EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0554

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fit-12 ta’ Frar 2015.
Z. Zh. u Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie u Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie vs I. O.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jissoġġornaw illegalment — Artikolu 7(4) — Kunċett ta’ ‘riskju għall-ordni pubbliku’ — Ċirkustanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jżommu mill-jagħtu terminu ta’ tluq volontarju jew jagħtu terminu inqas minn sebat ijiem.
Kawża C-554/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:94

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-12 ta’ Frar 2015 ( 1 )

Kawża C‑554/13

Z. Zh. u O.

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jissoġġornaw fil-pajjiż illegalment — Artikolu 7(4) — Deċiżjoni li tirrifjuta li jingħata żmien għal tluq volontarju — Riskju għall-ordni pubbliku”

1. 

Id-Direttiva 2008/115/KE ( 2 ) tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom ikunu applikati minn Stati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jissoġġornaw illegalment minn l-Unjoni Ewropea lejn, pereżempju, il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Mal-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn skont din id-direttiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippermetti lill-persuna kkonċernata perijodu xieraq (ta’ bejn seba’ u tletin ġurnata) għal tluq volontarju. Iżda, Stati Membri huma intitolati li jidderogaw minn din ir-regola skont l-Artikolu 7(4) billi ma jagħtux dan il-perijodu (jew jagħtu perijodu inqas minn sebat ijiem) għal ċertu raġunijiet, inkluża dik li l-persuna kkonċernata hija ta’ riskju għall-ordni pubbliku ( 3 ).

2. 

F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari r-Raad van State (Kunsill tal-Istat) (il-Pajjiżi l-Baxxi) qed jitlob gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tifsira tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn, b’mod partikolari t-tifsira tal-kliem “tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku”.

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

L-acquis ta ’ Schengen

3.

Iż-żona Schengen hija bbażata fuq il-Ftehim ta’ Schengen tal-1985 ( 4 ), li permezz tiegħu l-Istati firmatarji qablu li jneħħu l-fruntieri interni kollha u jistabbilixxu fruntiera esterna unika. Fiż-żona Schengen, huma applikabbli regoli u proċeduri komuni fir-rigward ta’, inter alia, kontrolli fuq il-fruntieri. L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Implimentazzjoni ( 5 ) jiddefinixxi “aljen” bħala kull persuna apparti minn persuna ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru ( 6 ). L-Artikolu 4(1) jiddikjara illi passiġġieri fuq titjiriet interni li jittrasferixxu ruħhom għal fuq titjiriet destinati għal Stati terzi għandhom ikunu suġġetti għal kontroll tat-tluq fl-ajruport minn fejn titlaq it-titjira esterna tagħhom. L-Artikolu 5(1) jipprovdi li fejn il-persuna kkonċernata tissodisfa ċertu kundizzjonijiet, bħal meta jkollha dokumenti validi li jagħtuha l-awtorizzazzjoni li taqsam il-fruntiera (l-Artikolu 5(1)(a)) jew li ma hijiex meqjusa li hija theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà nazzjonali jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi waħda mill-Partijiet Kontraenti (l-Artikolu 5(1)(e)), tista’ titħalla tidħol fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti għal perijodi li ma jaqbżux it-tliet xhur. Iżda, il-Partijiet Kontraenti għandhom fil-prinċipju jirrifjutaw id-dħul ta’ persuna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5(1) ( 7 ). Il-moviment minn naħa għal oħra ta’ fruntiera fi fruntieri esterni huwa suġġett għal kontrolli mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont il-prinċipji uniformi elenkati fl-Artikolu 6(2) ( 8 ). Dawn jinkludu mhux biss il-verifika ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u l-kundizzjonijiet l-oħrajn li jirregolaw id-dħul, ir-residenza, ix-xogħol u l-ħruġ, imma wkoll kontrolli maħsuba sabiex jinstabu u jitwaqqfu theddid għas-sigurtà nazzjonali u għall-ordni pubbliku tal-Partijiet Kontraenti ( 9 ).

4.

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (is-“SIS”) ġiet imwaqqfa skont l-Artikolu 92 tal-Konvenzjoni ta’ Implimentazzjoni. Din tippermetti l-Istati Membri sabiex jiksbu informazzjoni fir-rigward ta’ “twissijiet” dwar persuni u proprjetà għal, inter alia, kontrolli fuq il-fruntieri. L-għan tas-SIS jinkludi li jinżamm l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika, inkluża s-sigurtà nazzjonali ( 10 ). Fejn persuna hija miċħuda d-dħul fiż-żona Schengen, l-informazzjoni rilevanti hija mdaħħla fis-SIS fuq il-bażi ta’ twissija nazzjonali li tirriżulta minn deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti jew mill-qrati, skont ir-regoli proċedurali stipulati mil-liġi nazzjonali ( 11 ). Dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali li l-preżenza ta’ dik il-persuna fit-territorju nazzjonali kkonċernat tista’ tippreżenta ( 12 ). Dik is-sitwazzjoni tista’ tqum partikolarment fejn il-persuna kkonċernata nstabet ħatja ta’ reat li jġorr miegħu piena li tinvolvi perijodu ta’ priġunerija għal mill-inqas sena ( 13 ), jew fejn jeżistu raġunijiet b’saħħithom sabiex wieħed jemmen li hija wettqet reati kriminali serji jew li fir-rigward tagħhom hemm evidenza ċara ta’ intenzjoni li jitwettqu dawn ir-reati fiż-żona Schengen.

5.

Ir-Regolament li jwaqqaf il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ( 14 ) jiddefinixxi “persuni li għalihom ikun inħareġ allert sabiex ma jitħallewx jidħlu” bħala “kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li għalih ikun inħareġ allert fis-[SIS] skond u għall-finijiet ta’ l-Artikolu 96 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen” ( 15 ). L-Artikolu 2(5) jiddefinixxi persuni li għandhom id-dritt għal moviment liberu ġewwa l-UE bħala dawk li huma ċittadini tal-UE fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-UE li jużufruwixxu mid-dritt tiegħu (jew tagħha) ta’ moviment liberu li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE ( 16 ).

Id-Direttiva tar-Ritorn

6.

L-istandards u l-proċeduri komuni introdotti bid-Direttiva tar-Ritorn għandhom ikunu applikati skont, inter alia, id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 17 ).

7.

Id-Direttiva tar-Ritorn issib l-oriġini tagħha f’żewġ Kunsilli Ewropej. L-ewwel wieħed, ġewwa Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, stabbilixxa approċċ koerenti fl-immigrazzjoni u ażil ( 18 ). It-tieni wieħed, il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tal-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom ( 19 ). L-għan aħħari tad-Direttiva huwa li jkunu stabbiliti regoli ċari, trasparenti u ġusti meħtieġa sabiex jipprovdu għal politika ta’ ritorn effettiva bħala element meħtieġ ta’ politika ta’ migrazzjoni ġestita b’mod effikaċi ( 20 ). Għalhekk, id-Direttiva tar-Ritorn tistabbilixxi regoli applikabbli għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza fi Stat Membru ( 21 ). It-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment mit-territorju ta’ Stat Membru għandu jseħħ permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. Skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, deċiżjonijiet meħuda skont id-Direttiva tar-Ritorn għandhom jiġu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u bbażati fuq kriterji oġġettivi, li jimplikaw li l-kunsiderazzjoni għandha tmur lil hinn mis-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali ( 22 ). Iżda huwa leġittimu għall-Istati Membri li jirritornaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment sakemm dawn ikollhom fis-seħħ sistemi ta’ ażil ġusti u effiċjenti li jirrispettaw b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ non-refoulement ( 23 ). Fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni għal xiex wieħed għandu jaħseb li ritorn volontarju ser jimmina l-għan tal-proċedura tar-ritorn, għandu jkun ippreferut ir-ritorn volontarju iktar milli r-ritorn bil-forza, u għandu jingħata żmien għat-tluq volontarju. Għandha tingħata estensjoni tal-perijodu tat-tluq volontarju meta din titqies meħtieġa minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ każ individwali ( 24 ). Barra minn hekk, is-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li għadhom ma jistgħux jitneħħew, għandha tkun indirizzata. L-effetti ta’ miżuri nazzjonali dwar ir-ritorn għandhom, barra minn hekk, jingħataw dimensjoni Ewropea billi tiġi stabbilita projbizzjoni fuq id-dħul li jimpedixxi d-dħul u s-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri kollha ( 25 ). L-Istati Membri għandhom ikollhom aċċess rapidu għall-informazzjoni dwar projbizzjonijiet ta’ dħul maħruġa minn Stati Membri oħrajn skont ir-Regolament SIS II ( 26 ).

8.

Id-Direttiva tar-Ritorn tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru ( 27 ). Din id-Direttiva ma tapplikax għal persuni li jgawdu mid-dritt tal-Unjoni ta’ moviment liberu hekk kif iddefinit fl-Artikolu 2(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ( 28 ).

9.

Is-segwenti definizzjonijiet fl-Artikolu 3 huma rilevanti:

1.

“ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser kull persuna li mhix ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 17(1) tat-Trattat u li mhix persuna li tgawdi d-dritt [tal-Unjoni] tal-moviment liberu, kif definit fl-Artikolu 2(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen;

2.

“soġġorn illegali” tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

3.

“ritorn” tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz — kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat — għal:

pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni [tal-Unjoni] jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

4.

“deċiżjoni ta’ ritorn” tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

[…]

6.

“projbizzjoni fuq id-dħul” tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]

8.

“tluq volontarju” tfisser konformità ma’ l-obbligu ta’ ritorn fi żmien l-iskadenza ffissata għal dak l-iskop fid-deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]

10.

L-Istati Membri jżommu d-dritt li jadottaw dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli dment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli mad-Direttiva ( 29 ).

11.

Skont l-Artikolu 5, fl-implementazzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’ ċertu fatturi relatati maċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat inkluż il-ħajja familjari tiegħu, l-istat ta’ saħħa u r-rispett lejn il-prinċipju ta’ non-refoulement.

12.

L-Artikolu 6(1) jirrikjedi li Stati Membri għandhom jagħtu deċiżjoni ta’ ritorn lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom ( 30 ).

13.

L-Artikolu 7 jiddikjara:

“1.   Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. L-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-leġislazzjoni nazzjonali li tali perijodu għandu jingħata biss wara applikazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinformaw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi konċernati dwar il-possibbiltà li jippreżentaw tali applikazzjoni.

Il-perijodu ta’ żmien previst fl-ewwel subparagrafu ma jeskludix il-possibbiltà li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz konċernati jitilqu qabel.

2.   L-Istati Membri għandhom, fejn neċessarju, jestendu l-perijodu għat-tluq volontarju għal perijodu adegwat, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ individwali, bħat-tul tas-soġġorn, l-eżistenza ta’ tfal li jattendu l-iskola u l-eżistenza ta’ rabtiet familjari u soċjali oħrajn.

3.   Ċerti obbligi maħsuba biex jevitaw ir-riskju ta’ ħarba, bħal ma huma r-rappurtar regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja adegwata, il‑preżentazzjoni ta’ dokumenti jew l-obbligu li wieħed jibqa’ f’ċertu post, jistgħu jiġu imposti għat-tul tal-perijodu ta’ tluq volontarju.

4.   Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali [regolari] tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.”

14.

L-Artikolu 8(1) jipprovdi li Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perjodu għal tluq volontarju skont l-Artikolu 7(4).

15.

Skont l-Artikolu 11, deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rrispettat ( 31 ). It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi ddeterminat b’kont dovut taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi l-ħames snin. Din il-projbizzjoni tista’ madankollu teċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali ( 32 ). L-Istati Membri għandhom grad ta’ diskrezzjoni sa fejn jistgħu jżommu milli tinħareġ, jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni fuq id-dħul f’każijiet individwali għal raġunijiet umanitarji u jistgħu jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni fuq id-dħul f’każijiet individwali jew f’ċerti kategoriji ta’ każijiet għal raġunijiet oħra.

