EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0034

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 30 ta' Settembru 2010.
Gerardo Ruiz Zambrano vs Office national de l’emploi (ONEm).
Talba għal deċiżjoni preliminari: tribunal du travail de Bruxelles - il-Belġju.
Ċittadinanza tal-Unjoni - Artikolu 20 TFUE - Għoti ta’ dritt ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni għal ulied minuri fit-territorju tal-Istat Membru, li tiegħu dan il-wild għandu n-nazzjonalità indipendentement mill-eżerċizzju minn qabel tad-dritt tiegħu għal moviment liberu fit-territorju ta’ Stati Membri tal-Unjoni - Għoti, fl-istess ċirkustanzi, ta’ dritt ta’ residenza derivat lill-axxendent, ċittadin ta’ Stat terz, li l-wild minuri huwa dipendenti tiegħu - Konsegwenzi tad-dritt ta’ residenza tal-wild minuri fuq ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti, fir-rigward tad-dritt tax-xogħol, mill-axxendent ta’ dan il-minuri, ċittadin ta’ Stat terz.
Kawża C-34/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:560

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-30 ta’ Settembru 2010 1(1)

Kawża C‑34/09

Gerardo Ruiz Zambrano

vs

Office national de l’emploi (ONEM)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal du travail de Bruxelles (il-Belġju))

“Artikoli 18, 20 u 21 TFUE – Drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ċittadinanza Ewropea – Benefiċċji tal-qgħad – Wild biċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru – Dritt ta’ residenza ta’ ġenituri li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Ostakoli li jirriżultaw minn miżuri nazzjonali – Diskriminazzjoni inversa – Relazzjoni bejn il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Standards ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali”





1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunal du travail de Bruxelles jirrigwarda l‑portata tad-dritt ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu l-ġenituri ta’ minuri li jkun ċittadin tal-Unjoni li jkun għadu ma telaqx mill-Istat Membru fejn ikun twieled.

2.        Sabiex tagħti risposta għad-domandi rrinvjati mill-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għadd ta’ għażliet diffiċli u importanti x’tagħmel. X’tinvolvi preċiżament iċ-ċittadinanza tal-Unjoni? Iċ-ċirkustanzi li jagħtu lok għal proċeduri nazzjonali jikkostitwixxu sitwazzjoni li hija “purament interna” għall-Istat Membru kkonċernat, fejn id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jiżvolġi ebda rwol? Jew ir-rikonoxximent sħiħ tad-drittijiet (inklużi d-drittijiet futuri) li neċessarjament jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-Unjoni jfisser li minuri li jkun ċittadin tal-Unjoni Ewropea għandu d-dritt, abbażi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u mhux tad-dritt nazzjonali, biex jirrisjedi kullimkien fit-territorju tal-Unjoni (inkluż fl-Istat Membru li tiegħu jkun ċittadin)? Jekk dan huwa l-każ, sabiex jiġi żgurat li jkun jista’ jeżerċita dan id-dritt b’mod effettiv, jista’ jkun meħtieġ li jingħata d-dritt ta’ residenza lill-ġenitur tiegħu li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz jekk, f’każ li dan id-dritt ta’ residenza ma jingħatax, ikun hemm ksur sostanzjali ta’ drittijiet fundamentali.

3.        Fuq livell iktar kunċettwali, l-eżerċizzju ta’ drittijiet bħala ċittadin tal-Unjoni jiddependi – bħall-eżerċizzju tal-“libertajiet” klassiċi ekonomiċi – fuq xi moviment liberu transkonfinali (ikun kemm ikun inċidentali, periferali jew remot) li jkun seħħ qabel ma tkun saret it-talba? Jew għandu jitqies li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tħares lejn il-futur, iktar milli lura lejn il-passat, sabiex tiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi li tistabbilixxi? Biex inpoġġu d-domanda minn angolu kemxejn differenti: iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija sempliċement il-verżjoni mhux ekonomika tal-istess tip ġeneriku ta’ drittijiet ta’ moviment liberu bħal ma ilhom jeżistu għal żmien twil għall-persuni attivi ekonomikament u għal persuni b’mezzi indipendenti? Jew tfisser xi ħaġa iktar radikali: ċittadinanza vera, li ġġorr magħha ġabra uniformi ta’ drittijiet u obbligi, f’Unjoni ta’ dritt (2) fejn ir-rispett tad-drittijiet fundamentali neċessarjament għandu rwol integrali?

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea

4.        L-Artikolu 6 TUE (li qabel kien l-Artikolu 6 UE) jipprovdi:

“1. L-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2000, kif adattata fit-12 ta’ Diċembru 2007 ġo Strasburgu, li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati.

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta m’għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif definiti mit-Trattati.

Id-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji dikjarati fil-Karta għandhom jiġu interpretati skond id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Titolu VII tal-Karta li jirregolaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha u b’kont debitu meħud ta’ l-ispjegazzjonijiet imsemmija fil-Karta, li jindikaw is-sorsi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

2. L-Unjoni għandha taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. Din l-adeżjoni m’għandhiex taffettwa l-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif definiti mit-Trattati.

3. Id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ l-Unjoni.”

5.        L-Artikolu 18 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 12 KE) jipprovdi:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.

[…]”

6.        L-Artikolu 20 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 17 KE) jipprovdi:

“1. Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.

2. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati

[...]”

7.        L-Artikolu 21 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 18 KE) jipprovdi:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.

[...]”

8.        L-Artikoli 7, 21 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3) jipprovdu:

“Artikolu 7

Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja

Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.

[...]

Artikolu 21

Non-diskriminazzjoni

1. Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.

2. Fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati u mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni speċifika tagħhom, kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità hi pprojbita.

[...]

Artikolu 24

Id-drittijiet tat-tfal

1. It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l-opinjonijiet għandhom jitqiesu f’materji li jirrigwardawhom skond l-età u l-maturità tagħhom.

2. Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

3. It-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal.”

B –    Dispożizzjonijiet internazzjonali rilevanti

9.        L-Artikolu 17 tal-Patt Internazzjonali dwar Drittijiet Ċivili u Politiċi (4) jipprovdi:

“1. Ħadd ma għandu jkun suġġett għal interferenza arbitrarja jew illeċita fil-privatezza, fil-familja, fid-dar jew fil-korrispondenza tiegħu, jew għal attakki illeċiti kontra l-unur u r-reputazzjoni tiegħu.

2. Kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tal-liġi kontra tali interferenza jew attakki.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.      L-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (5) jipprovdi:

“1. L-Istati Kontraenti għandhom jiżguraw li t-tfal ma jiġux mifruda mill-ġenitur jew ġenituri tagħhom kontra r-rieda tagħhom, ħlief meta awtoritajiet kompetenti suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju jikkonstataw, b’mod konformi mal-liġi u l-proċeduri applikabbli, li tali firda hija meħtieġa fl-aħjar interessi tat-tfal. Tali konstatazzjoni tista’ tkun meħtieġa f’każijiet partikolari bħal meta jkun hemm abbuż jew nuqqas ta’ attenzjoni għat-tfal mill-ġenituri, jew meta l-ġenituri jkunu qed jgħixu separatament u tkun trid tittieħed deċiżjoni dwar il-post ta’ residenza tat-tfal.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11.      L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (“il-KEDB”) u l-Artikolu 3 tal-Protokoll 4 tagħha jipprovdu dan li ġej: (6)

“Artikolu 8

“1. Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.

2. M’għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

[...]

L-Artikolu 3 tal-Protokoll 4

1.      Ħadd ma għandu jiġi mkeċċi, minħabba jew xi miżura individwali jew xi waħda kollettiva, mit-territorju ta’ l-Istat li jkun ċittadin tiegħu.

2.      Ħadd ma għandu jiġi pprivat mid-dritt li jidħol fit-territorju ta’ l-Istat li jkun ċittadin tiegħu.”

C –    Leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti

1.      Id-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991

12.      L-Artikolu 30 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991 dwar regoli tal-qgħad jipprovdi skont kif ġej:

“Sabiex ikun eliġibbli għall-benefiċċju tal-qgħad, ħaddiem full-time irid ikun lesta perijodu ta’ kwalifikazzjoni li jikkonsisti f’dan in-numru ta’ ġranet ta’ xogħol:

1.      [...]

2.      468 matul is-27 xahar qabel it-talba, jekk il-ħaddiem ikollu iktar minn 36 sena u inqas minn 50 sena,

[...]”

13.      L-Artikolu 43(1) tad-Digriet Irjali jiddikjara:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet preċedenti, ħaddiem barrani jew mingħajr stat huwa intitolat għal benefiċċju tal-qgħad jekk huwa jikkonforma mal-leġiżlazzjoni dwar il-barranin u l-impjieg ta’ ħaddiema barranin.

Xogħol imwettaq fil-Belġju ma jiġix ikkunsidrat ħlief jekk jikkonforma mal-leġiżlazzjoni dwar l-impjieg ta’ ħaddiema barranin.”

14.      Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni Belġjana (l-Artikolu 40 tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 u l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tad-9 ta’ Ġunju 1999), persuna miżżewġa lil ċittadin barrani tal-KE u l-ulied tagħha jew tal-parti l-oħra fiż-żwieġ li huma dipendenti fuqhom għandhom, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, jiġu ttrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadin barrani tal-KE, kemm-il darba jkunu ġew bil-għan li jgħixu miegħu.

15.      Qraba dipendenti fil-linja axxendenti ta’ ċittadin Belġjan jew ta’ ċittadin barrani tal-KE, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ma jeħtiġux permessi ta’ xogħol (permezz ta’, rispettivament, l-Artikolu 2(2)2º(b) tad-Digriet Irjali li jimplementa l-Liġi tat-30 ta’ April 1999 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema barranin u l-Artikolu 40(4)(iii) tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980).

2.      Il-Code de la nationalité belge

16.      Taħt l-Artikolu 10(1) tal-Code de la nationalité belge [Kodiċi dwar iċ-Ċittadinanza Belġjan], fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien rilevanti, dawk b’ċittadinanza Belġjana kienu jinkludu:

“[K]ull wild imwieled fil-Belġju li, fi kwalunkwe mument qabel ma jagħlqu t-18-il sena jew qabel ma jiġu ddikjarati bħala maġġorenni, ikunu mingħajr Stat jekk ma jkollhomx ċittadinanza Belġjana.”

17.      Sussegwentement, il-Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006 għamlitha impossibbli għal wild imwieled fil-Belġju lil persuni mhux ta’ ċittadinanza Belġjana biex jiksbu ċittadinanza Belġjana “jekk, b’azzjoni amministrattiva xierqa mressqa quddiem l-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari tal-pajjiż taċ-ċittadinanza tal-ġenitur(i) tal-wild, ir-rappreżentant(i) legali tal-wild jista’ jikseb ċittadinanza differenti għalih jew għaliha”.

II – Il-fatti u l-kawża prinċipali

18.      G. Ruiz Zambrano u martu, Moreno López huma t-tnejn ċittadini Kolombjani. Huma waslu fil-Belġju fis-7 ta’ ta’ April 1999, b’viża maħruġa mill-ambaxxata Belġjana f’Bogotá, flimkien mal-ewwel minuri tagħhom.

19.      Ġimgħa wara, G. Ruiz Zambrano talab ażil fil-Belġju. Huwa bbaża dik l-applikazjoni fuq il-ħtieġa li jaħrab mill-Kolombja wara li sa mill-1997 kien ġie espost għal talbiet kontinwi ta’ estorsjoni (akkumpanjati b’theddid ta’ qtil) minn milizzji privati, u wara li ra attakki fuq ħuh u ġarrab il-ħtif ta’ ibnu ta’ tliet snin għal ġimgħa matul Jannar 1999.

20.      Fil-11 ta’ Settembru 2000, il-Commissariat général aux réfugiés et aux apatrides (Kummissarjat Ġenerali għar-Refuġjati u għall-Persuni mingħajr Stat) ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ G. Ruiz Zambrano u ħareġ ordni biex huwa jitlaq mill-Belġju. Madankollu, żied klawżola ta’ non-refoulement, fejn stqarr li G. Ruiz Zambrano u l-familja tiegħu ma għandhomx jintbagħtu lura lejn il-Kolombja minħabba s-sitwazzjoni kritika hemmhekk.

21.      Minkejja dik l-ordni, G. Ruiz Zambrano talab permess ta’ residenza mingħand l-Office des Étrangers fl-20 ta’ Ottubru 2000. Huwa sussegwentement għamel żewġ applikazzjonijiet oħra (7). It-tliet applikazzjonijiet ġew kollha miċħuda. G. Ruiz Zambano talab annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet u, fil-frattemp, talab is-sospensjoni tal-ordni biex huwa jitlaq mill-Belġju. Fiż-żmien meta sar dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, l-azzjoni għal annullament kienet għadha pendenti quddiem il-Conseil d’État.

22.      Sa mit-18 ta’ April 2001, G. Ruiz Zambrano u martu huma rreġistrati fil-komun ta’ Schaerbeek.

23.      F’Ottubru 2001, G. Ruiz Zambrano kiseb impjieg full-time ma’ kumpannija Belġjana, Plastoria S.A. (“Plastoria”), fil-workshop tagħha fi Brussell, fejn xogħolu kien jikkonsisti fit-twettiq ta’ kompiti fil-workshop taħt kuntratt ta’ xogħol għal żmien indetermimat. Ix-xogħol ġie debitament iddikjarat lill-Office national de la sécurité sociale. Il-paga tiegħu kienet suġġetta għal tnaqqis statutorju tas-sigurtà soċjali bil-mod normali u l-persuna li timpjegah għaldaqstant kienet meħtieġa tħallas (u fil-fatt ħallset) il-kontribuzzjonijiet korrispondenti. Id-digriet tar-rinviju ma jindikax espliċitament jekk (kif spiss huwa l-każ) id-dħul tiegħu kienx suġġett ukoll għat-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul minn ras il-għajn.

24.      G. Ruiz Zambrano ma kellux permess ta’ xogħol meta ġie rreklutat minn Plastoria. Lanqas ma kiseb wieħed fil-ħames snin li matulhom ħadem għall-kumpannija.

25.      Fil-frattemp martu kellha t-tieni wild, Diego, fl-1 ta’ Settembru 2003, u t-tielet, Jessica, fis-26 ta’ Awwissu 2005. Iż-żewġt ulied twieldu fil-Belġju. Skont l-Artikolu 10(1) tal-Code de la nationalité belge, it-tnejn li huma akkwistaw ċittadinanza Belġjana (8). Il-konsulent legali ta’ G. Ruiz Zambrano informa lill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta li kemm Diego kif ukoll Jessica huma fil-preżent irreġistrati fl-iskola ta’ Schaerbeek.

26.      It-twelid ta’ Diego u Jessica ta’ lok, rispettivament, għat-tieni u t-tielet applikazzjonijiet mal-Office des étrangers (9). F’kull waħda minn dawk l-applikazzjonijiet, G. Ruiz Zambrano asserixxa li t-twelid ta’ wild li huwa ta’ ċittadinanza Belġjana kien jintitolah għal permess ta’ residenza fuq il-bażi tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 u tal-Artikolu 3 tal-Protokoll 4 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

27.      Bħala riżultat tat-tielet applikazzjoni, l-awtoritajiet Belġjani ħarġu deċiżjoni li permezz tagħha G. Ruiz Zambrano ngħata ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tar-residenza li jkopri ż-żmien li huwa għamel fil-Belġju mit-13 ta’ Settembru 2005 sat-13 ta’ Frar 2006. Wara l-appell tiegħu kontra d-diversi deċiżjonijiet li ċaħdulu permess ta’ residenza, il-preżenza ta’ G. Ruiz Zambrano fil-Belġju ġiet koperta b’awtorizzazzjoni speċjali sakemm dawn il-proċedimenti jinqatgħu b’mod definittiv.

28.      Fl-10 ta’ Ottubru 2005, il-kuntratt ta’ G. Ruiz Zambrano ġie sospiż temporanjament. Huwa applika immedjatament lill-Office national de l’emploi għal benefiċċji tal-qgħad temporanji. Dik l-applikazzjoni ġiet eventwalment miċħuda fuq il-bażi li huwa ma kellux permess ta’ xogħol (peress li l-preżenza tiegħu fil-Belġju kienet irregolari). Huwa ressaq l-ewwel azzjoni quddiem it-Tribunal du travail fejn ikkontesta dak ir-rifjut (“l-ewwel talba”), iżda ftit wara reġa’ ddaħħal jaħdem full-time minn Plastoria.

29.      Madankollu, bħala riżultat ta’ dik l-ewwel azzjoni, l-awtoritajiet tax-xogħol Belġjani għamlu inkjesta sabiex jivverifikaw il-kundizzjonijiet li bihom ġie impjegat G. Ruiz Zambrano. Investigatur uffiċjali żar il-post tax-xogħol ta’ Plastoria fil-11 ta’ Ottubru 2006. Huwa sab lil G. Ruiz Zambrano jaħdem u kkonferma li ma kellux permess tax-xogħol. L-investigatur ħareġ ordni għat-terminazzjoni immedjata tal-impjieg tiegħu. Plastoria debitament temmet il-kuntratt ta’ impjieg ta’ G. Ruiz Zambrano, mingħajr kumpens, fuq bażi ta’ forza maġġuri, u tagħtu d-dokument uffiċjali (“formola C4”) li jiċċertifika li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-assigurazzjoni tal-qgħad kienu tħallsu matul il-perijodu sħiħ tal-impjieg tiegħu minn Ottubru 2001 sa Ottubru 2006.

30.      L-awtoritajiet tax-xogħol Belġjani ddeċidew li ma jressqux akkużi kriminali kontra Plastoria, u ddikjaraw li, apparti l-fatt li l-kumpannija kienet irreklutat lil G. Ruiz Zambrano mingħajr permess ta’ xogħol, ma kien instab ebda ksur ieħor tar-rekwiżiti dwar obbligi ta’ sigurtà soċjali, depożitu ta’ dokumenti korretti tal-impjieg, kopertura kontra inċidenti fuq ix-xogħol, jew obbligi fir-rigward ta’ remunerazzjoni.

31.      Hekk kif sab ruħu bla xogħol, G. Ruiz Zambrano reġa’ applika għand l-Office national de l-emploi, din id-darba għal benefiċċju sħiħ tal-qgħad. Għal darb’oħra ġie miċħud il-ħlas tal-benefiċċju. G. Ruiz Zambrano ressaq azzjoni oħra quddiem it-Tribunal du travail de Bruxelles kontra dik id-deċiżjoni (“it-tieni talba”). L-ewwel talba u t-tieni talba jifformaw is-suġġett tal-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju.

32.      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Belġjan jistqarr li, bħala riżultat ta’ miżura tal-gvern biex jiġu rregolarizzati sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ residenti illegali fil-pajjiż, fit-30 ta’ April 2009 G. Ruiz Zambrano ngħata permess ta’ residenza provviżorju u li jiġġedded, kif ukoll permess tax-xogħol (tip Ċ). Dan tal-aħħar ma għandux effetti retroattivi u l-impjieg ta’ G. Ruiz Zambrano ma’ Plastoria mill-2001 sal-2006 xorta għadu jitqies li ma huwiex kopert b’permess tax-xogħol.

III – Id-domandi preliminari

33.      Fil-kawża mressqa kontra ż-żewġ deċiżjonijiet tal-Office national de l’emploi li ċaħdu t-talba ta’ G. Ruiz Zambrano għal benefiċċju tal-qgħad temporanju u sħiħ, it-Tribunal du travail de Bruxelles irrinvija dawn id-domandi preliminari:

“(1)  Wieħed jew iktar mill-Artikoli 12 [KE], 17 [KE] u 18 [KE] tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, moqrija separatament jew flimkien, jagħtu dritt ta’ residenza lil ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membru li dan iċ-ċittadin għandu ċ-ċittadinanza tiegħu, indipendentement minn jekk huwa jkunx preċedentement eżerċita d-dritt tiegħu li jmur minn post għal ieħor fit-territorju tal-Istati Membri?

(2)       L-Artikoli 12 [KE], 17 [KE] u 18 [KE] tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21, 24 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (adottata mill-Kunsill Ewropew ta’ Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 u ppubblikata, fil-verżjoni attwali tagħha, fil-ĠU C 303 tal-14 ta’ Diċembru 2007), għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt li huma jagħtu lil kull ċittadin tal-Unjoni mingħajr diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ċittadinanza li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri jimplika, meta dan iċ-ċittadin huwa minorenni ta’ età żgħira fil-kustodja ta’ axxendent li huwa ċittadin ta’ Stat terz, li t-tgawdija tad-dritt ta’ residenza tal-imsemmi minorenni fit-territorju tal-Istat Membru li fih jirrisjedi u li huwa għandu ċ-ċittadinanza tiegħu għandha tiġi ggarantita lilu, indipendentement minn jekk id-dritt li jmur minn post għal ieħor ikunx ġie preċedentement eżerċitat minnu jew permezz tar-rappreżentant legali tiegħu, filwaqt li dan id-dritt ta’ residenza għandu jingħata wkoll l-effett utli li l-ġurisprudenza Komunitarja (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, Kawża C-200/02) irrikonoxxiet il-ħtieġa tiegħu, permezz tal-għoti, lill-axxendent ċittadin ta’ Stat terz, li għandu l-kustodja tal-imsemmi minorenni u li għandu riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni kontra l-mard, tad-dritt ta’ residenza derivat li jgawdi dan l-istess ċittadin ta’ Stat terz jekk il-minorenni fil-kustodja tiegħu jkun ċittadin tal-Unjoni iżda ma jkollux iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru li fih jirrisjedi?

