EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0511

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-15 ta' April 2010.
Handelsgesellschaft Heinrich Heine GmbH vs Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
Direttiva 97/7/KE - Protezzjoni tal-konsumaturi - Kuntratti li jsiru mill-bogħod - Dritt ta’ rtirar mill-kuntratt - Allokazzjoni tal-ispejjeż tal-kunsinna tal-prodotti lill-konsumatur.
Kawża C-511/08.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:189

Kawża C-511/08

Handelsgesellschaft Heinrich Heine GmbH

vs

Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Direttiva 97/7/KE — Protezzjoni tal-konsumaturi — Kuntratti li jsiru mill-bogħod — Dritt ta’ rtirar — Imputazzjoni tal-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija lill-konsumatur”

Sommarju tas-sentenza

Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod — Direttiva 97/7 — Dritt ta’ rtirar

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/7, it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), u l-Artikolu 6(2))

It-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(2) tad‑Direttiva 97/7/KE, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti lill-fornituri f’kuntratti konklużi mill-bogħod li jimputaw l-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija lill-konsumatur fil-każ fejn dan il‑konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt.

Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw lill-fornitur jgħaddi biss fuq il-konsumatur, f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt, l-ispiża diretta involuta fir-ritorn tal-merkanzija. Jekk l-ispejjeż ta’ kunsinna kellhom xorta jitħallsu mill-konsumatur, imputazzjoni bħal din, li tkun neċessarjament ta’ tip li tiskoraġġixxi lil dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt, tmur kontra l-għan stess tal-Artikolu 6.

Barra minn hekk, imputazzjoni bħal din tkun ta’ tip li tpoġġi fid-dubju diviżjoni tar-riskji bilanċjata bejn il-partijiet fil-kuntratti li jsiru mill-bogħod, billi l-konsumaturi jħallsu l-ispejjeż kollha marbuta mat-trasport tal-merkanzija.

(ara l-punti 55-57, 59 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ April 2010 (*)

“Direttiva 97/7/KE – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti li jsiru mill-bogħod – Dritt ta’ rtirar – Imputazzjoni tal-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija lill-konsumatur”

Fil-Kawża C‑511/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Novembru 2008, fil-proċedura

Handelsgesellschaft Heinrich Heine GmbH

kontra

Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), C. W. A. Timmermans, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV, minn K. Haase, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u S. Unzeitig, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u H. Almeida, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Jannar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Handelsgesellschaft Heinrich Heine GmbH (iktar ’il quddiem “Handelsgesellschaft Heinrich Heine”) u Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV (iktar ’il quddiem “Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen”) rigward l-imputazzjoni lill-konsumatur fil-kuntratti li jsiru mill-bogħod, f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt, tal-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Il-premessa 4 tad-Direttiva 97/7 tipprovdi:

“Billi l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda qiegħda żżid in-numru ta’ modi li bihom il-konsumaturi jistgħu jiksbu l-informazzjoni dwar offerti kullimkien fil-Komunità u biex jagħmlu l-ordnijiet; billi xi Stati Membri diġà ħadu miżuri differenti sabiex jipproteġu l-konsumaturi fir-rigward ta’ bejgħ mill-bogħod, li għandu effett detrimentali fuq il-kompetizzjoni bejn in-negozji fis-suq intern; billi huwa meħtieġ għal dan il-għan li jiġi introdott fil-livell tal-Komunità sett minimu ta’ regoli komuni f’dan il-qasam”.

