzjoni speċifika li l-awtoritajiet Maltin qegħdin jippruvaw jindirizzaw hija l-awtorizzazzjoni tal-insib għall-għasafar tal-għana esklużivament bil-għan li dawn jinżammu għat-trobbija fil-maqful, inkluż sabiex jintużaw f’fieri u f’eżibizzjonijiet, għat-tnissil u/jew sabiex jintużaw bħala għasafar għall-għajjat u taħrik.

37

Issa, l-insib għall-għasafar tal-għana selvaġġi, li skont il-Kummissjoni jmur kontra l-Artikoli 5 u 8 tad-Direttiva 2009/147, ma huwiex neċessarju sabiex jinżammu għasafar tal-għana fil-maqful, u dan sa fejn it-trobbija fil-maqful hija soluzzjoni sodisfaċenti għal dan il-għan.

38

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika ta’ Malta ma wrietx li t-trobbija fil-maqful ma hijiex alternattiva sodisfaċenti għall-insib. Fil-fatt, diversi rapporti u studji msemmija minn dan l-Istat Membru jikkonfermaw, fil-fehma tal-Kummissjoni, li t-trobbija fil-maqful hija teknikament u xjentifikament fattibbli fir-rigward tas-seba’ speċi kkonċernati. Għaldaqstant, il-fatt li din l-alternattiva ġġiegħel lid-dilettanti Maltin jibdlu l-aġir tagħhom, jiġifieri li, minflok ma jżommu fil-maqful l-għasafar selvaġġi li jkunu qabdu, ser ikollhom iżommu fil-maqful l-għasafar imrobbija fil-maqful, ma jipprekludix li din l-alternattiva titqies li hija soluzzjoni sodisfaċenti.

39

Peress li r-Repubblika ta’ Malta tallega li s-sistema derogatorja tagħha ma hijiex intiża biss li jinkisbu għasafar tal-għana sabiex jinżammu fil-maqful iżda wkoll li tippermetti lill-persuni li jipprattikaw l-insib jeżerċitaw b’mod legali l-attività ta’ qabda u ta’ żamma tagħhom, skont tradizzjoni nazzjonali, il-Kummissjoni tenfasizza li, jekk jintlaqa’ dan l-argument, dan iċaħħad mis-sens tiegħu l-kriterju tal-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra prevista fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/147. B’hekk, b’estensjoni esaġerata tal-portata tad-dispożizzjoni li tikkonċerna d-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni, tkun qiegħda tiġi ppreġudikata s-sistema ta’ konservazzjoni stabbilita permezz ta’ din id-direttiva. Il-konsegwenza ta’ dan tkun li ma jkun jista’ jkun hemm ebda soluzzjoni sodisfaċenti oħra peress li ebda waħda ma tista’ tkun ekwivalenti għall-qabda ta’ għasafar selvaġġi.

40

Ir-Repubblika ta’ Malta toġġezzjona, minn naħa, li d-deċiżjonijiet li awtorizzaw deroga fir-rigward tal-insib għall-għasafar tal-għana fis-snin 2014 u 2015 kienu ġew adottati biss wara li l-Kumitat Ornitoloġiku kien iddedika diversi laqgħat għal diskussjoni ta’ dawn il-motivi, ta’ dawn il-kundizzjonijiet u ta’ dawn ir-rekwiżiti, filwaqt li bbaża ruħu fuq ir-rapporti tekniċi, legali u xjentifiċi ddettaljati li kienu ġew ippreżentati quddiemu. Kien billi bbaża ruħu fuq dawn l-elementi li, fiż-żewġ każijiet, il-Kumitat Ornitoloġiku rrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ deroga, u dan mhux qabel ma żgura ruħu li l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147 kienu ssodisfatti.

41

Ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, ma kienx meħtieġ li d-Dikjarazzjonijiet tal-2014 u tal-2015 ikun fihom deċiżjoni dwar l-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra sa fejn qabel id-deċiżjoni tal-Ministru li jiġu ppubblikati l-imsemmija dikjarazzjonijiet kienu saru evalwazzjonijiet iddettaljati mill-Kumitat Ornitoloġiku, konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolamenti 9 u 10 tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi, li kienu wasslu għall-konklużjoni li ma kienx hemm soluzzjoni sodisfaċenti oħra.

42

Fir-rigward tal-kritika magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tan-natura inadegwata tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ornitoloġiku, ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li l-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat Ornitoloġiku jistabbilixxu biss sinteżi tad-diskussjoni li saret fir-rigward tal-aspetti kollha tad-deroga inkwistjoni, inkluż fir-rigward tar-raġunijiet ta’ din tal-aħħar u evalwazzjoni tas-soluzzjonijiet possibbli. L-eżami fid-dettall, fil-veru sens tal-kelma, kif ukoll il-motivi, huwa espost fil-parti l-kbira tiegħu fin-nota teknika dwar id-deroga ppjanata fir-rigward tal-insib għal seba’ għasafar tal-għana, ta’ April 2014, maħruġa mill-Wild Bird Régulation Unit (it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi) (iktar ’il quddiem in-“nota teknika tal-WBRU”), li taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent, għall-Iżvilupp Sostenibbli u għat-Tibdil fil-Klima. Ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li, ikkunsidrata fl-intier tagħha, is-sistema derogatorja adottata minnha tikkostitwixxi mekkaniżmu komplet u solidu li josserva r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147.

