EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0429

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Ottubru 2014.
Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell ‑ Fond ta’ Koeżjoni ‑ Tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja ‑ Irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi ‑ Adozzjoni tad-deċiżjoni mill-Kummissjoni Ewropea ‑ Nuqqas ta’ osservanza tat-terminu stabbilit ‑ Konsegwenzi.
Kawża C‑429/13 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2310

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

22 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

“Appell — Fond ta’ Koeżjoni — Tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja — Irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi — Adozzjoni tad-deċiżjoni mill-Kummissjoni Ewropea — Nuqqas ta’ osservanza tat-terminu stabbilit — Konsegwenzi”

Fil-Kawża C‑429/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Lulju 2013,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Rubio González, bħala aġent,

rikorrent,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Conte u A. Tokár, bħala aġenti, assistiti minn J. Rivas Andrés, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, A. Borg Barthet u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2014,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑384/10, EU:T:2013:277, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4147, tat-30 ta’ Ġunju 2010, li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja tal-Fond ta’ Koeżjoni għal dawn il-(gruppi ta’) proġetti li ġejjin: “Il-provvista tal-ilma għaċ-ċentri residenzjali li jinsabu fil-Baċir Idrografiku tax-Xmara Guadiana: Reġjun ta’ Andévalo” (2000.ES.16.C.PE.133), “Tindif u purifikazzjoni tal-Baċir ta’ Guadalquivir: Guadaira, Aljarafe u EE NN PP tal-Guadalquivir” (2000.ES.16.C.PE 066), “Il-provvista ta’ ilma lil sistemi supramuniċipali tal-provinċji ta’ Granada u ta’ Málaga” (2002.ES.16.C.PE.061) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta’ Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 9) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE), tal-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 73), u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1265/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 78, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1164/94”):

“Il-Fond għandu jipprovdi kontribuzzjonijiet finanzjarji għal proġetti li jikkontribwixxu biex jiġu sodisfatti l-miri stabbiliti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fl-oqsma tal-ambjent u r-rettikolati tal-infrastruttura tat-trasport trans-Ewropej fi Stati Membri li jkollhom prodott gross nazzjonali (PGN) per capita, imkejjel f’paritajiet ta’ poter kontrattwali, ta’ inqas minn (90 %) tal-medja Komunitarja li jkollhom programm li jwassal biex jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet ta’ konverġenza ekonomika msemmija f’Artikolu [126 TFUE].”

3

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1164/94 jistabbilixxi:

“Proġetti finanzjati mill-Fond għandhom ikunu skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, skont l-istrumenti adottati in segwitu tagħhom u skont politiki Komunitarji, inklużi dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni ambjentali, it-trasport, ir-rettikolati trans-Ewropej, il-kompetizzjoni u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.”

4

L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1164/94 huwa redatt kif ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbilità tal-Kummissjoni għall-implementazzjoni ta’ l-estimi tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli l-ewwel nett għall-kontroll finanzjarju tal-proġetti. Għal dak il-għan, il-miżuri li għandhom jieħdu għandhom jinkludu:

[…]

(ċ)

li jiżguraw li l-proġetti huma amministrati skond ir-regoli applikabbli tal-Komunità u li l-fondi impoġġija għad-dispożizzjoni tagħhom jintużaw skond il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba;

[…]”

5

Ir-Regolament Nru 1164/94 kien japplika matul il-perijodu mis-sena 2000 sas-sena 2006. Skont l-Artikolu 1(11) tar-Regolament Nru 1264/1999, ir-Regolament Nru 1164/94 għandu jiġi eżaminat mill-ġdid sal-iktar tard il-31 ta’ Diċembru 2006.

6

Skont l-Artikolu 100, intitolat “Proċedura”, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, p. 25):

“1.   Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura billi tinforma lill-Istat Membru dwar il-konklużjonijiet provviżorji tagħha u titlob lill-Istat Membru jippreżenta l-kummenti tiegħu fi żmien xahrejn.

