EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0848

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rigward ir-reviżjoni u l-aġġornament tat-tieni Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 850/2004 dwar pollutanti organiċi persistenti

COM/2018/848 final

Brussell, 4.1.2019

COM(2018) 848 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rigward ir-reviżjoni u l-aġġornament tat-tieni Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 850/2004 dwar pollutanti organiċi persistenti

{SWD(2018) 495 final}


1.Daħla

Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (POPs) 1 ġiet adottata f’Mejju 2001 fil-qafas tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP). L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha 2 huma partijiet għall-Konvenzjoni 3 u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ġew implimentati fid-dritt tal-Unjoni mir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 (ir-Regolament dwar il-POPs).

Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma teħtieġ li, skont l-Artikolu 7, il-Partijiet:

(a) Jiżviluppaw u jieħdu impenn li jimplimentaw pjan għall-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha skont din il-Konvenzjoni;

(b) Jibagħtu l-pjan ta’ implimentazzjoni tagħha lill-Konferenza tal-Partijiet fi żmien sentejn mid-data li fiha tidħol fis-seħħ din il-Konvenzjoni;

(c) Jirrieżaminaw u jaġġornaw, kif xieraq, il-pjan ta’ implimentazzjoni tagħha fuq bażi perjodika u b’mod li għandu jkun speċifikat b'deċiżjoni tal-Konferenza tal-Partijiet.

L-ewwel pjan ta’ implimentazzjoni Ewropew, intitolat il-“Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Komunità” ġie żviluppat fl-2007 (SEC (2007) 341) 5 . Aktar tard il-pjan ta’ impimentazzjoni ġie aġġornat bi “Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Unjoni” fl-2014 (COM (2014) 306 final). Ir-rieżami u l-aġġornar tat-tieni pjan ta’ implimentazzjoni saru neċessarji biex ikomplu jiġu indirizzati 1) l-inklużjoni ta’ numru ta’ pollutanti organiċi persistenti ġodda fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, u 2) il-progress tekniku u leġiżlattiv li sar fil-qasam.

Il-pjan ta’ implimentazzjoni l-ġdid kien soġġett għal konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, mal-industrija, mal-organizzazzjonijiet ambjentali u mal-pubbliku ġenerali.

Il-pjan ta’ implimentazzjoni se jiġi sottomess lis-Segretajat tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma f’konformità mal-obbligi tal-Unjoni Ewropea bħala Parti.

2.Pollutanti Organiċi Persistenti (POPs)

Il-POPs huma sustanzi kimiċi li jippersistu fl-ambjent, jakkumulaw bijoloġikament, u jippreżentaw riskju li jikkawżaw effetti avversi sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. Dawn il-pollutanti jinxterdu lil hinn mill-fruntieri internazzjonali ’l bogħod mis-sorsi tagħhom u saħansitra jakkumulaw f’reġjuni fejn qatt ma jkunu ntużaw jew ġew prodotti. Il-POPs jippreżentaw theddida għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem madwar id-dinja kollha, bir-reġjuni Artiċi, Baltiċi u Alpini li huma fost l-eżempji ta’ bjar ta’ POPs fl-UE. L-azzjoni internazzjonali tqieset neċessarja biex jitnaqqsu u jiġu eliminati l-produzzjoni, l-użu u r-rilaxxi ta’ dawn is-sustanzi. Is-sustanzi indirizzati fl-istrumenti legali internazzjonali dwar il-POPs huma elenkati fit-Tabella 1.

3.Ftehimiet internazzjonali li jindirizzaw il-POPs

3.1.Protokoll tan-NU/KEE dwar il-POPs 6

Il-Protokoll dwar il-POPs (“il-Protokoll dwar il-POPs”) tal-Konvenzjoni tan-NU/KEE fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira (CLRTAP) ġie adottat fl-24 ta’ Ġunju 1998, f’Aarhus, id-Danimarka. Il-Protokoll bħalissa jiffoka fuq lista ta’ 16-il sustanza li jinkludu ħdax-il pestiċida, żewġ sustanzi kimiċi industrijali u tliet prodotti sekondarji inċidentali. L-objettiv finali hu li jiġu eliminati kwalunkwe rilaxx, emissjoni u telf ta’ dawn is-sustanzi POP.