(3)       L-Artikoli 12 [KE], 17 [KE] u 18 [KE], flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21, 24 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt ta’ residenza ta’ minorenni, ċittadin ta’ Stat Membru, fit-territorju li fih jirrisjedi, għandu jimplika l-għoti ta eżenzjoni minn permess għax-xogħol lill-axxendent, ċittadin ta’ Stat terz, li għandu l-kustodja tal-imsemmi minorenni u li - kieku ma kienx għar-rekwiżit ta’ permess għax-xogħol impost bid-dritt intern tal-Istat Membru li fih huwa jirrisjedi - jissodisfa, permezz tal-eżerċizzju ta’ impjieg li jissuġġettah għas-sigurtà soċjali tal-imsemmi Stat, il-kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti u tal-pussess ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, sabiex id-dritt ta’ residenza ta’ dan il-minorenni jingħata wkoll l-effett utli li l-ġurisprudenza Komunitarja (sentenza Zhu u Chen, iċċitata iktar ’il fuq) irrikonoxxiet favur minorenni, ċittadin Ewropew li għandu ċittadinanza differenti minn dik tal-Istat Membru li fih huwa jirrisjedi fil-kustodja ta’ axxendent, ċittadin ta’ Stat terz?”

34.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn G. Ruiz Zambrano, mill-Gvernijiet tal-Belġju, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tal-Greċja, tal-Irlanda, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Awstrija, tal-Polonja u mill-Kummissjoni.

35.      Il-konsulent legali għal G. Ruiz Zambrano u l-aġenti għall-Gvernijiet tal-Belġju, tad-Danimarka, tal-Greċja, ta’ Franza, tal-Irlanda u tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni attendew is-seduta tas-26 ta’ Jannar 2010 u ttrattaw.

IV – Kwistjonijiet preliminari

36.      Ħadd involut f’dan ir-rinviju ma qajjem dubji speċifiċi dwar l-ammissibbiltà tiegħu. Madankollu, hemm żewġ kwistjonijiet li għandi nindirizza fil-qosor.

37.      L-ewwel waħda hija jekk id-domandi rrinvijati għandhomx xi effett reali fuq il-kawża quddiem il-qorti nazzjonali.

38.      Jidher mill-materjal li jinsab fid-digriet ta’ rinviju li G. Ruiz Zambrano ssodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi sabiex ikun jista’ jitlob benefiċċju tal-qgħad (pereżempju li ħadem għal ta’ mill-inqas 468 jum matul is-27 xahar qabel it-talba, kif meħtieġ mill-Artikolu 30 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991, u li ħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti). It-talba tiegħu tiffaċċja żewġ ostakoli interkonnessi. Fl-ewwel lok, id-dritt nazzjonali jistabbilixxi (10) li jista’ jiġi kkunsidrat biss xogħol li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni dwar ħaddiema barranin. Jekk tiġi applikata dik il-kundizzjoni, dan ikun ifisser li ma jiġix ikkunsidrat l-impjieg full-time ta’ G. Ruiz Zambrano ma’ Plastoria mill-1 ta’ Ottubru 2001 sat-12 ta’ Ottubru 2006, għaliex fl-ebda stadju matul dak il-perijodu ma kellu permess tax-xogħol; u kellu biss ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tar-residenza mit-13 ta’ Settembru 2005 ’il quddiem (11). Fit-tieni lok, id-dritt nazzjonali jipprovdi li sabiex jirċievi benefiċċji ħaddiem barrani jrid jikkonforma mal-leġiżlazzjoni dwar il-barranin (12).

39.      L-azzjoni ta’ G. Ruiz Zambrano quddiem il-qorti nazzjonali ddur mal-fatt jekk, bħala ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa l-missier ta’ ulied li għandhom ċittadinanza Belġjana, (a) il-pożizzjoni tiegħu tistax tiġi assimilata ma’ dik ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew (b) igawdix dritt derivattiv ta’ residenza mill-fatt li, minbarra li huma ċittadini Belġjani, uliedu huma ċittadini tal-Unjoni. Kemm (a) kif ukoll (b) jikkonferixxu d-dritt sostantiv ta’ residenza meħtieġ abbażi tad-dritt tal-UE; (13) Il-każ (a) minnu nnifsu jeżentah ukoll mill-ħtieġa li jkollu permess tax-xogħol u (b) jista’ jippermettilu jibbenefika, b’analoġija neċessarja, minn eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol li hija disponibbli, taħt l-Artikolu 2(2)2º(b) tal-Liġi tat-30 ta’ April 1999, għal qraba dipendenti fil-linja axxendenti ta’ ċittadin Belġjan. Kieku dan ma kienx il-każ (skont l-argument), ikun hemm diskriminazzjoni inversa kontra ċittadini Belġjani li ma jkunux eżerċitaw drittijiet ta’ moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, inkwantu jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja (14) li jippermettu kemm lil ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jkun mar jgħix fil-Belġju minn Stat Membru ieħor kif ukoll lil Belġjan li preċedentement ikun eżerċita l-moviment liberu biex jingħaqad miegħu membru tal-familja axxendent mhux dipendenti li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz.

40.      Għalkemm is-suġġett immedjat tal-azzjoni quddiem il-qorti nazzjonali jikkonċerna talba taħt il-liġi tas-sigurtà soċjali/tax-xogħol għall-benefiċċju tal-qgħad, iktar milli applikazzjoni tad-dritt amministrattiv għal permess ta’ residenza, huwa ċar li l-qorti nazzjonali ma tistax tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha mingħajr ma tkun taf (a) jekk G. Ruiz Zambrano jistax jasserixxi drittijiet derivattivi taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea minħabba l-fatt li, bħala ċittadini Belġjani, uliedu huma wkoll ċittadini tal-Unjoni u (b) xi drittijiet igawdi Belġjan li, bħala ċittadin tal-Unjoni, ikun mar jgħix fi Stat Membru ieħor u mbagħad mar lura l-Belġju (sabiex jiġi evalwat l-argument ta’ diskriminazzjoni inversa u jiġu applikati kwalunkwe regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali). Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali spjegat f’ċertu dettall li d-dritt nazzjonali (15) jirreferi għad-dritt tal-Unjoni Ewropea għad-definizzjoni ta’ min huwa kkunsidrat bħala “membru tal-familja” ta’ ċittadin tal-Unjoni, waqt li indikat li dan huwa rilevanti sabiex tkun tista’ tinqata’ l-kawża quddiemha (16).

41.      It-tieni kwistjoni tirriżulta mill-fatt li l-konsulent legali ta’ G. Ruiz Zambrano informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li kemm il-Conseil d’État Belġjan kif ukoll il-Cour Constitutionnelle Belġjan reċentement iddeċidew f’ċirkustanzi simili li, bħala riżultat tad-diskriminazzjoni inversa maħluqa mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, kien hemm ksur tal-prinċipju kostituzzjonali tal-ugwaljanza (17). Wieħed jista’ jaħseb li, bħala konsegwenza, dan ir-rinviju sar superfluwu. Fi kliem ieħor: il-qorti tar-rinviju għad għandha bżonn risposti għad-domandi tagħha dwar id-dritt tal-UE issa li għandha dik il-gwida taħt id-dritt nazzjonali mill-qrati superjuri tagħha stess?

42.      Fil-fehma tiegħi, iva.

43.      Qabel ma t-Tribunal du travail jista’ japplika l-ġurisprudenza żviluppata mill-Conseil d’État u mill-Cour Constitutionnelle, ikollu jistabbilixxi jekk fil-fatt tinħoloqx sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni inversa bħala riżultat tal-interazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni Ewropea u d-dritt nazzjonali. Sabiex jagħmel dan, huwa jeħtieġ gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Fil-passat il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet rinviji li jservu preċiżament dak l-għan: biex jiffaċilitaw il-kompitu tal-qorti tar-rinviju biex tqabbel il-pożizzjoni taħt id-dritt tal-UE mal-pożizzjoni taħt id-dritt nazzjonali (18). Hija aċċettat f’serje ta’ każijiet li għandha tagħti deċiżjoni meta “l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju [issa tal-Unjoni Ewropea] tista’ eventwalment tkun utli għall-qorti nazzjonali, inkluż fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet ikkwalifikati bħala purament interni, b’mod partikolari fil-każ fejn id-dritt ta’ l-Istat Membru in kwistjoni jimponi li kull ċittadin nazzjonali għandu jibbenefika mill-istess drittijiet bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jieħu mid-dritt Komunitarju f’sitwazzjoni kkunsidrata minn din il-qorti bħala paragunabbli” (19). Fil-fatt, l-aġent għall-Belġju aċċetta matul it-trattazzjoni li l-qorti tar-rinviju tkun teħtieġ risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina jekk kienx hemm diskriminazzjoni inversa kkawżata mid-dritt tal-UE.

44.      Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi rrinvijati.

V –    Formulazzjoni mill-ġdid tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu riżolti

45.      Id-domandi rrinvijati mill-qorti nazzjonali jipprevedu tliet fergħat ta’ argument. Għalkemm forsi dawn ma humiex għal kollox ċari mill-mod kif huma attwalment ifformulati d-domandi rrinvjati, jistgħu jiġu dedotti mill-analiżi iktar fid-dettall li tinsab fid-digriet tar-rinviju.

46.      It-tħassib ewlieni tal-qorti tar-rinviju jirrigwarda jekk huwiex meħtieġ moviment biex jiskattaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju taf sewwa li l-Artikoli 20 u 21 TFUE huma differenti, kunċettwalment, mill-moviment liberu tal-ħaddiema taħt l-Artikolu 45 TFUE, mil-libertà ta’ stabbiliment taħt l-Artikolu 49 TFUE (jew, fil-fatt, mil-libertajiet “ekonomiċi” kollha kristalizzati fl-Artikoli 34 TFUE et seq). Iżda kemm huma differenti d-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza?

47.      Il-qorti nazzjonali sussegwentement issaqsi dwar l-irwol li d-drittijiet fundamentali jiżvolġu (b’mod partikolari d-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja, kif żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Carpenter (20), MRAX (21) u Zhu u Chen (22)) biex tiġi ddeterminata l-portata tal-Artikoli 20 u 21 TFUE.

48.      Finalment, il-qorti nazzjonali ssaqsi dwar il-funzjoni tal-Artikolu 18 TFUE għall-finijiet tal-protezzjoni tal-individwi kontra d-diskriminazzjoni inversa maħluqa bid-dritt tal-UE permezz tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

49.      Għall-finijiet ta’ ċarezza, u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, ser nindirizza t-tliet domandi skont kif ġej.

50.      Fl-ewwel lok ser nindirizza l-kwistjoni dwar jekk Diego u Jessica jistgħux jinvokaw drittijiet taħt l-Artikoli 20 u 21 TFUE bħala ċittadini tal-Unjoni, minkejja li (sa issa għadhom) ma ċċaqalqux mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom; u jekk G. Ruiz Zambrano jistax għaldaqstant jasserixxi dritt derivattiv ta’ residenza sabiex ikun preżenti fil-Belġju biex jieħu ħsieb u jsostni lit-tfal żgħar tiegħu (“l-ewwel domanda”). Sabiex nindirizza dik il-kwistjoni jeħtieġ li nikkunsidra jekk din hijiex – kif ġie ssuġġerit b’fermezza – sitwazzjoni “purament interna”, jew jekk hemmx tabilħaqq konnessjoni suffiċjenti mad-dritt tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġu invokati drittijiet ta’ ċittadinanza. Tqajmet ukoll il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 21 TFUE iħaddanx żewġ drittijiet indipendenti – id-dritt ta’ moviment u dritt awtonomu ta’ residenza – jew jekk jagħtix sempliċment dritt ta’ moviment (u sussegwentement ta’ residenza).

51.      Fit-tieni lok, ser nindirizza l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni inversa, li hija mqajma ripetutament mill-qorti nazzjonali. Għaldaqstant ser neżamina l-portata tal-Artikolu 18 TFUE u nsaqsi jekk jistax jiġi applikat sabiex jirrisolvi każijiet ta’ diskriminazzjoni inversa maħluqa mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni (“it-tieni domanda”). Għalkemm sar aċċenn għal din id-domanda fi snin reċenti (23), għadha ma ġietx solvuta.

52.      Finalment ser nindirizza l-kwistjoni tad-drittijiet fundamentali (“it-tielet domanda”). Il-qorti nazzjonali għamlitha ferm ċara fid-digriet tar-rinviju li qed titlob gwida dwar jekk id-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja huwiex rilevanti f’din il-kawża, meta la ċ-ċittadin tal-Unjoni u lanqas il-ġenituri Kolombjani tiegħu ma jkunu telqu mill-Belġju. Dik id-domanda min-naħa l-oħra tqajjem domanda iktar bażika: x’inhi l-portata tad-drittijiet fundamentali tal-UE? Jistgħu jiġu invokati b’mod indipendenti? Jew irid ikun hemm xi punt ta’ rabta ma’ dritt ieħor klassiku tal-UE?

53.      Peress li huwa ċar li l-kwistjoni ta’ drittijiet fundamentali tidher li hija tema komuni fit-tliet domandi, qabel ma nibda dik l-analiżi ser inħares – bħala prologu – lejn jekk huwiex plawżibbli li wieħed jaħseb li G. Ruiz Zambrano u l-familja tiegħu jinsabu f’riskju reali li jisfaw vittmi ta’ ksur tad-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea.

VI – Prologu: iċ-ċirkustanzi tal-familja ta’ G. Ruiz Zambrano u l-ksur potenzjali tad-dritt fundamentali tal-UE għall-ħajja tal-familja

54.      Fis-sentenza Carpenter (24), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet id-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja bħala parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Sabiex tilħaq dik il-konklużjoni, hija bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem “il-Qorti ta’ Strasbourg”). Fis-sentenza Boultif (25) dik il-qorti ddeċidiet li “t-tneħħija ta’ persuna minn pajjiż fejn ikunu jgħixu membri mill-qrib tal-familja tagħha tista’ tammonta għal ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja kif iggarantit fl-Artikolu 8(1) tal-[KEDB]” (26). Id-definizzjoni tal-KEDB ta’ “familja” hija llimitata l-iktar għall-familja nukleari (27), li b’mod ċar tħaddan lil G. Ruiz Zambrano u Moreno López bħala l-ġenituri ta’ Diego u Jessica.

55.      Bl-istess mod, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti ta’ Strasbourg tistabbilixxi li t-tneħħija ta’ persuna mill-membri tal-familja tagħha hija permissibbli biss jekk jintwera li hija “neċessarja f’soċjetà demokratika, jiġifieri ġġustifikata minn bżonn soċjali imperattiv, u b’mod partikolari, proporzjonata mal-għan leġittimu segwit” (28). L-applikazzjoni tal-Artikolu 8(2) KEDB, li jidderoga mid-dritt iggarantit mill-Artikolu 8(1) KEDB, tinvolvi test ta’ proporzjonalità li tieħu inkunsiderazzjoni (inter alia) elementi bħal meta l-familja stabbilixxiet ruħha f’post, il-bona fide ta’ min jagħmel it-talba, il-kuntrasti kulturali u soċjali tal-Istat fejn ikunu ser jittieħdu l-membri tal-familja u l-grad ta’ integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà tal-Istat kontraenti (29).

56.      Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm tibbaża mill-qrib fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg, żviluppat ir-ratio tagħha stess. Fil-qosor, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti protezzjoni fil-każijiet li ġejjin u/jew b’riferiment għall-fatturi li ġejjin (30).

57.      Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ttirrikjedix li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun ir-rikorrent fil-kawża prinċipali sabiex tiskatta l-protezzjoni. B’hekk, id-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea diġà serva indirettament biex jipproteġi lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu membri tal-familja mill-qrib taċ-ċittadin tal-Unjoni. Peress li jkun hemm indħil fid-dritt għall-ħajja tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun il-membru tal-familja li ppreżenta r-rikors ukoll igawdi protezzjoni (31).

58.      Fit-tieni lok, id-dritt fundamentali jista’ jiġi invokat anki jekk il-membru tal-familja li jiġi ordnat biex jitlaq mill-pajjiż ma jkunx residenti legalment (32).

59.      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni jekk il-membru tal-familja jikkostitwixxix periklu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika (li jiġġustifika t-tneħħija mit-territorju) (33).

60.      Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta ġustifikazzjoni bbażata fuq abbuż ta’ drittijiet biss meta l-Istat Membru jkun jista’ jippreżenta provi ċari ta’ mala fide min-naħa ta’ min iressaq it-talba (34).

61.      Dawn u karatteristiċi oħrajn tad-drittijiet fundamentali li jinsabu inkwistjoni hawnhekk – id-dritt għall-ħajja tal-familja u d-drittijiet tal-wild – huma riflessi, rispettivament, fl-Artikoli 7 u 24(3) tal-Karta. Fiż-żmien rilevanti l-Karta ma kinitx vinkolanti u ma kinitx torbot lill-awtoritajiet Belġjani. Madankollu, diġà kienet qed tintuża mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala sors ta’ interpretazzjoni, inkluż f’każijiet li jinvolvu d-dritt għall-ħajja tal-familja (35). Sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Karta akkwistat l-istatus ta’ dritt primarju (36).

62.      Fil-fehma tiegħi, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Belġjani li jordnaw lil G. Ruiz Zambrano jitlaq mill-Belġju, segwita mir-rifjut kontinwu tagħhom li jagħtuh permess ta’ residenza, tikkostitwixxi ksur potenzjali tad-dritt fundamentali ta’ wliedu għall-ħajja tal-familja u għall-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom bħala ulied; u b’hekk (abbażi tal-ġurisprudenza Carpenter u Zhu u Chen) tad-dritt ekwivalenti ta’ G. Ruiz Zambrano għall-ħajja tal-familja bħala missierhom. Ngħid “potenzjali” għaliex G. Ruiz Zambrano għadu fit-territorju Belġjan. Madankollu huwa evidenti li jekk tiġi attivata l-ordni ta’ deportazzjoni, din tiskatta ksur ta’ dawk id-drittijiet.

63.      Huwa daqstant ċar li l-ksur aktarx li jkun serju. Kieku G. Ruiz Zambrano kellu jiġi ddeportatat, allura tiġi ddeportata wkoll martu. L-effett ta’ dawn il-miżuri fuq it-tfal ikun radikali. Minħabba l-età tagħhom, l-ulied ma jkunux jistgħu jkomplu jgħixu ħajja indipendenti fil-Belġju. L-inqas għażla dannuża b’hekk tkun, preżumibbilment, li huma jitilqu mill-Belġju mal-ġenituri tagħhom. Madankollu, din ikollha l-konsegwenza li huma jinfirdu mis-soċjetà u l-kultura fejn twieldu u fejn ġew integrati. Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar huwa fil-kompetenza tal-qorti nazzjonali, bħala l-uniku ġudikant tal-fatti, biex tagħmel l-evalwazzjoni dettaljata fil-każ individwali, jidher li jkun xieraq li nipproċedi fuq il-bażi li l-ksur jista’ tabilħaqq ikun sinjifikattiv.

64.      Huwa minnu li t-tfal ta’ G. Ruiz Zambrano twieldu fi żmien meta s-sitwazzjoni tiegħu kienet diġà irregolari. Madankollu, il-punti msemmija fid-digriet ta’ rinviju jissuġġrixxi li G. Ruiz Zambrano kien integra ruħu bis-sħiħ fis-soċjetà Belġjana u ma jirrappreżentax theddida jew periklu. Għalkemm hija l-qorti nazzjonali, bħala l-unika qorti li tiddeċiedi dwar il-fatti, li għandha tagħmel kwalunkwe konstatazzjoni neċessarja f’dak ir-rigward, jidhirli li l-elementi li ġejjin jsostnu dik il-fehma.