16.

L-Artikolu 14 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċerti prinċipji huma meqjusa matul il-perijodu ta’ tluq volontarju taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Dawk il-prinċipji jinkludu li tinżamm l-għaqda tal-familja ma’ membri tal-familja preżenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat; jingħataw kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali ta’ mard; jingħata aċċess lill-minuri għas-sistema bażika tal-edukazzjoni suġġett għat-tul tas-soġġorn tagħhom; u jittieħed kont tal-bżonnijiet speċjali ta’ persuni vulnerabbli.

Regoli nazzjonali

17.

Il-Vreemdelingenwet 2000 (Liġi dwar iċ-Ċittadini Barranin) (iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”) tipprovdi li ċittadin ta’ pajjiż terz li ma huwiex (jew ma għadux iktar) residenti legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi għandu perijodu ta’ 28 ġurnata sabiex jitlaq volontarjament mit-territorju ( 33 ). L-Istaatssecretaris (“Segretarju tal-Istat”) ( 34 ) jista’ jqassar il-perijodu ta’ tluq jew jista’ jiddeċiedi li l-individwu kkonċernat għandu jitlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi minnufih fejn, inter alia, dan jippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali.

18.

B’effett mid-9 ta’ Frar 2012 il-Vreemdelingencirculaire 2000 (Ċirkolari dwar iċ-Ċittadini Barranin) (iktar ’il quddiem “iċ-Ċirkolari tad-9 ta’ Frar 2012”) tiddikjara li l-perijodu ta’ tluq skont l-Artikolu 62(2) tal-Vw 2000 jista’ jitqassar jew lanqas jiġi applikat fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jippreżenta theddida (gevaar) għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali. Skont iċ-Ċirkolari tad-9 ta’ Frar 2012, kull suspett jew kundanna dwar reat skont il-liġi nazzjonali jitqiesu li jikkostitwixxu riskju għall-ordni pubbliku. Suspett għandu jkun jista’ jiġi kkonfermat mill-kap tal-pulizija ( 35 ).

Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura u d-domandi preliminari

19.

Fit-8 ta’ Ġunju 2011, Z. Zh. wasal fl-ajruport ta’ Schiphol fuq titjira mill-Greċja, fejn id-destinazzjoni finali tiegħu kienet ser tkun il-Kanada. Huwa ġie arrestat waqt li kien intranżitu ġewwa l-Pajjiżi l-Baxxi billi kien qed jivvjaġġa b’dokument tal-ivvjaġġar falz. Fil-21 ta’ Ġunju 2011, huwa nstab ħati li kien fil-pussess ta’ dokument tal-ivvjaġġar li kien jaf li kien falz u ngħata sentenza ta’ priġunerija ta’ xahrejn skont il-Kodiċi Kriminali Olandiż. Fl-4 ta’ Awwissu, s-Segretarju tal-Istat ordna lil Z. Zh. sabiex jitlaq mill-Unjoni Ewropea minnufih (jiġifieri, mingħajr perijodu ta’ tluq volontarju kif provdut fl-Artikolu 62(1) moqri flimkien mal-Artikolu 62(2) tal-Vw 2000). Wara li skonta ż-żmien ta’ priġunerija, Z. Zh. kien miżmum qabel ma ntbagħat lura lejn iċ-Ċina. Fit-2 ta’ Settembru 2011, is-Segretarju tal-Istat ikkonferma d-deċiżjoni ta’ ritorn fil-każ ta’ Z. Zh.

20.

Fit-8 ta’ Novembru 2011, il-Rechtbank ikkonferma d-deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat. Z. Zh. appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Fl-14 ta’ Diċembru 2011, is-sentenza ta’ priġunerija imposta fuq Z. Zh. tneħħiet għar-raġuni li dan, fil-frattemp, kien ġie deportat mill-Pajjiżi l-Baxxi.

21.

Fis-16 ta’ Jannar 2011, O., ukoll ċittadin ta’ pajjiż terz, daħal fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq visa għal soġġorn qasir ta’ 21 ġurnata. Fit-23 ta’ Novembru 2011, huwa ġie arrestat u miżmum fuq suspett ta’ abbuż domestiku fuq mara. Fl-24 ta’ Novembru 2011, huwa tqiegħed f’kustodja qabel ma ġie mkeċċi u ordnat sabiex jitlaq minn l-Unjoni Ewropea b’effett immedjat. Fis-17 ta’ Jannar 2012, is-Segretarju tal-Istat ikkonferma d-deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2011 minħabba li O. kien ġie arrestat fuq suspett li kien wettaq reat; huwa għalhekk ikkostitwixxa riskju għall-ordni pubbliku u ma kienx intitolat għal perijodu li jippermettih li jitlaq volontarjament mill-Pajjiżi l-Baxxi. Fl-1 ta’ Frar 2012, ir-Rechtbank laqa’ l-appell ta’ O. u warrab id-deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat. Is-Segretarju tal-Istat ikkontesta dik id-deċiżjoni fl-istadju ta’ appell quddiem il-qorti tar-rinviju. Fit-23 ta’ Frar 2012, tneħħiet l-ordni ta’ arrest imposta fuq O. billi dan, fil-frattemp, kien ġie deportat.

22.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kliem “riskju għall-ordni pubbliku” fl-Artikolu 7(4) jinkorporaw kunċett awtonomu ta’ dritt tal-Unjoni u fejn l-evalwazzjoni tat-tifsira tagħhom tirrikjedi eżami dwar jekk hemm xi gwida li tista’ tinsab fl-interpretazzjoni ta’ kunċetti ta’ ordni pubbliku fl-atti l-oħra tal-Unjoni, bħall-Artikolu 27(1) tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE ( 36 ) u l-Artikolu 6(1) jew (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE (“it-tliet direttivi”) ( 37 ). Iżda, billi hemm differenzi materjali bejn dawk id-Direttivi u d-Direttiva tar-Ritorn fir-rigward tal-għanijiet, tal-kuntest u tal-kontenut tagħhom, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ma tistax tapplika, permezz ta’ analoġija, il-kunċetti li jinsabu fit-tliet direttivi sabiex tagħti interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ordni pubbliku li jinsab fid-Direttiva tar-Ritorn. Barra minn hekk, fl-iskema tad-Direttiva tar-Ritorn, li ma jingħatax il-perijodu ta’ tluq volontarju hija l-miżura l-inqas restrittiva. Għalhekk, jista’ jkun li l-kliem “riskju għall-ordni pubbliku”, kif użati fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn, għandhom ikunu interpretati b’mod iktar wiesa’ minn dawk tat-terminu “raġunijiet ta’ ordni pubbliku” li jinsab fit-tliet direttivi, dan sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jista’ iktar faċilment jaqa’ fl-ambitu tat-terminu fid-Direttiva tar-Ritorn. Jekk hu hekk, is-sempliċi suspett li jkun wettaq reat jista’ jkun biżżejjed.

23.

F’dan il-kuntest, ir-Raad van State iddeċidiet li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1.

Ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru jikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-[Direttiva tar-Ritorn] sempliċement minħabba l-fatt li jkun issuspettat li wettaq reat kriminali taħt id-dritt nazzjonali, jew huwa neċessarju li jkun instab ħati f’qorti kriminali li wettaq tali reat u, f’dan l-aħħar każ, tali kundanna għandha tkun saret irrevokabbli?

2.

Fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru jikkostitwixxix riskju għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn, minbarra suspett jew kundanna, fatti jew ċirkustanzi oħra tal-każ għandhom rwol, bħall-gravità u n-natura tar-reat kriminali taħt id-dritt nazzjonali, iż-żmien li ddekorra jew l-intenzjoni tal-persuna kkonċernata?

3.

Il-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-kawża li huma rilevanti għall-evalwazzjoni msemmija fit-tieni domanda għandhom ukoll rwol fir-rigward tal-possibbiltà pprovduta fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn, fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku fis-sens tal-imsemmi artikolu, tal-għażla bejn, minn naħa, li ma jingħatax il-perijodu ta’ tluq volontarju u, min-naħa l-oħra, li jingħata perijodu ta’ tluq volontarju ta’ inqas minn sebat ijiem?”

24.

Ġew ippreżentati sottomissjonijiet bil-miktub għan-nom ta’ Z. Zh., il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Greċja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea. Z. Zh., il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u l-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet verbali fis-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2014.

Osservazzjonijiet preliminari

25.

Huwa paċifiku li kemm Z. Zh. u O. jaqgħu taħt l-ambitu tad-Direttiva tar-Ritorn billi huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) u (2). Skont l-Artikolu 7(1) ta’ dik id-direttiva, ir-regola ġenerali hija dik fejn dawk il-persuni għandhom dritt ta’ bejn seba’ u tletin ġurnata sabiex jirritornaw lura volontarjament lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Dak id-dritt jista’ jitnaqqas biss fejn tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 7(4), bħad-deroga bbażata fuq riskju għall-ordni pubbliku.

26.

Billi kemm Z. Zh. kif ukoll O. ġew fil-frattemp deportati mill-Pajjiż l-Baxxi, is-sinjifikat tal-proċeduri odjerni għal kull wieħed minnhom huwa dak fejn, jekk il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-deċiżjonijiet li rrifjutaw li jingħata perijodu ta’ tluq volontarju kienu illegali, huma jkunu jistgħu jistitwixxu kawżi għad-danni kontra l-awtoritajiet Olandiżi għal detenzjoni illegali. Fil-każ ta’ Z. Zh., il-pretensjoni li jista’ jkollu tista’ tkopri l-perijodu bejn it-tmien tal-priġunerija tiegħu talli vvjaġġa b’dokument falz u d-data tat-tneħħija tiegħu. Fil-każ ta’ O., il-pretensjoni li jista’ jkollu tista’ tkopri l-perijodu li għadda f’detenzjoni qabel it-tneħħija tiegħu ( 38 ).

L-ewwel domanda

27.

Permezz tal-ewwel domanda l-qorti tar-rinviju trid tiddetermina t-tifsir tal-kliem “jippreżenta riskju għall-ordni pubbliku” fl-Artikolu (4) tad-Direttiva tar-Ritorn. Hija qiegħda tistaqsi jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru jippreżentax tali riskju meta huwa biss issuspettat li jkun wettaq reat skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru, jew jekk huwiex meħtieġ li jkun misjub ħati li wettaq reat u, jekk hu hekk, jekk dik il-kundanna għandhiex tkun waħda finali u res judicata (jiġifieri, m’hemmx proċedura oħra ta’ appell għad-dispożizzjoni tiegħu).

28.

Il-kunċett u t-tifsir ta’ “eċċezzjoni ta’ politika pubblika” għal libertajiet garantiti mid-dritt tal-Unjoni ma huwiex wieħed ġdid. Dan qam l-ewwel darba sena ilu fil-kawżi li kienu jikkonċernaw il-moviment liberu ta’ ħaddiema ( 39 ). Iktar reċentement dan affettwa l-moviment liberu ta’ ċittadini tal-Unjoni ( 40 ). L-Artikolu 45(3) TFUE jippermetti l-Istati Membri sabiex inaqqsu l-libertà ta’ moviment ta’ ħaddiema għal-raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. It-test Franċiż tal-Artikolu 45(3) TFUE jirreferi għal “des raisons d’ordre public”. Il-verżjoni Ingliża, iżda, tuża t-terminu “public policy”. ( 41 ) Bħala kuntrast, it-terminu “ordre public” fit-test Franċiż tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 42 ) huwa tradott fil-verżjoni Ingliża bħala “public order” ( 43 ).