43

Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika ta’ Malta tirribatti li l-Kummissjoni hija żbaljata fir-rigward tal-għan segwit mir-Regolamenti Qafas. Il-fatt li s-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana jinqabdu sabiex jinżammu fil-maqful bi skop rikreattiv ma jipprekludix li l-attività ta’ qabda tista’ tikkostitwixxi wkoll għan fiha nfisha. Il-qabda u ż-żamma sussegwenti fil-maqful huma, it-tnejn li huma, parti integrali mit-tradizzjoni li l-aworitajiet Maltin qegħdin jipprovaw jipproteġu fil-qafas strett tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147. Skont ir-Repubblika ta’ Malta, programm ta’ trobbija fil-maqful jipprovdi biss soluzzjoni parzjali għal waħda minn dawn l-attivitajiet, jiġifieri dik taż-żamma fil-maqful ta’ kampjuni minn dilettanti li għalihom il-qabda ta’ dawn il-kampjuni ma tkunx neċessarjament ta’ interess.

44

Ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li, qabel adottat id-deċiżjoni tagħha li tapplika d-deroga inkwistjoni fir-rigward tal-insib għall-għasafar tal-għana, hija kienet evalwat b’attenzjoni s-soluzzjonijiet alternattivi potenzjali kollha li kienu ġew implimentati bejn is-sena 2004 u s-sena 2014. Meta ntemmet din l-evalwazzjoni, l-awtoritajiet Maltin ikkonkludew li, fid-dawl tal-kuntest soċjokulturali uniku u fid-dawl tal-profil bijoġeografiku tal-gżejjer Maltin, kif ukoll fid-dawl tal-esperjenza prattika miksuba fil-qasam tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet alternattivi potenzjali oħra kollha – li jinkludu b’mod partikolari l-programm ta’ tqegħid ta’ ċrieket u ta’ rilaxx jew il-possibbiltà ta’ nsib għal speċi oħra għajr l-għasafar tal-għana – ebda waħda mill-ipoteżijiet evalwati, ħlief dik ta’ deroga limitata, ikkontrollata u ssorveljata b’mod strett, fir-rigward tal-għasafar tal-għana, ma kienet tippermetti li tinstab alternattiva sodisfaċenti għall-prattika antika, tradizzjonali u rikreattiva tal-insib għas-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana u taż-żamma tagħhom fil-maqful.

45

Ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li, jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-insib bħala “għan fih innifsu” għal għasafar protetti li ma jissemmewx fl-Anness II tad-Direttiva 2009/147, bħalma huma l-għasafar tal-għana inkwistjoni, ma jistax jikkostitwixxi użu meqjus, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) ta’ din id-direttiva, ebda deroga intiża li tħares l-attivitajiet rikreattivi tradizzjonali ma tista’ tkun permessa fl-Istati Membri tal-Unjoni b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li interpretazzjoni daqstant restrittiva tkun żbaljata, kemm minn perspettiva legali u kemm minn perspettiva fattwali. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni ma għandha ebda bażi fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147.

46

Skont ir-Repubblika ta’ Malta, għalkemm huwa minnu li l-protezzjoni ta’ attivitajiet tradizzjonali ma hijiex l-għan prinċipali segwit mill-imsemmija direttiva, din tal-aħħar lanqas ma teskludi l-possibbiltà li ċerti attivitajiet tradizzjonali ta’ kaċċa u ta’ nsib jistgħu jinżammu b’mod li jissodisfa l-kundizzjonijiet stretti stabbiliti fl-Artikolu 9(1)(c) tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess aċċettat li deroga li tkun ibbażata fuq it-tradizzjoni u li tawtorizza l-qabda u ż-żamma fil-maqful ta’ ċerti speċi ta’ għasafar ma kinitx neċessarjament f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/147.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47

Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu permessi jużaw id-derogi previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/147 biss b’mod li jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-qafas leġiżlattiv u regolamentari nazzjonali għandu jkun imfassal b’mod li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet derogatorji previsti fih tkun tissodisfa l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli f’dan il-qasam għandha tistabbilixxi l-kriterji ta’ deroga b’mod ċar u preċiż, u għandha tobbliga lill-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni tagħhom jiħduhom inkunsiderazzjoni. Fir-rigward ta’ sistema ta’ eċċezzjoni, li għandha tiġi interpretata b’mod strett u li għandha tqiegħed l-oneru tal-prova tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa, fir-rigward ta’ kull deroga, fuq l-awtorità li tieħu d-deċiżjoni dwar tali deroga, l-Istati Membri huma meħtieġa jiggarantixxu li kull intervent li jolqot lill-ispeċi protetti jkun awtorizzat biss fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet li jkun fihom motivazzjoni preċiża u adegwata li tirreferi għall-motivi, għall-kundizzjonijiet u għar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 9(1) u (2) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et, C‑60/05, EU:C:2006:378, punti 3334).