Il-Protokoll jipprojbixxi l-produzzjoni u l-użu tas-sustanzi kimiċi li huma elenkati, jew minnufih jew inkella fi stadju aktar tard u jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-immaniġġjar tal-skart li jikkonsisti f’dawn is-sustanzi kimiċi jew inkella li fih it-tali sustanzi. Jobbliga lill-Partijiet inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ diossini, ta’ furani, ta’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs) u HCB u jistabbilixxi valuri ta’ limitu speċifiċi tal-emissjonijiet għall-inċinerazzjoni ta’ skart muniċipali, perikoluż u mediku.

3.2.Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma

Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar il-POPs ġiet adottata fl-2001 u daħlet fis-seħħ fl-2004. Din tippromwovi azzjoni globali dwar raggruppament inizjali ta’ tnax-il sustanza POP, b’objettiv ġenerali li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minn POPs u teħtieġ li l-Partijiet jieħdu miżuri biex jeliminaw jew inaqqsu r-rilaxx ta’ POPs fl-ambjent. Issir referenza speċifika għal approċċ prekawzjonarju kif ġie stabbilit fil-Prinċipju 15 tad-Dikjarazzjoni ta’ Rio tal-1992 dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp. Dan il-prinċipju hu implimentat mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, li jistabbilixxi r-regoli għall-inklużjoni ta’ sustanzi kimiċi addizzjonali fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

Bħalissa hemm 22 sustanza kimika elenkati fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq il-produzzjoni u fuq l-użu, ħlief fejn hemm eżenzjonijiet ġeneriċi jew speċifiċi. Barra minn hekk, il-produzzjoni u l-użu ta’ DDT, pestiċida li għadu jintuża f’ħafna pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, huma ristretti severament, kif stipulat fl-Anness B tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. Hemm ukoll eżenzjonijiet u użi aċċettabbli minflok il-PFOS, l-imluħ tiegħu u l-PFOSF.

L-eżenzjonijiet ġeneriċi jippermettu li ssir riċerka fuq skala ta’ laboratorji, l-użu bħala standard ta’ referenza u kontaminanti ta’ traċċa inċidentali fi prodotti u f’oġġetti. L-oġġetti li fihom POPs manifatturati jew li diġà jkunu qed jintużaw qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-obbligu rilevanti wkoll huma soġġetti għal eżenzjoni dment li l-Partijiet jippreżentaw informazzjoni dwar l-użi u pjan nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart għat-tali oġġetti lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

Rilaxxi ta’ prodotti sekondarji prodotti b’mod inċidentali elenkati fl-Anness C (diossini, furani, PCBs, PeCB, HCB u, minn Diċembru 2016, PCNs) huma soġġetti għal minimizzazzjoni kontinwa bl-objettiv finali ta’ eliminazzjoni totali, fejn din tkun fattibbli. Skont l-Anness C, il-Partijiet għandhom jippromowvu u, f’konformità mal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom, jesiġu, l-użu tal-aħjar tekniki disponibbli għal sorsi ġodda fi ħdan il-kategoriji ta’ sorsi ewlenin tagħhom identifikati fil-Parti II u fil-Parti III tal-Anness C tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma tipprevedi wkoll l-identifikazzjoni u l-ġestjoni sikura tal-ħażniet li fihom jew li jikkonsistu f’POPs. Skart li fih POPs, li jikkonsisti fihom jew li jkun kontaminat bihom, għandu jintrema b’tali mod li l-kontenut ta’ POP jinqered jew jiġi ttrasformat b’mod irriversibbli bl-għan li ma jesibixxix karatteristiċi ta’ POP. Meta dan ma jkunx jirrappreżenta l-aħjar għażla għall-ambjent jew meta l-kontenut ta’ POP ikun baxx, l-iskart għandu jintrema b’xi mod ieħor li jkun ambjentalment korrett. L-operazzjonijiet ta’ rimi li jistgħu jwasslu għall-irkupru jew għall-użu mill-ġdid ta’ POPs huma pprojbiti b’mod espliċitu. Fir-rigward tat-trasport marittimu tal-iskart, iridu jittieħdu f’kunsiderazzjoni r-regoli, l-istandards u l-linji gwida internazzjonali rilevanti, bħall-Konvenzjoni tal-1989 ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom.