65.      Fl-ewwel lok, G. Ruiz Zambrano ħadem regolarment qabel ma daħal fil-Belġju, ikkontribwixxa debitament għas-sistema tas-sigurtà soċjali Belġjana u ma għamel ebda talba għal għajnuna finanzjarja (37). Fit-tieni lok, huwa u martu Moreno López jidhru li għexu ħajja normali ta’ familja u wliedhom issa jattendu l-iskola fil-Belġju. Fit-tielet lok, l-awtoritajiet Belġjani kienu disposti li jaċċettaw il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ G. Ruiz Zambrano lejn it-teżor tal-Istat Belġjan għal ħames snin waqt li huwa ħadem ma’ Plastoria – rieda li tikkuntrasta b’mod stramb man-nuqqas ta’ ministeru Belġjan differenti li jagħtih permess ta’ residenza (38). Fir-raba’ lok, il-fatt li l-Kummissarjat Ġenerali għar-Refuġjati u għall-Persuni bla Stat ħareġ ordni ta’ non-refoulement jindika li G. Ruiz Zambrano u l-familja tiegħu ma jistgħux jintbagħtu lura lejn il-Kolombja għaliex inkella jitpoġġew f’periklu reali. Għaldaqstant, jekk jiġu mġiegħla jitilqu mill-Belġju jkollhom isibu Stat terz li jkun dispost li jaċċetthom, li miegħu jista’ jkollhom jew ma jkollhomx rabtiet eżistenti. Fil-ħames lok, billi taw lil G. Ruiz Zambrano permess ta’ residenza temporanju u li jiġġedded fl-2009, l-awtoritajiet Belġjani taċitament ikkonfermaw li l-preżenza tiegħu fil-Belġju ma toħloqx riskju għas-soċjetà u li ma hemm ebda kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ordni pubbliku li jiġġustifikaw li huwa jkun obbligat li jitlaq mill-pajjiż immedjatament.

66.      Għal dawn ir-raġunijiet, jidhirli li, kieku l-awtoritajiet Belġjani kellhom isegwu r-rifjut tagħhom li jagħtu permess ta’ residenza lil G. Ruiz Zambrano wara t-twelid tal-ewwel wild Belġjan tiegħu (Diego) billi jimplementaw l-ordni pendenti li nħarġet kontrih sabiex ikun obbligat li jitlaq mill-pajjiż (39), aktarx li dik l-ordni tiġi kkunsidrata bħala ksur sinjifikattiv tad-dritt fundamentali ta’ Diego għall-ħajja tal-familja taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea – u b’hekk, indirettament, tal-istess dritt ta’ G. Ruiz Zambrano.

VII – L-ewwel domanda – Ċittadinanza tal-Unjoni

A –    Rimarki introduttivi

67.      Fl-1992, it-Trattat ta’ Maastricht introduċa ċ-ċittadinanza Ewropea bħala status ġdid u kumplimentari għaċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri. Bl-għoti tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri lil kull ċittadin, it-trattat il-ġdid irrikonoxxa l-irwol essenzjali tal-individwi, irrispettivament minn jekk kinux attivi ekonomikament jew le, fi ħdan l-Unjoni ġdida li nħalqet. Kull ċittadin individwali jgawdi drittijiet u għandu obbligu li jikkostitwixxu status ġdid – status li skont kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fl-2001 “huwa intiż sabiex ikun l-istat fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri” (40).

68.      Il-konsegwenzi ta’ dik id-dikjarazzjoni huma, fil-fehma tiegħi, ta’ importanza u portata daqstant kbira daqs dawk tal-ġurisprudenza fundamentali preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tabilħaqq, fil-fehma tiegħi d-deskrizzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fis-sentenza Gryzelczyk hija potenzjalment ta’ sinjifikat simili bħad-dikjarazzjoni fundamentali tagħha fis-sentenza Van Gend en Loos fejn qalet li “l-Komunità tikkostitwixxi ordinament ġuridiku ġdid tad-dritt internazzjonali, li għal benefiċċju tiegħu l-Istati llimitaw id-drittijiet sovrani tagħhom ... u li s-suġġetti ta’ dan l-ordinament jinkludu mhux biss l-Istati Membri iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom” (41).

B –    Tista’ persuna tinvoka drittijiet idderivati miċ-ċittadinanza tal-Unjoni sempliċement minn residenza fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħha?

1.      Moviment u d-drittijiet klassiċi (ekonomiċi) tal-libertà ta’ moviment

69.      Huwa paċifiku li, sabiex wieħed ikun jista’ jasserixxi d-drittijiet ekonomiċi klassiċi assoċjati mal-erba’ libertajiet, normalment hija meħtieġa xi forma ta’ moviment bejn Stati Membri. Anki f’dak il-kuntest, madankollu, huwa notevoli li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-importanza li la tfixkel u lanqas timpedixxi l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u ħarset b’diżapprovazzjoni lejn miżuri nazzjonali li jista’ jkollhom effett dissważiv fuq l-eżerċizzju potenzjali tad-dritt għal-libertà ta’ moviment.

70.      F’Dassonville (42), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet id-dikjarazzjoni famuża li “kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-[Unjoni] għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi”. Il-portata wiesgħa ta’ dik il-formula ppermettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tistħarreġ miżuri nazzjonali diskriminatorji u nondiskriminatorji anki meta ma kienx hemm neċessarjament moviment ta’ merkanzija (43). L-effett dissważiv ta’ miżura nazzjonali jista’ jkun suffiċjenti biex jiskatta l-applikazzjoni ta’ dak li issa huwa l-Artikolu 34 TFUE (li kien l-Artikolu 28 KE). B’hekk, fis-sentenza Carbonati Apuani (44), il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, ikkonstatat li taxxi imposti fuq merkanzija fi ħdan Stat Membru individwali kienu jmorru kontra t-Trattat (45). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod ċar li dak li issa huwa l-Artikolu 26(2) TFUE (li qabel kien l-Artikolu 14(2) KE), meta jiddefinixxi s-suq intern bħala “arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat”, jagħmel dan “mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn fruntieri bejn l-Istati u fruntieri interni fl-Istati stess” (46).

71.      Test simili ġie estiż għall-moviment liberu ta’ persuni u servizzi fis-sentenza Säger (47) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-Artikolu 59 KEE (issa l-Artikolu 56 TFUE) kien jeħtieġ “mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni fil-konfront ta’ min jagħti s-servizzi minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu, iżda anki t-tneħħija ta’ kwalunkwe restrizzjoni, anki meta din tapplika mingħajr distinzjoni għal dawk li huma ċittadini u għal dawk li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, meta din tkun tali li tipprojbixxi, tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet ta’ min jagħti s-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn huwa jipprovdi legalment servizzi analogi” (48). Dan l-argument laħaq il-qofol tiegħu fis-sentenza Kraus (49), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżuri li “jistgħu jfixklu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju miċ-ċittadini [tal-Unjoni Ewropea], inklużi dawk tal-Istat Membru li huwa l-awtur tal-miżura, ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat” ukoll jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (50).

72.      Għaldaqstant, issa hija ġurisprudenza stabbilita li persuna li l-abbiltà tagħha li tiċċaqlaq fi ħdan l-UE tiġi “mfixkla” jew “magħmula inqas attraenti”, anki mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħha, tista’ tinvoka drittijiet tat-Trattat (51).

73.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, diġà aċċettat ċertu grad ta’ mitigazzjoni tal-kunċett li l-eżerċizzju ta’ drittijiet jeħtieġ moviment fiżiku attwali bejn fruntiera u oħra. B’hekk, fis-sentenza Alpine Investments (52), hija ddikjarat li projbizzjoni kontra telefonati lil klijenti potenzjali fi Stat Membru ieħor kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, minkejja li ebda moviment fiżiku ma kien involut. Fis-sentenza Carpenter (53), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li d-dritt tal-Unjoni Ewropea kien determinanti għall-eżitu ta’ kontestazzjoni ta’ ordni ta’ deportazzjoni li saret mill-awtoritajiet tar-Renju Unit kontra ċittadin Filippin. Il-bażi għall-invokazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea kienet li r-raġel ta’ M. Carpenter, li kien ċittadin Brittaniku, minn żmien għal żmien kien jivvjaġġa lejn Stati Membri oħrajn biex ibiegħ spazju ta’ riklamar f’ġurnal Brittaniku. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-argument li kien eħfef għar-raġel ta’ M. Carpenter biex jipprovdi u jirċievi servizzi peress li hija kienet qed tieħu ħsieb it-tfal tiegħu mill-ewwel żwieġ. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-deportazzjoni ta’ M. Carpenter kienet ser tirrestrinġi d-dritt tar-raġel tagħha li jipprovdi u jirċievi servizzi, kif ukoll id-dritt fundamentali tiegħu għal ħajja tal-familja (54).

74.      Iktar reċenti, fil-Kawża Metock (55) il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ moviment liberu fil-passat minn Metock, ċittadina tal-Kamerun li sussegwentement akkwistat ċittadinanza Brittanika u li diġà kienet stabbilita u taħdem fl-Irlanda meta żżewġet lir-raġel tagħha (ukoll mill-Kamerun, u li miegħu kienet iltaqgħet tnax-il sena qabel f’dak il-pajjiż), kien suffiċjenti biex ikun jista’ jakkwista dritt derivattiv ta’ residenza fl-Irlanda, minkejja l-fatt li huwa ma kienx jissodisfa r-rekwiżit taħt id-dritt nazzjonali li kellu jkun residenti legalment fi Stat Membru ieħor qabel il-wasla tiegħu fl-Irlanda (56).

2.      Moviment u ċittadinanza tal-Unjoni

75.      F’ħafna każijiet dwar ċittadinanza, ikun hemm element transkonfinali li jista’ jiġi identifikat b’mod ċar li jaħdem b’mod parallel mal-eżerċizzju tad-drittijiet klassiċi ekonomiċi ta’ moviment liberu. B’hekk, fil-Kawża Bickel u Franz (57), iż-żewġ konvenuti kienu rispettivament ċittadin Awstrijak u ċittadin Ġermaniż li kienu qed jiffaċċjaw proċeduri kriminali fir-reġjun tat-Trentino-Alto Adige (jiġifieri l-ex Süd Tirol) tal-Italja u li kienu qed jittamaw li dawn il-proċeduri jsiru bil-Ġermaniż u mhux bit-Taljan. Fil-Kawża Martínez Sala (58) r-rikorrenti kienet ċittadina Spanjola li kienet marret tgħix il-Ġermanja. Fil-Kawża Bidar (59), Dany Bidar kien telaq minn Franza lejn ir-Renju Unit fejn qagħad man-nanna tiegħu biex ilesti l-iskola wara l-mewt ta’ ommu qabel ma’ talab self għall-istudenti biex jiffinanzja l-istudji universitarji tiegħu.

76.      Barra minn hekk, meta ċittadini ta’ Stat Membru jinvokaw drittijiet li jirriżultaw minn ċittadinanza tal-Unjoni kontra l-Istat Membru tagħhom stess, normalment ikun hemm xi moviment preċedenti lil hinn minn dak l-Istat Membru segwit b’ritorn. Fil-Kawża D’Hoop (60), Marie-Nathalie D’Hoop telqet mill-Belġju lejn Franza, fejn lestiet l-iskola, u mbagħad marret lura lejn il-Belġju fejn ippruvat titlob l-hekk imsejħa “allocations d’attente” (benefiċċji sakemm jinstab impjieg) li jingħataw liż-żgħażagħ li jkunu għadhom kemm spiċċaw l-istudji tagħhom u li jkunu qed ifittxu l-ewwel impjieg tagħhom. Fil-Kawża Grunkin u Paul (61) Leonhard Matthias Grunkin Paul ivvjaġġa bejn id-Danimarka (fejn kien twieled u għex u attenda l-iskola) u l-Ġermanja (il-pajjiż li tiegħu huwa kien ċittadin) sabiex iqatta’ ftit żmien hemmhekk ma’ missieru li kien iddivorzjat. Huwa kellu bżonn li l-passaport Ġermaniż tiegħu jinħareġ bl-istess isem li kien ingħatalu legalment fid-Danimarka, u mhux b’isem differenti.

77.      Madankollu, ma jidhirlix li l-eżerċizzju tad-drittijiet idderivati miċ-ċittadinanza tal-Unjoni huwa dejjem inseparabbilment u neċessarjament marbut mal-moviment fiżiku. Diġà hemm ukoll każijiet ta’ ċittadinanza fejn l-element ta’ moviment veru qajla jista’ jiġi identifikat jew fejn frankament ma jeżistix.

78.      Fil-Kawża García Avello (62), il-ġenituri kienu ċittadini Spanjoli li kienu marru jgħixu l-Belġju; iżda t-tfal tagħhom Esmeralda u Diego (li kellhom ċittadinanza doppja Spanjola u Belġjana u li l-kunjom ikkontestat tagħhom kien is-suġġett tal-kawża) kienu mwielda l-Belġju u, sa fejn jista’ jiġi stabbilit mir-rapport tal-kawża, qatt ma kienu telqu minn hemm. Fil-Kawża Zhu u Chen (63), Catherine Zhu kienet twieldet f’parti tar-Renju Unit (l-Irlanda ta’ Fuq) u sempliċement marret tgħix band’oħra fi ħdan ir-Renju Unit (marret lejn l-Ingilterra). Il-liġijiet li dak iż-żmien kienu jagħtu ċittadinanza Irlandiża lil kull min kien imwieled fil-gżira tal-Irlanda (inkluża l-Irlanda ta’ Fuq), flimkien ma’ parir legali tajjeb, ippermettewlha tibbaża fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni biex tissostanzja dritt ta’ residenza fir-Renju Unit għaliha u għal ommha li kienet Ċiniża, għaliex kieku kien ikun impossibbli għaliha, bħala tifla żgħira, biex teżerċita d-drittijiet tagħha bħala ċittadina tal-Unjoni b’mod effettiv. Fil-Kawża Rottmann (64), iċ-ċittadinanza kruċjali (ċittadinanza Ġermaniża b’naturalizzazzjoni, minflok iċ-ċittadinanza Awstrijaka preċedenti akkwistata bit-twelid) ġiet akkwistata minn Dr Rottmann wara li kien telaq mill-Awstrija biex imur jgħix il-Ġermanja. Madankollu, is-sentenza tinjora dak il-moviment preċedenti, u tħares esklużivament lejn l-effetti futuri li l-irtirar taċ-ċittadinanza Ġermaniża kien ser ikollu fis-sens li Dr Rottmann jisfa bla Stat. (Ser niġi lura iktar ’il quddiem, f’iktar dettall, għal din is-sentenza reċenti importanti.) (65)

79.      Meta wieħed jeżamina d-diversi drittijiet li t-Trattat jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni, huwa ċar li xi wħud minnhom – b’mod partikolari, id-dritt li wieħed jivvota u li joħroġ bħala kandidat f’elezzjonijiet lokali u elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew – jistgħu jiġu invokati biss fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru li l-persuna kkonċernata jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu (66). Drittijiet oħrajn – id-dritt li wieħed iressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 227 TFUE u d-dritt li wieħed jirrikorri quddiem l-Ombudsman skont l-Artikolu 228 TFUE – jidhru li jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr limitazzjoni ġeografika (67). Id-dritt għal protezzjoni diplomatika jew konsulari taħt l-Artikolu 23 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 20 KE) jista’ jiġi eżerċitat fi kwalunkwe pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu l-persuna jkollha ċ-ċittadinanza ma jkunx irrappreżentat.

80.      Huwa inqas faċli biex wieħed jiddelimita dak li forsi huwa d-dritt “bażiku” – id-“dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri” (68). Dan huwa dritt magħqud (id-dritt ta’ “moviment u residenza”)? Dritt sekwenzjali (“id-dritt ta’ moviment u, wara li jkun sar moviment f’xi stadju fil-passat, dritt ta’ residenza”)? Jew żewġ drittijiet indipendenti (“id-dritt ta’ moviment” u “d-dritt ta’ residenza”)?

3.      L-impatt tad-drittijiet fundamentali

81.      Jekk hemm għażla bejn li tirrestrinġi l-interpretazzjoni tad-“dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri” stabbilit fl-Artikoli 20(2)(a) u 21(1) TFUE għal sitwazzjonijiet fejn iċ-ċittadin tal-UE jkun l-ewwel mar fi Stat Membru ieħor, jew li taċċetta li t-termini “moviment” u “residenza” jistgħu jinqraw separatament biex b’hekk ċittadin tal-UE ma jkunx prekluż milli jinvoka dawk id-drittijiet meta jkun jgħix (mingħajr moviment preċedenti) fl-Istat Membru li tiegħu jkun ċittadin, il-Qorti tal-Ġustizzja x’għandha tagħmel?

82.      F’dan l-istadju, huwa neċessarju li mmorru lura għall-kwistjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fi ħdan is-sistema ġuridika tal-Unjoni Ewropea.

83.      L-importanza tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest klassiku tal-moviment liberu ġiet spjegata b’mod mill-iktar elokwenti mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża Konstantinidis (69), li kienet tinvolvi massaġġatur Grieg li kien jaħdem fil-Ġermanja u li kien allega li traskrizzjoni ħażina uffiċjali ta’ ismu kienet tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Il-mod kif l-Avukat Ġenerali Jacobs applika l-ġurisprudenza eżistenti Wachauf kellu konsegwenzi ta’ portata wiesgħa. Konstantinidis ma baqgħetx sempliċement kawża dwar diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ċittadinanza iżda saret kawża dwar id-dritt fundamentali għall-identità personali. L-aċċettazzjoni tad-dritt tar-rikorrent (kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha) timplika aċċettazzjoni tal-premessa li ċittadin tal-UE li jmur fi Stat Membru ieħor huwa intitolat jassumi “li, kull fejn imur biex jaqla’ l-għajxien tiegħu fl-UE, huwa ser jiġi ttrattat b’mod konformi ma’ kodiċi komuni ta’ valuri fundamentali […]. Fi kliem ieħor, huwa intitolat jgħid “civis europeus sum” u jinvoka dak l-istatus sabiex jopponi kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu” (70). Iċ-ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita drittijiet ta’ moviment liberu jista’ jinvoka l-firxa sħiħa ta’ drittijiet fundamentali protetti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea (kemm jekk ikunu u kemm jekk ma jkunux konnessi max-xogħol ekonomiku li għalih huwa jkun qed jitlaq minn Stat Membru għall-ieħor). Kieku dan ma kienx il-każ, huwa jista’ jkun skoraġġut milli jeżerċita dawk id-drittijiet għal moviment liberu.

84.      Ikun paradossali (ta’ mill-inqas) kieku ċittadin tal-Unjoni jkun jista’ jibbaża fuq drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-UE meta jkun qed jeżerċita dritt għal moviment liberu bħala ħaddiem, jew meta dritt nazzjonali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat (pereżempju, id-dispożizzjonijiet dwar paga ugwali) jew meta jinvoka leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE (bħad-direttiva dwar is-servizzi), iżda ma jkunx jista’ meta jkun sempliċement qed “jirrisjedi” f’dak l-Istat Membru. Jekk ninjoraw, għall-finijiet tal-eżempju, kwalunkwe protezzjoni li tista’ tinkiseb fi ħdan is-sistema ġuridika nazzjonali mill-invokazzjoni tal-Artikolu 8 tal-KEDB, ejja nassumu (pjuttost implawżibbilment) li regola nazzjonali fl-Istat Membru A tagħti protezzjoni mtejba għal-libertà ta’ espressjoni reliġjuża biss lil persuni li għexu hemmhekk kontinwament għal 20 sena. Ċittadin tal-Istat Membru A (bħal Marie-Nathalie D’Hoop) li fil-passat kienet eżerċitat drittijiet ta’ moviment liberu billi marret fl-Istat Membru B, li huwa ġar tal-Istat Membru A, lil fejn hija rritornat biss reċentement ikun jista’ jibbaża fuq id-drittijiet fundamentali tiegħu kontra l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu fil-kuntest taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tiegħu (billi jinvoka kemm l-Artikolu 9 KEDB kif ukoll l-Artikolu 10 tal-Karta). Ċittadin tal-Unjoni ta’ 18-il sena li jkun ċittadin tal-Istat Membru B, iżda li jkun twieled u dejjem għex fl-Istat Membru A, ikun jista’ jagħmel l-istess? (Ma hemm ebda diskriminazzjoni fir-regola nazzjonali kkontestata li hija bbażata direttament jew indirettament fuq iċ-ċittadinanza u għalhekk l-Artikolu 18 TFUE [li qabel kien l-Artikolu 12 KE] ma jistax jiġi invokat.) Abbażi tas-sentenza Garcia Avello, ir-risposta ċertament hija “iva” – iżda dik ir-risposta timplika li d-“dritt ta’ residenza” huwa dritt awtonomu, u mhux xi dritt marbut b’xi kurdun ġuridiku mad-dritt ta’ moviment. Finalment, x’inhi s-sitwazzjoni (u hawnhekk ukoll qed nantiċipa d-diskussjoni dwar id-diskriminazzjoni inversa) taċ-ċittadin tal-Unjoni ta’ 18-il sena li huwa ċittadin tal-Istat Membru A, li jgħix hemmhekk u li ma jista’ jipponta lejn ebda konnessjoni ulterjuri mad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jirriżulta minn ċirkustanzi inċidentali jew ippjanati (pereżempju, li vvjaġġa lejn l-Istat Membru B fuq mawra tal-iskola)?