48

Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Maltija, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li qiegħda ssostni essenzjalment il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi tistabbilixxi l-kriterji ta’ deroga b’mod ċar u preċiż, u tobbliga lill-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni tagħhom jiħduhom inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, kif indikat fil-punti 10 u 16 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament 9 tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi jittrasponi, essenzjalment, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/147, filwaqt li r-Regolament 4 tar-Regolamenti Qafas jobbliga lill-Ministru jistabbilixxi, meta jiftaħ staġun ta’ nsib għall-għasafar tal-għana, li ma hemmx soluzzjoni sodisfaċenti oħra, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/147. Din il-konstatazzjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni minħabba l-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li r-Regolamenti Qafas ma jagħmlu ebda riferiment għat-trobbija fil-maqful u ma jobbligawx speċifikament lill-Ministru jevalwa jekk it-trobbija fil-maqful tikkostitwixxix soluzzjoni sodisfaċenti oħra qabel jawtorizza l-insib għall-għasafar tal-għana fi staġun partikolari.

49

Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li d-Dikjarazzjonijiet tal-2014 u tal-2015, li jawtorizzaw l-insib għall-għasafar tal-għana fl-istaġuni tal-ħarifa tal-2014 u tal-2015 ma humiex konformi mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/147.

50

Fil-fatt, dawn id-dikjarazzjonijiet ma fihom ebda indikazzjoni dwar l-ineżistenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, dawn id-dikjarazzjonijiet lanqas ma jirreferu għar-rapporti tekniċi, legali u xjentifiċi li, skont ir-Repubblika ta’ Malta, kienu ġew ippreżentati quddiem il-Kumitat Ornitoloġiku, u lanqas ma jirreferu għar-rakkomandazzjonijiet, ibbażati fuq dawn l-elementi, li, skont dan l-Istat Membru, kienu saru mill-Kumitat Ornitoloġiku lill-Ministru u li pproponew l-implimentazzjoni tad-deroga inkwistjoni fid-dawl tal-fatt li l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147, fosthom il-kundizzjoni dwar l-ineżistenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra, kienu meqjusa li kienu ssodisfatti.

51

Minn dan isegwi li l-imsemmija dikjarazzjonijiet ma jikkostitwixxux deċiżjonijiet li fihom motivazzjoni preċiża u adegwata li tirreferi għall-kundizzjoni dwar l-ineżistenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/147.

52

Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni, fis-sistema derogatorja Maltija, dwar l-ineżistenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra huwa fondat u, għalhekk, għandu jintlaqa’.

53

Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, ma jidhirx li, f’dan il-każ, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat l-ilment dwar l-allegata assenza ta’ prova tal-ineżistenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/147.

Fuq l-allegat nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147, li tipprovdi li d-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tikkonċerna biss numri żgħar ta’ għasafar

L-argumenti tal-partijiet

54

Il‑Kummissjoni tqis li l-kalkolu ta’ “numri żgħar” magħmul mill-WBRU fin-nota teknika tagħha, li fuqu huma bbażati l-kwoti previsti mis-sistema derogatorja Maltija, ma huwiex issostanzjat permezz ta’ provi xjentifiċi solidi.

55

L-ewwel nett, il-WBRU ma identifikatx il-popolazzjonijiet sorsi rilevanti permezz ta’ sistema ta’ sorveljanza affidabbli. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika ta’ Malta bbażat ruħha fuq studju wieħed biss, jiġifieri l-istudju Raine tal-2007, li kien ibbażat fuq kampjun żgħir ħafna ta’ għasafar. Fir-rigward tal-għasfur tal-għana taż-żebbuġ, ma kien hemm ebda kontroll ta’ ċrieket f’Malta għal din l-ispeċi, li fir-rigward tagħha l-WBRU bbażat ruħha fuq il-kontrolli ta’ ċrieket imwettqa fl-Italja. Madankollu, il-WBRU ma spjegatx għaliex fil-fehma tagħha din il-popolazzjoni kienet sostituta adegwata.