29.

It-terminu “public order” ma huwiex sinonimu ma’ “public policy”.

30.

It-terminu “public order” ikopri b’mod wiesa’ delitti jew atti li jfixklu l-ħidmiet tas-soċjetà, kif ġara fil-kawża Oteiza Olazabal ( 44 ). Fl-1988, O. Olazabal, ċittadin Spanjol ta’ oriġini Bask residenti fi Franza, ġie kkundannat għal tmintax-il xahar priġunerija kif ukoll projbizzjoni ta’ erba’ snin ta’ residenza, għal assoċjazzjoni sabiex ifixkel l-ordni pubbliku (“ordre public”) permezz ta’ intimidazzjoni jew terrur. Fl-1996, huwa ddeċieda li xtaq jittrażloka mir-reġjun Île de France (viċin Pariġi) lejn dak ta’ Pyrénées-Atlantique mal-fruntiera ta’ Spanja. Il-pulizija Franċiża kellha informazzjoni li huwa kompla jżomm relazzjonijiet mal-ETA. L-awtoritajiet Franċiżi għalhekk fittxu sabiex jirrestrinġu l-moviment tiegħu ġewwa Franza fejn ipprojbixxuh milli jirrisjedi f’31 “départements” bil-għan li jiżguraw li ma kienx viċin il-fruntiera Spanjola. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-azzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi kienet fl-ambitu tal-eċċezzjoni ta’ moviment liberu ta’ ħaddiema taħt dak li kien l-Artikolu 48(3) tat-Trattat (illum l-Artikolu 45(3) TFUE) għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku (“ordre public”).

31.

Il-kunċett ta’ “public policy” huwa kunċett iktar wiesa’ minn ordni pubbliku sa fejn huwa mifhum li jinkorpora kemm għemil kontra l-ordni pubbliku (bħal fil-kawża Oteiza Olazabal) kif ukoll għemil li jitwies li huwa kontra l-politika tal-liġi. Għalhekk, fil-kawża Van Duyn ( 45 ) l-awtoritajiet tar-Renju Unit legalment ċaħdu t-talba għal permess ta’ xogħol ta’ Y. Van Duyn sabiex takkwista impjieg mal-Knisja tas-Scientology, minħabba li jekk kellu jsir hekk dan kien imur kontra l-ordni pubbliku (“public policy”) kif iddeskriviet il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn din użat (għal darb’oħra) kliem ieħor, bħal “the public good” (l-“interess pubbliku” jew il-“ġid pubbliku”) ( 46 ).

32.

Il-kunċett ta’ “public order” jinsab ħafna fl-isfera tal-liġi tal-immigrazzjoni, bħall-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn. Il-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ dik id-Direttiva ħlief dik bl-Ingliż jużaw terminu li hu ekwivalenti għal “ordre public” iktar milli dik ta’ “public policy” ( 47 ). It-terminu “public policy” ma kienx fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni iżda kien inserit fi stadju iktar aħħari fl-iżvilupp tat-test waqt li dan kien qed jiġi nnegozjat fil-Kunsill ( 48 ). Sfortunatament, ebda preambolu ma ġie inserit bil-għan li jassisti l-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni sabiex jispjega l-għan tagħha.

33.

Huwa evidenti, meta wieħed iħares lejn kemm id-dritt tal-Unjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li t-terminu “public policy” huwa użat hawn bħala ekwivalenti għat-terminu Franċiż “ordre public”. Wieħed għandu wkoll jiftakar li d-dritt tal-Unjoni juża terminoloġija li hija partikolari għalih u li kunċetti legali mhux bilfors għandhom l-istess tifsira fid-dritt tal-Unjoni u fid-dritt tal-Istati Membri varji ( 49 ). It-terminu Franċiż “ordre public” tradott litteralment bħala ordni pubbliku fil-lingwa Ingliża, huwa tali kunċett. Sabiex inżomm l-affarijiet ċari għall-qarrej, f’dan il-kuntest tal-eżami tad-Direttiva tar-Ritorn, fejn inkun qed niċċita testi li jirreferu bl-Ingliż għal “public policy”, jiena ser nissostitwixxi dan b’“[public order]”. Nasal biex nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex forsi, b’mod utili, tieħu vantaġġ tad-deċiżjoni tagħha f’din il-kawża sabiex tagħmel il-kjarifika meħtieġa.

34.

Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li waqt li Stati Membri jżommu essenzjalment l-libertà li jiddeterminaw ir-rekwiżiti ta’, inter alia, l-ordni pubbliku, skont il-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom, li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor u minn żmien għall-ieħor, partikolarment bħala ġustifikazzjoni għal deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu ta’ persuni, dawk ir-rekwiżiti għandhom xorta waħda jkunu interpretati b’mod strett, sabiex l-għan tagħhom ma jistax ikun determinat unilateralment minn kull Stat Membru mingħajr ebda kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ( 50 ).

35.

Għalhekk, ma hemm ebda definizzjoni preċiża tal-kunċett ta’ ordni pubbliku. Mhux talli huwa diffiċli iżda jista’ jkun artifiċjali li nipprova nagħti definizzjoni, partikolarment meta huwa rikonoxxut li l-Istati Membri jgawdu diskrezzjoni wiesgħa fiċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-użu ta’ eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku ( 51 ).

36.

Jidhirli li ma hemm xejn fit-test tad-Direttiva tar-Ritorn li jindika li ordni pubbliku għandu jkun interpretat b’mod ristrett sabiex ikun eskluż għemil kontra l-politika tal-liġi fil-qasam speċifiku tal-liġi dwar l-immigrazzjoni. Il-ġurisprudenza tissuġġerixxi li ordni pubbliku, meta huwa użat sabiex jiġġustifika deroga, għandu ċertu karatteristiċi, sa fejn dan jippresupponi l-eżistenza, flimkien mal-perturbazzjoni tal-ordni soċjali li kull ksur tal-liġi tinvolvi, ta’ theddida ġenwina u suffiċjentement serja għar-rekwiżiti ta’ ordni pubbliku li taffettwa waħda mill-interessi fundamentali tas-soċjetà ( 52 ).

37.

Għall-finijiet tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn il-mistoqsija hija jekk il-persuna kkonċernata tista’ tkun ta’ riskju għall-ordni pubbliku.

38.

Il-verżjonijiet differenti lingwistiċi tal-Artikolu 7(4) ma humiex imfassla f’termini identiċi. It-test Franċiż, pereżempju, huwa differenti mill-verżjoni Ingliża fejn dan jiddistingwi bejn il-kliem “risque” u “danger”. Fl-ewwel kliem tal-Artikolu 7(4), l-ewwel motiv għal deroga (li l-persuna kkonċernata tista’ taħrab), it-test Franċiż jirreferi għal “risque de fuite”. Sussegwentement, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku, dan juża l-frażi “si la personne concernée constitue un danger pour l’ordre public”.

39.

It-test Ingliż jirreferi fiż-żewġ istanzi għal “risk”. Il-kliem “danger” jew “threat” ma humiex neċessarjament sinonimi għall-kelma “risk”. Ikun iktar naturali fl-Ingliż sabiex wieħed jirreferi għal “risk of absconding” u “threat to [public order]” (li tfisser li l-ordni pubbliku jista’ jkun kompromess b’għemil ġejjieni) iktar milli li l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku ( 53 ). Dak hu għaliex il-kelma “risk” fl-Ingliż hija waħda ambigwa. Dik tista’ tfisser li hemm possibbiltà li konsegwenzi negattivi jistgħu jsegwu mill-għemil tal-persuna kkonċernata. Din tista’ wkoll tinftiehem li tfisser li dik il-persuna tikkostitwixxi perikolu jew theddida għall-ordni pubbliku (għalhekk ikun hemm konnotazzjoni ta’ espożizzjoni għall-perikolu). Hawnhekk ninnota li l-Artikolu 7(3) jipprovdi li fejn miżuri bħall-irrappurtar ta’ restrizzjonijiet jistgħu jkunu applikati sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ ħarba, il-preferenza għandha xorta tkun għal perijodu ta’ tluq volontarju.)

40.

Mit-tnejn u għoxrin lingwa tal-Unjoni użati fiż-żmien meta d-Direttiva tar-Ritorn ġiet adottata, ħdax isegwu l-mudell Franċiż u jiddistingwu bejn ir-riskju ta’ ħarba u l-perikolu (jew theddida) għall-ordni pubbliku ( 54 ). Ħdax-il lingwa jsegwu l-verżjoni Ingliża u jużaw l-istess kelma sabiex ifissru r-riskju ta’ ħarba u r-riskju għall-ordni pubbliku ( 55 ).

41.

Hija ġurisprudenza stabbilita li fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test leġiżlattiv tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-għan u l-iskema ġenerali tar-regoli li tifforma parti minnhom ( 56 ).

42.

Jidhirli li l-kelma “risk” (“riskju”) fl-Artikolu 7(3) u fl-ewwel raġuni għad-deroga fl-Artikolu 7(4) hija użata b’mod differenti milli tiġi użata fid-deroga ta’ ordni pubbliku. Fil-kuntest tal-aħħar, din tirreferi għall-possibbiltà li l-persuna kkonċernata tkun ta’ theddida għall-ordni pubbliku, minħabba l-imġiba tagħha fil-passat (pereżempju t-twettiq ta’ reat).

43.

Sabiex ikun żgurat li d-Direttiva tar-Ritorn tkun interpretata konformement mal-għanijiet tagħha huwa għalhekk meħtieġ, qabel ma’ wieħed jiddependi fuq id-deroga tal-Artikolu 7(4), li jkun stabbilit li jkun hemm theddida għall-ordni pubbliku. L-Istati Membri għandhom juru għalfejn l-interessi ta’ ordni pubbliku li qed ifittxu li jipproteġu għandhom mnejn ikunu kompromessi mill-persuna inkwistjoni. Għalhekk, il-kliem “jippreżenta riskju għall-ordni pubbliku” għandhom jinftiehmu li jfissru “jikkostitwixxi perikolu jew theddida għall-ordni pubbliku” ( 57 ). F’dak ir-rigward it-test Franċiż u l-lingwa tal-verżjonijiet li jsegwuh huma iktar ċari mit-test Ingliż.

44.

Għandu jkun hemm perikolu reali u biżżejjed għall-ordni pubbliku sabiex l-Istat Membru jirrikorri għad-deroga. Fi kliem ieħor, mhux biżżejjed għall-persuna kkonċernata li tkun aġixxiet kontra l-ordni pubbliku. Dak il-qari huwa msaħħaħ fil-premessa 6 li tiddikjara, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet meħuda skont id-direttiva, li dik il-kunsiderazzjoni għandha tmur lil hinn mis-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali. Dak jindika li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipparteċipaw fi proċess ta’ valutazzjoni fil-każ individwali, iktar milli jiddependu biss fuq il-fatt li l-persuna qed tissoġġorna illegalment, bħala l-bażi għal deċiżjonijiet skont id-direttiva.

45.

Fejn il-kunċett ta’ ordni pubbliku huwa użat sabiex jiġġustifika deroga minn dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni, dan għandu jingħata interpretazzjoni b’mod strett ( 58 ).

46.

F’dak ir-rigward l-għan tad-deroga fl-Artikolu 7(4) ukoll ma jistax ikun iddeterminat unilateralment minn kull Stat Membru mingħajr ma jkun suġġett għal skrutinju mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 59 ). Jiena għalhekk ma naqbilx mal-gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Polonja, li jsostnu li l-mistoqsija dwar jekk hemm riskju għall-ordni pubbliku hija kwistjoni biss ta’ dritt nazzjonali.

47.