85.      F’dan l-isfond, immur lura għall-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iċ-ċittadinanza.

86.      Jekk wieħed jinsisti fuq il-premessa li l-moviment fiżiku lejn Stat Membru apparti l-Istat Membru taċ-ċittadinanza huwa meħtieġ qabel ma jistgħu jiġu invokati d-drittijiet ta’ residenza bħala ċittadin tal-Unjoni, hemm riskju li r-riżultat ikun kemm stramb kif ukoll illoġiku. Nassumu li ġar amikevoli kien ħa lil Diego u Jessica fuq żjara jew tnejn lejn Parc Astérix f’Pariġi, jew mal-kosta fi Bretagne (71). Huma b’hekk ikunu rċevew servizzi fi Stat Membru ieħor. Jekk huma mbagħad jippruvaw jasserixxu drittijiet li jirriżultaw mill-“moviment” tagħhom, ma jistax jiġi ssuġġerit li s-sitwazzjoni tagħhom kienet “purament interna” għall-Belġju (72). Żjara waħda kienet tkun biżżejjed? Jew tnejn? Jew bosta? Żjara ta’ ġurnata kienet tkun biżżejjed, jew kien ikun meħtieġ li joqogħdu għal lejl jew żewġt iljieli fi Franza?

87.      Kieku l-familja wara li tkun ġiet imġiegħla titlaq mill-Belġju u saħansitra mill-Unjoni Ewropea, kellha tfittex refuġju, ngħidu aħna, fl-Arġentina, Diego u Jessica jkunu jistgħu, bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea, jinvokaw protezzjoni diplomatika u konsulari mingħand il-missjonijiet ta’ Stati Membri oħrajn f’dak il-pajjiż terz. Huma jkunu jistgħu jitolbu aċċess għal dokumenti u jiktbu lill-Ombudsman. Iżda ma jkunux jistgħu, skont din l-ipoteżi, jibbażaw fuq id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni biex ikomplu jgħixu fil-Belġju.

88.      Huwa diffiċli li wieħed ma jħossux skomdu b’tali eżitu. Ikun jidher li l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ ċittadinanza tal-UE jkun qed jiġi rregolat minn lotterija u mhux mil-loġika.

89.      Ikun meħtieġ li tinħoloq estensjoni radikali tal-ġurisprudenza dwar iċ-ċittadinanza biex jiġi stabbilit, f’din il-kawża, li d-drittijiet tat-tfal ta’ Zambrano bħala ċittadini tal-Unjoni huma involuti – minkejja li għadhom ma ħarġux ’il barra mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom – u (jekk dan huwa l-każ) biex sussegwentement jiġi kkunsidrat jekk huwa jistax jasserixxi dritt derivattiv ta’ residenza?

90.      Ma jidhirlix li huwa meħtieġ pass partikolarment kbir.

4.      Din hija sitwazzjoni purament interna?

91.      F’din il-kawża, l-Istati Membri li ssottomettew osservazzjonijiet argumentaw, unanimament, li s-sitwazzjoni ta’ G. Ruiz Zambrabo hija “purament interna” għall-Belġju u li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk relatati maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, b’hekk ma jiskattawx. Il-Kummissjoni adottat linja ta’ argumentazzjoni simili. Xi ftit jew wisq, ilkoll jippuntaw lejn protezzjoni potenzjali li tista’ tingħata lil G. Ruiz Zambrano u l-familja tiegħu jew taħt id-dritt nazzjonali jew taħt il-KEDB u jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja, bi gradi differenti ta’ insistenza, biex ma tikkontemplax il-possibbiltà li jistgħu jiġu invokati drittijiet taħt id-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza.

92.      Ma naqbilx ma din il-fehma.

93.      Ta’ min wieħed jinnota li fis-sentenza Rottmann, kemm il-Ġermanja (l-Istat Membru tan-naturalizzazzjoni ta’ Dr Rottmann) kif ukoll fl-Awstrija (l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu), appoġġati mill-Kummissjoni, argumentaw li “fil-mument li ttieħdet id-deċiżjoni tar-revoka ta’ naturalizzazzjoni ta’ [Dr Rottmann], huwa kien ċittadin Ġermaniż, residenti fil-Ġermanja u li ġie nnotifikat b’att amministrattiv maħruġ minn awtorità Ġermaniża. […] B’hekk [...] din hija sitwazzjoni purament interna li ma għandha l-ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni, għaliex hija ma tapplikax biss minħabba l-fatt li Stat Membru jadotta miżura fir-rigward ta’ ċittadin tiegħu. Il-fatt li, fis-sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-interessat għamel użu mid-dritt tiegħu tal-moviment liberu qabel in-naturalizzazzjoni tiegħu ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu element transkonfinali li jkollu rwol fir-rigward tar-revoka tal-imsemmija naturalizzazzjoni” (73).

94.      B’reazzjoni għal dak l-argument, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-istedina biex tinjora l-eżerċizzju preċedenti tad-dritt ta’ moviment liberu ta’ Dr Rottmann (mill-Awstrija għall-Ġermanja) u ħarset lejn il-futur u mhux il-passat. Hija rrimarkat, f’termini sodi, li għalkemm l-għoti u l-irtirar taċ-ċittadinanza huma kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, ir-regoli nazzjonali kkonċernati madankollu jridu jikkunsidraw lil dan tal-aħħar. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, “[i]s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni […] li huwa kkonfrontat b’deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni […] u li tista’ […] twassal sabiex jitlef l-istatus mogħti mill-[Artikolu 20 TFUE] u d-drittijiet marbuta miegħu, taqa’ taħt, minn natura tagħha stess u mill-konsegwenzi tagħha, id-dritt tal-Unjoni.” (74)

95.      Jidhirli li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Rottmann, moqrija flimkien mad-deċiżjoni preċedenti tagħha fil-kawża Zhu u Chen, jista’ faċilment jiġi traspost għal din il-kawża. Hawnhekk, l-għoti ta’ ċittadinanza Belġjana lit-tfal ta’ G. Ruiz Zambrano, Diego u Jessica, kienet kwistjoni li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dak l-Istat Membru. Ladarba ngħatat dik iċ-ċittadinanza, madankollu, it-tfal saru ċittadini tal-Unjoni u intitolati li jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom bħala tali ċittadini, b’mod parallel mad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini Belġjani. Huma għadhom ma ħarġux ’il barra mill-Istat Membru tagħhom. Lanqas Dr Rottmann ma kien għamel hekk wara n-naturalizzazzjoni tiegħu. Jekk il-ġenituri ma jkollhomx dritt derivattiv ta’ residenza u jkunu meħtieġa jitilqu mill-Belġju, ikun probabbli ħafna li t-tfal ikollhom jitilqu magħhom. F’termini prattiċi, dan iwassal biex Diego u Jessica jsibu ruħhom f’pożizzjoni “li twassal biex jitilfu l-istatus mogħti [miċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħhom] u d-drittijiet marbuta miegħu”. Minn dan isegwi – bħal fil-każ ta’ Dr Rottmann – li s-sitwazzjoni tat-tfal “taqa’ taħt, min-natura tagħha stess u mill-konsegwenzi tagħha, id-dritt tal-Unjoni”.

96.      Barra minn hekk, bħal Catherine Zhu, Diego u Jessica ma jistgħux jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni (speċifikament, id-drittijiet tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi kwalunkwe Stat Membru) b’mod sħiħ u effettiv mingħajr il-preżenza u s-sostenn tal-ġenituri tagħhom. B’applikazzjoni tal-istess konnessjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat f’Zhu u Chen (li tippermetti lil tifla żgħira teżerċita d-drittijiet ta’ ċittadinanza tagħha b’mod effettiv) isegwi li bl-istess mod is-sitwazzjoni ta’ G. Ruiz Zambrano ma hijiex waħda “purament interna” għall-Istat Membru. Din ukoll taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE.

97.      B’hekk isegwi wkoll (bħal fis-sentenza Rottmann) li “[f]’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju” – jew, essenzjalment fi kliem ieħor, li l-fatti ta’ din il-kawża ma jikkostitwixxux sitwazzjoni purament interna, li ma għandha ebda konnessjoni mad-dritt tal-UE. Biex tagħmel dan, fil-fehma tiegħi, ikollha tiddeċiedi dawn il-kwistjonijiet: (a) hemm probabbiltà ta’ interferenza mad-drittijiet tat-tfal ta’ G. Ruiz Zambrano, bħala ċittadini tal-Unjoni, għal-libertà ta’ moviment u residenza fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri? (b) jekk teżisti tali interferenza, fil-prinċipju hija permessibbli? (c) jekk fil-prinċipju hija permessibbli, hija madankollu suġġetta għal xi limitazzjonijiet (pereżempju, fuq bażi ta’ proporzjonalità)?

5.      Hemm interferenza?

98.      Bħala ċittadini tal-Unjoni, it-tfal ta’ G. Ruiz Zambrano mingħajr ebda dubju għandhom “dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri”. Fit-teorija, huma jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt. Fil-prattika, ma jistgħux jagħmlu dan b’mod indipendenti mill-ġenituri tagħhom minħabba l-età tagħhom.

99.      Jekk G. Ruiz Zambrano ma jistax igawdi dritt derivattiv ta’ residenza fil-Belġju (il-kwistjoni li madwarha jirrivolvi l-intitolament tiegħu għall-benefiċċju tal-qgħad) allura, f’xi żmien jew ieħor, huwa ser ikollu jitlaq mill-Istat Membru li tiegħu wliedu huma ċittadini. Minħabba l-età tagħhom (u kemm-il darba, naturalment, ma kienx hemm daqstant dewmien għat-tluq li t-tfal laħqu saru maġġorenni), it-tfal tiegħu jkollhom jitilqu miegħu (75). Huma ma jkunux jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi ħdan it-territorju tal-Unjoni Ewropea. Il-paralleli mal-Kawża Rottmann huma ovvji. Id-drittijiet ta’ Dr Rottmann bħala ċittadin tal-Unjoni kienu taħt theddida serja peress li r-revoka tan-naturalizzazzjoni tiegħu fil-Ġermanja kienet ser tħallih f’pożizzjoni fejn ma jkunx jista’ jeżerċita dawk id-drittijiet ratione personae. F’din il-kawża, it-tfal ta’ G. Ruiz Zambrano jiffaċċjaw theddida li ma hijiex wisq diffrenti għad-drittijiet tagħhom ratione loci. Huma jeħtieġu li jkunu jistgħu jibqgħu fiżikament preżenti fi ħdan it-territorju tal-Unjoni Ewropea sabiex ikunu jistgħu jmorru minn Stat Membru għal ieħor jew biex jgħixu fi kwalunkwe Stat Membru (76).

100. Kif rajna (b’mod partikolari fis-sentenzi Garcia Avello, Zhu u Chen u Rottmann), il-ġurisprudenza eżistenti diġà tippermetti li ċerti drittijiet ta’ ċittadinanza jiġu invokati indipendentement minn moviment transkonfinali preċedenti miċ-ċittadin tal-UE inkwistjoni. Jidhirli li kieku r-rikorrent(i) fl-ewwel tnejn minn dawk il-każijiet kellhom bżonn jasserixxu dritt awtonomu ta’ residenza kontra l-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati (ċittadini Spanjoli fil-Belġju, ċittadina Irlandiża fir-Renju Unit) il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament kienet ser tirrikonoxxi tali dritt. Fil-Kawża Rottmann, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà marret oltre billi pproteġiet id-drittijiet futuri ta’ ċittadinanza ta’ resident ta’ ċittadinanza Ġermaniża fil-Ġermanja. F’dan l-isfond, ikun artifiċjali jekk ma jiġix rikonoxxut apertament li (għalkemm fil-prattika d-dritt ta’ residenza huwa, fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet, probabbilment eżerċitat wara l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment) l-Artikolu 21 TFUE jinkludi dritt separat ta’ residenza li huwa indipendenti mid-dritt ta’ moviment liberu.

101. Għaldaqstant, nirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja issa tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ dak id-dritt awtonomu ta’ residenza.

102. Għar-raġunijiet li diġà ddiskutejt, Diego u Jessica ma jistgħux jeżerċitaw tali dritt ta’ residenza mingħajr is-sostenn tal-ġenituri tagħhom. Għaldaqstant nikkonkludi li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, rifjut li jiġi rikonoxxut dritt derivattiv ta’ residenza għal G. Ruiz Zambrano jista’, potenzjalment, jikkostitwixxi interferenza mad-dritt ta’ residenza ta’ Diego u ta’ Jessica bħala ċittadini tal-Unjoni.

103. Ma’ dan inżid li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex disposta li taċċetta li l-Artikolu 21 TFUE jikkonferixxi dritt awtonomu ta’ residenza, xorta waħda nikkonkludi, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, li l-interferenza potenzjali mad-dritt ta’ Diego u ta’ Jessica ta’ moviment u ta’ residenza fi ħdan it-territorju tal-Unjoni huwa suffiċjentement analogu għal dak li kien jaffettwa lil Catherine Zhu (li qatt ma kienet residenti fir-Repubblika tal-Irlanda u li, fil-fatt, qatt ma kienet telqet mit-territorju tar-Renju Unit) u li s-sitwazzjoni tagħhom għandha tiġi assimilata ma’ tagħha.

6.      L-interferenza tista’ tkun iġġustifikata?

104. Nibda billi nosserva li, meta għażel li ma jagħmilx dikjarazzjoni espressa li wliedu għandhom isiru Kolombjani biex b’hekk għażel li huma minflok jakkwistaw iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-UE fejn twieldu, G. Ruiz Zambrano nqeda minn possibbiltà li kienet disponibbli għalih legalment. F’dan ir-rigward, l-aġir tiegħu jista’ jiġi mqabbel ġustament ma’ dik tal-koppja Zhu. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li wieħed ma jistax jiġi kkundannat talli jieħu vantaġġ minn possibbiltà offruta mil-liġi u li dan huwa b’mod ċar differenti minn abbuż ta’ drittijiet (77). Sa minn meta seħħew il-fatti f’din il-kawża, il-liġi Belġjana dwar iċ-ċittadinanza ġiet emendata (78) u persuna fil-pożizzjoni ta’ G. Ruiz Zambrano ma għadx għandha l-possibbiltà li tagħżel li ma tirreġistrax it-tarbija tagħha mal-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta’ pajjiżha sabiex jiġi żgurat li huma jiksbu ċittadinanza Belġjana. Iżda dak iż-żmien ma kien hemm xejn ħażin li wieħed jaġixxi kif għamel hu.

105. Huwa importanti li wieħed iżomm dan il-fatt f’moħħu – b’mod partikolari, fir-rigward ta’ kull argument li “ser jinfetħu l-bibien”. L-Istati Membri jikkontrollaw min jista’ jsir ċittadin tagħhom (79). F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja hija kkonċernata esklużivament bid-drittijiet li tali persuni jistgħu jinvokaw, ladarba jkunu saru ċittadini ta’ Stat Membru, permezz tal-akkwist simultanju ta’ ċittadinanza tal-Unjoni.

106. B’hekk, fil-Kawża Kaur (80), Manjit Kaur ma setgħetx tiġi “mċaħħda” mid-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għaliex ma kinitx tissodisfa d-definizzjoni ta’ ċittadina tar-Renju Unit tal-Gran Brettanja u tal-Irlanda ta’ Fuq. Peress li ma għaddietx mill-aħħar ostakolu u ma kkwalifikatx, taħt ir-regoli taċ-ċittadinanza applikabbli għaliha, bħala xi ħadd “biċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru”, hija sussegwentement ma setgħetx tinvoka drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea bħala ċittadina tal-Unjoni biex tirrisjedi f’xi Stat Membru (inkluż ir-Renju Unit) (81). F’din il-kawża, madankollu, it-tfal ta’ G. Ruiz Zambrano għandhom u jgawdu d-drittijiet normali ta’ ċittadini Belġjani, bl-istess mod kif Dr Rottmann kellu u kien igawdi d-drittijiet normali taċ-ċittadinanza Ġermaniża tiegħu permezz ta’ naturalizzazzjoni.

107. Dawn huma, b’mod ċar, sitwazzjonijiet fejn l-eżerċizzju ta’ drittijiet minn ċittadin tal-Unjoni ma jiddependix fuq l-għoti ta’ drittijiet ta’ residenza lil membru axxendent tal-familja. B’hekk, ċittadin tal-UE li jkun sar maġġorenni jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu li jivvjaġġa u jgħix fit-territorju tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma huwa neċessarju li l-ġenitur jew il-ġenituri tiegħu jingħataw drittijiet ta’ residenza konkurrenti fl-Istat Membru magħżul.

108. Fil-fehma tiegħi, għaldaqstant, l-interferenza potenzjali mad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE li tqum jekk membru axxendent tal-familja ma jkunx igawdi dritt derivattiv awtomatiku ta’ residenza fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin tal-UE hija aċċettabbli fil-prinċipju. Madankollu, tista’ ma tkunx interferenza permissibbli f’ċerti ċirkustanzi (b’mod partikolari, għaliex tista’ ma tkunx proporzjonata).

7.      Proporzjonalità

109. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Micheletti (82), Kaur (83) u iktar reċentment fis-sentenza Rottmann, għalkemm l-għoti taċ-ċittadinanza hija kwistjoni li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru, huma għandhom, madankollu, meta jeżerċitaw din il-kompetenza, jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni Ewropea (84). L-istess riżultat intlaħaq fis-sentenza Bickel u Franz fir-rigward tal-liġi kriminali u dik ta’ proċedura kriminali (85), f’García Avello fir-rigward tar-regoli nazzjonali dwar il-kunjomijiet (86) jew f’Schempp, dwar tassazzjoni diretta (87), – ilkoll oqsma sensittivi fejn l-Istati Membri għadhom jeżerċitaw poteri sinjifikattivi.

110. F’din il-kawża, bħal ma jiġri spiss, is-sitwazzjoni hija waħda li tinvolvi l-eżerċizzju ta’ dritt u ġustifikazzjoni potenzjali għall-interferenza ma’ (jew deroga minn) dak id-dritt; u l-kwistjoni fl-aħħar mill-aħħar hija waħda ta’ proporzjonalità. Huwa proporzjonat, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, li jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza għal G. Ruiz Zambrano, li huwa dderivat mid-drittijiet ta’ wliedu bħala ċittadini tal-UE? Waqt li fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni dwar il-proporzjonalità (bħas-soltu) hija kwistjoni li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, xi rimarki fil-qosor jistgħu jkunu ta’ għajnuna.

111. L-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità f’din il-kawża (bħal f’Rottmann) teħtieġ li “l-qorti tar-rinviju […] tivverifika jekk id-deċiżjoni ta’ revoka inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ din l-aħħar deċiżjoni fuq il-persuna kkonċernata skont id-dritt tal-Unjoni” (minbarra kwalunkwe eżami tal-proporzjonalità li jista’ jkun meħtieġ taħt id-dritt nazzjonali) (88). Kif kompliet tispjega l-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża, “minħabba l-importanza li d-dritt primarju jagħti lill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni […], għandhom jitqiesu […] il-konsegwenzi eventwali li din id-deċiżjoni jkollha fuq l-interessat u, jekk ikun il-każ, fuq il-membri tal-familja tiegħu. F’dan ir-rigward għandu jiġi vverifikat, b’mod partikolari, jekk din it-telfa hijiex iġġustifikata […]” (89).

112. Matul is-seduta, l-Istati Membri intervenjenti enfasizzaw li r-rekwiżiti ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru. Il-konsulenti legali għall-Belġju u d-Danimarka ddikjaraw li G. Ruiz Zambrano huwa persuna li talab ażil iżda li ma rnexxilux jiksbu u li ġie ordnat jitlaq mit-territorju Belġjan ftit wara l-wasla tiegħu fl-1999. Huwa sussegwentement għex hemmhekk illegalment għal perijodu kunsiderevoli ta’ żmien u ma għandux jibbenefika minn dritt ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Il-konsulent legali għall-Irlanda pinġa stampa drammatika tal-mewġa ta’ immigrazzjoni minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li inevitabbilment tirriżulta jekk jiġi deċiż li G. Ruiz Zambrano jgawdi dritt ta’ residenza dderivat miċ-ċittadinanza Belġjana tat-tfal tiegħu.