56

It-tieni nett, skont il-Kummissjoni, it-tendenza tar-Repubblika ta’ Malta kienet li tintegra popolazzjonijiet riproduttivi b’numri kbar fil-“popolazzjoni ta’ referenza” tagħha, billi tibbaża ruħha fuq numru żgħir ta’ kontrolli ta’ ċrieket f’Malta, minkejja li l-maġġoranza tal-imsemmija popolazzjonijiet riproduttivi ma jpassux minn Malta. B’hekk, ir-Repubblika ta’ Malta tieħu inkunsiderazzjoni l-popolazzjoni riproduttiva kbira ta’ sponsuni fil-Polonja fil-“popolazzjonijiet ta’ referenza” tagħha. Madankollu, ornitoloġisti eminenti enfasizzaw li l-isponsuni li jirriproduċu fil-Polonja jpassu mil-Lvant tal-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Ġermanja u mill-Isvizzera sabiex iqattgħu x-xitwa, prinċipalment, fix-Xlokk ta’ Franza u fil-Punent tal-Peniżola Iberika. Anki jekk jidher li ċerti għasafar ipassu minn Malta, ma jidhirx li huwa xjentifikament korrett li l-popolazzjoni riproduttiva Pollakka kollha, komposta minn bejn 5 u 10 miljun għasfur, tiġi inkluża fil-“popolazzjoni ta’ referenza” għall-kalkolu ta’ numri żgħar.

57

It-tielet nett, l-għażla tal-popolazzjonijiet sorsi magħmula mir-Repubblika ta’ Malta ma hijiex konformi, skont il-Kummissjoni, mal-metodoloġija ddikjarata. Dan l-Istat Membru jallega, b’mod żbaljat, li ħa inkunsiderazzjoni biss il-popolazzjonijiet sorsi minn pajjiżi li l-popolazzjonijiet tagħhom huma stabbli jew qegħdin jikbru. Issa, data reċenti tal-European Bird Census Council turi tnaqqis fil-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati, skont il-każ, fil-Ġermanja, fl-Italja, fl-Awstrija, fil-Polonja, fis-Slovenja u fir-Renju Unit.

58

Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rata ta’ mortalità, in-nota teknika tal-WBRU ma tispjegax b’mod suffiċjenti, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-mod kif inkisbu l-istimi dwar ir-rata ta’ mortalità. Iċ-ċifri ppreżentati mill-WBRU ma jikkorrispondux maċ-ċifri indikati fl-istudji ta’ referenza jew ma huma kkorroborati minn ebda sors xjentifiku.

59

Ir-Repubblika ta’ Malta tirribatti li l-istudju Raine, li twettaq taħt l-awspiċji ta’ u f’isem BirdLife Malta, matul is-sena 2007, għadu, sal-lum il-ġurnata, l-iktar studju reċenti disponibbli. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, fis-sens li l-istudju Raine ma jissodisfax ir-rigorożità u l-affidabbiltà meħtieġa għas-sorveljanza tal-għasafar, hija sorprendenti sa fejn din l-istituzzjoni stess tibbaża ruħha fuq dan l-istess studju sabiex tissostanzja diversi argumenti ta’ natura fattwali.

60

Il-kritika fformolata mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-analiżi magħmula mir-Repubblika ta’ Malta tal-istat ta’ konservazzjoni tas-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana, hija bbażata fuq dikjarazzjonijiet preċedenti magħmula fl-opinjoni motivata, li fiha diversi dikjarazzjonijiet fattwalment żbaljati. F’April 2015, l-awtoritajiet Maltin wettqu evalwazzjoni aġġornata tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi, filwaqt li ħadu inkunsiderazzjoni l-aġġornamenti xjentifiċi reċenti kollha, li tikkontradixxi l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

61

Fir-rigward tar-rati ta’ mortalità tas-seba’ speċi kkonċernati, ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li dawn ġew interpretati b’mod korrett mill-WBRU fin-nota teknika tagħha, sa fejn il-WBRU bbażat ruħha fuq sorsi xjentifiċi ewlenin. Meta, fir-rigward tal-istess speċi, is-sorsi xjentifiċi speċifikaw rati ta’ mortalità differenti, l-awtoritajiet Maltin ħadu l-iktar valur żgħir, inkonformita mal-gwida tal-Kummissjoni dwar il-kaċċa sostenibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

62

Għandu jitfakkar li, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom marbuta mal-għoti ta’ derogi, konformement mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/147, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi ta’ evalwazzjoni li jikkonċernaw data ta’ natura ġeografika, klimatika, ambjentali u bijoloġika kif ukoll, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni fir-rigward tar-riproduzzjoni u tal-mortalità annwali totali minħabba raġunijiet naturali tal-ispeċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et, C‑60/05, EU:C:2006:378, punt 25).