Tabella 1    Ħarsa ġenerali lejn il-POPs regolati f’livell internazzjonali; il-POPs il-ġodda skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma (mill-2009) huma mdawla bl-aħdar

Sustanza

CAS

Elenkati fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma

Elenkati fil-Protokoll tan-NU/KEE dwar il-POPs

Elenkati fir-regolament tal-UE dwar il-POPs

POPs prodotti f’livell internazzjonali

Aldrin

309-00-2

Anness A

iva

iva

Klordan

57-74-9

Anness A

iva

iva

Klorodekon

143-50-0

Anness A

iva

iva

Dieldrina

60-57-1

Anness A

iva

iva

Fenhexamid

959-98-8
33213-65-9
115-29-7
1031-07-8

Anness A

le

iva

Endrina

72-20-8

Anness A

iva

iva

Ettakloru

76-44-8

Anness A

iva

iva

Eżabromobifenil (HBB)

36355-01-8

Anness A

iva

iva

Eżabromoċiklododekan (HBCDD)

25637-99-4

3194-55-6

Anness A

le

iva

Etere tal-eżabromodifenil u etere tal-eptabromodifenil

68631-49-2
207122-15-4
446255-22-7
207122-16-5
u oħrajn

Anness A

iva

iva

iva

Eżaklorobenżen (HCB)

118-74-1

Anness A

iva

iva

Alfa eżakloroċikloeżan*

319-84-6

Anness A

iva: Eżakloroċikloeżani (HCH; CAS: 608-73-1 7 ), inkluż lindan (CAS: 58-89-9)

Iva (l-isomeri kollha inkluż gamma HCH misjub f’lindan)

Beta eżakloroċikloeżan*

319-85-7

Anness A

Lindan*

58-89-9

Anness A

Mireks

2385-85-5

Anness A

iva

iva

Pentaklorobenżen

608-93-5

Anness A

iva

iva

Pentaklorofenol (PCP)

87-86-5

Anness A

le

le

Poliklorobifenili (PCB)

il-PCBs kollha u t-taħlitiet tagħhom għandhom numri CAS differenti

Anness A

iva

iva

Etere tat-tetrabromodifenil u etere tal-pentabromodifenil

5436-43-1
60348-60-9
u oħrajn

Anness A

iva

iva

iva

Toksafen

8001-35-2

Anness A

iva

iva

DDT

50-29-3

Anness B

iva

iva

Aċidu tas-sulfoniku tal-perfluworoottan, l-imluħ tiegħu u l-fluworur tas-sulfonil tal-perfluworoottan (PFOS)

1763-23-1 s,
307-35-7,
u oħrajn

Anness B

iva

iva

SCCPs – paraffini klorurati b’katina qasira

85535-84-8

taħt rieżami

iva

iva

HCBD – eżaklorobutadien

87-68-3

Anness A

iva

iva

PCN –polikloronaftaleni

il-PCNs kollha u t-taħlitiet tagħhom għandhom numri CAS differenti

Anness A

iva

iva

POPs prodotti b’mod inċidentali

Dibenżo-p-diossini poliklorurati (PCDD)

06/01/1746

Anness C

iva

iva

Poliklorodibenżofurani (PCDF)