113. Il-konsulent legali ta’ G. Ruiz Zambrano ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-klijent tiegħu kien ħadem mingħajr interruzzjoni ma’ Plastoria għal kważi sitt snin. Matul dak il-perijodu, huwa ħallas debitament il-kontribuzzjonijiet tiegħu tas-sigurtà soċjali. L-investigazzjoni tal-awtoritajiet Belġjani fi ħdan Plastoria ma sabu ebda problema bl-arranġamenti legali ta’ taxxa, sigurtà soċjali u tal-impjieg fir-rigward tal-impjieg tiegħu. L-uniċi kwistjonijiet kienu l-fatt li ma kellux permess tax-xogħol u permess ta’ residenza; u ebda azzjoni ma kienet ittieħdet kontra min kien iħaddmu. Diego u Jessica twieldu bosta snin wara li G. Ruiz Zambrano u martu daħlu l-Belġju bl-ewwel tarbija tagħhom. Ma kien hemm ebda evidenza li huma l-ewwel żiedu lil Diego u mbagħad lil Jessica mal-familja f’tentattiv ċiniku biex jisfruttaw kwalunkwe lakuna disponibbli sabiex ikunu jistgħu jibqgħu fil-Belġju. Din kienet familja ġenwina, u G. Ruiz Zambrano kien integrat għal kollox fil-Belġju. It-tfal tiegħu kienu jattendu l-iskola lokali tagħhom regolarment. Huwa ma kellu ebda kondotta kriminali. Fil-fatt, huwa sussegwentement kien ingħata kemm permess ta’ residenza provviżorju u rinnovabbli kif ukoll permess tax-xogħol tat-tip Ċ.

114. Essenzjalment diġà indirizzajt l-argument tal-Gvern Irlandiż li “ser jinfetħu l-bibien”. Kif wera dak l-Istat Membru stess wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Zhu u Chen, jekk regoli partikolari dwar l-akkwist taċ-ċittadinanza tiegħu jkunu – jew jidhru li jkunu – jistgħu jwasslu għal riżultati “mhux sostenibbli”, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jemendahom sabiex jindirizza l-problema.

115. Waqt li qed ngħid dan, minix qed inħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikunu ksenofobiċi jew biex isakkru l-firrolli u jeqilbu lill-Unjoni Ewropea f’“Fortizza Ewropa”. Dan ikun, fil-fatt, pass lura li għandu jiġi kkundannat – u wieħed, barra minn hekk, li jikkontradixxi b’mod ċar objettivi ddikjarati ta’ politika (90). Jiena sempliċement qed infakkar li r-regoli dwar l-akkwist taċ-ċittadinanza jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri – li ħolqu huma stess il-kunċett ta’ “ċittadinanza tal-Unjoni” – ma jistgħux jeżerċitaw l-istess setgħa mingħajr restrizzjoni fir-rigward tal-konsegwenzi, taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li jirriżultaw mill-għoti taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

116. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ G. Ruiz Zambrano li jitlaq mill-Belġju wara li l-applikazzjoni tiegħu għal ażil ġiet miċħuda, infakkar li huwa kkontesta d-deċiżjonijiet amministrattivi inkwistjoni; u li dawk il-proċeduri ġudizzjarji damu għaddejjin. Infakkar ukoll li, fil-Kawża Carpenter, iċ-ċittadina ta’ pajjiż terz (M. Carpenter) kienet kisret il-liġi nazzjonali dwar l-immigrazzjoni billi ma telqitx mir-Renju Unit qabel ma skadielha ż-żmien biex toqgħod hemm bħala viżitatriċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx dan bħala ostakolu insuperabbli għat-talba sussegwenti tagħha għal drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, u rrimarkat li “l-imġiba tagħha minn meta waslet fir-Renju Unit f’Settembru 1994 ma kienet is-suġġett ta’ ebda lment li seta’ jagħti lok għall-biża li hija setgħet fil-futur tikkostitwixxi periklu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika” (91).

117. B’kuntrast, f’din il-kawża, il-konsegwenzi iktar fit-tul għal Diego u Jessica jekk ma jiġix rikonoxxut dritt derivattiv ta’ residenza huma drastiċi. Huma ma jistgħux jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu bħala ċittadini tal-Unjoni effettivament mingħajr l-għajnuna u s-sostenn tal-ġenituri tagħhom. Għalhekk id-dritt ta’ residenza tagħhom – sakemm jikbru biżżejjed biex ikunu jistgħu jeżerċitawh waħdu – jisfa kważi għal kollox fix-xejn (bħalma kien jiġri fil-każ ta’ Catherine Zhu mingħajr il-preżenza kontinwa ta’ ommha, L. Zhu, fir-Renju Unit).

118. Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandi nindirizza fil-qosor argument addizzjonali li jirriżulta mis-suġġett tal-kawża quddiem il-qorti nazzjonali, jiġifieri r-riskju possibbli li G. Ruiz Zambrano jista’ jsir “piż irraġonevoli” fuq il-finanzi pubbliċi.

119. Fis-sentenza Baumbast (92), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet li jsir riferiment għalihom fl-Artikolu 21 TFUE huma bbażati fuq l-idea li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jista’ jkun subordinat għall-interessi leġittimi tal-Istati Membri. F’dak ir-rigward, il-“benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza m’għandhomx isiru piż ‘irraġjonevoli’ fuq il-finanzi pubbliċi ta’ l-Istat Membru ospitanti.” (93) Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li “dawn il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għandhom jiġu applikati filwaqt li jiġu mħarsa l-limiti imposti mid-dritt Komunitarju u in konformità mal-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità” (94). Fi kliem ieħor, il-miżuri nazzjonali adottati f’dan ir-rigward iridu jkunu neċessarji u xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit (95).

120. Meta tevalwa l-proporzjonalità f’din il-kawża, jeħtieġ li l-qorti nazzjonali tikkunsidra l-fatt li G. Ruiz Zambrano ħadem full-time għal kważi ħames snin ma’ Plastoria. L-impjieg tiegħu kien ġie ddikjarat lill-Office national de la sécurité sociale. Huwa ħallas il-kontribuzzjonijiet statutorji tas-sigurtà soċjali, u persuna li impjegatu kienet tħallas il-kontribuzzjonijiet korrispondenti ta’ persuna li timpjega. Huwa b’hekk fil-passat ikkontribwixxa konsistentement u regolarment għall-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti.

121. Fil-fehma tiegħi, dawn huma fatturi li jwasslu għall-konklużjoni li jkun sproporzjonat jekk ma jiġix rikonoxxut dritt derivattiv ta’ residenza f’din il-kawża. Fl-aħħar mill-aħħar, madankollu, id-deċiżjoni hija f’idejn il-qorti nazzjonali, u f’idejha biss.

122. Għaldaqstant nikkonkludi li l-Artikoli 20 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, ibbażat fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li huwa indipendenti mid-dritt ta’ moviment bejn l-Istati Membri. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lil Stat Membru milli jirrifjuta li jagħti dritt derivattiv ta’ residenza lil axxendent ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat u li jkun għadu ma eżerċitax drittijiet ta’ moviment liberu, kemm-il darba dik id-deċiżjoni tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

VIII – It-tieni domanda – Diskriminazzjoni inversa

123. Din id-domanda ssaqsi jekk l-Artikolu 18 TFUE jistax jiġi invokat biex tiġi riżolta diskriminazzjoni inversa maħluqa bl-interazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni) mad-dritt nazzjonali. Il-problema tista’ tiġi fformulata hekk. Jekk tfal żgħar (bħal Catherine Zhu) ikunu akkwistaw iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, il-ġenitur jew ġenituri tagħhom għandhom igawdu dritt derivattiv ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 21 TFUE u d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Zhu u Chen. Diego u Jessica għandhom ċittadinanza Belġjana u jgħixu fil-Belġju. G. Ruiz Zambrano jista’ jibbaża fuq l-Artikolu 18 TFUE, li jipprojbixxi, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, “kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza”, sabiex jasserixxi l-istess dritt derivattiv ta’ residenza?

124. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta r-raġunament li jiena pproponejt fir-rigward tal-ewwel domanda, din id-domanda ssir superfluwa. Iżda jekk madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix ir-raġunament tiegħi, ikun neċessarju li tikkunsidra jekk l-Artikolu 18 TFUE jistax jiġi invokat biex tiġi indirizzata diskriminazzjoni inversa ta’ dan it-tip.

A –    Il-ġurisprudenza attwali: analiżi kritika

125. Fis-sentenza Baumbast (96), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 18 KE (issa l-Artikolu 21 TFUE) għandu effett dirett, u jagħti dritt awtonomu ta’ moviment liberu lil individwi li ma jkunux attivi ekonomikament. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija estendiet id-drittijiet tal-libertà ta’ moviment lil persuni li ma għandhom ebda konnessjoni diretta mal-aspetti ekonomiċi tas-suq waħdieni, li qabel ma setgħux jinvokaw id-drittijiet ‘klassiċi’ ta’ libertà ta’ moviment. Fil-fehma tiegħi, dan l-iżvilupp kien kemm koerenti kif ukoll inevitabbli, billi segwa loġikament mill-ħolqien taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Sabiex l-Unjoni Ewropea tevolvi f’xi ħaġa iktar minn qafas konvenjenti u effettiv għall-iżvilupp tal-kummerċ, kellha tiżgura rwol effettiv għal dawk li hija ddeċidiet li tibda ssejjaħ iċ-ċittadini tagħha (97).

126. Madankollu, dak l-iżvilupp neċessarjament jimplika konsegwenzi ulterjuri.

127. Fl-ewwel lok, mill-mument meta l-Istati Membri ddeċidew li jżidu, mal-kunċetti eżistenti taċ-ċittadinanza, status ġdid u kumplimentari ta’ “ċittadin tal-Unjoni”, sar impossibbli li dawk l-individwi jitqiesu sempliċement bħala fatturi ekonomiċi tal-produzzjoni. Iċ-ċittadini ma humiex “riżorsi” użati għall-produzzjoni ta’ prodotti u servizzi, iżda individwi marbuta ma’ komunità politika u protetti bi drittijiet fundamentali (98).

128. Fit-tieni lok, meta ċ-ċittadini jiċċaqalqu, huma jagħmlu hekk bħala bnedmin, u mhux bħala robots. Huma jiltaqgħu ma’ xi ħadd li jsiru jħobbu, jiżżewġu u jkollhom familji. L-unità tal-familja, skont iċ-ċirkustanzi, tista’ tkun komposta biss minn ċittadini tal-Unjoni Ewropea, jew minn ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’konnessjonijiet mill-qrib bejniethom. Jekk il-membri tal-familja ma jiġux ittrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jeżerċitaw drittijiet ta’ moviment liberu, il-kunċett ta’ libertà ta’ moviment jitlef is-sinjifikat veru tiegħu (99).

129. Fit-tielet lok, billi tat drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea liċ-ċittadini tagħha, u billi ddikjarat li dawk id-drittijiet huma l-veru pedament tal-Unjoni (Artikolu 6(1) TFUE), l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha lejn il-prinċipju li ċ-ċittadini li jeżerċitaw drittijiet ta’ libertà ta’ moviment jagħmlu dan taħt il-protezzjoni ta’ dawk id-drittijiet fundamentali (100).

130. Fir-raba’ lok, billi rratifikaw it-Trattat ta’ Maastricht u t-Trattati sussegwenti li emendawh, l-Istati Membri aċċettaw li – peress li ċ-ċittadini tagħhom huma wkoll ċittadini tal-Unjoni Ewropea – il-kompitu li jiġu indirizzati t-tensjonijiet jew id-diffikultajiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ moviment liberu ta’ dawn iċ-ċittadini huwa wieħed konġunt. Huwa kompitu li jaqa’ fuq l-Istati Membri individwali, iżda wkoll fuq l-Unjoni Ewropea (101).

131. Dawk il-konsegwenzi ma humiex konsistenti mal-idea li wieħed għandu sempliċement isegwi, fir-rigward taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, l-approċċ ortodoss lejn il-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà ta’ moviment ta’ ħaddiema impjegati u li jaħdmu għal rashom u tal-kapital.

132. Ir-ratio sottostanti tal-libertajiet fundamentali ekonomiċi huwa li jinħoloq suq uniku billi jiġu eliminati l-ostakoli għall-kummerċ u tittejjeb il-kompetizzjoni. L-għodod li t-Trattat jikkonferixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-suq uniku (stipulati, inter alia, f’dak li issa huwa l-Artikolu 3 TUE) ġew żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan il-mod. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, inter alia, kriterji sabiex jiġi ddeterminat x’tikkostitwixxi l-konnessjoni neċessarja ma’ kull libertà fundamentali. Biex nieħdu eżempju wieħed: sa mis-sentenza Dassonville (102), moviment potenzjali kif ukoll moviment fiżiku attwali jitqies bħala rilevanti għall-moviment liberu tal-merkanzija. Għalkemm din il-ġurisprudenza speċifika ma teħtieġx li attwalment ikun seħħ moviment preċedenti, madankollu hija xorta waħda l-idea ta’ moviment (anki jekk dak il-moviment ikun ipotetiku) li sservi bħala ċ-ċavetta għad-drittijiet mogħtija mil-libertajiet fundamentali.

133. Konsegwenza ta’ dak l-approċċ lejn is-suq intern hija r-riskju li fatturi “statiċi” tal-produzzjoni jitħallew f’pożizzjoni agħar mill-fatturi “mobbli”, minkejja li f’kull aspett ieħor iċ-ċirkustanzi tagħhom jistgħu jkunu simili jew identiċi. L-eżitu huwa diskriminazzjoni inversa maħluqa mill-interazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni Ewropea u d-dritt nazzjonali – diskriminazzjoni li sa issa l-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet f’idejn kull Stat Membru biex isolvi, minkejja l-fatt li tali riżultat jikkostitwixxi, prima facie, ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza (103).

134. Tali riżultat huwa aċċettabbli, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, fil-kuntest speċifiku ta’ ċittadinanza tal-Unjoni f’din il-kawża?

135. Eżami ta’ tliet każijiet reċenti juri li jekk inkomplu napplikaw dak l-approċċ tradizzjonali u distakkat, jistgħu jinħolqu riżultati pjuttost imprevedibbli (104).

136. B’riżultat tas-sentenza Carpenter (105), persuna li taħdem għal rasha li jkollha klijenti fi Stati Membri oħrajn tista’ tagħti dritt derivattiv ta’ residenza lill-konjuġi tagħha li jkun jew tkun ċittadin ta’ pajjiż terz, fl-interess li jiġi protett id-dritt għall-ħajja tal-familja. Jekk l-istess persuna li taħdem għal rasha jkollha klijenti biss fl-Istat Membru tagħha, id-dritt tal-Unjoni Ewropea huwa irrilevanti. Iżda llum il-ġurnata, u preċiżament minħabba s-suċċess tas-suq intern, huwa problematiku li ssir distinzjoni daqstant netta bejn persuni li jaħdmu għal rashom b’interessi fi Stat Membru ieħor u persuni li jaħdmu għal rashom b’interessi biss fl-Istat Membru tagħhom. P. Carpenter minn żmien għal żmien kien jivvjaġġa lejn Stati Membri oħrajn biex ibiegħ riklami f’ġurnali. X’kienet tkun is-sitwazzjoni kieku huwa ma kienx ivvjaġġa fiżikament iżda xorta waħda pprovda servizzi okkażjonali lil klijenti fi Stati Membri, permezz tat-telefon jew tal-internet? U kieku l-klijenti tiegħu okkażjonalment kienu jinkludu sussidjarji, fir-Renju Unit, ta’ kumpanniji prinċipali Ġermaniżi jew Franċiżi? Jew kieku, f’okkażjoni waħda, huwa biegħ spazju ta’ riklamar f’ġurnal wieħed lil klijent wieħed li ma kienx ibbażat esklużivament fir-Renju Unit?

137. Fil-Kawża Zhu u Chen (106), omm Catherine Chen, li kienet Ċiniża, saret intitolata għal dritt derivattiv ta’ residenza b’riżultat taċ-ċittadinanza Irlandiża ta’ bintha, li ġiet akkwistata permezz tal-applikazzjoni tar-regola extraterritorjali li dak iż-żmien kienet tifforma parti mil-liġi taċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat Membru. Il-“moviment” kollu f’dik il-kawża seħħ minn naħa għall-oħra ta’ St George’s Channel, bejn l-Ingilterra u l-Irlanda ta’ Fuq, fi ħdan l-istess u l-uniku Stat Membru (ir-Renju Unit). Madankollu, kien hemm konnessjoni suffiċjenti mad-dritt tal-Unjoni Ewropea biex l-omm u bintha jkunu jistgħu t-tnejn li huma jasserixxu drittijiet ta’ residenza fir-Renju Unit. Dan seta’ jseħħ biss bl-arranġament biex Catherine Zhu titwieled fl-Irlanda ta’ Fuq. Iżda għandha tkun kwistjoni ta’ xorti kkundizzjonata bl-istorja (ir-regola extraterritorjali fil-liġi taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru wieħed) li tirregola jekk wieħed jistax jibbaża fuq id-dritt tal-Unjoni Ewropea f’tali ċirkustanzi? Dan huwa eżitu raġonevoli f’termini ta’ ċertezza legali u trattament ugwali għaċ-ċittadini tal-Unjoni?

138. Id-deċiżjoni reċenti fil-Kawża Metock turi l-inċertezza – u d-diskriminazzjoni konsegwenti – b’mod ċar. Fl-2003, l-Awla Manja ddeċidiet fil-Kawża Akrich li “sabiex ikun jista’ jibbenefika, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, mid-drittijiet previsti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, [Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 5, Vol. 1, p. 15)], iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni, għandu jirresjedi legalment fi Stat Membru meta huwa jmur fi Stat Membru li fih iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni qiegħed jemigra jew emigra” (107). Ħames snin wara, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tas-sentenzi MRAX (108) u Il-Kummissjoni vs Spanja (109), is-sentenza Akrich kellha tiġi kkunsidrata mill-ġdid. U hekk ġara: minn dak iż-żmien, il-benefiċċju tal-istess drittijiet li kienu inkwistjoni fil-Kawża Akrich ma jistax issa jiddependi fuq ir-residenza leċita preċedenti ta’ konjuġi li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz fi Stat Membru ieħor. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tagħmel distinzjoni bejn ċittadini tal-Unjoni li kienu diġà eżerċitaw drittijiet ta’ moviment liberu u dawk li ma kinux, waqt li fakkret fi ftit kliem li l-Istati Membri huma lkoll firmatarji tal-KEDB u li l-Artikolu 8 tal-KEDB jipproteġi d-dritt għall-ħajja tal-familja (110). Ċittadini tal-Unjoni “statiċi” b’hekk xorta waħda tħallew ibatu l-konsegwenzi potenzjali ta’ diskriminazzjoni inversa minkejja li d-drittijiet ta’ ċittadini tal-Unjoni “mobbli” ġew estiżi b’mod sinjifikattiv.

B –    Proposta

139. Fil-fehma tiegħi, hemm diffikultajiet kunsiderevoli fil-mod kif taħsibha l-Qorti tal-Ġustizzja preżentament. Għalhekk nemmen li wasal iż-żmien sabiex issir stedina lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tindirizza apertament il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni inversa. L-argumenti li ser nippreżenta jsegwu r-raġunament li pproponejt fil-Kawża Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja; iżda ser nażżarda nissuġġerixxi – fil-kuntest speċifiku ta’ każijiet li jinvolvu drittijiet ta’ ċittadinanza taħt l-Artikolu 21 TFUE – kriterji li jistgħu jintużaw biex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 18 TFUE stess jistax jintuża biex tiġi ribattuta tali diskriminazzjoni.

140. Bidla radikali fil-ġurisprudenza kollha dwar id-diskriminazzjoni inversa ma hijiex ser isseħħ mil-lum għall-għada. Dan, fil-fatt, ma huwiex dak li qed nipproponi. Is-suġġerimenti tiegħi huma ristretti għal każijiet li jinvolvu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Huwa f’dan il-qasam li r-riżultati tal-ġurisprudenza preżenti qed jagħmlu l-iktar ħsara ċara; u fejn aktarx li l-bidla hija meħtieġa l-iktar.

141. Il-kawżi li għadni kemm iddiskutejt – Carpenter, Zhu u Chen u Metock – ilkoll jikkondividu żewġ karatteristiċi. Dawn joħolqu inċertezza ġuridika f’qasam delikat kemm tad-dritt tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tad-dritt nazzjonali, u huma kawżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet interpretazzjoni ġeneruża tal-Artikolu 21 TFUE sabiex tipproteġi drittijiet fundamentali. Sabiex tilħaq bilanċ bejn iċ-ċertezza ġuridika u l-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk konsistentement tat preċedenza lil din tal-aħħar. Ir-raġunament tagħha jaqbel sew mad-dikjarazzjoni fundamentali preċedenti tagħha li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni “hija intiża sabiex tkun l-istat fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri” (111).

142. Madankollu, l-inċertezza maħluqa mill-ġurisprudenza ma hijiex ideali. Allura f’liema direzzjoni għandha tmur il-Qorti tal-Ġustizzja issa?