63

Fir-rigward ta’ dawn l-elementi ta’ evalwazzjoni, għandu jitqies, fl-istat attwali tal-għarfien xjentifiku, li jirrappreżenta “numri żgħar”, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147, teħid ta’ inqas minn 1 % tal-mortalità annwali totali tal-popolazzjoni kkonċernata (valur medju) għall-ispeċi li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ kaċċa u teħid ta’ 1 % għall-ispeċi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kaċċa, fejn “popolazzjoni kkonċernata” għandha tinftiehem, fir-rigward tal-ispeċi li jpassu, bħala l-popolazzjoni tar-reġjuni li jipprovdu l-kontinġenti prinċipali li jiffrekwentaw ir-reġjun fejn tiġi eżerċitata d-deroga matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑164/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:672, punt 35).

64

Dwar dan il-punt il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dawn l-elementi kwantitattivi huma bbażati fuq il-ħidma tal-kumitat ORNIS dwar l-adattament tad-Direttiva 2009/147 għall-progress tekniku u xjentifiku, imwaqqaf konformement mal-Artikolu 16 tagħha u fformat minn rappreżentanti tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et, C‑60/05, EU:C:2006:378, punt 26).

65

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm huwa minnu li l-perċentwali msemmija iktar ’il fuq ma humiex ta’ natura legalment vinkolanti, dawn jistgħu xorta waħda jikkostitwixxu, minħabba l-awtorità xjentifika li għandha l-ħidma tal-kumitat ORNIS u minħabba l-assenza ta’ produzzjoni ta’ kwalunkwe prova xjentifika kuntrarja, bażi ta’ referenza sabiex jiġi evalwat jekk deroga mogħtija skont l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147 hijiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et, C‑60/05, EU:C:2006:378, punt 27).

66

Il-kundizzjoni ta’ “numri żgħar” ma tistax tiġi ssodisfatta jekk l-attività ta’ teħid ta’ għasafar awtorizzata bħala deroga ma tiggarantixxix iż-żamma tal-popolazzjoni tal-ispeċi kkonċernati f’livell sodisfaċenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Ligue pour la protection des oiseaux et, C‑182/02, EU:C:2003:558, punt 17).

67

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-gardell u tal-isponsun, il-“popolazzjoni kkonċernata”, imsejħa wkoll il-“popolazzjoni ta’ referenza”, ma tistax tiġi ddeterminata fid-dawl tal-uniku studju disponibbli f’dan il-qasam fil-kuntest ta’ din il-kawża, jiġifieri l-istudju Raine tal-2007, li jipprovdi li l-kampjun ta’ ċrieket irkuprati fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ speċi huwa żgħir wisq sabiex isiru indikazzjonijiet konklużivi dwar ir-reġjuni li jipprovdu l-kontinġenti prinċipali ta’ għasafar li jiffrekwentaw ir-reġjun fejn tiġi applikata d-deroga inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fl-assenza ta’ kwalunkwe prova rilevanti oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika ta’ Malta ma stabbilixxietx li l-kwoti, iffissati bħala 800 individwu għall-gardell u 5000 individwu għall-isponsun, jikkorrispondu għal “numri żgħar”, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147.

68

Dan jgħodd ukoll għall-għasfur tal-għana taż-żebbuġ li fir-rigward tiegħu, minn naħa, ma ġie rrapportat ebda kontroll ta’ ċrieket f’Malta, u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Maltin ibbażaw ruħhom fuq il-kontrolli ta’ ċrieket imwettqa fl-Italja mingħajr ma ssostanzjaw permezz ta’ kwalunkwe prova xjentifika għaliex tali kampjun seta’ jikkostitwixxi “sostitut” adegwat.

69

Fir-rigward tal-erba’ speċi l-oħra ta’ għasafar tal-għana koperti mid-deroga inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-kwoti awtorizzati fir-rigward tagħhom mill-miżuri derogatorji Maltin jinsabu f’livell nettament inqas mil-limitu ta’ 1 % tal-mortalità annwali totali tal-popolazzjonijiet ikkonċernati, kif identifikati fl-istudju Raine tal-2007, id-daqs limitat tal-kampjuni ta’ għasafar li tqegħdilhom ċurkett qabel ma nħelsu mill-ġdid, jiġifieri 112 kampjun, li fuqu huwa bbażat dan l-istudju, huwa ta’ natura li joħloq dubju dwar l-eżattezza tal-identifikazzjoni ta’ dawn il-popolazzjonijiet, u dan iktar u iktar meta l-imsemmi studju jitqabbel man-numru kunsiderevoli ta’ għasafar li ġie ddikjarat li nqabdu f’Malta matul l-istaġun tal-ħarifa tal-2014, li jammonta għal 7222 għasfur tal-għana. Għaldaqstant, għall-ġojjin, għall-verdun, għall-ekru u għall-apparell, ma jistax ikun hemm ċertezza xjentifika fir-rigward tar-reġjuni kkunsidrati fl-istess studju, bħala reġjuni ta’ oriġini tal-popolazzjonijiet li jipprovdu l-kontinġenti prinċipali ta’ għasafar li jiffrekwentaw ir-reġjun fejn tiġi eżerċitata d-deroga inkwistjoni matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tagħha.