06/01/1746

Anness C

iva

Eżaklorobenżen (HCB)

118-74-1

Anness C

iva

iva

Pentaklorobenżen

608-93-5

Anness C

iva

iva

Bifenili Poliklorinati (PCBs)

il-PCBs kollha u t-taħlitiet tagħhom għandhom numri CAS differenti

Anness C

iva

iva

PCN – polikloronaftaleni

il-PCNs kollha u t-taħlitiet tagħhom għandhom numri CAS differenti

Anness C

iva

le

Idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs)

207-08-9 u oħrajn

le

iva

iva

*    Lindan, Alfa- u Beta eżakloroċikloeżan, kif ukoll Klorodekon u Eżabromobifenil huma POPs ġodda skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma iżda diġà ġew koperti mill-Protokoll dwar il-POPs u mir-Regolament tal-UE dwar il-POPs.

4.L-iskop tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Unjoni dwar il-POPs

Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma tistabbilixxi obbligu għall-Partijiet kollha, biex jiżviluppaw u jieħdu impenn li jimplimentaw pjan għall-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. Għall-Unjoni, dan l-obbligu hu espress fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 dwar Pollutanti Organiċi Persistenti. Għaldaqstant, fl-2007 l-Unjoni żviluppat pjan ta’ implimentazzjoni dwar il-POPs, li jkopri wkoll is-sustanzi li jaqgħu taħt il-Protokoll tan-NU/KEE dwar il-POPs 8 .

L-iskop ġenerali tal-pjan ta’ implimentazzjoni mhuwiex biss li jissodisfa l-obbligi legali, iżda li jieħu wkoll kont tal-azzjonijiet meħuda u jistabbilixxi strateġija u pjan ta’ azzjoni għal miżuri ulterjuri tal-Unjoni relatati mal-POPs inklużi fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u/jew fil-Protokoll tan-NU/KEE dwar il-POPs.

Għaldaqstant, il-UIP għandu l-għan li:

·jirrieżamina l-miżuri eżistenti fil-livell tal-Unjoni relatati mal-POPs;

·jivvaluta l-effiċjenza u s-suffiċjenza tagħhom fl-issodisfar tal-obbligi tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma;

·jidentifika l-ħtiġijiet għal miżuri ulterjuri fil-livell tal-Unjoni;

·jistabbilixxi pjan għall-implimentazzjoni tal-miżuri ulterjuri;

·jidentifika u jsaħħaħ ir-rabtiet u s-sinerġiji potenzjali bejn il-ġestjoni tal-POPs u politiki ambjentali oħra u oqsma ta’ politika oħra; u

·iżid l-għarfien dwar il-POPs u l-miżuri ta’ kontroll tagħhom.

5.Sommarju tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li Jakkumpanja din il-Komunikazzjoni

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jistabbilixxi t-tielet Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Unjoni kif meħtieġ mill-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. Ir-rieżami u l-aġġornament tat-tieni Pjan ta’ Implimentazzjoni jindirizza l-inklużjoni ta’ pollutanti organiċi persistenti ġodda fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u l-progress tekniku u leġiżlattiv li sar fil-qasam.

L-introduzzjoni tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-qafas leġiżlattiv internazzjonali li fih jopera r-Regolament dwar il-POPs, inkluż sommarju tal-Protokoll tan-NU/KEE dwar il-POPs u l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

Il-Kapitolu 2 jippreżenta status quo tal-eżekuzzjoni tal-obbligi tal-UE bħala Parti għall-oqfsa internazzjonali msemmija hawn fuq. Jiddeskrivi l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE mdaħħla fis-seħħ kif ukoll l-istrumenti finanzjarji li jsostnu l-implimentazzjoni.