143. Minn naħa waħda, huwa meħtieġ li tiġi evitata t-tentazzjoni li l-Artikolu 21 TFUE jiġi “mġebbed” sabiex jestendi l-protezzjoni għal dawk li ma jirnexxilhomx jikkwalifikaw “bi ftit”. Għandu jkun hemm limitu għal kull regola li tagħti intitolament. Jekk ma jkunx hemm tali limitu, ir-regola ma tkunx tista’ tiġi ddeċifrata u ħadd ma jkun jista’ jgħid b’ċertezza min ser igawdi l-benefiċċju li tagħti, u min le. Dan ma huwiex fl-interessi tal-Istati Membri jew taċ-ċittadin, u jimmina l-awtorità tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, jekk l-Artikolu 21 TFUE jiġi interpretat b’mod wisq restrittiv, jinħoloq numru ferm akbar ta’ sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni inversa u dawn ikollhom jiġu solvuti mill-Istati Membri. Lanqas dan ma jidher li huwa eżitu wisq sodisfaċenti.

144. Għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni inversa kkawżata mill-interazzjoni bejn l-Artikolu 21 TFUE u d-dritt nazzjonali li twassal għal ksur ta’ dritt fundamentali protett taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, fejn ta’ mill-inqas protezzjoni ekwivalenti ma tkunx disponibbli taħt id-dritt nazzjonali.

145. Jekk jiġi segwit tali approċċ, l-Artikolu 18 TFUE jiskatta biss meta (iżda biss meta) jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi.

146. Fl-ewwel lok, ir-rikorrent irid ikun ċittadin tal-Unjoni residenti fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu li ma jkunx eżerċita drittijiet ta’ moviment liberu taħt it-TFUE (kemm jekk dritt klassiku ekonomiku ta’ moviment liberu jew moviment liberu taħt l-Artikolu 21 TFUE), iżda li s-sitwazzjoni tiegħu tkun komparabbli, f’aspetti materjali oħra, għal dik ta’ ċittadini oħrajn tal-Unjoni fl-istess Stat Membru li jkunu jistgħu jinvokaw drittijiet taħt l-Artikolu 21 TFUE. B’hekk, id-diskriminazzjoni inversa li dwarha jsir ilment ikollha tkun ikkawżata mill-fatt li l-persuni komparabbli (ċittadini oħrajn tal-Unjoni) kienu kapaċi jasserixxu drittijiet taħt l-Artikolu 21 TFUE waqt li ċittadin “statiku” tal-Unjoni li jgħix fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu ma kienx kapaċi prima facie jibbaża fuq id-dritt nazzjonali għal tali protezzjoni.

147. Fit-tieni lok, id-diskriminazzjoni inversa li dwarha sar ilment ikollha tinvolvi ksur ta’ dritt fundamentali protett taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Mhux kull każ minuri ta’ diskriminazzjoni inversa jaqa’ taħt l-Artikolu 18 TFUE. Dak li jikkostitwixxi “ksur ta’ dritt fundamentali” jkollu jiġi ddefinit fejn possibbli b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-qorti ta’ Strasbourg (112). Meta d-diskriminazzjoni inversa twassal għal riżultat li jitqies li huwa ksur ta’ dritt protett mill-qorti ta’ Strasbourg, bl-istess mod jitqies bħala ksur ta’ dritt protett mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, id-dritt tal-Unjoni Ewropea jassumi responsabbiltà biex jiġu rrimedjati l-konsegwenzi ta’ diskriminazzjoni inversa bil-maqlub kkawżata mill-interazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni Ewropea u d-dritt nazzjonali meta (iżda biss meta) dawk il-konsegwenzi jkunu inkonsistenti mal-instandards minimi ta’ protezzjoni stabbiliti mill-KEDB. Billi tiggarantixxi b’dan il-mod, f’dawn iċ-ċirkustanzi, protezzjoni effettiva ta’ drittijiet fundamentali għall-istandards minimi ta’ “Strasbourg”, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed tantiċipa parzjalment ir-rekwiżiti li jistgħu jirriżultaw mill-adeżjoni ppjanata tal-Unjoni Ewropea mal-KEDB. Tali żvilupp jista’ biss isaħħaħ l-ispirtu eżistenti ta’ kooperazzjoni u fiduċja reċiproka bejn iż-żewġ ġurisdizzjonijiet (113).

148. Fit-tielet lok, l-Artikolu 18 TFUE jkun disponibbli biss bħala rimedju sussidjarju, limitat għal sitwazzjonijiet fejn id-dritt nazzjonali ma jagħtix protezzjoni adegwata lid-drittijiet fundamentali. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu storja estensiva ta’ għoti ta’ protezzjoni li huwa ta’ natura sussidjarja. B’hekk, il-prinċipji ta’ effettività (114) u ta’ ekwivalenza (115), id-dritt għal protezzjoni legali effettiva (116) u l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (117) huma lkoll strumenti li jsiru operattivi biss meta jirriżulta li r-regoli nazzjonali huma inadegwati. Din il-kundizzjoni finali sservi biex jinżamm bilanċ xieraq bejn l-awtonomija tal-Istat Membru u l-“effet utile” tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (118). Hija tiżgura li l-protezzjoni sussidjarja taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea tikkumplimenta d-dritt nazzjonali iktar milli tinjora dan l-aħħar dritt. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina (a) jekk xi protezzjoni kinitx disponibbli taħt id-dritt nazzjonali u (b) jekk il-protezzjoni kienet fil-fatt disponibbli, jekk dik il-protezzjoni kinitx (jew le) ta’ mill-inqas ekwivalenti għall-protezzjoni disponibbli taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea.

149. Matul is-seduta, il-konsulent legali ta’ G. Ruiz Zambrano indika li l-Conseil d’État u l-Cour Constitutionnelle Belġjani dan l-aħħar taw sentenza dwar diskriminazzjoni inversa mġarrba minn ċittadin ta’ Stat terz f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-klijent tiegħu (119). Naturalment, hija totalment il-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk, f’din il-kawża, G. Ruiz Zambrano jistax jikseb il-protezzjoni neċessarja mid-dritt nazzjonali, mingħajr ma jirrikorri għall-Artikolu 18 TFUE. Skont il-proposta tiegħi, jibqa’ f’idejn il-qorti nazzjonali sabiex tapplika t-tliet kriterji kumulattivi li nissuġġerixxi; u biex tippermetti li jiġi invokat id-dritt tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni inversa biss meta jiġu sodisfatti dawn il-kriterji.

150. Għaldaqstant nissuġġerixxi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi diskriminazzjoni inversa kkawżata minn interazzjoni bejn l-Artikolu 21 TFUE u d-dritt nazzjonali li tikkostitwixxi ksur ta’ dritt fundamentali protett taħt id-dritt tal-UE, meta ta’ mill-inqas protezzjoni ekwivalenti ma tkunx disponibbli taħt id-dritt nazzjonali.

IX – It-tielet domanda – Drittijiet fundamentali

151. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni domanda (kif ippreżentati hawn fuq) għandhom jingħataw risposta li ma tgħinx lil G. Ruiz Zambrano, ikun neċessarju li nduru għat-tielet domanda. Jista’ jibbaża fuq id-dritt fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-ħajja tal-familja indipendentement minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea?

152. Din tqajjem kwistjoni ta’ prinċipju importanti ħafna: x’inhu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea? Jistgħu jiġu invokati bħala drittijiet awtonomi kontra Stat Membru? Jew għandu jkun hemm xi konnessjoni oħra mad-dritt tal-Unjoni Ewropea? Ma huwiex neċessarju li nelaboraw iktar dwar is-sinjifikat potenzjali tar-risposta għal din id-domanda.

153. Il-Qorti tal-Ġustizzja stess, ma għandniex xi ngħidu, kienet responsabbli għar-rikonoxximent bikri ta’ prinċipji fundamentali tad-dritt u ta’ drittijiet fundamentali fi ħdan is-sistema ġuridika tal-Unjoni Ewropea (120). Fl-1992, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea inkorpora l-frott ta’ din il-ġurisprudenza fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, billi stabbilixxa (fl-Artikolu 6 TUE) l-obbligu tal-Unjoni li tirrispetta drittijiet fundamentali.

154. Matul is-snin ta’ wara, l-Unjoni Ewropea saħħet il-politika tagħha dwar id-drittijiet fundamentali permezz (pereżempju) tat-twaqqif ta’ Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (121), il-ħolqien ta’ portafoll indipendenti fi ħdan il-Kummissjoni responsabbli għad-drittijiet fundamentali (122), l-appoġġ għal proġetti umanitarji madwar id-dinja (123) u t-trasformazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li ġiet ipproklamata għall-ewwel darba fl-2000, li minn test mhux vinkolanti sar dritt primarju (124). Id-drittijiet fundamentali b’hekk saru element ċentrali fl-iżvilupp tal-Unjoni bħala proċess ta’ integrazzjoni ekonomika, legali u soċjali mmirata lejn il-ħolqien ta’ paċi u ġid għaċ-ċittadini tagħha kollha.

155. Naturalment, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex, bħala tali, “qorti tad-drittijiet tal-bniedem”. Madankollu, bħala l-interpretu suprem tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha responsabbiltà permanenti li tiżgura li dawn id-drittijiet jiġu rrispettati fl-isfera tal-kompetenza tal-Unjoni. Fil-fatt, fis-sentenza Bosphorus (125), il-qorti ta’ Strasbourg indikat li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha rwol essenzjali x’tiżvolġi biex jiġu ssalvagwardati drittijiet derivati mill-KEDB u l-protokolli assoċjati tagħha kif japplikaw għal kwistjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni Ewropea – funzjoni li tista’ tassumi sinjifikat akbar hekk kif u meta l-Unjoni Ewropea taderixxi mal-KEDB (126). Għal din ir-raġuni, huwa essenzjali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura li hija tinterpreta t-Trattati b’mod li jirrifletti, b’mod koerenti, l-irwol u s-sinjifikat attwali tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

A –    Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea

156. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu invokati meta (u biss meta) il-miżura kkontestata taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (127). Il-miżuri kollha li jiddaħħlu mill-istituzzjonijiet b’hekk huma suġġetti għal skrutinju tal-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-istess japplika għal atti tal-Istati Membri meħuda fl-implementazzjoni ta’ obbligi taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea jew, b’mod iktar ġenerali, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (128). Dan l-aspett huwa ovvjament delikat (129), peress li jieħu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea fl-isfera ta’ kull Stat Membru, fejn teżisti flimkien mal-istandards tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fid-dritt nazzjonali jew fil-KEDB. Il-kwistjonijiet riżultanti li jinqalgħu fir-rigward tas-sovrapożizzjonijiet bejn il-livelli ta’ protezzjoni taħt id-diversi sistemi (id-dritt tal-Unjoni Ewropea, id-dritt kostituzzjonali nazzjonali u l-KEDB) u l-livell ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali ggarantita mid-dritt tal-Unjoni Ewropea huma magħrufa sew (130), u mhux ser nesplorahom ulterjorment hawnhekk.

157. Il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat ġurisprudenza vasta li tikkonferma d-dikjarazzjoni inizzjali tagħha fis-sentenza Wachauf (131) li “r-rekwiżiti [tad-drittijiet fundamentali] huma vinkolanti wkoll fuq l-Istati Membri meta jimplimentaw ir-regoli [tal-Unjoni Ewropea]” B’mod sinjifikattiv, ġie deċiż li dik ir-regola tapplika wkoll meta Stat Membru jidderoga minn libertà ekonomika fundamentali ggarantita taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea (132). Fis-sentenza Carpenter (133), il-Qorti tal-Ġustizzja marret lil hinn: waqt li bniet fuq il-ġurisprudenza dwar il-“cold-calling” [riklamar bit-telefon mingħajr il-kunsens ta’ min jirċievi t-telefonata] fil-Kawża Alpine Investments (134) sabiex tipproteġi d-drittijiet fundamentali ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea (P. Carpenter) li kien jgħix fl-Istat Membru tiegħu stess iżda kien jipprovdi servizzi minn żmien għal żmien lil destinatarji li jinsabu fi Stati Membri oħrajn. Ir-rikonoxximent tal-fatt li d-deportazzjoni ta’ M. Carpenter kienet ser tkun interferenza sproporzjonata mad-dritt ta’ P. Carpenter għall-ħajja tal-familja kellu l-effett li M. Carpenter – ċittadina ta’ pajjiż terz li ma setgħetx possibbilment teżerċita drittijiet ta’ moviment liberu tal-Unjoni Ewropea – tingħata dritt ta’ residenza.

158. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, applikat limiti għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Unjoni Ewropea – speċifikament, fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li fil-fehma tagħha kienu jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

159. B’hekk, fil-Kawża Maurin (135) il-konvenut ġie akkużat li kien biegħ prodotti wara li kienet skadiet id-data “sa meta għandhom jintużaw”. Huwa allega li d-drittijiet tad-difiża tiegħu kienu ġew miksura matul il-kawża nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrimarkat li għalkemm kien hemm direttiva li teħtieġ li l-prodotti għandhom jindikaw data “sa meta għandhom jinbiegħu”, id-direttiva ma kinitx tirregola l-bejgħ ta’ prodotti tal-ikel ittikkettjati kif suppost li d-data tagħhom “sa meta għandhom jintużaw” tkun skadiet. Konsegwentement, il-kontravvenzjoni li biha ġie mixli J.L. Maurin “kienet tinvolvi leġiżlazzjoni li taqa’ l-barra mill-kamp ta’ applikazzjoni [...] tad-dritt tal-[Unjoni Ewropea] [...], hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk [ma kellhiex] ġurisdizzjoni biex tiddetermina jekk ir-regoli proċedurali applikabbli għal tali kontravvenzjoni kinux jammontaw għal ksur tal-prinċipji dwar l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju tal-kontradittorju fil-proċeduri” (136).

160. Bl-istess mod fil-Kawża Kremzow (137), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-allegazzjonijiet ta’ ċittadin Awstrijak li kien instab ħati fl-Awstrija, iżda li l-appell tiegħu kien nstab mill-qorti ta’ Strasbourg li kien sar bi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq taħt l-Artikolu 6 tal-KEDB. F. Kremzow talab kumpens u allega wkoll li d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea kien inkiser bħala riżultat tad-detenzjoni illegali tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qablitx ma’ dan l-approċċ, u ddikjarat li “waqt li kull deprivazzjoni tal-libertà tista’ timpedixxi lill-persuna kkonċernata milli teżerċita d-dritt tagħha għal moviment liberu, […] prospett purament ipotetiku li wieħed jeżerċita dak id-dritt ma jistabbilixxix konnessjoni suffiċjenti mad-dritt [tal-Unjoni Ewropea] biex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet [tal-Unjoni Ewropea]” (138).

161. Madankollu, is-sentenza Kremzow tagħti finitura importanti lill-ġurisprudenza preċedenti. Wara li kkonfermat in-natura ipotetika tat-talba, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li peress li “Kremzow kien ingħata sentenza għal omiċidju u l-pussess illegali ta’ arma tan-nar taħt dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ma kinux intiżi biex jiżguraw konformità ma’ regoli tad-dritt [tal-Unjoni Ewropea], [b’hekk isegwi] li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali hija relatata ma’ sitwazzjoni li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni Ewropea]” (139). A contrario, jidher li jsegwi li konnessjoni rilevanti mad-dritt tal-Unjoni Ewropea setgħet ġiet ikkonstatata kieku r-reati kellhom konnessjoni ma’ qasam tal-politika tal-UE (pereżempju, kieku nħalqu biex tiġi żgurata konformità ma’ għan tad-dritt tal-Unjoni Ewropea stabbilit f’leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE) (140).

162. Il-qasam speċifiku tad-dritt involut u l-portata tal-kompetenza tal-Unjoni Ewropea f’dak il-qasam tad-dritt huma ta’ rilevanza għall-kwistjoni tad-drittijiet fundamentali? Jidher li din hija domanda importanti. Ir-rieda li tiġi promossa protezzjoni xierqa tad-drittijiet fundamentali ma għandhiex twassal għal użurpazzjoni tal-kompetenza. Sakemm is-setgħat tal-Unjoni Ewropea jibqgħu bbażati fuq il-prinċipju tal-attribuzzjoni, id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea jridu josservaw il-limiti ta’ dik l-attribuzzjoni (141).

163. It-trasparenza u ċ-ċarezza jeħtieġu li wieħed ikun jista’ jidentifika b’ċertezza xi jfisser “il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-UE. Jidhirli li, fuq medda ta’ żmien twil, l-iktar regola ċara tkun waħda fejn id-disponibbiltà tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea la tkun tiddependi fuq jekk dispożizzjoni tat-Trattat tkunx direttament applikabbli u lanqas fuq jekk tkunx iddaħħlet leġiżlazzjoni sekondarja, iżda fuq l-eżistenza u l-portata tal-kompetenza materjali tal-UE. Fi kliem ieħor, ir-regola għandha tkun li, ġaladarba l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza (kemm jekk esklużiva kif ukoll jekk kondiviża) f’qasam partikolari tad-dritt, id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jipproteġu liċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea anki jekk dik il-kompetenza tkun għadha ma ġietx eżerċitata.

164. Għalfejn qed nagħmel dan is-suġġeriment?

165. L-Istati Membri taw kompetenzi lill-Unjoni Ewropea li jippermettulha tadotta miżuri li jieħdu preċedenza fuq id-dritt nazzjonali u li jista’ jkollhom effett dirett. Konsegwentement, ġaladarba jkunu ngħataw dawk il-kompetenzi l-Unjoni Ewropea għandu jkollha kemm il-kompetenza kif ukoll ir-responsabbiltà biex tiggarantixxi drittijiet fundamentali, indipendentement minn jekk dawk is-setgħat fil-fatt ikunux ġew eżerċitati. L-Unjoni Ewropea “hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem” (142). Dik il-garanzija li tinsab fit-Trattat ma għandhiex tkun marbuta mal-kundizzjoni li attwalment tiġi eżerċitata l-kompetenza leġiżlattiva. F’Unjoni Ewropea bbażata fuq id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, il-protezzjoni ma għandhiex tiddependi mill-inizjattiva leġiżlattiva tal-istituzzjonijiet u mill-proċess politiku. Tali protezzjoni kontinġenti tad-drittijiet tmur kontra l-mod kif id-demokraziji kontemporanji jilleġittimaw l-awtorità tal-Istat (143).

166. Tali approċċ ikollu numru ta’ vantaġġi.

167. Fl-ewwel lok, jevita l-ħtieġa li jinħolqu jew jiġu promossi “konnessjonijiet mad-dritt tal-Unjoni” fittizji jew ipotetiċi tat-tip li, fil-passat, xi kultant ħolqu konfużjoni u possibbilment ġebbdu l-portata tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Persuna li tkun eżerċitat drittijiet ta’ moviment liberu ma jkollhiex għalfejn ġġib prova ta’ xi konnessjoni bejn id-dritt fundamentali invokat sussegwentement u li jiffaċilita dak il-moviment liberu (144). Persuna li tkun għadha ma invokatx tali drittijiet ma jkollhiex għalfejn tagħmel dan sabiex toħloq iċ-ċirkustanzi li fihom hija tkun tista’ tibbenefika mill-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali (145) (il-libertà ta’ moviment biex wieħed jirċievi servizzi hija, forsi, l-eħfef mill-erba’ libertajiet li tista’ tiġi sfruttata f’dan ir-rigward). Id-diskriminazzjoni inversa kontra ċittadini ta’ Stat Membru kkawżata mill-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea mogħtija liċ-ċittadini l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea u kompatrijotti li kienu eżerċitaw drittijiet ta’ moviment liberu ma tibqax teżisti (146). Fil-futur, ma jkun hemm ebda diskrepanza (fir-rigward tal-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali tal-UE) bejn politiki armonizzati totalment u dawk armonizzati parzjalment. F’termini ta’ ċertezza ġuridika, it-titjib ikun sinjifikattiv.

168. Fit-tieni lok, tali approċċ iżomm lill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-konfini tas-setgħat tagħha. Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea jkun rilevanti biss meta ċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-invokazzjoni tiegħu jkunu jaqgħu fi ħdan qasam ta’ kompetenza esklużiva jew kondiviża tal-Unjoni Ewropea (147). It-tip ta’ kompetenza involuta jkun ta’ rilevanza għall-għan li tiġi ddefinita l-portata proprja tal-protezzjoni. Fil-każ ta’ kompetenza kondiviża, il-loġika proprja wara l-kondiviżjoni tal-kompetenza għandha tendenza li timplika li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea tkun kumplimentari għal dik ipprovduta mid-dritt nazzjonali (148). (Din tirrifletti l-approċċ li ssuġġerejt iktar ’il fuq fir-rigward tad-diskriminazzjoni inversa.)