4        Il-premessa 14 tal-imsemmija direttiva tipprovdi:

“Billi l-konsumatur ma jistax jara l-prodott jew jaċċerta ruħu min-natura tas-servizz ipprovdut qabel jikkonkludi l-kuntratt; billi għandha ssir dispożizzjoni kemm-il darba mhux speċifikat b’mod ieħor f’din id-Direttiva, għal dritt ta’ irtirar mill-kuntratt; billi, jekk dan id-dritt għandu jkun aktar minn formali, l-ispejjeż, jekk hemm, li jitħallsu mill-konsumatur meta jeserċita d-dritt ta’ rtirar għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż diretti involuti sabiex jirritorna l-oġġetti; billi dan id-dritt ta’ rtirar għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-konsumatur skond il-liġijiet nazzjonali, b’rigward partikolari għar-riċevuta ta’ prodotti u servizzi bil-ħsara jew ta’ prodotti u servizzi li ma jaqblux mad-deskrizzjoni mogħtija fl-offerta ta’ dawn il-prodotti u servizzi; billi jitħalla għall-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kondizzjonijiet u ftehim ieħor li jsegwu l-eserċizzju tad-dritt ta’ rtirar”.

5        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni minn qabel”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Il-konsumatur għandu jkun ipprovdut fi żmien adekwat qabel il-konklużjoni ta’ kull kuntratt mill-bogħod, bl-informazzjoni li ġejja:

[…]

(ċ)      il-prezz ta’ l-oġġetti jew servizzi li jinkludi t-taxxi kollha;

(d)      spejjeż ta’ kunsinna, fejn xieraq;

[…]”

6        L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ irtirar”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu li:

“1.      Għal kull kuntratt li jsir mill-bogħod il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ mill-inqas sebat ijiem tax-xogħol li fihom jista’ jirtira mill-kuntratt mingħajr penali u mingħajr ma jagħti ebda raġuni. L-unika kont [spiża] li jista’ jingħata [tista’ tiġi mgħoddija] lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ irtirar tiegħu huwa l-ispiża diretta involuta sabiex l-oġġetti jiġu rritornati.

[…]

2.      Fejn id-dirtt ta’ irtirar ġie eserċitat mill-konsumatur skond dan l-Artikolu, il-fornitur għandu jkun obbligat li jirrimborża l-ammonti mħallsa mill-konsumatur mingħajr ħlas. L-unika imposta li tista’ ssir lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt li għandu li jirtira huwa l-ispiża diretta involtua fir-ritorn ta’ l-oġġetti. Dan ir-rimbors għandu jsir kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien 30 jum.”

7        L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Klawsola minima”, jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu, fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, dispożizzjonijiet aktar stretti kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, fejn xieraq, jinkludu projbizzjoni, fl-interess ġenerali, dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti jew servizzi, partikolarment prodotti mediċinali, fit-territorju tagħhom permezz ta’ kuntratti mill-bogħod, b’kunsiderazzjoni xierqa mogħtija lit-Trattat.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        L-Artikolu 2 tal-liġi fuq il-mandati ta’ inibizzjoni f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-kunsumatur jew ksur ieħor (Gesetz über Unterlassungsklagen bei Verbraucherrechts- und anderen Verstößen) jipprovdi:

“(1)      Kull persuna li tikser dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jipproteġu lill-konsumaturi (liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur), bi kwalunkwe mod barra milli fl-applikazzjoni jew ir-rakkomandazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, tista’ tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ inibizzjoni fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Jekk il-ksur imwettaq f’impriża kummerċjali kien imwettaq minn impjegat jew persuna li tirrapreżenta l-impriża, il-mandat ta’ inibizzjoni japplika wkoll kontra l-proprjetarju tal-impriża.

(2)      Għall-finijiet tad-dispożizzjoni preżenti, ‘liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur’ jinkludu b’mod partikolari:

1.      id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi ċivili [Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”], li japplikaw għal […] kuntratti li jsiru mill-bogħod bejn negozjant u konsumatur […]

[…].”

9        L-Artikolu 312d tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar u restituzzjoni fil-kuntratti li jsiru mill-bogħod”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħi:

“Il-konsumatur li jikkonkludi kuntratt li jsir mill-bogħod għandu d-dritt għall-irtirar deskritt fl-Artikolu 355. Meta l-kuntratt jirrigwarda l-provvista ta’ merkanzija, dan id-dritt ta’ rtirar jista’ jiġi sostitwit bid-dritt għar-restituzzjoni previst fl-Artikolu 356.”