Huwa minnu li l-valuri kulturali, soċjali u legali tal-Istati Membri rispettivi huma fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fi kwalunkwe deċiżjoni ta’ ordni pubbliku. Madankollu, li kieku dan il-kunċett ma kienx suġġett għas-superviżjoni fil-livell tal-Unjoni, dawk l-attribwiti ta’ tip kimeru jfissru li Stati Membri jkunu jistgħu japplikaw l-ordni pubbliku b’mod li jiċħad l-effettività tad-drittijiet garantiti bid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istat Membru li jiddependi fuq id-deroga għandu l-obbligu li juri għala hemm theddida għall-ordni pubbliku f’xi każ partikolari u sabiex iressaq raġunijiet li jiġġustifikaw l-użu tad-deroga fl-Artikolu 7(4).

48.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk gwida dwar it-tifsir tal-kunċett ta’ ordni pubbliku fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn jistax jinkiseb minn atti oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari mid-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza, mid-Direttiva dwar ir-Residenti għat-Tul u mid-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja. Nifhem li din il-qorti b’hekk qed tistaqsi sabiex tara jekk ir-regoli għall-evalwazzjoni tal-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku taħt xi waħda minn dawk it-tliet direttivi għandhomx japplikaw b’analoġija għall-evalwazzjoni magħmula skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn.

49.

Il-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet kollha qablu li dawn it-tliet direttivi ma għandhomx ikunu applikati b’analoġija sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn. Naqbel ukoll ma’ dik il-fehma sa fejn dik tikkonċerna paragun testwali tad-direttivi. Kull waħda minn dawn it-tliet direttivi hija differenti mid-Direttiva tar-Ritorn fir-rigward tal-kliem, tal-iskop, u tal-għanijiet tagħha. It-terminu ordni pubbliku ma huwiex mogħti definizzjoni f’ebda waħda minn dawn it-testi. Iżda, kull waħda minn dawk id-direttivi tistipula ċertu fatturi li għandhom jitqiesu meta titressaq l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku.

50.

L-Artikolu 27(1) tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawk il-miżuri għandhom ikunu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat (l-Artikolu 27(2)). Kundanni kriminali preċedenti fihom infushom ma għandhomx jikkostitwixxu raġunijiet sabiex jittieħdu miżuri bħal dawn. L-imġiba personali tal-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, preżenti u gravi biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà ( 60 ). F’dan il-kuntest l-Artikolu 28 ( 61 ) ta’ din id-direttiva għandu dispożizzjoni speċifika li tagħti protezzjoni kontra deċiżjonijiet ta’ tneħħija mogħtija għal raġunijiet li jinkludu, inter alia, l-ordni pubbliku; it-tul tar-residenza huwa fattur fid-determinazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni kontra tali deċiżjonijiet.

51.

L-għan tad-Direttiva dwar ir-Residenti għat-Tul huwa sabiex jintegra ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti għat-tul li qed jirrisjedu legalment u kontinwament fit-territorju ta’ Stat Membru (għal ħames snin) bil-għan li jippromwovu l-mira fundamentali tat-Trattati, prinċipalment il-koeżjoni ekonomika u soċjali ( 62 ). Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva għal Residenti fit-Tul, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jagħtu status ta’ residenti għat-tul fuq il-bażi ta’ ordni pubbliku jew sigurtà pubblika. Meta l-Istat Membru jieħu d-deċiżjoni rilevanti, dan għandu jqis is-severità jew it-tip ta’ offiża kontra l-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika, jew il-perikolu li l-persuna kkonċernata tista’ toħloq ( 63 ), waqt li jingħata kont proprju tat-tul ta’ residenza u l-eżistenza ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ residenza ( 64 ).

52.

Id-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali u l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Din tapplika fejn hemm applikazzjoni għal membri tal-familja ta’ “sponsor” (ċittadin ta’ pajjiż terz residenti fi Stat Membru fuq il-bażi ta’ permess ta’ residenza validu ta’ mill-inqas sena u għandu prospetti raġonevoli li jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti) sabiex jingħaqdu miegħu bil-għan li jkun hemm riunifikazzjoni tal-familja. L-Artikolu 6(1) jippermetti lil Stati Membri sabiex jiċħdu din l-applikazzjoni għal raġunijiet ta’, inter alia, ordni pubbliku ( 65 ). L-Istat Membru, waqt li jkun qed jieħu d-deċiżjoni rilevanti, għandu jqis numru ta’ fatturi inkluż is-severità jew it-tip ta’ offiża kontra l-ordni pubbliku jew il-perikoli li l-persuna kkonċernata tista’ tikkaġuna ( 66 ).

53.

Differenza notevoli bejn ir-reġim ġuridiku tad-Direttiva tar-Ritorn u tat-tliet direttivi msemmija mill-qorti tar-rinviju hija li ma hemmx bżonn f’tal-ewwel li wieħed jibbilanċja l-implikazzjonijiet għal persuna li hija integrata fis-soċjetà tal-Istat Membru inkwistjoni kontra x-xewqa li jiġi rtirat id-dritt ta’ tluq volontarju ( 67 ). Skont id-Direttiva tar-Ritorn l-awtoritajiet nazzjonali huma kkonfrontati minn kwistjoni iktar prattika. Liema perijodu ta’ żmien huwa meħtieġ sabiex il-persuna kkonċernata titħalla titlaq b’mod uman u dinjituż li jirrispetta d-drittijiet tiegħu fundamentali? Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jaqa’ fl-ambitu tad-Direttiva tar-Ritorn ma huwiex persuna li tirrisjedi jew għandha xi grad ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru inkwistjoni. Huwa għalhekk loġiku li ma hemmx bżonn li wieħed jibbilanċja l-fatturi li jappartjenu mar-rabtiet tiegħu ma’ dak l-Istat Membru mal-konsegwenzi ta’ deċiżjoni li tirrifjutalu dritt ta’ tluq volontarju.

54.

Minkejja li hemm differenzi fil-kliem, fil-portata, fl-għanijiet u fil-kuntest tal-għemil, jidhirli li ebda waħda minn dawk it-tliet direttivi (id-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza, id-Direttiva dwar ir-Residenti għat-Tul jew id-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja) ma tista’ tapplika, permezz ta’ analoġija, fl-interpretazzjoni tat-tifsir ta’ ordni pubbliku fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn.

55.

L-Istati Membri kollha li ppreżentaw sottomissjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ssottomettew li l-konsegwenzi għall-persuni kkonċernati ta’ deroga mir-regola ġenerali skont it-tliet direttivi huma iktar ħarxa għall-persuni kkonċernati milli l-konsegwenzi ta’ deċiżjoni li tirrifjuta t-tluq volontarju għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment skont id-Direttiva tar-Ritorn. Huma jsostnu li huma applikabbli livelli differenti ta’ protezzjoni skont it-tliet direttivi; fejn l-ogħla wieħed huwa dak mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni fejn id-drittijiet normali tagħhom jikkuntrastaw sew ma’ dawk ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment skont id-Direttiva tar-Ritorn. Għalhekk id-deroga għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku skont id-Direttiva taċ-Ċittadinanza għandha tkun interpretata b’mod iktar ristrett minn li tinsab fid-direttiva tar-Ritorn; u l-kunċett ta’ “riskju” jew “perikolu” għall-ordni pubbliku skont dak tal-aħħar għandu jkun interpretat inqas strett milli mill-kunċett ta’ “raġunijiet ta’ ordni pubbliku” f’kull waħda mit-tliet direttivi. Il-qorti tar-rinviju ħadet l-istess pożizzjoni.

56.

Jiena ma jiniex tal-istess fehma.

57.

Ma hemm l-ebda skop utli li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn jitqabbel ma’ dispożizzjonijiet f’xi waħda mit-tliet direttivi li għandhom eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku. Hekk kif dawn id-direttivi ma humiex applikabbli b’analoġija, hekk ukoll jekk il-limitu għall-iskattar tal-applikazzjoni tad-deroga ta’ ordni pubbliku fid-Direttiva tar-Ritorn huwiex ogħla jew iktar baxx, huwa kemm inaċċertabbli u irrilevanti. Id-Direttiva tar-Ritorn hija differenti f’aspetti fundamentali minn dawk it-tliet direttivi. Dan għandu għalhekk ikun interpretat b’riferiment għat-test, l-għan, l-istruttura u l-kuntest tagħha sabiex ikun stabbilit it-tifsir tad-deroga fl-Artikolu 7(4) ( 68 ).

58.

Barra minn hekk, l-argument tal-Istati Membri li d-deroga fid-Direttiva tar-Ritorn għandha tkun interpretata b’mod inqas strett mid-derogi f’xi waħda mit-tliet direttivi għandu konnotazzjonijiet sfortunati. Dan jissuġġerixxi illi individwi jistgħu jkunu klassifikati f’ġerarkija ta’ protezzjoni, fejn ċittadini tal-Unjoni jinsabu fin-naħa ta’ fuq waqt li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment jinsabu fil-qiegħ. Dan jimplika li dawk fil-qiegħ jaqgħu faċilment fl-ambitu ta’ dispożizzjoni li tidderoga mid-drittijiet mogħtija lilhom skont id-dritt tal-Unjoni sempliċement għar-raġuni li għandhom status iktar baxx fil-ġerarkija.

59.

Jiena ma nistax naċċetta tali approċċ. Huwa minnu li l-pożizzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi illegali ma jistgħux jitqabblu u li huma rregolati b’regoli differenti. Iżda, ma jsegwix li minħabba din id-differenza attenzjoni inqas rigoruża jew skrupluża għandha tingħata għall-evalwazzjoni jekk deroga minn dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni tapplikax. Dispożizzjoni ta’ deroga bħall-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn ma għandhiex tkun interpretata b’mod laxk minflok b’mod strett peress illi din tikkonċerna individwi li ma għandhomx drittijiet ta’ residenza fl-Unjoni Ewropea. Iktar minn hekk, ċittadini ta’ pajjiżi terzi (inklużi dawk fejn il-preżenza tagħhom fl-Unjoni Ewropea hija waħda illegali) jaqgħu fl-ambitu tal-Karta ( 69 ). Id-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni li japplikaw għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu osservati bl-istess rigorożità għal dawk li qed japplikaw sabiex isiru ċittadini tal-Unjoni.

60.

Għalhekk, meta jkun qed jiġi eżaminat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jikkostitwixxix riskju għall-ordni pubbliku l-Istati Membri għandhom jibbażaw l-evalwazzjoni tagħhom fuq il-bażi tal-pożizzjoni individwali tal-persuna kkonċernata iktar milli fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali ( 70 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet hekk fis-sentenza tagħha Royer ( 71 ) speċifikament fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE ( 72 ) li jgħid: “Il-miżuri li jittieħdu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat”. Fil-fehma tiegħi dak l-approċċ japplika ugwalment fir-rigward tad-Direttiva tar-Ritorn. L-iskema tal-Artikolu 7 tieħu inkunsiderazzjoni espressament li ċ-ċirkustanzi individwali huma rilevanti għall-proċess ta’ evalwazzjoni ( 73 ). Għalhekk, l-istess metodoloġija għandha tkun applikata għal deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 7(4). Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fuq il-bażi ta’ każ b’każ skont kriterji oġġettivi.

61.

Ir-regoli tad-dritt kriminali huma kollha regoli ta’ ordni pubbliku fis-sens li huma regoli imperattivi. Ksur ta’ dawk ir-regoli għalhekk jikkaġuna tfixkil fl-ordni pubbliku tal-Istat Membru. Il-kobor ta’ dak it-tfixkil ikun inqas jew iktar skont in-natura tal-att kommess. Is-severità tal-piena stabbilita mil-leġiżlatura nazzjonali sabiex tissanzjona l-kondotta projbita normalment tirrifletti l-impatt perċepit fit-tfixkil fuq l-ordni pubbliku ( 74 ).