L-UE adottat u timplimenta numru ta’ miżuri leġiżlattivi li huma relatati mal-POPs li jindirizzaw kemm l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma kif ukoll tal-Protokoll tan-NU/KEE dwar il-POPs. L-istrument legali ewlieni hu r-Regolament (KE) Nru 850/2004 dwar pollutanti organiċi persistenti, li daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Mejju 2004. Ir-Regolament dwar il-POPs ġie emendat diversi drabi biex jelenka sustazi ġodda u biex jistabbilixxi limiti ta’ konċentrazzjoni fl-iskart.

Leġiżlazzjoni oħra dwar is-sustanzi kimiċi taħdem b’mod komplementari mar-Regolament dwar il-POPs fl-implimentazzjoni tal-obbligi tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u tal-Protokoll dwar il-POPs, billi tiżgura li l-projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet tal-POPs tiġi implimentata, li l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet awtorizzati jkunu konformi mar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, li l-POPs jinġabru u jinqerdu b’mod irriversibbli u fil-prevenzjoni tal-produzzjoni jew tat-tqegħid tas-suq tas-sustanzi kimiċi li jesibixxu karatteristiċi ta’ POPs.

Il-monitoraġġ tal-okkorrenza tal-POPs fl-ikel u fl-għalf u fl-ambjent isir fuq il-bażi ta’ diversi atti legali u fil-kuntest ta’ numru ta’ programmi. Ir-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti (PRTR Ewropew) isaħħaħ l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali. Dan ikopri 91 inkwinant u 65 attività ekonomika u jimplimenta livelli ta’ limitu għal numru ta’ inkwinanti, inklużi l-POPs.

Id-data tal-Pjattaforma ta’ Informazzjoni għall-Monitoraġġ tas-Sustanzi Kimiċi (IPCheM) għandha l-għan li tiffaċilita l-aċċess għad-data ta’ monitoraġġ, inkluża dik dwar POPs. Din tiġbor flimkien is-settijiet ta’ data ta’ monitoraġġ fil-forma ta’ “moduli”, li huma disponibbli pubblikament. IPCheM tipprovdi riżorsa siewja għar-riċerkaturi u tippermetti li ssir referenza kroċjata għal settijiet ta’ data differenti veloċement u faċilment.

Jeżistu diversi strumenti finanzjarji fl-Unjoni li jipprovdu finanzjament biex jiġu sostnuti l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma fl-Unjoni u fil-livell internazzjonali u r-riċerka dwar materji li huma rilevanti għall-POPs. L-Unjoni tipprovdi wkoll finanzjament għal strumenti internazzjonali, inkluż l-appoġġ tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni.

Il-Kapitolu 3 jipprovdi valutazzjoni ġenerali tal-POPs fl-Unjoni Ewropea, rigward il-produzzjoni tagħhom, l-użu tagħhom, it-tqegħid tagħhom fis-suq kif ukoll rigward il-ħażniet eżistenti u l-kontaminazzjoni tal-fluss ta’ skart. Dan il-kapitolu hu primarjament ibbażat fuq rapporti u pjanijiet ta’ implimentazzjoni mħejjija mill-Istati Membri.

Il-Kapitolu 4 jipprovdi analiżi approfondita ta’ kull obbligu individwali tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma li jaffettwa t-trattament tal-POPs mill-UE. Sussegwentement għal din l-analiżi, il-Kummissjoni tidentifika 25 miżura teknika biex ittejjeb l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-UE skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

Il-Kapitoli 3 u 4 juru li l-użu tas-sustanzi elenkati fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma jew tal-Protokoll dwar il-POPs u regolati mir-Regolament dwar il-POPs fil-livell tal-UE qabel l-2008 (il-POPs l-antiki) ġie eliminat b’mod gradwali fl-UE. L-użi li fadal tal-POPs l-antiki jsiru biss f’oġġetti li kienu prodotti u mqiegħda fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-POPs u bħala standards għall-finijiet ta’ riċerka. Iż-żewġ użi li fadal huma koperti minn eżenzjonijiet ġenerali mogħtija fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u fir-Regolament dwar il-POPs.