70

Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li kien biss wara l-adozzjoni tas-sistema derogatorja mir-Repubblika ta’ Malta, f’Lulju 2014, li twettaq studju tal-passa tal-għasafar tal-għana inkwistjoni li jpassu mill-gżejjer Maltin matul il-perijodu kopert mid-deroga inkwistjoni.

71

Barra minn hekk, l-istudju Raine tal-2007 stess josserva li, f’Malta, l-insib tant huwa intensiv li numru żgħir ferm ta’ individwi ta’ kull waħda mill-ispeċi komuni ta’ għasafar tal-għana jirriproduċu b’mod abitwali fuq il-gżira, filwaqt li jirriproduċu f’numri kbar f’reġjuni oħra tal-Mediterran. Skont dan l-istudju, il-popolazzjonijiet li jirriproduċu f’Malta, b’mod partikolari l-apparell, il-verdun u l-ġojjin, huma biss, l-iktar l-iktar, bejn koppja waħda u ħames koppji.

72

Fl-aħħar nett, għalkemm ir-Repubblika ta’ Malta allegat li ħadet inkunsiderazzjoni biss il-popolazzjonijiet ta’ referenza minn pajjiżi fejn il-popolazzjonijiet huma stabbli jew qegħdin jikbru, għandu jiġi kkonstatat li l-għażla ta’ dawn il-popolazzjonijiet imwettqa minn dan l-Istat Membru mhux dejjem kienet konformi mal-metodoloġija ddikjarata.

73

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-ġojjin, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta min-nota teknika tal-WBRU, dwar l-istatus ta’ konservazzjoni tas-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana inkwistjoni, ta’ Mejju 2015, li ġiet inkluża fil-proċess ta’ din il-kawża mir-Repubblika ta’ Malta, l-awtoritajiet Maltin ħadu inkunsiderazzjoni wkoll, fir-rigward tal-istaġun tal-insib fil-ħarifa tal-2015, popolazzjonijiet ta’ referenza li qegħdin jonqsu jew li l-istatus ta’ konservazzjoni tagħhom ma kienx magħruf. Dan jgħodd ukoll għall-verdun, għall-apparell u għall-ekru.

74

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-Repubblika ta’ Malta ma pprovdietx prova suffiċjenti li s-sistema derogatorja tagħha fir-rigward tal-insib għas-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana inkwistjoni tippermetti li tiġi ggarantita ż-żamma tal-popolazzjonijiet ta’ dawn l-ispeċi f’livell sodisfaċenti.

75

Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ “numri żgħar” ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ.

76

Għandu għalhekk jintlaqa’ l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147 li tipprovdi li d-deroga awtorizzata tista’ tikkonċerna biss “numri żgħar”.

Fuq l-allegata assenza ta’ prova li d-deroga awtorizzata tikkostitwixxi “użu meqjus”, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147

L-argumenti tal-partijiet

77

Il‑Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-insib għal għasafar ta’ speċi li ma jissemmewx fl-Anness II tad-Direttiva 2009/147 bħala għan fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi użu meqjus, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) ta’ din id-direttiva.

78

It-tieni nett, peress li r-Repubblika ta’ Malta ma pprovatx il-kapaċità tagħha li tiggarantixxi ż-żamma tal-popolazzjoni tas-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana inkwistjoni f’livell sodisfaċenti, it-teħid ta’ għasafar ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitqies li huwa meqjus.

79

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni wkoll li s-sistema derogatorja Maltija hija sproporzjonata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-awtorizzazzjoni tal-metodu ta’ qabda permezz ta’ clap-nets. Sa fejn tali xbieki huma meqjusa, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/147, moqri flimkien mal-punt (a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, li huma metodu mhux selettiv, deroga li timplika l-użu tagħhom ma tistax titqies li hija proporzjonata.

80

Ir-Repubblika ta’ Malta tirribatti li kemm il-qabda u kemm iż-żamma fil-maqful jikkostitwixxu użu meqjus, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/147.

81

Hija ssostni, barra minn hekk, li l-metodu ta’ qabda permezz ta’ clap-nets awtorizzat permezz tas-sistema derogatorja adottata minnha fil-qasam tal-insib għall-għasafar tal-għana, jippermetti qabda selettiva sa fejn dawn ix-xbieki jiġu attivati manwalment minn persuni mħarrġa fl-insib li jkollhom liċenzja għal dan il-għan.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

82

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-kundizzjoni li t-teħid ta’ speċi protetti għandu jikkonċerna biss ċerti għasafar f’numri żgħar ma tkunx issodisfatta, l-użu tal-għasafar permezz tat-teħid għal finijiet rikreattivi ma jistax jitqies, fi kwalunkwe każ, li huwa użu meqjus fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2003, Ligue pour la protection des oiseaux et, C‑182/02, EU:C:2003:558, punt 17, kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et, C‑60/05, EU:C:2006:378, punt 32).