62.

Ksur tad-dritt kriminali tal-Istat Membru għalhekk huwa ekwivalenti għal att kontra l-ordni pubbliku. Iżda, dan mhux neċessarjament iwassal li kull ksur tad-dritt kriminali, żgħir kemm huwa żgħir, jikkostitwixxi theddida (futura) għall-ordni pubbliku skont l-Artikolu 7(4). L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jagħmlu l-evalwazzjoni tagħhom mill-perspettiva tal-interessi inerenti fil-protezzjoni tar-rekwiżiti tal-ordni pubbliku. Din ma hijiex neċessarjament l-istess ħaġa bħall-evalwazzjoni li fformat il-bażi tal-kundanna kriminali ( 75 ).

63.

Il-premessa 6 tad-Direttiva tar-Ritorn tispjega li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fuq bażi ta’ każ b’każ u li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oltre s-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali ( 76 ). Għalhekk, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ Z. Zh. ma huwiex biżżejjed għall-awtoritajiet nazzjonali li jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom li jirtiraw id-dritt ta’ tluq volontarju fuq il-bażi biss li l-persuna kkonċernata għandha kundanna għal vjaġġar b’dokument falz kuntrarju għall-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tar-Ritorn. Numru kunsiderevoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jaħarbu minn pajjiżhom li jippreżentaw ruħhom mal-fruntieri tal-Unjoni x’aktarx jivvjajaġġaw b’dokumenti foloz. ersuni ta’ spiss jipprovaw jaħbu l-identità tagħhom meta jkunu qed jaħarbu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom sabiex jipproteġu lilhom infushom. Ma humiex neċessarjament protetti billi jissottomettu talba għal ażil jekk ma jfittxux dik il-protezzjoni fl-Unjoni Ewropea ( 77 ). L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jevalwaw liema interessi ta’ ordni pubbliku jeħtieġu protezzjoni u b’liema mod l-individwu kkonċernat jikkostitwixxi perikolu għall-ordni pubbliku. Fi kliem ieħor, ma għandux ikun hemm deċiżjonijiet awtomatiċi li jċaħħdu individwu minn dritt ta’ tluq volontarju għar-raġuni biss li kien ikkundannat li vvjaġġa b’dokument falz u għalhekk jista’ jkun ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment ( 78 ).

64.

Fl-opinjoni tiegħi, meta jingħad dan, kundanna ma għandhiex tkun waħda finali u res judicata sabiex il-persuna kkonċernata taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn.

65.

Dik il-pożizzjoni tkun inkonsistenti mal-osservazzjonijiet ġenerali deskritti hawn fuq; u ma hemmx bażi fil-formulazzjoni tad-direttiva insostenn ta’ din il-pożizzjoni. Barra minn hekk, din tmur kontra l-għan li jkun stabbilit terminu għal tluq volontarju. Jekk kellu jittieħed kont ta’ appell finali l-perijodu ta’ tletin ġurnata (u ċertament perijodi iktar viċin is-sebat ijiem fl-Artikolu 7(1)) jilħaq jgħaddi f’ħafna każijiet minħabba t-tul ta’ proċeduri legali. Din ukoll iddgħajjef id-deroga fl-Artikolu 7(4): ritorn malajr f’inqas minn sebat ijiem ikun impossibbli fi kwalunkwe każ fejn il-persuna kkonċernata tistitwixxi proċeduri ta’ appell.

66.

Barra minn hekk, kif il-Belġju, Franza, u l-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew korrettament, dik il-pożizzjoni tkun inkompatibbli mal-acquis ta’ Schengen sa fejn l-għan tas-sistema SIS ( 79 ) (li tippermetti l-Istati Membri li jottjenu informazzjoni fir-rigward ta’ allarmi għal kontrolli fuq il-fruntiera) jinkludi li jinżamm, inter alia, l-ordni pubbliku ( 80 ). Għalhekk, persuna li hija soġġetta għal deċiżjoni ta’ ritorn immedjat hija wkoll suġġetta għal projbizzjoni fuq id-dħul skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva tar-Ritorn, fejn l-informazzjoni relattiva hija mdaħħla fis-sistema SIS. Dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq theddida ta’ ordni pubbliku li tirriżulta fejn il-persuna kkonċernata ġiet ikkundannata għal reat li jġib miegħu piena ta’ priġunerija ta’ minn lanqas sena ( 81 ). Ma hemmx rekwiżit taħt il-Konvenzjoni ta’ Implimentazzjoni li dik il-kundanna għandha tkun finali u res judicata. Fejn il-kundanna tifforma wkoll il-bażi għar-rifjut li jingħata perijodu għal tluq volontarju għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku skont l-Artikolu 7(4), ikun inkonsistenti mar-rekwiżiti tal-Artikolu 96(2) tal-Konvenzjoni ta’ Implimentazzjoni sabiex jiżdied rekwiżit ulterjuri li l-kundanna għandha tkun waħda li minnha ma hemmx appell. Jiena għalhekk inqis li l-aħjar fehma hija li l-Artikolu 7(4) ikun interpretat mingħajr ma jiżdied dak ir-rekwiżit. Dak għandu l-vantaġġ li jiżgura interpretazzjoni konsistenti mal-iskema leġiżlattiva ġenerali li tinkludi wkoll l-acquis ta’ Schengen.

67.

Is-suspett li l-persuna kkonċernata wettqet reat huwa biżżejjed sabiex jiskatta l-Artikolu 7(4)?

68.

Billi deċiżjonijiet għandhom ikunu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u tenut kont tal-kriterji oġġettivi (premessa 6 fil-preambolu tad-Direttiva tar-Ritorn) u li Stati Membri għandhom jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom fuq il-bażi tal-persuna individwali kkonċernata iktar milli kunsiderazzjonijiet ġenerali, fl-opinjoni tiegħi ma jistax ikun hemm regola ġenerali li kundanni għal reati biss huma biżżejjed. Għalhekk, bħala prinċipju, is-suspett li jkun wettaq reat jista’ jkun biżżejjed sabiex tkun invokata d-deroga tal-Artikolu 7(4).

69.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom xorta waħda jevalwaw liema interessi ta’ ordni pubbliku jeħtieġu protezzjoni u b’liema mod l-individwu kkonċernat jikkostitwixxi perikolu għall-ordni pubbliku f’każ kemm ta’ kundanna kif ukoll ta’ suspett li twettaq reat. Fi kliem ieħor ma għandux ikun hemm deċiżjoni awtomatika li ċċaħħad individwu mid-dritt tiegħu ta’ tluq volontarju sempliċement għaliex huwa ġie kkundannat jew issuspettat li wettaq xi reat.

70.

Nikkonkludi li sabiex tiskatta d-deroga għar-regola ġenerali fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tar-Ritorn fejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment għandhom jingħataw perijodu ta’ bejn seba’ u tletin ġurnata għal tluq volontarju, ir-“riskju” jew theddida għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(4) għandu jkun identifikabbli mill-Istat Membru kkonċernat. Il-portata ta’ dik id-deroga hija kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni. Gwida ġenerali dwar it-tifsir tat-terminu ordni pubbliku tista’ tinkiseb mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dak il-kunċett tenut kont tal-kliem, tal-għanijiet, tal-iskema u tal-kuntest tad-Direttiva tar-Ritorn. Sabiex ikun stabbilit jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment huwiex ta’ theddida għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jagħmlu evalwazzjoni ta’ każ b’każ f’kull istanza sabiex ikun iddeterminat l-interess ta’ ordni pubbliku li jfittxu li jipproteġu. L-oneru jaqa’ fuq dawk l-awtoritajiet sabiex iressqu raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(4). F’dak ir-rigward għandhom juru li l-persuna kkonċernata: (i) aġixxiet kontra l-ordni pubbliku u (ii) hija ta’ theddida għall-ordni pubbliku. F’ċirkustanzi xierqa, suspett raġonevoli li l-persuna kkonċernata wettqet reat huwa biżżejjed sabiex tiġi invokata l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku fl-Artikolu 7(4). Fejn ikun hemm kundanna, ma hemmx bżonn li din tkun finali u res judicata.

It-tieni domanda

71.

Permezz tat-tieni domanda l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk fatturi u ċirkustanzi oħra apparti mis-suspett jew mill-kundanna li wettaq reat (pereżempju t-tip ta’ reat; il-gravità li hija mogħtija fir-regoli nazzjonali; iż-żmien li jkun għadda minn meta r-reat twettaq u l-intenzjoni tal-persuna kkonċernata) għandhomx jitqiesu fl-evalwazzjoni ta’ jekk tapplikax id-deroga fl-Artikolu 7(4) u, jekk huwa hekk, liema fatturi huma rilevanti.

72.

Jiena tal-istess fehma mal-partijiet kollha li ppreżentaw sottomissjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja li fatturi oħra għandhom jitqiesu.

73.

Il-mistoqsija hija, liema huma dawk il-fatturi?

74.

Ma naħsibx li huwa possibbli li nelenka l-fatturi kollha rilevanti b’mod eżawrjenti fl-astratt. Fejn persuna ġiet ikkundannata li wettqet reat, b’żieda mal-punti identifikati mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li s-segwenti huma wkoll rilevanti: is-severità tal-piena imposta u l-grad ta’ involviment tal-persuna kkonċernata fit-twettiq ta’ dan ir-reat (jekk kien l-istigatur, il-prinċipal jew kellu rwol minuri).

75.

Jien ma naqbilx mal-Kummissjoni sa fejn hija tqis li dak li jgħodd huwa jekk il-persuna kkonċernata tistax ma tikkonformax volontarjament mal-obbligu tagħha ta’ tluq ( 82 ). It-test tad-Direttiva tar-Ritorn ma huwiex ristrett f’dak il-mod. Barra minn hekk, sa fejn il-pożizzjoni tal-Kummissjoni tipprevedi ċirkustanzi fejn ċittadin ta’ pajjiż terz x’aktarx jaħrab, din is-sitwazzjoni hija indirizzata bl-ewwel raġuni fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn (kif iddefinit fl-Artikolu 3(7)).

76.

Il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi wkoll jekk l-intenzjoni tal-persuna kkonċernata tistax titqies li hija fattur rilevanti. Jidhirli li bħala prinċipju għandu jkun hekk, billi jekk il-persuna kkonċernata x’aktarx issir reċidiva jew ser twettaq reat iktar gravi huwa b’mod ċar fattur rilevanti. Jista’ jkun li l-kwistjoni dwar l-intenzjoni tressqet hawnhekk espressament peress illi Z. Zh. ma kellux l-intenzjoni li jissoġġorna fil-Pajjiżi l-Baxxi meta twaqqaf mill-awtoritajiet Olandiżi intranżitu lejn il-Kanada. Il-fatt li ma kellux l-intenzjoni li jissoġġorna fil-Pajjiż l-Baxxi huwa irrilevanti għal jekk issoġġornax illegalment għall-finijiet tad-Direttiva tar-Ritorn ( 83 ). Iżda, l-intenzjoni tiegħu hija rilevanti għall-evalwazzjoni dwar jekk ir-reat li wettaq ta’ vjaġġar b’dokument falz jikkostitwixxix tfixkil għall-ordni pubbliku u jekk huwiex ta’ theddia għall-ordni pubbliku fil-Pajjiż l-Baxxi. Il-piż applikat għall-intenzjonijiet ta’ Z. Zh. huwa kwistjoni għall-awtoritajiet nazzjonali, suġġett għal stħarriġ tal-qorti nazzjonali. Flimkien mal-fatturi l-oħra (elenkati fil-punti 71 u 74 iktar ’il fuq) l-intenzjonijiet tal-individwu ma jistgħux jitqiesu li huma determinanti. Infatti, f’dak ir-rigward jidhirli li fir-rigward ta’ persuna li qed tivjaġġa b’dokument falz li ma għandux l-intenzjoni li joqgħod fil-pajjiż ikkonċernat, il-grad ta’ tfixkil u n-natura tat-theddida lill-ordni pubbliku huwa b’mod sinjifikattiv inqas ċar mill-każ ta’ persuna li pprovdiet dokumenti foloz lil gruppi kriminali involuti fit-traffikar tal-bnedmin. Dan tal-aħħar huwa reat iktar serju li għandu implikazzjonijiet ċari għall-interess tal-ordni pubbliku.