10      Skont l-Artikolu 346 tal-BGB, intitolat “Effetti tax-xoljiment tal-kuntratt”:

“(1)      Jekk kontraenti jipprevalixxi ruħu mill-klawżola riżoluttiva kuntrattwali jew legali, is-servizzi li jkunu ttieħdu għandhom, f’każ ta’ xoljiment, jingħataw lura flimkien mal-benefiċċji effettivament miksuba.

(2)      Mal-għoti lura jew ir-restituzzjoni, id-debitur ikun obbligat iħallas kumpens meta:

1)      l-għoti lura jew ir-restituzzjoni jkunu esklużi minħabba n-natura tal-akkwist;

2)      huwa jkun iddegrada, ċeda, ittrasferixxa, ittrasforma jew biddel l-istruttura tal-prodott irċevut;

3)      il-prodott irċevut ikun iddeterjora jew inħela; l-użu li jikkorrispondi għal użu normali madankollu ma jittieħidx inkunsiderazzjoni.

Jekk il-kuntratt jistipula xi korrispettiv, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kumpens; jekk il-kumpens ikun dovut minħabba l-benefiċċju riżultanti minn self, tista’ tinġieb prova li l-valur tal-benefiċċju kien iżgħar.

(3)      L-obbligu tal-kumpens ma japplikax:

1)      jekk in-nuqqas li jiġġustifika x-xoljiment ikun deher biss matul it-trasformazzjoni jew it-tibdil fl-istruttura tal-prodott,

2)      jekk il-kreditur ikun responsabbli għad-deterjorament jew għall-fatt li huwa nħela, jew jekk id-dannu jkun seħħ għandu,

3)      jekk, f’każ ta’ kundizzjoni riżoluttiva legali, id-deterjorament jew il-fatt li l-prodott inħela jkun seħħ għand il-persuna kkonċernata, minkejja li dan ikun uża l-istess diliġenza li huwa juża normalment għall-affarijiet tiegħu.

L-arrikkiment rimanenti għandu jiġi restitwit.”

11      L-Artikolu 347 tal-BGB, intitolat “Użu wara x-xoljiment ”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Meta d-debitur jirritorna l-prodott, meta jħallas kumpens jew meta l-obbligu li jħallas tali kumpens ikun eskluż skont l-Artikolu 346(3)(1) jew (2), huwa għandu jiġi rrimborsat l-ispejjeż neċessarji li huwa jkun nefaq. L-ispejjeż kollha l-oħra għandhom jiġu rimborsati jekk dawn ikunu kkontribwixxew għal arrikkiment tal-kreditur.”

12      L-Artikolu 355 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi”, jipprovdi: L-Artikolu 355 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar fil-kuntratti li jsiru mal-konsumaturi”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta l-liġi tagħti dritt ta’ rtirar lill-konsumatur skont din id-dispożizzjoni, huwa ma jibqax marbut bl-għoti tal-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-kuntratt meta huwa jirtira minnu fiż-żmien stabbilit. L-irtirar ma għandux għalfejn ikun motivat u għandu jsir bil-miktub jew permezz tar-ritorn tal-prodott lill-bejjiegħ fi żmien ġimagħtejn, fejn id-data tal-ispedizzjoni tkun tikkostitwixxi prova konklussiva.”

13      L-Artikolu 356 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ ritorn fil-kuntratti konklużi mill-konsumaturi”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sakemm il-liġi tippermettih espressament, id-dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 355 jista’ jiġi sostitwit fil-kuntratt bi dritt ta’ restituzzjoni bla limitu meta l-kuntratt ikun konkluż abbażi ta’ prospett tal-bejgħ. Għal dan il-għan, irid ikun hemm ir-rekwiżiti li ġejjin:

1.      li l-prospett tal-bejgħ fih informazzjoni ċara fuq id-dritt ta’ restituzzjoni,

2.      li l-konsumatur seta’ jieħu konjizzjoni tal-prospett tal-bejgħ fid-dettall fin-nuqqas tan-negozjant u

3.      li d-dritt ta’ restituzzjoni jingħata lill-konsumatur bil-miktub.”