Fejn il-Kummissjoni tipproponi korrezzjoni finanzjarja abbażi ta’ estrapolazzjoni jew b’rata fissa, l-Istat Membru għandu jingħata l-opportunità li juri, permezz ta’ eżami tad-dokumentazzjoni konċernata, li l-miżura reali ta’ l-irregolarità kienet inqas mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Bi qbil mal-Kummissjoni, l-Istat Membru jista’ jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-eżami għal proporzjon jew kampjun xieraq tad-dokumentazzjoni konċernata. Ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, iż-żmien mogħti għal dan l-eżami m’għandux ikun aktar minn perjodu ieħor ta’ xahrejn wara l-perjodu ta’ xahrejn imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ kwalunkwe prova provduta mill-Istat Membru fil-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Fejn l-Istat Membru ma jaċċettax il-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu jiġi mistieden mill-Kummissjoni għal smigħ, li fih iż-żewġ naħat f’koperazzjoni bbażata fuq is-sħubija għandhom jagħmlu sforz sabiex jilħqu ftehim dwar l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet li għandhom jittieħdu minnhom.

4.   F’każ ta’ ftehim, l-Istat Membru jista’ jerġa’ juża l-fondi Komunitarji konċernati konformement mat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 98(2).

5.   Fin-nuqqas ta’ ftehim, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar il-korrezzjoni finanzjarja fi żmien sitt xhur mid-data tas-smigħ b’kont meħud ta’ l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet kollha preżentati matul il-proċedura. Jekk ma jsir l-ebda smigħ, il-perjodu ta’ sitt xhur għandu jibda jiddekorri xahrejn wara d-data ta’ l-ittra ta’ stedina mibgħuta mill-Kummissjoni.”

7

L-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Dħul fis-seħħ”, jistabbilixxi fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 1 sa 16, 25 sa 28, 32 sa 40, 47 sa 49, 52 sa 54, 56, 58 sa 62, 69 sa 74, 103 sa 105, u 108 għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament biss għal programmi għall-perjodu 2007-2013. Id-dispożizzjonijiet l-oħrajn għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2007.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni inkwistjoni

8

Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 28 sa 57 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

9

Fl-2001 u fl-2002, il-Kummissjoni tat għajnuna mill-Fond ta’ Koeżjoni lill-proġetti jew gruppi ta’ proġetti segwenti:

il-proġett dwar il-provvista tal-ilma għaċ-ċentri residenzjali li jinsabu fil-Baċir Idrografiku tax-Xmara Guadiana: Reġjun ta’ Andévalo (2000.ES.16.C.PE.133) (iktar ’il quddiem, il-“proġett Andévalo”), li għalih l-ispiża pubblika ammissibbli kienet iffissata għas-somma ta’ EUR 11 419 216 u l-għajnuna finanzjarja mill-Fond ta’ Koeżjoni tammonta għal EUR 9 135 373;

il-grupp ta’ proġetti dwar it-Tindif u purifikazzjoni tal-Baċir ta’ Guadalquivir: Guadaira, Aljarafe u EE NN PP tal-Guadalquivir” (2000.ES.16.C.PE.066 ) (iktar ’il quddiem, il-“grupp ta’ proġetti Guadalquivir”), li għalih l-ispiża pubblika ammissibbli kienet iffissata għas-somma ta’ EUR 40 430 000 u l-għajnuna finanzjarja tal-Fond ta’ Koeżjoni tammonta għal EUR 32 079 293; u

il-grupp ta’ proġetti dwar il-provvista ta’ ilma lil sistemi supramuniċipali tal-provinċji ta’ Granada u ta’ Málaga (2002.ES.16.C.PE.061) (iktar ’il quddiem, il-“grupp ta’ proġetti Granada u Málaga”), li għalih l-ispiża pubblika ammissibbli kienet iffissata għas-somma ta’ EUR 22 406 817 u l-għajnuna finanzjarja tal-Fond ta’ Koeżjoni tammonta għal EUR 17 925 453.

10

Il-kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea għall-proġetti inkwistjoni kien għalhekk jirrappreżenta 80 % tal-ispiża totali tal-għajnuna pubblika jew tal-ammont ekwivalenti ammissibbli.

11

L-organu responsabbli għall-implementazzjoni tal-proġett Andévalo kif ukoll tal-proġetti Granada u Málaga kien id-direttorat ġenerali tax-xogħlijiet idrawliċi tal-Komunità awtonoma ta’ Andalucía (Dirección General de Obras Hidráulicas de la Junta de Andalucía). L-implementazzjoni tal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir kienet taqa’ taħt l-Aġenzija Andaluża tal-ilma tad-Dipartiment tal-Ambjent tal-Komunità awtonoma ta’ Andalucía (Agencia Andaluza del Agua de la Consejería de Medio Ambiente de la Junta de Andalucía). Dawn iż-żewġ organi ddelegaw din l-implementazzjoni lill-impriża pubblika Gestión de Infraestructuras de Andalucía S.A. (amministrazzjoni tal-infrastrutturi ta’ Andalucía S.A.).