77.

Dawk il-fatturi huma daqstant rilevanti fir-rigward ta’ suspett li jkun wettaq reat. Huwa wkoll importanti li titqies il-bażi għal dak is-suspett. Għalhekk, pereżempju, is-sitwazzjoni ta’ persuna arrestata talli wettqet attakk vjolenti fejn il-proċess kriminali jiġi abbandunat peress illi l-vittma (l-unika xhud) tirrifjuta li tixhed tkun differenti minn dik ta’ individwu li huwa akkużat li jkun wettaq serq mhux aggravat li ma ġiex investigat mill-pulizija, iżda huwa xorta waħda nġieb għall-attenzjoni tal-awtoritajiet tal-immigrazzjoni. Fl-ewwel sitwazzjoni hemm raġunijiet biżżejjed għall-Istat sabiex jibda prosekuzzjoni li timplika li hemm interess ta’ ordni pubbliku. It-tieni xenarju huwa ta’ sempliċi allegazzjoni li fiha nfisha mhux neċessarjament turi li hemm interess ta’ ordni pubbliku.

78.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li wara ċ-Ċirkolari tad-9 ta’ Frar 2012 il-politika tal-Pajjiżi l-Baxxi hija li kull suspett jew kundanna għal reat skont id-dritt nazzjonali jikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku għall-finijiet ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ( 84 ). Dik iċ-ċirkolari hija posterjuri għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, fis-seduta l-Gvern Olandiż ikkonferma li l-kontenut taċ-ċirkolari preċedenti li kien hemm fiż-żmien rilevanti kienet bejn wieħed u l-ieħor l-istess bħal dak taċ-Ċirkolari tad-9 ta’ Frar 2012. Il-Gvern Olandiż stqarr li għalkemm iċ-ċirkolari ma kinitx legalment vinkolanti, il-prattika standard kienet li l-awtoritajiet nazzjonali jassumu li theddida għall-ordni pubbliku kienet teżisti f’każijiet bħal dawk ta’ Z. Zh. u ta’ O. u li jiġi rrifjutat li jingħata perijodu għal tluq volontarju peress illi l-persuna kkonċernata kellha kundanna kriminali jew kienet issuspettata li wettqet reat. Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kien imbagħad ikun informat u mogħti l-opportunità sabiex jindika jekk iċ-ċirkustanzi individwali personali tiegħu kinux tali li xorta waħda kellu jingħata perijodu ta’ tluq volontarju (awtomatikament ta’ 28 ġurnata) minħabba li tali perijodu kien meħtieġ għal raġunijiet relatati ma’, pereżempju, is-saħħa jew il-ħajja familjari (ara Artikolu 5 tad-Direttiva tar-Ritorn).

79.

Għalkemm is-sistema Olandiża mhix inkwistjoni fil-proċeduri odjerni (din ma hijiex proċedura ta’ ksur), nosserva f’ġieħ l-ordni tajba li tali politika jidhirli li hija inkompatibbli mad-Direttiva tar-Ritorn għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, l-iskema tal-Artikolu 7 hija li din tikkonferixxi għal tluq volontarju (Artikolu 7(1)) u tippermetti deroga minn dak id-dritt biss f’ċirkustanzi partikolari (Artikolu 7(4)). It-tieni nett, il-kliem tad-direttiva jindikaw espressament li evalwazzjoni ta’ każ b’każ (iktar milli l-applikazzjoni ta’ regoli ġenerali, bħal jekk ikun hemm suspett jew kundanna ta’ reat) hija meħtieġa sabiex tiskatta d-deroga ta’ ordni pubbliku fl-Artikolu 7(4) ( 85 ). It-tielet nett, is-sistema Olandiża kif imfissra mill-qorti tar-rinviju hija kkaratterizzata bi preżunzjoni kontra t-tluq volontarju fejn il-persuna kkonċernata hija kkundannata jew issuspettata li wettqet reat. Ma hemm xejn fit-test tad-Direttiva tar-Ritorn li jappoġġa din il-preżunzjoni.

80.

Barra minn hekk, id-Direttiva tar-Ritorn tistabbilixxi standards u proċeduri komuni (premessa 2 u l-Artikolu 1) li għandhom ikunu applikati minn kull Stat Membru għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment. L-Istati Membri jistgħu għalhekk jidderogaw biss minn dawn l-istandards u proċeduri meta jixtiequ japplikaw standards iktar dispożizzjonijiet iktar favorevoli skont l-Artikolu 4. Id-direttiva ma tippermettix l-Istati Membri sabiex japplikaw standards iktar stretti fl-isfera li din tirregola ( 86 ).

81.

Jidher li fid-dawl ta’ dawn il-kummenti, li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom juru, lil hinn mill-fatt li Z. Zh. ġie kkundannat li vvjaġġa b’dokument falz, għaliex huma ġġustifikati li jinvokaw l-Artikolu 7(4). B’liema mod għandu jiġi tenut li l-aġir tiegħu jikkostitwixxi tfixkil tal-ordni pubbliku u għalfejn għandu jitqies li huwa ta’ theddida? O., mill-banda l-oħra, huwa ssuspettat li wettaq att ta’ vjolenza domestika — ukoll reat. F’dan il-każ l-awtoritajiet nazzjonali għandhom juru b’liema mod huwa aġixxa kontra l-ordni pubbliku. Huma għandhom juru bażi soda għas-suspett, li għadu jkun distint minn sempliċi allegazzjoni. Permezz ta’ dan huma għandhom bżonn li jistabbilixxu n-natura tal-ordni pubbliku tar-reat: pereżempju, jekk hemm tħassib li ser iwettaq iktar reati simili.

82.

Bħala konklużjoni, meta jkun evalwat jekk hemm theddida għall-ordni pubbliku għall-finijiet tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn, deċiżjonijiet ma għandhomx jittieħdu biss fuq il-bażi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat huwa ssuspettat jew instab ħati li wettaq reat. Fatturi oħra, bħas-serjetà jew it-tip ta’ reat taħt id-dritt nazzjonali, iż-żmien li jkun għadda minn meta r-reat twettaq, l-intenzjoni tal-persuna kkonċernata u l-grad ta’ involviment fit-twettiq tar-reat huma rilevanti għal kull evalwazzjoni. Fejn il-bażi għall-invokar tad-deroga fl-Artikolu 7(4) huwa suspett li jkun wettaq xi reat, ir-raġunijiet li fuqhom dak is-suspett ġie bbażat huma rilevanti għall-evalwazzjoni. L-evalwazzjoni għandha ssir skont kull każ individwali.

It-tielet domanda

83.

Fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jitqies li jkun ta’ theddida għall-ordni pubbliku għall-finijiet tal-Artikolu 7(4), il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar jekk il-fatturi li huma meħuda inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ din it-theddida humiex ukoll rilevanti sabiex ikun deċiż jekk il-persuna għandhiex tingħata perijodu iqsar minn sebat ijiem sabiex titlaq volontarjament jew ma tingħata ebda perijodu.

84.

Il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettiet li f’dawk iċ-ċirkustanzi d-Direttiva tar-Ritorn tippermetti lill-Istati Membri sabiex jiddeċiedu bejn żewġ sitwazzjonijiet alternattivi: (i) li jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem jew (ii) li jirrifjutaw li jagħtu xi perijodu ta’ żmien għal tluq volontarju. Għalhekk, l-Istati Membri ma humiex obbligati li japplikaw regola li tkopri kemm it-tkeċċija immedjata u tluq f’perijodu ta’ żmien ta’ bejn ġurnata u sitt ijiem. Il-Pajjiżi l-Baxxi ma tapplikax tali skala: hija ma tagħtix xi perijodu ta’ tluq volontarju fejn huwa applikabbli l-Artikolu 7(4). Il-Gvern Olandiż jispjega li huwa jqis li l-approċċ tiegħu jevita inċertezza peress illi huwa ċar li ebda perijodu għal tluq volontarju ma huwa ser jingħata. Dan għalhekk inaqqas il-piżijiet fuq l-awtoritajiet eżekuttivi u ġudizzjarji li ma humiex obbligati li jagħmlu evalwazzjoni jekk perijodu iqsar minn sebat ijiem ikunx xieraq f’xi każ partikolari. Bħala eċċezzjoni, fejn iċ-ċirkustanzi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz huma tali li l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 5 tad-Direttiva tar-Ritorn japplikaw (fuq il-bażi ta’ ħajja familjari jew tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata), perijodu itwal fiss (28 ġurnata) jista’ u huwa konċess.

85.

L-Istati Membri kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet fir-rigward tat-tielet domanda ssottomettew li l-evalwazzjoni dwar jekk l-individwu kkonċernat għandux jitkeċċa minnufih jew jingħata minn jum sa sitt ijiem żmien għal tluq volontarju taqa’ fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru kkonċernat; u li l-fatturi rilevanti fl-evalwazzjoni ta’ jekk l-interess tal-ordni pubbliku huwiex ipperikolat huma daqstant rilevanti fid-determinazzjoni ta’ jekk għandux jingħata inqas minn sebat ijiem sabiex jagħmel tluq volontarju jew li jitneħħa immedjatament.

86.

Jidhirli li l-għanijiet tal-Artikolu 7(4) jinkludu li jippermettu lill-Istati Membri li jirritornaw ta’ malajr ċertu ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fejn l-interess tal-ordni pubbliku hekk jirrikjedi. Hemm għalhekk korrelazzjoni bejn it-theddida għall-interess tal-ordni pubbliku u l-ħtieġa li jsir ritorn ta’ malajr. Għalhekk, ir-risposta qasira għat-tielet Domanda hija “iva”: il-fatturi rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ jekk hemmx theddida għall-ordni pubbliku huma rilevanti wkoll sabiex ikun iddeterminat jekk perijodu ta’ inqas minn sebat ijiem għandu jingħata f’każ partikolari.

87.

Iżda, ma naqbilx mal-pożizzjoni tal-Gvern Olandiż, fir-rigward tad-domanda impliċita li tikkonċerna t-tifsir tal-kliem fl-Artikolu 7(4) “[...] L-Istati Membri jistgħu jżommu lura milli jagħtu perjodu ta’ tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perjodu inqas minn sebat ijiem”. Jiena nqis li interpretazzjoni tal-Artikolu 7(4) li tippermetti Stat Membru li jwettaq tkeċċija awtomatika minnufih jekk tapplika d-deroga tal-ordni pubbliku, hija inkompatibbli mad-Direttiva tar-Ritorn.

88.

Interpretazzjoni li hija konsistenti mal-għanijiet u mal-iskema tad-Direttiva tar-Ritorn tirrikjedi, pjuttost, li evalwazzjoni ta’ każ b’każ għandha ssir f’kull każ dwar jekk tneħħija immedjata hijiex xierqa jew jekk ġurnata sa sitt ijiem għandhiex jew għandhomx jingħataw għal tluq volontarju ( 87 ).

89.