14      L-Artikolu 357 tal-BGB, intitolat “Effetti legali tal-irtirar u tar-restituzzjoni”, jipprovdi:

“(1)      Salv jekk ikun hemm dispożizzjoni kuntrarja, ir-regoli li jikkonċernaw ix-xoljiment legali japplikaw b’analoġija għad-dritt ta’ rtirar u ta’ restituzzjoni. L-Artikolu 286(3) japplika wkoll għall-obbligu tar-rimbors tal-ħlasijiet skont din id-dispożizzjoni; it-terminu li huwa jistabbilixxi jibda jiddekorri mad-dikjarazzjoni għall-irtirar jew għar-restituzzjoni min-naħa tal-konsumatur. Għal dak li jikkonċerna l-obbligu tar-rimbors tal-konsumatur, it-terminu jibda jiddekorri mill-mument li fih dan jibgħat id-dikjarazzjoni tiegħu; għal dak li jikkonċerna l-obbligu tar-rimbors tal-bejjiegħ, it-terminu jibda jiddekorri mill-mument li fih din id-dikjarazzjoni tasal għandu.

[…]

(3)      B’deroga mill-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 346(2), il-konsumatur għandu jħallas kumpens f’każ ta’ deterjorament li jirriżulta minn użu konformi tal-prodott dejjem jekk huwa jkun ġie informat b’din il-konsegwenza ġuridika bil-miktub mhux aktar tard mill-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt kif ukoll bil-possibbiltà li jevitaha. Huwa ma jkunx obbligat iħallas tali kumpens meta d-deterjorament jirriżulta esklużivament mill-eżami tal-prodott. Il-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 346(3) ma japplikax meta l-konsumatur ikun ġie informat korrettement bid-dritt ta’ rtirar tiegħu jew meta huwa kien jaf bih b’xi mod ieħor.

(4)      Il-paragrafi preċedenti jistabbilixxu d-drittijiet tal-partijiet b’mod eżawrjenti.”

15      L-Artikolu 448 tal-BGB, intitolat “Spejjeż ta’ kunsinna u spejjeż simili”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-bejjiegħ għandu jbati l-ispejjeż tar-ritorn tal-prodott, ix-xerrej għandu jbati l-ispejjeż ta’ aċċettazzjoni u ta’ kunsinna tal-prodott f’post li ma huwiex dak fejn ġie eżegwit il-kuntratt.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16      Handelsgesellschaft Heinrich Heine hija kumpannija speċjalizzata fil-bejgħ bil-korrispondenza. Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ta’ din il-kumpannija jipprovdu li l-konsumatur għandu jbati somma ta’ EUR 4.95 għall-kunsinna. Din is-somma tintilef favur il-bejjiegħ f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt.

17      Il-Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen, assoċjazzjoni tal-konsumaturi kkostitwita taħt id-dritt Ġermaniż ippreżentat mandat ta’ inibizzjoni kontra Handelsgesellschaft Heinrich Heine intiż li jwaqqafha milli titfa’ l-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija fuq il-konsumaturi f’każ li dawn jirtiraw mill-kuntratt.

18      Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talba ta’ Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen.

19      L-appell ippreżentat minn Handelsgesellschaft Heinrich Heine kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-Oberlandsgericht Karlsruhe.

20      Meta kienet qed teżamina rikors għal “reviżjoni” ippreżentat minn Handelsgesellschaft Heinrich Heine, il-Bundesgerichtshof kkonstatat li d-dritt Ġermaniż formalment ma jagħti ebda dritt lill-konsumatur għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija ordnata.