169. Fit-tielet lok, jekk id-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea jkunu magħrufa li huma ggarantiti fl-oqsma kollha ta’ kompetenza kondiviża jew esklużiva tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jkunu mħeġġa li jimxu ’l quddiem b’leġiżlazzjoni sekondarja ddettaljata f’ċerti oqsma ta’ sensittività partikolari (bħal-liġi dwar l-immigrazzjoni jew il-liġi kriminali), li tkun tinkludi definizzjoni xierqa tal-portata eżatta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iktar milli jħallu f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja biex issolvi problemi ta’ drittijiet fundamentali fuq bażi ad hoc, kif u meta tinqala’ litigazzjoni dwarhom.

170. Fir-raba’ lok, tali definizzjoni tal-portata tal-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea tkun koerenti mal-implikazzjonijiet sħaħ taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li hija “intiża sabiex tkun l-istat fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri” (149). Tali stat ma huwiex konsistenti mal-kunċett li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija parzjali u fframmentata; li tiddependi fuq jekk xi dispożizzjoni sostantiva rilevanti għandhiex effett dirett jew jekk il-Kunsill u l-Parlament Ewropew eżerċitawx setgħat leġiżlattivi. Fuq medda ta’ żmien twil, hija biss il-protezzjoni konsistenti tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma kollha ta’ kompetenza esklużiva jew kondiviża tal-Unjoni Ewropea li hija kompatibbli mal-kunċett ta’ ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea.

171. Minkejja dawn il-vantaġġi sinjifikattivi, ma jidhirlix li tali pass jista’ jittieħed unilateralment mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

172. Jekk l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea tkun tiddependi unikament fuq l-eżistenza ta’ kompetenza esklużiva jew kondiviża tal-Unjoni Ewropea, dan ikun jinvolvi l-introduzzjoni ta’ element wisq federali fl-istruttura tas-sistema ġuridika u politika tal-Unjoni Ewropea. Fi kliem sempliċi, bidla ta’ dak it-tip tkun analoga għal dik li seħħet fid-dritt kostituzzjonali tal-Istati Uniti wara d-deċiżjoni f’Gitlow vs New York (150), meta l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti estendiet il-portata ta’ bosta drittijiet stabbiliti fl-Ewwel Emenda tal-Kostituzzjoni għall-istati individwali. Il-ġurisprudenza ta’ “inkorporazzjoni”, li sa minn dak iż-żmien ’il hawn hija bbażata fuq il-klawsola ta’ “proċess ġust” (“due process”) fl-Erbatax-il Emenda, ma tirrikjedix moviment bejn stat u ieħor jew atti leġiżlattivi mill-Kungress. Skont il-Qorti Suprema, ċerti drittijiet fundamentali huma tant fundamentali li huma “fost id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali personali protetti mill-klawsola tal-proċess ġust […] minn ksur għalihom kkawżat mill-istati” (151).

173. L-effett ta’ federalizzazzjoni tad-duttrina ta’ inkorporazzjoni Amerikana huwa magħruf sew. Bidla ta’ dak it-tip tbiddel, f’termini ġuridiċi u politiċi, in-natura stessa tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Din għaldaqstant tirrikjedi kemm żvilupp fil-ġurisprudenza kif ukoll dikjarazzjoni politika inekwivoka mill-poteri kostitwenti tal-Unjoni Ewropea (l-Istati Membri tagħha), li tindika rwol ġdid għad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea.

174. Għall-finijiet ta’ din il-kawża, il-punt rilevanti fiż-żmien huwa t-twelid tat-tieni wild ta’ G. Ruiz Zambrano, Diego, fl-1 ta’ Settembru 2003. Huwa dak l-avveniment (id-dħul fix-xena ta’ ċittadin tal-Unjoni) li – jekk għandu raġun G. Ruiz Zambrano – kien imissu wassal lill-awtoritajiet Belġjani biex jaċċettaw illi huwa kellu drittijiet derivattivi ta’ residenza u biex jittrattaw it-talba tiegħu għall-benefiċċju tal-qgħad b’mod korrispondenti.

175. F’dak l-istadju, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kien baqa’ essenzjalment l-istess sa minn Maastricht. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddikjarat b’mod ċar fl-Opinjoni 2/94 li l-Komunità Ewropea, f’dak il-punt, ma kellha ebda setgħat biex tirratifika l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (152). Il-Karta kienet għadha liġi mhux vinkolanti, b’ebda effett dirett jew rikonoxximent mit-Trattat. It-Trattat ta’ Lisbona kien għadu lanqas ma deher fuq ix-xefaq. F’dan l-isfond, sempliċement jidhirli li l-iżvilupp kostituzzjonali neċessarju fis-sisien tal-Unjoni Ewropea, li tiġġustifika d-dikjarazzjoni li d-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea setgħu jiġu invokati indipendentement bħala drittijiet awtonomi, kienet għadha ma seħħitx.

176. Għaldaqstant nikkonkludi, b’risposta għall-aħħar waħda mid-domandi li fformulajt mill-ġdid, li, fiż-żmien tal-fatti rilevanti, id-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma setax jiġi invokat bħala dritt awtonomu, indipendentement minn kwalunkwe konnessjoni oħra mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, la minn ċittadin ta’ stat terz u lanqas minn ċittadin tal-Unjoni, kemm fit-territorju tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza ta’ dak iċ-ċittadin jew fi bnadi oħra fit-territorju tal-Istati Membri.

177. Bir-risposta li qed nipproponi, qed naċċetta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tantiċipa bidla b’mod evidenti f’din il-kawża. Madankollu, nissuġġerixxi li (illum qabel għada) il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tagħżel bejn li tlaħħaq ma’ sitwazzjoni li qed tiżviluppa jew li taqa’ lura wara żviluppi leġiżlattivi u politiċi li diġà seħħew. F’xi punt, il-Qorti tal-Ġustizzja aktarx ser ikollha tittratta kawża – wieħed jissuspetta, rinviju minn qorti nazzjonali – li tkun teħtieġ li hija tikkonfronta l-kwistjoni dwar jekk l-Unjoni issa tinsabx fil-bidu ta’ bidla kostituzzjonali (kif ipprevediet parzjalment il-Qorti tal-Ġustizzja stess meta tat l-Opinjoni 2/94). Ir-risposta għal dik id-domanda tista’ tiġi posposta għalissa, iżda probabbilment mhux għal żmien fil-bogħod ħafna.

X –    Konklużjoni

178. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula mit-Tribunal du travail de Bruxelles skont kif ġej:

–        L-Artikoli 20 u 21 TFUE (li qabel kienu l-Artikoli 17 u 18 KE) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, ibbażat fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li huwa indipendenti mid-dritt ta’ moviment bejn l-Istati Membri. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lil Stat Membru milli jirrifjuta li jagħti dritt derivattiv ta’ residenza lil axxendent ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat u li jkun għadu ma eżerċitax drittijiet ta’ moviment liberu, sakemm din id-deċiżjoni tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

–        L-Artikolu 18 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 12 KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi diskriminazzjoni inversa kkawżata minn interazzjoni bejn l-Artikolu 21 TFUE u d-dritt nazzjonali li tikkostitwixxi ksur ta’ dritt fundamentali protett taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, meta ta’ mill-inqas protezzjoni ekwivalenti ma tkunx disponibbli taħt id-dritt nazzjonali.

–        Fiż-żmien rilevanti fil-kawża prinċipali, id-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma setax jiġi invokat bħala dritt awtonomu, indipendentement minn kwalunkwe konnessjoni oħra mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, la minn ċittadin ta’ stat terz u lanqas minn ċittadin tal-Unjoni, kemm fit-territorju tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza ta’ dak iċ-ċittadin kif ukoll fi bnadi oħra fit-territorju tal-Istati Membri.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Nissellef l-espressjoni “Unjoni ta’ dritt” mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Dámaso Ruiz-Jarabo Colomer fil-Kawża Petersen (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, C‑228/07, Ġabra p. I‑6989, punt 32). Wara l-mewt ħesrem u prematura tiegħu fit-12 ta’ Novembru 2009, jiena assumejt ir-responsabbiltà għal dan ir-rinviju. Nixtieq qabel kollox insemmi kemm il-ħidma kif ukoll l-impenn li diġà kien investa f’dan il-każ u, b’mod ġenerali, il-kwalità u l-firxa tal-kontribut tiegħu għal dak li kien għadu, għalih, id-dritt “Komunitarju” u mhux tal-“Unjoni Ewropea”.


3 – Ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1). Verżjoni aġġornata ġiet approvata mill-Parlament Ewropew fid-29 ta’ Novembru 2007, wara li tneħħew ir-riferimenti għall-Kostituzzjoni Ewropea (ĠU C 303, p. 1).


4 – Trattat miftuħ għall-iffirmar fid-19 ta’ Diċembru 1966: Nazzjonijiet Uniti, Serje ta’ Trattati, Vol. 999, p. 171 u vol. 1057, p. 407. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma firmatarji għall-Patt u ebda riżerva ma ddaħħlet għall-Artikolu 17.


5 – Trattat adottat bir-riżoluzzjoni 44/252 tal-20 ta’ Novembru 1989; Nazzjonijiet Uniti, Serje ta’ Trattati, Vol. 1577, p. 3. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma firmatarji għall-Patt u ebda riżerva ma ddaħħlet għall-Artikolu 9.1.


6 – Iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u rratifikat mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Il-pożizzjoni hija kemxejn iktar ikkumplikata fir-rigward tal-Protokoll 4. Fil-preżent, il-Greċja la ffirmat u lanqas ma rratifikat dan il-Protokoll, waqt li r-Renju Unit iffirmah iżda ma rratifikahx. L-Awstrija, l-Irlanda u l-Pajjiżi l-Baxxi daħħlu riżervi għall-Artikolu 3 fuq punti speċifiċi li ma humiex rilevanti għall-fatti u l-kwistjonijiet ta’ din il-kawża.


7 – L-applikazzjonijiet l-oħrajn ġew wara t-twelid tat-tieni u t-tielet wild tiegħu: ara iktar ’il quddiem, punt 26.


8 – Skont il-leġiżlazzjoni Kolombjana rilevanti, tfal li jitwieldu barra t-territorju tal-Kolombja ma jakkwistawx ċittadinanza Kolombjana sakemm ma ssirx dikjarazzjoni espressa f’dan is-sens mal-uffiċjali konsulari rilevanti. Ebda dikjarazzjoni ta’ dan it-tip ma saret fir-rigward ta’ Diego u Jessica Ruiz Moreno.


9 – Ara l-punt 21 iktar ’il fuq.


10 – It-tieni sentenza tal-Artikolu 43(1) tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 7(14) tad-Digriet Liġi tat-28 ta’ Diċembru 1944.


11 – Ara, rispettivament, il-punti 24 u 22 iktar ’il fuq.


12 – L-ewwel sentenza tal-Artikolu 43(1) u l-Artikolu 69(1) tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(14) tad-Digriet Liġi tat-28 ta’ Diċembru 1944.


13 – Hija ġurisprudenza stabbilita li permess ta’ residenza jikkonferma d-dritt ta’ residenza iktar milli jagħti dak id-dritt: ara s-sentenzi tat-8 ta’ April 1976, Royer (48/75, Ġabra p. 497, punt 50) u tas-17 ta’ Frar 2005, Oulane (C‑215/03, Ġabra p. I‑1215, punt 25).


14 –      Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta’ residenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 3), issa ssostitwita bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46 - 61).


15 – L-Artikolu 40a tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 u l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tad-9 ta’ Ġunju 1999.


16 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, Ġabra p. I‑3763, punt 42).


17 – Conseil d’État, sentenza tal-15 ta’ Mejju 2009, Nru 193.348 u sentenza tat-22 ta’ Settembru tal-2009, Nru 196.294; Cour Constitutionnelle, sentenza tat-3 ta’ Novembru 2009, Nru 174/2009.


18 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont (C‑448/98, Ġabra p. I‑10663, punt 23); tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch (C‑515/99, C‑519/99 sa C‑524/99 u C‑526/99 sa C‑540/99, Ġabra p. I‑2157, punt 26); tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et (C‑6/01, Ġabra p. I-8621, punt 41), u tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja (C‑212/06, Ġabra I‑1683, punt 29).


19 – Sentenza Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, punt 40.


20 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002 (C‑60/00, Ġabra p. I‑6279).


21 – Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002 (C-459/99, p. I‑6591).


22 – Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004 (C-200/02, Ġabra I‑9925). Wara li eżaminajt il-proċess nazzjonali fil-Kawża Zhu u Chen, jien ħadt l-okkażjoni sabiex nagħti dawl fuq il-konkużjoni li ilha teżisti dwar l-ismijiet tal-partijiet f’din il-kawża. L-omm ta’ Catherine twieldet bħala Lavette Man Chen. Hija żżewġet lil Guoqing Zhu (magħruf bħala Hopkins Zhu) u saret L. Zhu. Bint il-koppja kienet għaldaqstant Catherine Zhu. Kemm l-omm kif ukoll il-bint kellhom il-kunjom Zhu meta ġie ppreżentat ir-rikors li ta lok għall-Kawża C‑200/02. Ir-riferiment għal Chen (u l-konfużjoni sussegwenti dwar liema rikorrenti kienet Zhu u liema kienet Chen) jirriżultaw minn sempliċi nuqqas ta’ ftehim.


23 – Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tiegħi f’Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq.


24 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punt 41; ara wkoll MRAX, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 iktar ’il fuq, punt 53; tas-27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑441/02, Ġabra p. I‑3449, punt 109); tal-14 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑157/03, Ġabra p. I‑2911, punt 26); tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑503/03, Ġabra p. I‑1097, punt 41); tat-23 ta’ Settembru 2003, Akrich (C‑109/01, Ġabra p. I‑9607, punti 58 u 59); tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 52), u tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, Ġabra p. I‑6241, punt 79). Dwar id-dritt fundamentali tal-Komunità għall-ħajja tal-familja u l-impatt tiegħu fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ara S. Carrera, In Search of the Perfect Citizen?, Marinus Nijhoff Publishers, Leiden, 2009, pp. 375 sa 388.


25 – Boultif vs L-Isvizzera, 2 ta’ Awwissu 2001, punti 39, 41 u 46, QEDB 2001-IX.


26 – Ara wkoll Amrollahi vs Id-Danimarka, 11 ta’ Lulju 2002, punti 33 sa 44, mhux ippubblikata.


27 – Slivenko vs Il-Latvja, 9 ta’ Ottubru 2003, punt 94, QEDB 2003-X.


28 – Ara Mehemi vs Franza, 26 ta’ Settembru 1997, punt 34, QEDB 1997‑VI u Dalia vs Franza, 19 ta’ Frar 1998, punt 52, QEDB 1998‑I.


29 – Sen vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, 21 ta’ Diċembru 2001, punt 40, mhux ippubblikata.


30 – Dwar id-differenzi bejn il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ġurisprudenza tal-qorti ta’ Strasbourg dwar l-Artikolu 8 QEDB, ara F. Sudre, Les grands arrêts de la Cour européenne des Droits de l’Homme, 3ème édition, Pariġi, PUF, 2003, pp. 510 u 511.


31 – Ara s-sentenza Carpenter, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq. F’Zhu u Chen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq, kemm it-tifla ż-żgħira (Catherine Zhu, iċ-ċittadina tal-Unjoni) u ċ-ċittadina ta’ pajjiż terz (ommha, L. Zhu) kienu, formalment, rikorrenti. Minħabba l-età ta’ Catherine, l-azzjoni effettivament tressqet mill-omm biss, f’isimha u f’isem bintha.


32 – Ara Carpenter, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punt 44. Taħt il-liġi dwar l-immigrazzjoni tar-Renju Unit, Carpenter kienet “overstayer” (persuna li kellha l-permess tidħol fir-Renju Unit iżda li mbagħad baqgħet hemm wara li skadielha dak il-permess), waqt li G. Ruiz Zambrano huwa persuna li tfittex ażil li t-talba tiegħu għal ażil ġiet miċħuda. Fil-fehma tiegħi, madankollu, ebda distinzjoni ma tista’ ssir fuq dik il-bażi. Mis-sentenza Carpenter jirriżulta li s-Secretary of State kien intitolat li jipproċedi taħt id-dritt nazzjonali kontra Carpenter daqs kemm l-awtoritajiet Belġjani huma intitolati li jipproċedu kontra G. Ruiz Zambrano f’din il-kawża.


33 – Ara s-sentenza Carpenter, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punt 44.


34 – Ara s-sentenzi Carpenter, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punt 44; Zhu u Chen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq, punti 36 sa 41; Ackrich, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 57, u Metock, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punt 75.


35 – Ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punt 38.


36 – Ara l-Artikolu 6(1) TUE.


37 – Għandu jiġi mfakkar li l-benefiċċju tal-qgħad li issa qed jitlob G. Ruiz Zambrano huwa wieħed li għalih huwa intitolat bil-kontribuzzjonijiet passati tiegħu, kieku l-impjieg tiegħu ma’ Plastoria kellu jitqies, sa mit-twelid ta’ Diego, bħala li jgħodd għall-perijodu ta’ kwalifikazzjoni tal-impjieg.


38 – Fis-sentenza Trojani (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, C‑456/02, Ġabra p. I‑7573), il-fatt li, għalkemm l-awtoritajiet Belġjani tas-sigurtà soċjali kienu qed jikkontestaw il-ħlas tal-minimex, l-awtoritajiet komunali ta’ Brussell kienu ħarġu permess ta’ residenza (permis de séjour) jidher li kien fattur fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li M. Trojani seta’ jinvoka l-Artikolu 18 KE (issa l-Artikolu 21 TFUE) moqri flimkien mal-Artikolu 12 KE (issa l-Artikolu 18 TFUE): ara l-punt 44 tas-sentenza. Il-permess ta’ residenza attwali ta’ G. Ruiz Zambrano, li huwa temporanju u jista’ jiġi mġedded huwa llimitat għat-tul taż-żmien tal-proċeduri ta’ appell quddiem il-Conseil d’État. Ara l-punt 27 iktar ’il fuq.


39 – Kif nifhimha jien, filwaqt li l-ordni ta’ deportazzjoni ġie sospiż sakemm jinqata’ l-appell tiegħu quddiem il-Conseil d’État, huwa ma tħassarx.


40 – Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, Ġabra p. I‑6193, punt 31), ikonfermata iktar tard, inter alia, mis-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, Ġabra p. I‑6191, punt 28); tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punt 82); tad-29 ta’ April 2004, Kawżi magħquda Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I‑5257, punt 65); tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, Ġabra p. I‑11613, punt 22); Zhu u Chen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq, punt 25; tad-29 ta’ April 2004, Pusa (C‑224/02, Ġabra p. I‑5763, punt 16); sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑147/03, Ġabra p. I‑5969, punt 45); tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punt 31); tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp (C‑403/03, Ġabra p. I‑6421, punt 15); tat-12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir-Renju Unit (C‑145/04, Ġabra p. I‑7917, punt 74); tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑50/06, Ġabra p. I-4383, punt 32), u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber (C‑524/06, Ġabra p. I‑9705, punt 69).


41 – Sentenza tal-5 ta’ Frar 1963, Van Gend en Loos (26/62, Ġabra p. 1). Fis-sentenza Van Gend en Loos il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-Istati Membri kienu llimitaw id-drittijiet sovrani tagħhom “anke jekk f’oqsma limitati”. Meta d-dikjarazzjoni ta’ Van Gend en Loos ġiet irripetuta fil-Opinjoni 2/94, it-tieni parti tal-frażi ma nżammitx.


42 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1974 (8/74, Ġabra p. 837, punt 5).


43 – Ara, inter alia, is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (178/84, Ġabra p. 1227, punt 27); tat-23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑192/01, Ġabra p. I‑9693, punt 39); tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, Ġabra p. I‑14887, punt 66); tad-19 ta’ Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑420/01, Ġabra p. I‑6445, punt 25), u tal-5 ta’ Frar 2004, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑24/00, Ġabra p. I‑1277, punt 22).


44 – Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004 (C‑72/03, Ġabra p. I‑8027).


45 – L-Avukat Ġenerali ddeskriva apertament in-natura tal-miżuri inkwistjoni f’kawżi bħal Carbonati, fejn irrikonoxxa li “id-diskriminazzjoni mhijiex ikkawżata bil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew bid-dritt Komunitarju weħidhom. Hija r-riżultat tal-applikazzjoni parzjali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Għalkemm ma kinitx intiża jew antiċipata, dik is-sitwazzjoni hija konsegwenza neċessarja tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Għalkemm, essenzjalment, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt intern, dik is-sitwazzjoni hija wkoll sitwazzjoni ‘residwa’ mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Bħala konsegwenza tal-effetti li ħoloq volontarjament jew involontarjament, id-dritt tal-Unjoni Ewropea isir waħda mill-partijiet kostitwenti tas-sitwazzjoni” (punt  62).


46 – Sentenza Carbonati Apuani, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 iktar ’il fuq, punt 23.


47 – Sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991 (C‑76/90, Ġabra p. I‑4221).


48 – Sentenza Säger, punt 12.