83

Kif ġie kkonstatat fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, il-kundizzjoni ta’ “numri żgħar” ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ. Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, minn dan isegwi li l-użu tal-għasafar inkwistjoni permezz tat-teħid tagħhom għal finijiet rikreattivi ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitqies li huwa użu meqjus.

84

Barra minn hekk, fir-rigward tal-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq in-natura mhux selettiva tal-metodu ta’ qabda permezz ta’ xbieki, li huwa inkwistjoni f’dan il-każ, l-awtoritajiet Maltin irrikonoxxew, fin-nota teknika tal-WBRU, in-natura mhux selettiva ta’ tali xbieki peress li ammettew l-eżistenza ta’ “qabdiet inċidentali” minkejja l-fatt li dawn ix-xbieki jiġu attivati manwalment min-nassab. Barra minn hekk, in-natura mhux selettiva ta’ dan il-metodu ta’ qabda hija kkonfermata mill-istudju ta’ BirdLife Malta ta’ Lulju 2015.

85

Għaldaqstant, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147, li minnha jirriżulta li l-insib għal għasafar tal-għana jista’ jiġi awtorizzat biss jekk jitwettaq b’mod selettiv, ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ. Għalhekk, il-kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ ssir deroga mill-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva lanqas ma huma ssodisfatti f’dan il-każ.

86

Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq assenza ta’ prova li d-deroga awtorizzata tikkostitwixxi użu meqjus, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147, għandu jintlaqa’, kif għandu jintlaqa’ wkoll l-ilment ibbażat fuq l-argument li l-metodu ta’ qabda inkwistjoni ma huwiex selettiv, bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

Fuq l-allegata assenza ta’ prova li d-deroga tiġi awtorizzata taħt kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147

L-argumenti tal-partijiet

87

Il‑Kummissjoni ssostni li r-Repubblika ta’ Malta ma pprovatx li l-kundizzjonijiet stabbiliti mis-sistema derogatorja tagħha jiġu applikati b’mod strett. Ir-rapport dwar l-istaġun tal-insib tal-2014 ippreżentat mir-Repubblika ta’ Malta jikkonferma fil-fatt li ż-żewġ elementi tas-sistema ta’ applikazzjoni tas-sistema, jiġifieri d-dikjarazzjoni min-nassab stess permezz ta’ messaġġ ċellulari (SMS) u l-verifiki fuq il-post imwettqa okkażjonalment mill-uffiċjali tal-pulizija, għandhom nuqqasijiet sistemiċi u ma jippermettux sorveljanza effettiva tal-kundizzjonijiet tad-deroga.

88

Minn naħa, is-sistema ta’ rrapportar permezz ta’ messaġġ ċellulari hija bbażata fuq id-dikjarazzjoni mid-detenturi ta’ liċenzja stess u għalhekk timplika riskju kbir ta’ abbuż. In-natura ferm suspettuża tan-numru ta’ għasafar li l-qabda tagħhom ġiet iddikjarata permezz tas-sistema ta’ messaġġ ċellulari matul is-sena 2014 hija eżempju ċar ta’ dan ir-riskju. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika ta’ Malta ma wrietx li t-tieni element tas-sistema tagħha ta’ applikazzjoni tad-deroga, jiġifieri l-verifiki fuq il-post, jiżgura sorveljanza suffiċjentement stretta.

89

Barra minn hekk, diversi rapporti mfassla minn organizzazzjonijiet mhux governattivi dwar l-istaġun tal-insib tal-2014 juru n-natura insuffiċjenti ta’ din is-sorveljanza. Skont il-Kummissjoni, dawn ir-rapporti jindikaw nuqqas ġeneralizzat ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet tad-deroga, li jvarja mill-użu ta’ mezzi ta’ taħrik illegali jew l-użu abbużiv ta’ ċrieket “li jintużaw darba biss” sal-insib għal speċi li ma humiex koperti mid-deroga, kif ukoll nuqqas ta’ osservanza tar-restrizzjonijiet dwar il-perijodi u l-postijiet awtorizzati, b’mod partikolari permezz tal-prattika massiva ta’ nsib fi ħdan siti “Natura 2000”.

90

Ir-Repubblika ta’ Malta tirribatti li hija fasslet sistema ta’ implimentazzjoni u ta’ sorveljanza ta’ severità mingħajr preċedent fi ħdan l-Unjoni. L-użu tas-sistema li tirrikjedi rrapportar immedjat tal-qabdiet permezz tat-telefon ippermetta li jinġabru u li jiġu vverifikati immedjatament il-qabdiet tad-detenturi individwali ta’ liċenzja kollha kif ukoll l-użu tal-kwoti individwali, u li jiġi ssorveljat l-użu tal-kwoti nazzjonali. Id-detenturi kollha ta’ liċenzja kienu obbligati jqiegħdu, fuq kull għasfur maqbud u immedjatament malli jinqabad, ċrieket b’marki speċjali u maħsuba sabiex jintużaw darba biss. L-użu taċ-ċrieket huwa vverifikat b’mod rigoruż meta jitwettqu verifiki individwali fuq il-post. Meta jintemm l-istaġun, iċ-ċrieket li ma jkunux intużaw għandhom jintraddu lura lill-awtoritajiet.