Is-sustanzi POP l-ġodda elenkati fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma jew fil-Protokoll dwar il-POPs bejn l-2009 u l-2015 ġew miżjuda b’mod sussegwenti għar-Regolament dwar il-POPs. Dawk is-sustanzi diġà kienu soġġetti għal projbizzjoni jew għal restrizzjonijiet severi fl-UE qabel l-elenkar tagħhom u, bl-emendi l-ġodda tar-Regolament dwar il-POPs, ċerti restrizzjonijiet jistgħu jmorru lil hinn minn qabel biex jirrispettaw l-impenji internazzjonali l-ġodda.

Skart li fih POPs (eż. pestiċidi obsoleti jew tagħmir kontaminat) ġie importat f’uħud mill-Istati Membri tal-UE sabiex jintrema u jiġi eliminat. Dawn l-importazzjonijiet joriġinaw minn pajjiżi tal-UE u mhux tal-UE li huma nieqsa mit-teknoloġija adegwata għar-rimi kif suppost tat-tali skart. Dawn l-importazzjonijiet saru b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u jikkontribwixxu għat-tnaqqis ġenerali tal-POPs fl-UE u madwar id-dinja.

Kważi ma kien hemm ebda esportazzjoni ta’ POPs barra mill-UE. Ftit kilogrammi lindan biss ġew esportati minn Stat Membru wieħed skont l-eżenzjoni għal standards għall-finijiet ta’ riċerka.

Fi ftit Stati Membri kien għad hemm ħażniet ta’ pestiċidi obsoleti li fihom sustanzi POP u li għalihom il-produzzjoni, l-użu u t-tqegħid fis-suq issa huma strettament projbiti skont ir-Regolament dwar il-POPs. Dawn il-ħażniet jammontaw għal anqas minn 50.000 tunnellata, u hu stmat li fihom bejn 2.000 u 9.000 tunnellata POPs.

L-obbligu skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma li jiġi elimnat l-użu ta’ poliklorobifenili (PCBs) fit-tagħmir sal-2025 hu parzjalment rifless fid-Direttiva tal-Kunsill 96/59/KE dwar ir-rimi ta’ polychlorinated biphenyls u polychlorinated terphenyls (PCB/PCT), li teħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw reġistri ta’ tagħmir li jkun fih aktar minn 5 dm3 ta’ PCBs u jiżguraw li t-tagħmir li fih il-PCBs fir-reġistri jkun ġie dekontaminat jew intrema sa mhux aktar tard mill-31.12.2010. B’konformità mad-Direttiva 96/59/KE, l-inventarji ta’ tagħmir li fih il-PCB, kif ukoll il-pjanijiet ta’ azzjoni għar-rimi u għall-ġbir tiegħu, ġew ikkumpilati mill-Istati Membri kollha.

Stħarriġ u evalwazzjoni mwettqa fl-2011 u fl-2014, rispettivament, sabu li sar progress tajjeb fl-identifikazzjoni ta’ tagħmir li fih il-PCB u fir-rimi ta’ skart li fih il-PCB fl-UE, b’ċerti Stati Membri li kienu qrib li jilħqu l-mira tal-2010. Madankollu, ħafna mill-Istati Membri kienu għadhom ma laħqux il-mira ta’ dekontaminazzjoni jew ta’ rimi ta’ likwidi u ta’ tagħmir kontaminat bil-PCB sal-31.12.2010, u l-ħidma biex jidentifikaw, ineħħu u jarmu likwidi kontaminati bil-PCB kienet għadha għaddejja wara l-2010.

L-eteri tad-difenil polibromurat (PBDEs) tetraBDE, pentaBDE, eżaBDE u eptaBDE ġew prodotti u ntużaw bħala ritardanti tal-fjammi sa tard fid-disgħinijiet fl-Unjoni u wara baqgħu jintużaw għal xi żmien f’ċerti oġġetti, b’mod partikolari fi plastiks użati f’tagħmir elettriku u elettroniku. Għad li l-produzzjoni u l-użu tagħhom ġew eliminati b’mod gradwali bis-saħħa ta’ miżuri regolatorji u tas-sostituzzjoni tagħhom minn dekaBDE, il-preżenza tagħhom fl-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) għadha sfida fl-UE.