21      Madankollu, skont din il-qorti, jekk id-Direttiva 97/7 kellha tiġi interpretata li tipprekludi li l-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija jbatihom il-konsumatur f’każ li dan jirtira mill-kuntratt, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-BGB, għandhom jiġu interpretati bl-istess mod bħal din id-direttiva fis-sens li l-fornitur għandu jirrimborsa tali spejjeż lill-konsumatur.

22      Il-qorti tar-rinviju madankollu tikkunsidra li hija mhix f’pożizzjoni li tiddetermina biċ-ċertezza meħtieġa l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil din id-direttiva, u b’mod partikolari lill-Artikolu 6(1) u (2) tagħha.

23      F’dak ir-rigward, il-Bundesgerichtshof tesponi numru ta’ argumenti li jistgħu jappoġġaw is-soluzzjoni li l-imsemmija direttiva ma tipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

24      B’hekk, fl-ewwel lok, l-espressjoni “minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ irtirar tiegħu” (“infolge der Ausübung seines Widerrufsrechts”), li tidher fil-verżjoni Ġermaniża tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7, jistgħu jissuġġerixxu li dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw biss l-ispejjeż li jkunu saru fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt bl-esklużjoni tal-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija li jkunu diġà saru fid-data ta’ rtirar. Verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-verżjoni Ingliża u l-verżjoni Franċiża, jistgħu jappoġġaw interpretazzjoni bħal din.

25      Fit-tieni lok, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva ma tipprekludix li, f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt, il-fornitur jikseb kumpens tal-valur tas-servizzi użati mill-konsumatur li minħabba n-natura tagħhom, ma jistgħux jiġu rrestitwiti. B’hekk ikun kompatibbli mal-imsemmi artikolu li jiġi aċettat li l-kunsinna tal-merkanzija hija fiha nfisha servizz li għalih il-konsumatur irid iħallas lura l-valur tas-sostituzzjoni li jammonta għas-somma tal-ispejjeż ta’ kunsinna u konsegwentement, għandu jitnaqqas proporzjonalment l-obbligu tar-rimbors tal-fornitur.

26      Fit-tielet lok, ma hemmx ċertezza li l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur li jinsab fil-premessa 14 tad-Direttiva 97/7 jimponi wkoll ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija. Fil-fatt, waqt akkwist normali, il-konsumatur ibati wkoll l-ispejjeż tiegħu tat-trasport sal-ħanut, mingħajr ma jiġi kkunsidrat il-ħin li jkun ħa biex imur għandu.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza [tal-ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva [97/7] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ispejjeż relatati mal-kunsinna tal-prodotti [merkanzija] jkunu sostnuti mill-konsumatur anke meta dan ikun irtira mill-kuntratt?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

28      Il-Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Awstrijak, u l-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jikkunsidraw li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-fornitur li jgħaddi l-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija fuq il-konsumatur fil-każ fejn dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt.

29      L-ewwel nett, l-espressjoni “ammonti mħallsa mill-konsumatur”, li tidher fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7, għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ sabiex tinkludi s-somom kollha mħallsa mill-konsumatur lill-fornitur fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, inkluż fosthom l-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija.

30      Imbagħad, l-Artikolu 6(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdu li l-ispiża diretta involuta fir-ritorn tal-merkanzija tista’ tiġi mgħoddija lill-konsumatur li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt. Konsegwentement, l-ispejjeż l-oħra, b’mod partikolari dawk relatati mal-kunsinna tal-merkanzija, ma jistgħux jiġu mgħoddija lill-konsumatur.

31      Fl-aħħar nett, huma jsostnu li l-konsumatur għandu jiġi rimborsat l-ispejjeż li huwa ħallas għal servizz aċċessorju tal-fornitur, bħall-kunsinna tal-merkanzija, li ma huwa ta’ ebda interess wara l-irtirar tal-konsumatur sabiex dan jiġi protett mir-riskji minħabba l-impossibbiltà prattika li wieħed jipprevedihom qabel il-konklużjoni tal-kuntratt tal-bejgħ mill-bogħod.