91

Ir-Repubblika ta’ Malta tindika, fl-aħħar nett, li, matul il-perijodu kopert mid-deroga, l-awtoritajiet Maltin assenjaw, normalment, iktar minn 50 uffiċjali komplementari kuljum sabiex jissorveljaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet legali. 100 % tal-postijiet ta’ nsib irreġistrati kienu s-suġġett ta’ spezzjoni f’mument jew ieħor matul id-deroga. 23 % tad-detenturi individwali ta’ liċenzja kollha kienu suġġetti għal verifiki individwali approfonditi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

92

Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-teħid ta’ għasafar bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, tali teħid jista’ jiġi awtorizzat, skont l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147, fil-każ biss li, b’mod partikolari, ikun organizzat b’tali mod li jitwettaq taħt kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Ligue pour la protection des oiseaux et, C‑182/02, EU:C:2003:558, punt 15).

93

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li ma huwiex ikkontestat li tletin detentur ta’ liċenzja ddikjaraw li kienu laħqu l-kwota individwali għall-istaġun ta’ għaxar għasafar tal-għana fl-aħħar jum tal-istaġun, jum li fih l-istudju dwar il-passa tas-seba’ għasafar tal-għana inkwistjoni, imfakkar fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, osserva l-iktar livelli baxxi ta’ passa ta’ għasafar tal-għana tal-istaġun. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżattezza ta’ tali dikjarazzjonijiet ma tidhirx li hija ċerta.

94

Fil-kuntest Malti, ikkaratterizzat minn densità kbira ħafna ta’ detenturi ta’ liċenzja, jiġifieri iktar minn 4000, u ta’ mnasab irreġistrati, jiġifieri iktar minn 6400, il-fatt li kienu biss 23 % tan-nassaba li kienu suġġetti għal verifiki individwali jidher li huwa insuffiċjenti.

95

Barra minn hekk, mill-istudju ta’ BirdLife Malta ta’ Lulju 2015 jirriżulta li n-nuqqas ta’ osservanza tar-restrizzjonijiet dwar il-perijodi u l-postijiet ta’ nsib awtorizzati, b’mod partikolari permezz tal-prattika tal-insib fi ħdan siti “Natura 2000”, kien pjuttost frekwenti matul l-istaġun tal-insib fil-ħarifa tal-2014.

96

Skont dan l-istudju, għall-istaġun tal-insib fil-ħarifa tal-2014 kienu tqassmu 41591 ċurkett li jintużaw darba biss, filwaqt li l-kwota għas-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana kollha kienet iffissata għal 26850 individwu. Is-sistema kienet tipprevedi u kienet tobbliga lid-detenturi ta’ liċenzja jroddu lura ċ-ċrieket li ma jkunux intużaw. Issa, meta ntemm l-istaġun, 38602 ċurkett kienu baqgħu fil-pussess tad-detenturi ta’ liċenzja, jiġifieri 11752 iktar mill-kwota ta’ 26850 għasfur u 31380 iktar mis-7 222 għasfur tal-għana li l-qabda tagħhom kienet ġiet iddikjarata matul l-imsemmi staġun.

97

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-Repubblika ta’ Malta ma pprovatx li d-deroga inkwistjoni ntużat taħt kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq dan in-nuqqas ta’ prova għandu jintlaqa’.

98

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat sistema derogatorja li tippermetti l-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana selvaġġi (l-isponsun, Fringilla coelebs, il-ġojjin, Carduelis cannabina, il-gardell, Carduelis carduelis, il-verdun, Carduelis chloris, taż-żebbuġ, Coccothraustes coccothraustes, l-apparell, Serinus serinus u l-ekru, Carduelis spinus), ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(a) u (e) u tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/147, moqrija flimkien mal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

99

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li tilfet fuq l-essenzjal tal-argumenti tagħha, ir-Repubblika ta’ Malta għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talba tal-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi adottat sistema derogatorja li tippermetti l-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana selvaġġi (l-isponsun, Fringilla coelebs, il-ġojjin, Carduelis cannabina, il-gardell, Carduelis carduelis, il-verdun, Carduelis chloris, taż-żebbuġ, Coccothraustes coccothraustes, l-apparell,Serinus serinus u l-ekru, Carduelis spinus), ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(a) u (e) u tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, moqrija flimkien mal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva.

 

2)

Ir-Repubblika ta’ Malta hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top