Hemm indikazzjonijiet li huma biss ftit il-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-iskart elettroniku fuq skala sħiħa li jisseparaw plastiks li fihom PBDEs kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Għaldaqstant, hemm xi dubji dwar jekk il-kapaċità tal-impjanti ta’ riċiklaġġ tal-UE għas-separazzjoni tal-PBDEs li fihom plastik minn plastik ieħor hijiex żviluppata biżżejjed biex dawn jisseparaw sehem kbir mill-PBDEs li jkun fihom fluss ta’ skart tal-plastik. Id-data tissuġġerixxi li l-fluss ta’ plastiks irkuprati mid-WEEE u li fihom PBDE bħalissa mhuwiex qed jiġi kkontrollat kif xieraq fl-operazzjonijiet Ewropej ta’ riċiklaġġ.

Il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-aċidu tas-sulfoniku tal-perfluworoottan, tal-imluħ tiegħu u tal-fluworur tas-sulfonil tal-perfluworoottan (PFOS) huma regolati skont ir-Regolament dwar il-POPs. Ħafna użi huma projbiti iżda r-Regolament dwar il-POPs jagħti xi eżenzjonijiet, li huma ferm anqas numerużi milli fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, peress li hemm alternattivi disponibbli għal ħafna minn dawk l-użi. L-eżenzjonijiet jiġu rieżaminati b’mod regolari u l-użu tagħhom qed jonqos maż-żmien.

Eżabromoċiklododekan hu ritardant tal-fjammi bromurat li ntuża b’mod estensiv madwar l-UE fi ħdan bords ta’ iżolament tal-polistiren espandibbli (EPS) u tal-polistiren estruż (XPS) li jintużaw fl-iżolament tal-bjut u tal-ħitan ta’ kavità. L-elenkar ta’ din is-sustanza kimika fir-Regolament dwar il-POPs fl-2016 tipprovdi għal projbizzjoni fuq kull użu, b’eżenzjoni limitata biż-żmien għall-użu f’oġġetti tal-polistiren espandut.

L-emissjonijiet inċidentali ta’ pentaklorobenżen fl-ambjent (primarjament fl-arja u sa ċertu grad anqas fil-ħamrija), li primarjament jirriżultaw mill-produzzjoni tal-enerġija mill-faħam (madwar 83%) u mill-ħruq domestiku ta’ fjuwils solidi, ta’ injam u ta’ skart imħallat (8%), instabu li kienu qed jonqsu. Fi ħdan is-sett ta’ data tal-E-PRTR, numru limitat biss ta’ siti madwar l-Unjoni rrapportaw l-emissjoni ta’ pentaklorobenżen fl-arja għall-perjodu 2007 – 2012 u ma ġiet irrapportata ebda emissjoni għall-2013.

Il-Kapitoli 5 u 6 jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar l-implimentazzjoni ta’ obbligi oħra għajr dawk marbuta b’mod dirett mas-sustanzi kimiċi li huma elenkati. Dawn juru li l-iskambju ta’ informazzjoni dwar materji tekniċi fost l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi għadu sfida u għandu jittejjeb biex jiġi appoġġjat aħjar l-objettiv tal-Konvenzjoni. Anki l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew mill-Kummissjoni għas-sensibilizzazzjoni dwar l-il-POPs għandha tittejjeb.

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jipprovdu assistenza teknika u finanzjarja konsiderevoli biex isostnu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp permezz ta’ diversi strumenti.