Il-kliem tad-Direttiva tar-Ritorn jaqblu ma’ dak l-approċċ iktar sottili. Deċiżjonijiet meħuda skont id-Direttiva għandhom ikunu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u abbażi ta’ kriterji oġġettivi ( 88 ). Ir-ritorn volontarju għandu jkun ippreferut iktar milli r-ritorn bil-forza u għandu jingħata żmien għal tluq volontarju ( 89 ).

90.

Barra minn hekk, skont id-Direttiva tar-Ritorn, projbizzjoni ta’ dħul għandha fil-prinċipju tkun maħruġa jekk ebda perijodu ta’ tluq volontarju ma jkun ingħata ( 90 ). Il-ħruġ ta’ projbizzjoni ta’ dħul għandu konsegwenzi importanti għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Dan jindika li t-theddida għall-interessi ta’ ordni pubbliku li huwa jirrappreżenta hija waħda sinjifikattiva u din tagħti bidu għas-sistema ta’ twissija ta’ Schengen fis-SIS ( 91 ). Din tfisser ukoll li s-salvagwardji qabel ma jkun hemm ir-ritorn stabbiliti fl-Artikolu 14 tad-direttiva, inkluż li tinżamm l-għaqda mal-membri tal-familja preżenti fl-Istat Membru kkonċernat u l-kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali ta’ mard, huma pperikolati.

91.

Hija ġurisprudenza stabbilita li meta jiġu adottati miżuri sabiex tiġi implementata leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom konformement mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni inkluż il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 92 ). Fil-kuntest tad-Direttiva tar-Ritorn, dak il-prinċipju jirrikjedi li meta qed ikun ristrett id-dritt ta’ tluq volontarju, il-miżura l-inqas restrittiva għandha tittieħed skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.

92.

Id-Direttiva tar-Ritorn tipprovdi li fejn ċittadin ta’ pajjiż terz jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 7(4) l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jagħti perijodu ta’ inqas minn sebat ijiem ta’ tluq volontarju bħala eċċezzjoni għall-Artikolu 7(1) (li jipprovdi għal perijodu ta’ tluq volontarju ta’ bejn seba’ u tletin ġurnata) u, fejn huwa xieraq, ma jingħata ebda perijodu ta’ tluq volontarju. Jien ma naqbilx mal-osservazzjoni tal-qorti tar-rinviju li ż-żamma lura ta’ konċessjoni ta’ perijodu għal tluq volontarju hija l-miżura l-inqas restrittiva. Għal kuntrarju: fejn l-Istat Membru japplika politika fejn iżomm lura milli jagħti tali perijodu f’kull każ, dan ma jkunx qed japplika l-miżura l-inqas restrittiva. Billi l-każijiet kollha huma suġġetti għall-istess regola ġenerali, ma hemmx proċess ta’ evalwazzjoni individwali. Dik il-pożizzjoni ma tidhirlix li hija skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

93.

Inżid ngħid li ma naċċettax l-argument imressaq mill-Pajjiż l-Baxxi li l-pożizzjoni tagħha tevita milli tqiegħed piżijiet fuq il-korpi eżekuttivi u ġudizzjarji. Li wieħed ifittex li jnaqqas inkonvenjenza amministrattiva ma hijiex raġuni valida sabiex wieħed jevita milli jevalwa l-każijiet skont is-sistema iktar sottili meħtieġa skont id-direttiva ( 93 ).

94.

Fejn ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tar-Ritorn, l-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkluż il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Meta jiġi ddeterminat jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tingħata inqas minn sebat ijiem għal tluq volontarju jew titkeċċiex minnufih, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi meqjusa fl-evalwazzjoni dwar jekk il-persuna kkonċernata hijiex ta’ tali theddida għall-ordni pubbliku. Fid-determinazzjoni dwar jekk għandux jingħata perijodu mqassar għal tluq volontarju skont l-Artikolu 7(4), huwa awtomatikament inkompatibbli ma’ dik id-direttiva li jiġi deċiż li ma jingħata ebda żmien għal tluq volontarju f’kull każ, anki jekk perijodu ta’ bejn ġurnata u sitt ijiem għal tluq volontarju jista’ jkun xieraq fiċ-ċirkustanzi ta’ każ individwali.

Konklużjoni

95.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

Sabiex tapplika d-deroga għar-regola ġenerali fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment, li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment għandhom jingħataw perijodu ta’ bejn seba’ u tletin ġurnata għal tluq volontarju, ir-“riskju” jew theddida għall-ordni pubbliku fit-tifsira tad-deroga fl-Artikolu 7(4) għandu jkun identifikabbli mill-Istat Membru kkonċernat. Il-portata ta’ din id-deroga hija kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni. Gwida ġenerali dwar it-tifsir tat-terminu ordni pubbliku jista’ jinkiseb mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jinsab band’oħra fuq dak il-kunċett tenut kont tal-kliem, tal-għanijiet, tal-iskema u tal-kuntest tad-Direttiva 2008/115. Sabiex jiġi stabbilit jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna f’pajjiż illegalment huwiex ta’ theddida għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jagħmlu evalwazzjoni każ b’każ f’kull istanza sabiex ikun iddeterminat l-interess ta’ ordni pubbliku li huma qed ifittxu li jipproteġu. L-obbligu huwa fuq dawk l-awtoritajiet sabiex iressqu raġunijiet li jiġġustifikaw l-użu tal-Artikolu 7(4). F’dak ir-rigward huma għandhom juru li l-persuna kkonċernata: (i) aġixxiet kontra l-ordni pubbliku u (ii) hija ta’ theddida għall-ordni pubbliku. F’ċirkustanzi xierqa, suspett raġonevoli li l-persuna kkonċernata wettqet reat huwa biżżejjed sabiex tiġi invokata l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku fl-Artikolu 7(4). Fejn ikun hemm kundanna, ma hemmx bżonn li din tkun waħda finali u res judicata.

Meta qed ikun evalwat jekk hemm theddida għall-ordni pubbliku għall-finijiet tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115, deċiżjonijiet ma għandhomx jittieħdu biss fuq il-bażi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat huwa ssuspettat jew instab ħati li wettaq reat. Fatturi oħra, bħas-serjetà jew in-natura tar-reat skont id-dritt nazzjonali, iż-żmien li jkun għadda minn meta r-reat twettaq u l-intenzjoni tal-persuna kkonċernata u l-grad ta’ involviment fit-twettiq tar-reat huma rilevanti f’kull evalwazzjoni. Fejn il-bażi għall-invokazzjoni tad-deroga fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 huwa s-suspett li jkun sar reat ir-raġunijiet li għalihom dak is-suspett huwa bbażat huma rilevanti għall-evalwazzjoni.

Fejn ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida għall-ordni pubbliku skont it-tifsira tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 Stati Membri għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkluż il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Meta qed ikun iddeterminat jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tingħata inqas minn sebat ijiem għal tluq volontarju jew għandux jitkeċċa minnufih, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi meqjusa fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-persuna kkonċernata tkunx ta’ theddida għall-ordni pubbliku. Meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk għandux jingħata perijodu mnaqqas għal tluq volontarju skont l-Artikolu 7(4) huwa inkompatibbli ma’ dik id-direttiva li jkun deċiż awtomatikament li ma jingħata ebda perijodu għal tluq volontarju f’kull każ, anki jekk il-perijodu ta’ bejn ġurnata u sitt ijiem għal tluq volontarju jista’ jkun xieraq fiċ-ċirkustanzi ta’ każ individwali.


( 1 )   Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 )   Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (“id-Direttiva tar-Ritorn”) (ĠU 2008 L 348, p. 98).

( 3 )   Ara l-punti 13 u 33 iktar ’il quddiem.

( 4 )   Ftehim bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni (ĠU 2000 L 239, p. 13).

( 5 )   Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni (ĠU 2000 L 239, p. 19) (iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Implimentazzjoni”).

( 6 )   Iktar ’il quddiem ser nuża t-terminu “ċittadin ta’ pajjiż terz” bħala sinonimu għal “aljen” billi l-kelma “aljen” ma hija użata f’ebda leġiżlazzjoni li hija meqjusa hawnhekk.

( 7 )   Artikolu 5(2).

( 8 )   Artikolu 6(1).

( 9 )   Artikolu 6(2).

( 10 )   Artikolu 93.

( 11 )   Artikolu 96(1).

( 12 )   Artikolu 96(2).

( 13 )   Artikolu 96(2)(a) u (b).

( 14 )   Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, p. 1), reċentement rivedut permezz tar-Regolament (UE) Nru 1051/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU L 295, p. 1). Għalkemm il-Gvern Olandiż għamel riferiment għal emendi sussegwenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, jiena ma inkludejthomx hawnhekk billi ma humiex rilevanti peress li daħlu fis-seħħ wara l-perijodu materjali fil-kawża prinċipali.

( 15 )   Artikolu 2(7).

( 16 )   Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, p. 77) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva taċ-Ċittadinanza”).

( 17 )   Artikolu 1 u premessa 24.

( 18 )   Premessa 1.

( 19 )   Premessa 2.

( 20 )   Premessa 4.

( 21 )   Premessa 5.

( 22 )   Premessa 6.

( 23 )   Premessa 8.

( 24 )   Premessa 10.

( 25 )   Premessa 14.

( 26 )   Premessa 18. F’din il-premessa, il-leġiżlatur jirreferi għall-emenda sussegwenti għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 iktar ’il fuq).

( 27 )   L-Artikolu 2(1).

( 28 )   L-Artikolu 2(3): ara l-punt 5 iktar ’il fuq. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-Direttiva tar-Ritorn għal dawk il-kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi elenkati fl-Artikolu 2(2).

( 29 )   Artikolu 4.

( 30 )   Dak l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 6(2) sa (5).

( 31 )   Artikolu 11(1).

( 32 )   Artikolu 11(2).

( 33 )   Artikolu 61(1) moqri flimkien mal-Artikolu 62(2).

( 34 )   Skont id-digriet tar-rinviju deċizjoni li tnaqqas il-perijodu ta’ tluq tittieħed mill-iStaatssecretaris. Iżda, nifhem mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Vw 2000 jirreferu għall-Ministru f’dan ir-rigward.

( 35 )   Iċ-Ċirkolari tiddikjara wkoll li l-aċċettazzjoni ta’ “tranżazzjoni” fir-rigward ta’ reat titqies li tikkostitwixxi riskju għall-politika pubblika. Nifhem li “tranżazzjoni”, een schikking jew een transactie fit-test Olandiż li hija fin-natura ta’ ftehim sabiex il-kwistjoni tiġi tranżatta, fil-kuntest ta’ prosekuzzjoni, barra mis-sistema ġudizzjarja.

( 36 )   Tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva dwar Residenti Għat-Tul”).

( 37 )   Tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja”).

( 38 )   Jidher li Z. Zh. diġà istitwixxa dawn il-proċeduri; O. għad għandu jiddeċiedi jagħmilx hekk ukoll.

( 39 )   Sentenzi Van Duyn (41/74, EU:C:1974:133, punt 18); Rutili (36/75, EU:C:1975:137, punti 26 et seq); u Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punti 33 et seq).

( 40 )   Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:322, punt 60).

( 41 )   Din il-varjazzjoni lingwistika tippersisti f’numru ta’ atti ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, inklużi dawk imsemmija espressament mill-qorti tar-rinviju (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

( 42 )   Iffirmat Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

( 43 )   Ara l-Artikolu 6(1) li jipprovdi li l-istampa tista’ tkun eskluża mill-proċeduri ġudizzjarji kollha jew parti minnhom fl-interess tal-ordni pubbliku mingħajr ma tippreġudika d-dritt ta’ smigħ xieraq; l-Artikolu 9(2), li jipprovdi li l-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu huwa suġġett għal limitazzjonijiet fl-interessi tal-ordni pubbliku; u l-Artikolu 1(2) tal-Protokol Nru 7, li jipprovdi li ċertu salvagwardji proċedurali għal aljeni (ċittadini ta’ pajjiżi terzi) fir-rigward ta’ tkeċċija ma japplikawx fejn it-tkeċċija hija meħtieġa u fl-interessi tal-ordni pubbliku.