12

Bejn is-sena 2004 u s-sena 2006, is-servizzi tal-Kummissjoni, assistiti b’kumpannija ta’ awditu esterna, wettqu missjonijiet ta’ awditu tal-proġetti jew tal-gruppi ta’ proġetti inkwistjoni. Il-Kummissjoni bagħtet id-diversi rapporti ta’ awditu lill-awtoritajiet Spanjoli. Dawn ir-rapporti kienu jsemmu ċerti irregolaritajiet f’kull wieħed minn dawn il-proġetti jew gruppi ta’ proġetti li kienu jirrigwardaw il-ksur tar-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u, b’mod partikolari, id-diviżjoni ta’ dawn il-kuntratti kif ukoll l-assenza ta’ pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

13

B’ittra tad-9 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Spanjoli li dawn l-irregolaritajiet kienu tqiesu li seħħew, billi indikat l-intenzjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ sospensjoni tal-pagamenti intermedjarji u l-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji rilevanti skont ir-Regolament Nru 1164/94. Il-Kummissjoni talbet ukoll lill-awtoritajiet Spanjoli biex jibagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ta’ xahrejn.

14

L-awtoritajiet Spanjoli wieġbu b’ittri tal-11 u tat-18 ta’ Mejju kif ukoll tad-29 ta’ Ottubru 2009 billi kkontestaw in-nuqqasijiet li bihom huma kienu akkużati.

15

B’ittra tas-7 ta’ Lulju 2009, l-awtoritajiet Spanjoli talbu wkoll li s-sospensjoni tal-pagamenti ma tiġix applikata.

16

Fl-10 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni organizzat smigħ mal-awtoritajiet Spanjoli intiż biex jintlaħaq ftehim dwar il-kwistjonijiet ikkontestati. Matul dan is-smigħ, l-awtoritajiet Spanjoli talbu biex jibbenefikaw minn terminu ta’ ħmistax-il jum biex jippreżentaw atti ġodda, li sussegwentement intbagħtu lill-Kummissjoni fit-2 ta’ Diċembru 2009.

17

Fit-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni.

18

F’din id-deċiżjoni, li r-Renju ta’ Spanja rċieva n-notifika tagħha fl-1 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni naqset is-somom mogħtija abbażi tal-għajnuna finanzjarja mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-proġetti differenti, li jammontaw għal EUR 1 642 572.60 għall-proġett Andévalo, EUR 3 837 074.52 għall-grupp ta’ proġetti Guadalquivir kif ukoll ta’ EUR 2 295 581.47 għall-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

19

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-8 ta’ Settembru 2010, ir-Renju ta’ Spanja ressaq kawża għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni.

20

Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-Renju ta’ Spanja invoka, prinċipalment, żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-korrezzjonijiet finanzjarji inkwantu dawn kienu bbażati fuq ksur tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163) meta l-kuntratti kkonċernati ma jaqgħux, minħabba l-valur tagħhom, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u, it-tieni nett, fuq l-assenza ta’ diviżjoni ta’ ċerti kuntratti pubbliċi inkwistjoni, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva. Sussidjarjament, huwa invoka wkoll, motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ trasparenza min-naħa tal-Kummissjoni meta ddeterminat il-korrezzjonijiet finanzjarji u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

21

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u, għalhekk, ċaħdet l-imsemmi rikors fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22

Fl-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv fuq il-kawża billi tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

24

Insostenn tal-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka aggravju wieħed ibbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 93/37, moqri flimkien mal-Artikolu 6(4) ta’ din tal-aħħar.

25

Ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li xi wħud mill-kuntratti kkonċernati kienu jikkostitwixxu xogħol uniku, meta dawn ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan l-effett mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26

Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa nieqes minn bażi, b’tali mod li l-appell għandu jiġi miċħud.

27

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja billi ċaħditu wara li ddikjarat infondati t-tliet motivi invokati insostenn tiegħu minn dan l-Istat Membru.

28

Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali, impliċitament iżda neċessarjamanet, aċċettat ir-regolarità formali tad-deċiżjoni inkwistjoni.

29

F’dan ir-rigward, madankollu, mill-punti 56 sa 89 kif ukoll mill-punt 93 tas-sentenzi Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑192/13 P, EU:C:2014:2156) u Spanja vs Il-Kummissjoni (C- 197/13 P, EU:C:2014:2157) jirriżulta li l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja hija, mis-sena 2000, suġġetta għall-osservanza ta’ terminu legali.