32      Il-Gvern Ġermaniż għal kuntrarju jsostni li d-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din fejn l-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija jistgħu jiġu mgħoddija lill-konsumatur fil-każ fejn huwa eżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt.

33      L-imsemmi gvern essenzjalment isostni li d-Direttiva 97/7 ma tirregolax l-imputazzjoni tal-ispejjeż ta’ kunsinna f’każ ta’ rtirar tal-konsumatur mill-kuntratt. B’hekk, din l-imputazzjoni taqa’ fil-“kondizzjonijiet u ftehim ieħor li jsegwu l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar” li għandhom jiġu ddeterminati mill-Istati Membri, hekk kif previst mill-premessa 14 tal-imsemmija direttiva.

34      Dan l-istess gvern jikkunsidra li r-rimbors tal-“ammonti mħallsa” mill-konsumatur fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva jikkonċerna biss is-servizzi prinċipali u, b’mod partikolari, il-prezz imħallas mill-konsumatur.

35      Id-Direttiva 97/7 tiddistingwi bejn l-ispejjeż mgħoddija “minħabba l-eżerċizzju” tad-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt, li huma sussegwenti għall-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt, ta’ spejjeż oħra li saru minħabba l-konklużjoni jew l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva tkopri biss l-ispejjeż sussegwenti għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt, peress li s-sistrema applikabbli għall-ispejjeż kuntrattwali l-oħra ma jkunux armonizzati mill-imsemmija direttiva. Issa, l-ispejjeż ta’ kunsinna jseħħu qabel u indipendentement mill-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt. Konsegwentement, l-imputazzjoni tagħhom tkun irregolata mid-dritt intern ta’ kull Stat Membru.

36      Fir-rigward tal-għanijiet imħaddna mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7, il-Gvern Ġermaniż isostni li dan l-artikolu għandu l-għan, ċertament, li jikkumpensa l-iżvantaġġ li jirriżulta mill-impossibbiltà għall-konsumatur li jeżamina l-merkanzija qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Madankollu, dawn l-għanijiet ma jikkontjenu l-ebda indikazzjoni li tippermetti tibdil sħiħ tar-relazzjoni kuntrattwali.

37      Barra minn hekk, il-fatt li l-konsumatur ibati l-ispejjeż ta’ kunsinna ma jipprekluduhx milli jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt. Fil-fatt, minn naħa, huwa jkun informat, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, bl-ammont ta’ tali spejjeż. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li jittermina l-kuntratt tkun indipendenti mill-eżistenza ta’ dawn l-ispejjeż peress li dawn ikunu diġà saru.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Osservazzjonijiet preliminari

38      Għandu jiġi mfakkar li preliminarjament jirriżulta mill-premessa 14 tad-Direttiva 97/7 li din għandha l-għan li tintroduċi regoli komuni minimi fl-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod.

39      B’mod partikolari, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva tirrikonoxxi fir-rigward tal-konsumatur dritt ta’ rtirar mill-kuntratt li jista’ jeżerċita, f’terminu partikolari, mingħajr sanzjonijiet u mingħajr ma għandu bżonn jagħti raġunijiet.

40      Fir-rigward tal-konsegwenzi ġuridiċi tal-irtirar, l-ewwel u tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 jipprovdi li “il-fornitur għandu jkun obbligat li jirrimborża l-ammonti mħallsa mill-konsumatur mingħajr ħlas. L-unika imposta li tista’ ssir lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt li għandu li jirtira huwa l-ispiża diretta involtua fir-ritorn ta’ l-oġġetti”.

41      Madankollu, mill-premessa 14 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-armonizzazzjoni tal-konsegwenzi ġuridiċi tal-irtirar mhumiex kompluti u li b’hekk, huma l-Istati Membri li għandhom “jiddeterminaw il-kondizzjonijiet u ftehim ieħor li jsegwu l-eserċizzju tad-dritt ta’ rtirar”.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-espressjoni “ammonti mħallsa mill-konsumatur”

42      Fil-kawża prinċipali, id-domanda li tqum hija dwar jekk il-portata tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 97/7 tkopri l-imputazzjoni tal-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija, fil-każ fejn il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt, jew jekk, għall-kuntrarju, huma l-Istati Membri li jiddeterminaw din l-imputazzjoni.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva jimponi fuq il-fornitur, f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt tal-konsumatur, obbligu ġenerali ta’ rimbors li tapplika fuq l-ammonti kollha mħallsa minnu għall-kuntratt, tkun xi tkun ir-raġuni tal-ħlas tagħhom.