( 44 )   Sentenza fil-Kawża C‑100/01, EU:C:2002:712.

( 45 )   Sentenza Van Duyn vs Home Office (EU:C:1974:133).

( 46 )   Sentenza Van Duyn (EU:C:1974:133, punt 18); ara wkoll is-sentenza Shingara u Radiom (C‑65/95 u C‑111/95, EU:C:1997:300, punti 13 u 27).

( 47 )   Kien hemm 22 lingwa uffiċjali meta d-Direttiva tar-Ritorn ġiet adottata.

( 48 )   Ara Artikolu 6a (li sussegwentement sar Artikolu 7 tad-Direttiva tar-Ritorn) tad-dokument tal-Kunsill 7774/08, tal-25 ta’ Marzu 2008, 2005/0167 (COD).

( 49 )   Sentenza Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 19).

( 50 )   Sentenza I. (C‑348/09, EU:C:2012:300, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 )   Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Tsakouridis, EU:C:2010:322, punt 68).

( 52 )   Sentenza Bouchereau (EU:C:1977:172, punt 35). Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bouchereau, fil-paġni 2024 sa 2026 (EU:C:1977:141), l-Avukat Ġenerali Warner għamel distinzjoni bejn it-termini “public policy” (“ordre public” f’dak li kien dakinhar id-dritt Komunitarju) u l-kunċett fil-common law ta’ “public order”. Huwa spjega li ordni pubbliku huwa kunċett magħruf kemm fis-sistemi ċivili u dawk ta’ common law. B’mod partikolari, huwa magħruf fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-ażil. Huwa jiddikjara li dan jikkorrispondi bl-Ingliż għall-kunċett tal-“public good” [“ġid pubbliku”]. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-kunċett ta’ ordni pubbliku jinkludi, inter alia, il-prevenzjoni ta’ vjolenza fiċ-ċentri urbani kbar (sentenza Bonsignore, 67/74, EU:C:1975:34); il-projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ vetturi misruqa (sentenza Boscher, C‑239/90, EU:C:1991:180); protezzjoni tad-dritt ta’ muniti denominati (sentenza Thompson et al, 7/78, EU:C:1978:209); rispett għad-dinjità umana (sentenza Omega, C‑36/02, EU:C:2004:614); u l-ġustifikazzjoni ta’ miżuri li jidderogaw mid-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadini ta’ Stat Membru (sentenza Aladzhov, C‑434/10, EU:C:2011:750).

( 53 )   Ara Artikolu 11(2) tad-Direttiva tar-Ritorn, fejn il-kelma “theddida” hija użata.

( 54 )   It-testi biċ-Ċek, bl-Olandiż, bil-Franċiż, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Pollakk, bir-Rumen, bis-Sloven u bl-Isvediż.

( 55 )   It-testi bil-Bulgaru, bid-Daniż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bil-Finlandiż, bil-Malti, bil-Portugiż, bis-Slovakk u bl-Ispanjol.

( 56 )   Sentenza Dirk Endendijk (C‑187/07, EU:C:2008:197, punti 22 sa 24 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, iktar reċentement, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi magħquda Bero u Bouzalmate (C‑473 u C‑514/13, EU:C:2014:295, punt 75.

( 57 )   Nota għall-iskopijiet ta’ traduzzjoni: it-termini “riskju”, “perikolu” u “theddida” jinsabu għaldaqstant fit-test Ingliż ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 )   Ara, pereżempju l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 iktar ’il fuq, u ara s-sentenza Bero u Bouzalmate (C‑473/13 u C‑514/13, EU:C:2014:2095, punt 25).

( 59 )   Ara l-punt 34 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 50 iktar ’il fuq.

( 60 )   Ara wkoll, sentenza Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 25).

( 61 )   L-Artikolu 28(1) jipprovdi li qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba, inter alia, raġunijiet ta’ ordni pubbliku l-Istat Membru ospitanti għandu jqis il-kunsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza tal-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-integrazzjoni soċjali u kulturali f’dak l-Istat Membru u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini. Fejn il-persuna kkonċernata tgawdi mid-dritt ta’ residenza permanenti, deċiżjoni ta’ tkeċċija ma tistax tingħata skont l-Artikolu 28(2) ħlief fuq, inter alia, raġunijiet serji ta’ ordni pubbliku.

( 62 )   Premessa 4 fil-preambolu tad-Direttiva dwar Residenti għat-Tul u Artikoli 1, 3 u 4 ta’ dak l-att.

( 63 )   It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1); u ara wkoll, il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar Residenti għat-Tul.

( 64 )   L-Istati Membri jistgħu jittrattaw kundanna preċedenti għal delitt bħala raġuni biżżejjed sabiex il-persuna kkonċernata titqies li tippreżenta theddida għal, inter alia, ordni pubbliku. Dawn jistgħu jagħtu deċiżjoni ta’ tkeċċija fejn dik il-persuna hija ta’ theddida serja attwali u biżżejjed (Artikolu 12(1)). L-Istati Membri, qabel ma jagħtu deċiżjoni ta’ tkeċċija, għandhom iqisu l-fatturi elenkati fl-Artikolu 12(3), inkluż it-tul ta’ żmien tar-residenza, l-età, il-konsegwenzi għall-persuna u għall-familja tiegħu, ir-rabtiet mal-pajjiż ta’ residenza jew in-nuqqas ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini.

( 65 )   L-Artikoli 1, 2(c) u 3 tad-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja. Id-Direttiva tipprovdi, b’mod partikolari, sabiex tiżgura trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-Unjoni Ewropea u tieħu kont li l-għan ta’ integrazzjoni iktar enerġetika għandha l-għan li dawn il-persuni jingħataw drittijiet u obbligi li jkunu komparabbli ma’ dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni.

( 66 )   Il-kunċett ta’ ordni pubbliku jinkludi kundanna għat-twettiq ta’ reat serju, fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni jappartjeni lil assoċjazzjoni li tappoġġa t-terroriżmu, jappoġġa tali assoċjazzjoni jew għandu aspirazzjonijiet estremisti. Ara l-premessa 14 fil-preambolu tad-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) dwar it-teħid jew ir-rifjut li jiġġedded permess ta’ residenza u ara wkoll, l-Artikolu 17.

( 67 )   Ara l-punti 50 sa 52 iktar ’il fuq.

( 68 )   Sentenza Brouwer (C‑355/11, EU:C:2012:353, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 69 )   Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010 C 83, p. 389). B’mod evidenti, dawn ma jgawdux mid-drittijiet speċifiċi li jinsabu fit-Titolu V ta’ dik il-Karta, magħrufa bħala “drittijiet taċ-ċittadini”, bħad-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

( 70 )   Sentenza Royer (48/75, EU:C:1976:57, punt 46).

( 71 )   Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 70 iktar ’il fuq.

( 72 )   Tal-25 ta’ Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali li jikkonċernaw il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġustifikati għar-raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 11).

( 73 )   Ara l-Artiklu 7(2).

( 74 )   Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża I. (C‑348/09, EU:C:2012:123, punti 36 u 37).

( 75 )   Ara, b’analoġija, is-sentenza Bouchereau (EU:C:1977:172, punt 27).

( 76 )   Ara l-punti 44 u 60 iktar ’il fuq.

( 77 )   Fis-seduta ta’ smigħ il-Gvern Olandiż spjega li waqt li talbiet għall-ażil qegħdin ikunu proċessati, ma jittiħdux proċeduri kontra l-individwu kkonċernat għal soġġorn illegali. Ara wkoll is-sentenza Arslan (EU:C:2013:343, punt 49).

( 78 )   Skont id-Direttiva tar-Ritorn, Stati Membri għandhom jirritornaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tagħhom skont l-Artikolu 1. Fejn perijodu għal tluq volontarju ngħata iżda r-ritorn ma jkunx sar, l-Istati Membri għandhom jieħdu passi sabiex jeżegwixxu d-deċiżjoni skont l-Artikolu 8(1).

( 79 )   Ara l-punti 3 u 4 iktar ’il fuq.

( 80 )   Hemm riferiment espress għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tar-Ritorn u għas-sistema SIS fil-premessa 18 tal-preambolu kif ukoll riferiment iktar ġenerali għas-sistema Schengen fil-premessa 14. Dawn ir-riferimenti jindikaw li l-acquis ta’ Schengen jifforma parti mill-kuntest leġiżlattiv rilevanti għall-interpretazzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn.

( 81 )   Ara l-punt 4 iktar ’il fuq.

( 82 )   Nifhem li l-Kummissjoni setgħet kienet qed tirreferi għaċ-ċirkustanzi fejn ċittadin ta’ pajjiż terz ma jaħrabx neċessarjament iżda jirrifjuta li jitlaq mingħajr ma tinħareġ deċiżjoni ta’ tneħħija skont l-Artikolu 8.

( 83 )   Ara l-punti 9 u 25 iktar ’il fuq.

( 84 )   Ara l-punt 18 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 34. Il-kwistjoni ta’ “tranżazzjoni” ma tqumx fil-kawża prinċipali.

( 85 )   Ara l-premessa 6 fil-preambolu tad-Direttiva tar-Ritorn. Ara wkoll is-sentenza Royer (EU:C:1976:57, punt 46).

( 86 )   Sentenza El Dridi (EU:C:2011:268, punti 31 sa 33).

( 87 )   Il-perijodu normali minimu għal tluq volontarju skont l-Artikolu 7(1) huwa ta’ sebat ijiem.

( 88 )   Ara l-premessa 6 fil-preambolu tad-Direttiva tar-Ritorn u l-punti 44, 60 u 63 iktar ’il fuq.

( 89 )   Ara l-premessa 10 fil-preambolu tad-Direttiva tar-Ritorn. Ara wkoll, is-sentenza El Dridi (EU:C:2011:268, punti 36 u 37).

( 90 )   L-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva tar-Ritorn. Fis-seduta l-Gvern Olandiż spjega li projbizzjoni ta’ dħul ma hijiex applikata awtomatikament fejn ebda perijodu għal tluq volontarju huwa mogħti. Dik il-pożizzjoni tidher li hija inkonsistenti mal-kliem tal-Artikolu 11(1)(a) li hu mandatorju. Huwa minnu li l-Artikolu 4(3) iżomm id-dritt tal-Istati Membri li japplikaw miżuri iktar favorevoli sakemm ikunu kompatibbli mad-direttiva. Iżda, il-politika tal-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward ta’ projbizzjonijiet ta’ dħul ma tidhirx li hija konsistenti mad-Direttiva sa fejn l-għan huwa li jkun żgurat li deċiżjonijiet ta’ ritorn u projbizzjonijiet ta’ dħul għandhom dimensjoni mifruxa mal-Unjoni Ewropea, li jipprojbixxu soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri kollha (ara l-Artikolu 11(1)(a) moqri fid-dawl tal-premessa 14).

( 91 )   Ara l-punt 4 iktar ’il fuq.

( 92 )   Sentenza Cypra (C‑402/13, EU:C:2014:2333, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll l-premessa 6 fil-preambolu tad-Direttiva tar-ritorn u r-riferenza għal deċiżjonijiet mogħtija skont id-direttiva li jkunu skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jinkludu l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ara wkoll s-sentenza El Dridi (EU:C:2011:268, punt 41).

( 93 )   Skont il-ġurisprudenza stabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi diffikultajiet prattiċi jew amministrattivi sabiex jiġġustifika nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tiegħu sabiex jimplementa direttiva. Ara, bħala analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugal (C‑277/13, EU:C:2014:2208, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Top