30

Għalhekk, skont l-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006, il-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-korrezzjoni finanzjarja fis-sitt xhur wara d-data tas-smigħ u, jekk ma jkunx hemm smigħ, il-perijodu ta’ sitt xhur jibda xahrejn wara d-data li fiha tkun intbagħtet l-ittra ta’ stedina mill-Kummissjoni.

31

Mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 1083/2006 jirriżulta li l-imsemmi Artikolu 100 japplika mill-1 ta’ Jannar 2007, inkluż għall-programmi qabel il-perijodu 2007–2013.

32

Issa, f’din il-kawża, is-smigħ sar fl-10 ta’ Novembru 2009, filwaqt li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni biss fit-30 ta’ Ġunju 2010.

33

Konsegwentement, il-Kummissjoni ma osservatx f’din il-kawża t-terminu ta’ sitt xhur stabbilit mill-Artikolu 100(5) tar-Regolament Nru 1083/2006.

34

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ proċedura dwar l-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju, bħalma huwa l-fatt li l-Kummissjoni ma adottatx id-deċiżjoni inkwistjoni fit-terminu stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali (ara s-sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, 68/86, EU:C:1988:85, punti 48 u 49, Spanja vs Il-Kummissjoni, EU:C:2014:2156, punt 103, kif ukoll Spanja vs Il-Kummissjoni, EU:C:2014:2157, punt 103) u li, min-naħa l-oħra, jekk il-qorti tal-Unjoni tikkonstata, waqt l-eżami tal-att inkwistjoni, li dan ma ġiex adottat b’mod regolari, hija għandha tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u konsegwentement tannulla l-att ivvizzjat b’tali difett (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 51; Il-Kummissjoni vs Solvay, C‑287/95 P u C‑288/95 P, EU:C:2000:189, punt 55; Spanja vs Il-Kummissjoni, EU:C:2014:2156, punt 103; kif ukoll Spanja vs Il-Kummissjoni, EU:C:2014:2157, punt 103).

35

Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet kellhom l-okkażjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-aspetti evokati fil-punt preċedenti. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kawżi li wasslu għas-sentenzi Spanja vs Il-Kummissjoni (EU:C:2014:2156) u Spanja vs Il-Kummissjoni (EU:C:2014:2157) u li kienu jirrigwardaw kwistjonijiet fattwali u legali essenzjalment identiċi, dawn l-istess partijiet diġà ddibattew fid-dettall il-problema inkwistjoni.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, peress li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni bi ksur tat-terminu legali stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill, il-Qorti Ġenerali, billi ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja minflok ma ssanzjonat il-ksur tal-forom proċedurali li bih hija vvizzjata d-deċiżjoni inkwistjoni, wettqet żball ta’ liġi.

37

Għalhekk, is-sentenza appellat għandha tiġi annullata.

Fuq ir-rikors fl-ewwel istanza

38

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta appell huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Hija tista’ għalhekk tiddeċiedi definittivament hija stess il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

39

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi meħtieġa biex tiddeċiedi b’mod definittiv ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni ppreżentat mir-Renju ta’ Spanja quddiem il-Qorti Ġenerali.

40

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 29 sa 36 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni inkwistjoni għandha tiġi annullata minħabba ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

Fuq l-ispejjeż

41

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

42

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ Spanja rebaħ fil-kuntest tal-appell u r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ntlaqa’, hemm lok, skont it-talbiet tar-Renju ta’ Spanja, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti minn dan l-Istat Membru, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (T‑384/10, EU:T:2013:277) hija annullata.

 

2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4147, tat-30 ta’ Ġunju 2010, li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja tal-Fond ta’ Koeżjoni għal dawn il-(gruppi ta’) proġetti li ġejjin: “Il-provvista tal-ilma għaċ-ċentri residenzjali li jinsabu fil-Baċir Idrografiku tax-Xmara Guadiana: Reġjun ta’ Andévalo” (2000.ES.16.C.PE.133), “Tindif u purifikazzjoni tal-Baċir ta’ Guadalquivir: Guadaira, Aljarafe u EE NN PP tal-Guadalquivir” (2000.ES.16.C.PE.066), “Il-provvista ta’ ilma lil sistemi supramuniċipali tal-provinċji ta’ Granada u ta’ Málaga” (2002.ES.16.C.PE.061), hija annullata.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż tar-Renju ta’ Spanja u għall-ispejjeż tagħha, kemm fil-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top