44      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, ma jirriżulta la mill-kliem tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7 u lanqas mill-istruttura ġenerali tiegħu li l-kliem “ammonti mħallsa” għandom jiġu interpretati bħala li jindikaw biss il-prezz imħallas mill-konsumatur bl-esklużjoni tal-ispejjeż imħallsa minnu.

45      Fil-fatt, id-Direttiva 97/7, b’mod konformi mal-Artikolu 4 tagħha, tagħmel distinzjoni biss bejn il-prezz tal-prodott u l-ispejjeż ta’ kunsinna għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-konsumatur mill-fornitur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-konsegwenzi ġuridiċi tal-irtirar, din id-direttiva ma tagħmilx distinzjoni bħal din u b’hekk tkopri l-ammonti kollha mħallsa mill-konsumatur lill-fornitur.

46      Din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkonfermata mill-istruttura stess tal-espressjoni “[l]unika imposta li tista’ ssir lill-konsumatur”, użata fit-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu 2, sabiex tindika “l-ispiża diretta involtua fir-ritorn ta’ l-oġġetti”. Hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-espressjoni “[l]unika imposta” teħtieġ interpretazzjoni stretta ta’ din id-dispożizzjoni u tagħti karattru eżawrjenti lil din l-eċċezzjoni.

47      Konsegwentement, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-espressjoni “ammonti mħallsa” li tidher fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 tkopri l-ammonti kollha mħallsa mill-konsumatur sabiex tkopri l-ispejjeż li saru għall-kuntratt, suġġetta għall-interpretazzjoni li għandha tingħata fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-espressjoni “minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ irtirar”

48      Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 35 tas-sentenza preżenti, il-Gvern Ġermaniż jallega wkoll li l-espressjoni “minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ irtirar”, li tidher fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7, ma tirrigwardax l-ispejjeż kollha attribwibbli lill-konsumatur, iżda biss dawk li għandhom rabta mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt. Konsegwentement, l-imsemmija dispożizzjonijiet jirregolaw biss it-tip ta’ spejjeż kkawżati minn l-irtirar.

49      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, il-kliem tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2), tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati kemm li jirreferu għall-ispejjeż li huma sussegwenti għall-implimentazzjoni tad-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt u kkawżati minn dan l-irtirar, kif ukoll li jkopru l-ispejjeż kollha li saru minħabba l-konklużjoni, l-eżekuzzjoni jew it-terminazzjoni tal-kuntratt u li jistgħu jiġu mgħoddija lill-konsumatur fil-każ fejn dan jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt.

50      Hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm il-verżjoni Ġermaniża, il-verżjoni Ingliża u l-verżjoni Franċiża tad-Direttiva 97/7 jużaw rispettivament l-espressjonijiet “infolge”, “because of” u “en raison de”, verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din l-istess direttiva, b’mod partikolari dik Spanjola u dik Taljana, ma jużawx espressjoni simili, iżda jirreferu sempliċement għall-konumatur li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt.

51      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tad-direttivi tal-Unjoni teskludi li, f’każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jitqies b’mod iżolat u titlob, għall-kuntrarju, li dan jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et, C‑296/95, Ġabra p. I‑1605, punt 36; tas-17 ta’ Ġunju 1998, Mecklenburg, C‑321/96, Ġabra p. I‑3809, punt 29; tal-20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading, C‑375/07, Ġabra p. I‑8691, punt 46, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2009, Eschig, C‑199/08, Ġabra p. I‑8295, punt 54). Barra minn hekk, fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2000, EKW u Wein & Co, C‑437/97, Ġabra p. I‑1157, punt 42; tal-4 ta’ Ottubru 2007, Schutzverband der Spirituosen-Industrie, C‑457/05, Ġabra p. I‑8075, punt 18, kif ukoll tad-9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C‑239/07, Ġabra p. I‑7523, punt 39).