49 – Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993 (C‑19/92, Ġabra p. I‑1663, punti 28 u 32).


50 – Sentenza Kraus, punt 32. Ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C‑370/90, Ġabra p. I‑4265, punt 23), li applikat din il-ġurisprudenza għall-unità ta’ familja ta’ raġel u mara miżżewġin.


51 – Ara, inter alia, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 37); tad-9 ta’ Settembru 2003, Burbaud (C‑285/01, Ġabra p. I‑8219, punt 95); tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs L‑Olanda, [2004] (C‑299/02, Ġabra p. I‑9761, punt 15); tas-26 ta’ Mejju 2005, Allard (C‑249/04, Ġabra p. I‑4535, punt 32); u tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C-389/05, Ġabra p. I‑5337, punt 56).


52 – Sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995 (C‑384/93, Ġabra p. I‑1141).


53 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq.


54 – Sentenza Carpenter, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punt 39.


55 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq.


56 – Sentenza Metock, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punt 58.


57 – Sentenza tal-24 ta’ Novembru 1998 (C‑274/96, Ġabra p. I‑7637).


58 – Sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998 (C‑85/96, Ġabra p. I‑2591).


59 –            Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq.


60Ibidem.


61 – Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2008 (C‑353/06, Ġabra 2008 p. I‑7639).


62 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq.


63 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq.


64 – Sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010 (C‑135/08, Ġabra p. I-1449).


65 – Ara l-punti 93 et seq iktar ’l isfel.


66 – Ara l-Artikolu 22 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 19 KE), li jirreferi speċifikament għal “li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza”, u l-Artikolu 20(2)(b) TFUE (li qabel kien l-Artikolu 17 KE) li jirreferi għal ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw dawk id-drittijiet “fl-Istat Membru fejn huma jirrisjedu, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat”.


67 – Iż-żewġ drittijiet ġew stabbiliti mill-Artikolu 24 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 21 KE). Taħt l-istess artikolu, ċittadin tal-Unjoni jista’ wkoll (preżumibbilment) jikteb lil kwalunkwe istituzzjoni minn kullimkien madwar id-dinja, kemm-il darba jirrispetta r-reġim tal-lingwi, u jkollu dritt jirċievi risposta. B’hekk (pereżempju) it-tfal ta’ G. Ruiz Zambrano jistgħu jiktbu lil waħda mill-istituzzjonijiet bl-Ispanjol minn kwalunkwe pajjiż terz, kif ukoll minn kwalunkwe Stat Membru, u jkunu intitolati għal risposta.


68 – Kif provdut fl-Artikolu 20(2)(a) TFUE (li qabel kien l-Artikolu 17 KE) u fl- Artikolu 21(1) TFUE (li qabel kien l-Artikolu 18(1) KE).


69 – Sentenza tat-30 ta’ Marzu 1993 (C‑168/91, Ġabra p. I‑1191).


70 – Konklużjonijiet fil-Kawża Konstantinidis, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, punt 46.


71 – Huwa ċar li l-ġenituri tat-tfal ma setgħux raġonevolment jikkontemplaw jagħmlu tali spedizzjoni huma stess biex imbagħad jidħlu fir-riskju li jiskopru li ma jistgħux jerġgħu jidħlu fil-Belġju.


72 – Sentenza tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, Ġabra 195, punt 15).


73 – Sentenza Rottmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 iktar ’il fuq, punt 38 (enfasi miżjuda minni).


74 – Sentenza Rottmann, punt 42, (enfasi miżjuda minni).


75 – Ara l-punti 86 u 87 iktar ’il fuq, fejn huwa eżaminat l-impatt fuq id-dritt għall-ħajja tal-familja.


76 – Naturalment, teoretikament huwa posibbli li Stat Membru ieħor ikun dispost li jaċċetta lill-familja. Jekk dan ikun il-każ, Diego u Jessica xorta waħda jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni, tal-inqas sa ċertu grad.


77 – Ara s-sentenzi Akrich, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punti 55 sa 57 (fir-rigward tad-drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea) u Zhu u Chen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq, punt 36 (fir-rigward ta’ drittijiet idderivati inizjalment mid-dritt nazzjonali).


78 – Bl-istess mod il-liġi dwar iċ-ċittadinanza Irlandiża ġiet emendata (f’dan il-każ, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’ Zhu u Chen).


79 – Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C-369/90, Ġabra p. I‑4239, punt 10); tal-11 ta’ Novembru 1999, Mesbah (C‑179/98, Ġabra p. I‑7955, punt 29) tal-20 ta’ Frar 2001, Kaur (C‑192/99, Ġabra p. I‑1237, punt 19), u Zhu u Chen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq, punt 37.


80 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.


81 – Sentenza Kaur, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 79 iktar ’il fuq (u ċċitata fis-sentenza Rottmann, punt 49): ara, b’mod partikolari, il-punti 20 sa 24.


82 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 79 iktar ’il fuq, punt 10.


83 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 79 iktar ’il fuq, punt 19.


84 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 iktar ’il fuq, punti 41 u 42.


85 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punt 17.


86 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punt 25.


87 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punt 19.


88 – Sentenza Rottmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 iktar ’il fuq, punt 55.


89 – Sentenza Rottmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 iktar ’il fuq, punt 56.


90 – Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, iddikjaraw li “l-isfida […] issa hija li niżguraw li l-libertà, li tinkludi d-dritt ta’ moviment liberu fi ħdan l-Unjoni, tkun tista’ titgawda f’kundizzjonijiet ta’ sigurtà u ġustizzja aċċessibbli għal kulħadd […]. Din il-libertà, madankollu, ma għandhiex titqies bħala dritt esklużiv taċ-ċittadini tal-Unjoni. L-eżistenza stess tagħha sservi bħala attrazzjoni għal ħafna persuni oħrajn mid-dinja kollha li ma jistgħux igawdu l-libertà li ċ-ċittadini tal-Unjoni spiss lanqas biss japprezzaw. Imur kontra t-tradizzjonijiet tal-Ewropa jekk tali libertà tiġi miċħuda lil dawk li ċ-ċirkustanzi jwassluhom b’mod ġustifikabbli biex ifittxu aċċess għat-territorju tagħna” (punti 2 u 3). Fl-istess vena, fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Istati Membri biex “jippromwovu integrazzjoni armonjuża fil-pajjiżi ospitanti tagħhom ta’ immigranti li aktarx li jistabbilixxu ruħhom hemmhekk b’mod permanenti; dawk il-politiki, li l-implimentazzjoni tagħhom ser titlob sforz ġenwin min-naħa tal-pajjiżi ospitanti, għandhom ikunu bbażati fuq bilanċ bejn id-drittijiet tal-immigranti (b’mod partikolari għall-edukazzjoni, għax-xogħol, għas-sigurtà, u għas-servizzi pubbliċi u soċjali) u d-dmirijiet tagħhom”.


91 – Sentenza Carpenter, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punt 44.


92 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq.


93 – Sentenza Baumbast, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punt 90.


94 – Sentenza Baumbast, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punt 91.


95 – Ara, inter alia, is-sentenzi tat-2 ta’ Awwissu 1993, Allué et (C ‑259/91, C‑331/91 u C‑332/91, Ġabra p. I‑4309, punt 15); Zhu u Chen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq, punt 32; u Rottmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 iktar ’il fuq, punt 56.


96 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punti 82 sa 84.


97 – Għal żewġ analiżi bikrin u profondi tal-portata u t-tifsira taċ-ċittadinanza Ewropea wara t-Trattat ta’ Maastricht, ara, S. O’Leary, The Evolving Concept of Community Citizenship, Den Haag, Londra u Boston, Kluwer Law International, 1996 u C. Closa, ‘“The Concept of Citizenship in the Treaty on European Union’”, Common Market Law Review 1992, pp. 1137 sa 1169.


98 – Dwar l-importanza taċ-ċittadinanza Ewropea u r-rabtiet mal-individwu ta’ komunità politika, ara l-Kawża Spanja vs Ir-Renju Unit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punti 78 u 79.


99 – Ara s-sentenza Carpenter, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punt 39. Għalkemm mhux applikabbli f’din il-kawża, id-Direttiva 2004/38 tindika, fil-premessa 5 li “[i]d-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li [jiċċaqalqu] u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza”.


100 – Ara s-sentenza Metock, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punt 56.


101 – Ara s-sentenza Rottmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 iktar ’il fuq, punti 41 u 42.


102 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 iktar ’il fuq.


103 –– Ara, inter alia, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 1979, grandes distilleries Peureux (86/78, Ġabra p. 897, punt 38); tat-32 ta’ Ottubru 1986, Cognet (355/85, p. 3231, punti 10 u 11); tat-18 ta’ Frar 1897, Mathot (98/86, Ġabra p. 809, punt 7); Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq, punt 33 u Metock, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punt 77. L-Avukati Ġenerali ħadu pożizzjonijiet differenti fuq dan il-punt. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-Kawża C‑294/01 Granarolo (sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, C-294/01, Ġabra p. I‑13429), punti 78 et seq; il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’Carbonati Apuani, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 iktar ’il fuq, punti 51 et seq; u l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq, punti 112 et seq.


104 – Għal analiżi kritika ara, inter alia, A. Tryfonidou, Reverse Discrimination in EC Law, Kluwer Law International, L-Aja, 2009; E. Spaventa, Free Movement of Persons in the EU: Barriers to Movement in their Constitutional Context, Kluwer Law International, Den Haag, 2007; C. Barnard, EC Employment Law, It-Tielet Edizzjoni, Oxford, OUP, 2006, p. 213 u 214; N. Nic Shuibhne, “Free Movement of Persons and the Wholly Internal Rule: Time to Move On?”, Common Market Law Review, 2002, p. 748 u C. Ritter, “Purely internal situations, reverse discrimination, Guimont, Dzodzi and Article 234”, 31 European Law Review, 2006.


105 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq.


106 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq.


107 – Sentenza Akrich, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punt 50, miġjuba fil-qosor fis-sentenza Metock, punt 58.


108 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 iktar ’il fuq.


109 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq.


110 – Ara s-sentenza Akrich, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punti 77 sa 79.


111 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq.


112 – Jekk jiġu invokati drittijiet fundamentali taħt il-Karta li ma jirreplikawx drittijiet taħt il-KEDB, ikollha ta’ bilfors tiġi żviluppata ġurisprudenza separata; iżda fi kwalunkwe każ aktarx li dak iseħħ fil-kuntest ordinarju tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.


113 – Dak il-kompitu kollaborattiv huwa impliċitament attribwit lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, meta tgħid li “Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva”. Il-ħtieġa prattika għall-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu pożizzjoni proattiva biex tippromwovi l-istandards minimi ta’ “Strasbourg” ġiet deskritta, inter alia, minn R. Alonso, “The General Provisions of the Charter of Fundamental Rights of the European Union”, European Law Journal, 8 2002, p. 450 et seq, u A. Torres Pérez, Conflicts of Rights in the European Union. A Theory of Supranational Adjudication, Oxford University Press, Oxford, 2009, p. 31 et seq.


114 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C‑312/93, Ġabra p. I‑4599, punt 14), u tat-13 ta’ Settembru 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C‑524/04, Ġabra p. I‑2107, punt 123).


115 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C‑231/96, Ġabra p. I‑4951, punt 36, u tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez (C‑326/96, Ġabra p. I‑7835, punt 41).


116 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punt 18), u tas-27 ta’ Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑424/99, Ġabra p. I‑9285, punt 45).


117 – Ara, inter alia, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, Ġabra p. I‑5357, punt 35); tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 31); u tal-24 ta’ Marzu 2009 Danske Slagterier (C‑445/06, Ġabra p. I‑2119, punt 19).


118 – Sfortunatament ma huwiex il-każ li l-qrati nazzjonali invarjabbilment jindirizzaw u jirrimedjaw każijiet ta’ diskriminazzjoni inversa maħluqa mid-dritt tal-Unjoni Ewropea. Fis-sentenza tagħha f’Il-Gvern tal-Komunità Franċiża, iċċitata qabel fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja apertament stiednet lill-qorti nazzjonali sabiex tirrimedja d-differenza fit-trattament imġarrab minn dawk li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (punt 40). Il-każ imbagħad ġie rrinvijat lill-Qorti Kostituzzjonali Belġjana, li naqset milli tindirizza l-kwistjoni (ara s-sentenza 11/2009, tal-21 ta’ Jannar 2009 u l-analiżi kritika minn P. van Elsuwege u S. Adam, “The Limits of Constitutional Dialogue for the Prevention of Reverse Discrimination”, European Constitutional Law Review, 5 2009, p. 327 et seq). Għal eżempju iktar inkoraġġanti ta’ ġurisdizzjoni suprema nazzjonali disposta li tirrimedja sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni inversa (għalkemm mingħajr ma neċessarjament tibbaża fuq sentenza relatata f’deċiżjoni preliminari), ara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Spanjola (sentenza 96/2002 tal-25 ta’ April 2002).


119 – Ara s-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 iktar ’il fuq.


120 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, Ġabra p. 1125); tal-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il‑Kummissjoni (4/73, Ġabra p. 491); tat-13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (44/79, Ġabra p. 3727), u tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859).


121 – Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007, tal-15 ta’ Frar 2007, li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 4M, p. 117) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/203/KE, tat-28 ta’ Frar 2008, li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 168/2007 fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2007-2012 (ĠU 2008 L 63 p. 14).


122 – Għall-ewwel darba, wieħed mill-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni huwa Kummissarju għall-Ġustizzja, għad-Drittijiet Fundamentali u għaċ-Ċittadinanza.


123 – Ara, inter alia, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96, tal-20 ta’ Ġunju 1996, rigward l-għajnuna umanitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 24, p. 183) jew ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (ĠU L 200M, p. 549).


124 – L-Artikolu 6(1) TUE issa jagħti lid-drittijiet, libertajiet u prinċipji stabbiliti fil-Karta “l-istess valur legali bħat-Trattati”.


125 – Bosphorus Hava Yollari Turizm ve Ticaret Anonim Şirketi vs L-Irlanda, KEDB 2005-VI.


126 – Ara l-Artikolu 6(2) TFUE u l-Protokoll Nru 8 dwar l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.


127 – Sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili (36/75, Ġabra p. 1219, punt 26); tal-15 ta’ Mejju 1986, (222/84, Ġabra p. 1651, punti 17 sa 19); u tal-15 ta’ Ottuburu 1987, Heylens et (222/86, Ġabra p. 4097, punti 14 u 15).


128 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-25 ta’ Novembru 1986, Klensch (201/85 u 202/85, Ġabra p. 3477, punti 10 u 11); tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf (5/88, Ġabra p. 2609, punt 22); tal-24 ta’ Marzu 1994, Bostock (C‑2/92, Ġabra I‑955, punt 16); u tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood (C‑20/00 u C‑64/00, Ġabra p. I‑7411, punt 68).


129 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil (C‑285/98, Ġabra p. I‑69, punti 15 u 16).


130 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-Bundesverfassungsgericht Ġermaniża tad-29 ta’ Mejju 1974, magħrufa bħala “Solange I” (2 BvL 52/71) u tat-22 ta’ Ottubru 1986, magħrufa bħala “Solange II” (2 BvR 197/83); is-sentenza tal-Corte Costituzionale Taljana tal-21 ta’ April 1989 (Nru 232, Fragd, f’Foro it., 1990, I, 1855); id-dikjarazzjoni tat-Tribunal Constitucional Spanjol tat-13 ta’ Diċembru 2004 (DTC 1/2004) u s-sentenza Bosphorua tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ’iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 125 iktar ’il fuq.


131 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 128 iktar ’il fuq, punt 19.


132 – Ara, inter alia, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, Ġabra p. I‑2925, punti 42 et seq); tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C‑112/00, Ġabra p. I‑5659, punt 75); u tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, Ġabra p. I‑9609, punti 30 u 31).


133 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punti 43 u 44.


134 – Iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52.


135 – Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1996 (C‑144/95, Ġabra p. I‑2909).


136 – Sentenza Maurin, punti 12 u 13.


137 – Sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997 (C‑299/95, Ġabra p. I‑2629, punt 15).


138 – Sentenza Kremzow, punt 16.


139 – Sentenza Kremzow, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 137 iktar ’il fuq, punti 17 u 18.


140 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑176/03, Ġabra p. I‑7879).


141 – Ara, inter alia, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, Ġabra p. I‑8419, punt 83); tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 203; tat-30 ta’ April 2009, L-Italja vs Il‑Parlament (C‑393/07 u C‑9/08, Ġabra p. I‑3679, punt 67); u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (370/07, Ġabra I‑8917, punt 46).


142 – Artikolu 2 TUE. Il-predeċessur tiegħu, l-Artikolu 6(1) UE, kien jipprovdi li “L-Unjoni hija stabbilita fuq il-prinċipji ta’ libertà, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri”.


143 – J. Locke, Two Treatises of Government, Cambridge University Press, Cambridge, 1988, Ktieb II, taqsima II.


144 – Is-sentenzi Singh, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50 iktar ’il fuq, Cowan, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 72 iktar ’il fuq u Carpenter, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, ilkoll jipprovdu eżempji ta’ ċirkustanzi fejn il-konnessjoni bejn il-moviment liberu u d-dritt fundamentali/il-protezzjoni addizzjonali mogħtija mid-dritt tal-Unjoni Ewropea ma kinitx partikolarment diretta. Jiena bl-ebda mod ma qed niddubita l-korrettezza, minn perspettiva ta’ protezzjoni ta’ drittijiet, tad-deċiżjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja f’dawk il-tliet kawżi. L-iskop tiegħi huwa biss li nenfasizza n-natura xi kultant debboli tal-konnessjoni li fuqha kienet ibbażata din il-protezzjoni.


145 – Fis-sentenza Akrich, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, il-koppja Akrich kienu ferm onesti, matul l-intervista tagħhom mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, dwar il-fatt li hija kienet marret lejn l-Irlanda biex issib xogħol temporanju hemmhekk sabiex tkun tista’ tmur lura lejn ir-Renju Unit ma’ żewġha u tasserixxi dritt ta’ dħul għalih ibbażat fuq id-dritt Komunitarju.


146 – Ara s-sentenza Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq.


147 – Ara, fir-rigward tal-kompetenzi esklużivi u kondiviżi, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1976, Donckerwolcke u Schou (41/76, Ġabra p. 1921, punt 32); tat-18 ta’ Frar 1986, Bulk Oil (Zug) (174/94, Ġabra p. 559, punt 31), u tas-16 ta’ Marzu 1977, Il-Kummissjoni vs Franza (68/76, Ġabra p. 515, punt 23). Dwar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli fir-rigward tal-kompetenza esterna tal-Unjoni Ewropea, ara, inter alia, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (imsejħa “ERTA”, 22/70, Ġabra p. 263).


148 – In-noti ta’ spjegazzjoni annessi mal-Karta huma ċari fuq dan il-punt (ĠU 2007, C 303, p. 17): “Id-drittijiet fundamentali kif iggarantiti fl-Unjoni ma għandhom l-ebda effett ħlief fil-kuntest tal-kompetenzi ddeterminati mit-Trattati. Konsegwentement, l-obbligu, […] ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni li jippromwovu l-prinċipji stipulati fil-Karta, jista’ jeżisti biss fil-limiti ta’ dawn l-istess kompetenzi”. Madankollu, in-noti ta’ spjegazzjoni jgħidu wkoll li “Huwa għalhekk ovvju, skond din ir-regola, li r-referenza għall-Karta fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma tistax tiġi interpretata bħala li, bis-saħħa tagħha stess, testendi l-medda ta’ l-azzjonijiet ta’ l-Istati Membri li huma kkunsidrati bħala l-“implimentazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni”. Kif nifhimhom jien, dawk ir-rimarki joħolqu konnessjoni inekwivoka bejn il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma’ dak li jaqa’ taħt l-isfera ta’ kompetenza tal-Unjoni Ewropea. Meta jittieħdu flimkien, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt nazzjonali għandhom madankollu jirriżultaw fi protezzjoni adegwata (ta’ mill-inqas għad-drittijiet fundamentali kollha li jistgħu jinstabu kemm fil-Karta kif ukoll fil-KEDB).


149 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq.


150 – 268 U.S. 652 (1925).


151 – Dwar is-sentenza Gitlow vs New York u d-duttrina ta’ inkorporazzjoni, ara R. Cortner, The Supreme Court and the Second Bill of Rights: The Fourteenth Amendment and the Nationalization of Civil Liberties, Madison, University of Wisconsin Press, 1981; L. Henkin, “‘Selective Incorporation’ in the Fourteenth Amendment”, Yale Law Journal, 1963, p. 74 sa 88, u H.L. Pohlman, Justice Oliver Wendell Holmes: Free Speech & the Living Constitution, NYU Press, New York, 1991, p. 82 sa 87.


152 – Opinjoni 2/94, tat-28 ta’ Marzu 1996, Ġabra p. I‑1759, punt 6.

Top