52      Għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7, li skont din dawn id-dispożizzjonijiet li jkopru l-ispejjeż kollha li saru minħabba l-konklużjoni, l-eżekuzzjoni kif ukoll it-terminazzjoni tal-kuntratt u li jistgħu jiġu mgħoddija lill-konsumatur fil-każ fejn dan jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt, tikkorrispondi mal-istruttura ġenerali u l-għan ta’ din id-direttiva.

53      Fil-fatt, minn naħa, din l-interpretazzzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, anki fil-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 97/7 li jużaw, fl-Artikolu 6 tagħha, l-espressjoni “minħabba” jew kull espressjoni oħra simili, il-premessa 14 ta’ din id-direttiva ssemmi l-ispejjeż li jitħallsu mill-konsumatur “meta jeserċita d-dritt ta’ rtirar”. Kuntrarjament għal dak li jallega l-Gvern Ġermaniż, jirriżulta li t-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jirreferu għall-ispejjeż kollha li jkunu saru minħabba l-kuntratt u mhux biss għall-ispejjeż sussegwenti għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt u kkawżati minn dan l-irtirar.

54      Fir-rigward min-naħa l-oħra, tal-għan tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7, għandu jingħad li l-premessa 14 ta’ din id-direttiva tipprovdi li l-projbizzjoni li l-konsumatur jintalab iħallas, f’każ li dan jirtira minn kuntratt, spejjeż relatati mal-kuntratt għandha l-għan li tiggarantixxi li d-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt iggarantit minn din id-direttiva “jkun aktar minn formali” (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Messner, C‑489/07, Ġabra p. I‑7315, punt 19). Peress li mhemm l-ebda dubju li l-imsemmi Artikolu 6 ta’ din id-direttiva għandu l-għan li ma jiskoraġġix lill-konsumatur milli jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt, imur kontra l-imsemmi għan li dan l-artikolu li jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri li jippermettu li l-ispejjeż ta’ kunsinna jkunu r-responsabbiltà ta’ dan il-konsumatur fil-każ ta’ tali rtirar.

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li t-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva jawtorizzaw lill-fornitur jgħaddi biss fuq il-konsumatur, f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt, l-ispiża diretta involuta fir-ritorn tal-merkanzija.

56      Jekk l-ispejjeż ta’ kunsinna kellhom xorta jitħallsu mill-konsumatur, imputazzjoni bħal din, li tkun neċessarjament ta’ tip li tiskoraġġixxi lil dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt, tmur kontra l-għan stess tal-Artikolu 6 tad-direttiva, kif imsemmi fil-punt 54 tas-sentenza preżenti.

57      Barra minn hekk, imputazzjoni bħal din tkun ta’ tip li tpoġġi fid-dubju diviżjoni tar-riskji bilanċjata bejn il-partijiet fil-kuntratti li jsiru mill-bogħod, billi l-konsumaturi jħallsu l-ispejjeż kollha marbuta mat-trasport tal-merkanzija.

58      Barra minn hekk, il-fatt li l-konsumatur ġie infurmat bis-somma tal-ispejjeż ta’ kunsinna qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mhux ta’ tip li jinnewtralizza l-karattru dissważiv li l-imputazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż lill-konsumatur ikollha fuq l-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt.

59      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għad-domanda li saret li t-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti lill-fornituri f’kuntratti konklużi mill-bogħod li jimputaw l-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija lill-konsumatur fil-każ fejn dan il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti lill-fornituri f’kuntratti konklużi mill-bogħod li jimputaw l-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija lill-konsumatur fil-każ fejn dan il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top