6.Konklużjonijiet Ġenerali

Fl-Unjoni Ewropea, il-miżuri legali rigward il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ POPs, u dawk li jindirizzaw l-immaniġġjar tal-iskart li jikkonsisti f’POPs jew li fih POPs huma komprensivi biżżejjed biex jissodisfaw l-obbligi tal-Konvenzjoni u tal-Protokoll dwar il-POPs.

Inkiseb progress sinifikanti fl-eliminazzjoni tal-POPs. Il-produzzjoni u l-użu tas-sustanzi POP kollha huma probiti ħlief għal xi eżenzjonijiet minuri. Sfida importanti għall-UE hi li telimina l-POPs miċ-ċiklu tal-iskart u mill-ħażniet li jifdal peress li dawn għadhom jippreżentaw sors kbir ta’ emissjonijiet.

Fid-dawl tal-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Unjoni Ewropea, il-pjan ta’ implimentazzjoni jfassal 30 azzjoni li huma meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-obbligi. Tmien (8) azzjonijiet huma ġodda u jindirizzaw b’mod partikolari s-sustanzi kimiċi elenkati ġodda. Disa’ (9) azzjonijiet huma azzjonijiet kontinwi u 13-il azzjoni diġà kienu elenkati fil-pjan ta’ implimentazzjoni preċedenti u għadhom għaddejjin peress li għadhom ma tlestewx.

Ir-rilaxx ta’ POPs minħabba produzzjoni inċidentali għadu waħda mill-aktar kwistjonijiet importanti li jridu jiġu indirizzati fl-UE. B’hekk, diversi azzjonijiet huma dedikati għall-iżvilupp ta’ miżuri korrispondenti bl-għan li jinkiseb tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet ta’ POPs. Il-prevenzjoni tal-formazzjoni ta’ POPs inċidentali permezz tal-iżvilupp ta’ proċessi u ta’ teknoloġiji li jevitaw il-formazzjoni tagħhom għandha primarjament tiġi indirizzata fil-qasam tal-produzzjoni industrijali iżda għandha tkopri wkoll sorsi domestiċi bħal sorsi ta’ inċinerazzjoni diffużi. Għad hemm bżonn ta’ riċerka addizzjonali u ta’ żvilupp teknoloġiku.

Inventarji ta’ tagħmir li fih poliklorobifenil (PCB), kif ukoll il-pjanijiet ta’ azzjoni għall-ġbir u għar-rimi tiegħu, ġew ikkumpilati mill-Istati Membri kollha. Informazzjoni dwar l-ammonti kurrenti ta’ tagħmir b’PCB u skart ta’ PCB fl-UE wriet li għad hemm kwantitajiet sinifikanti ta’ tagħmir b’PCB użat. Il-kwantitajiet ta’ PCB li kienu jintużaw f’applikazzjonijiet miftuħa mhumiex magħrufa, u lanqas il-kwantitajiet ta’ prodotti li fihom PCBs u li għadhom jintużaw jew li kapaċi jemettu fl-ambjent naturali. Huma meħtieġa sforzi ulterjuri biex jintlaħaq l-objettiv skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma ta’ eliminazzjoni gradwali tal-użu ta’ PCB sal-2025.

Bħalissa hemm produzzjoni limitata ta’ aċidu tas-sulfoniku tal-perfluworoottan, tal-imluħ tiegħu u tal-fluworur tas-sulfonil tal-perfluworoottan (PFOS) fl-UE. L-użu tal-PFOS fl-industrija tal-kisi tal-metall hu s-sors ewlieni li fadal għar-rilaxxi tal-PFOS minn skop maħsub. Diġà ġew investigati alternattivi u sostituti għal dan l-użu, li jridu jiġu implimentati biex jiġi eliminat b’mod gradwali u totali l-użu tal-PFOS.

L-identifikazzjoni u l-ġestjoni ta’ siti kontaminati bi skart ta’ eżakloroċikloeżan (HCH) jirrappreżentaw sfida fi ħdan l-Unjoni. Valutazzjoni aġġornata sabet li l-iskart ta’ HCH depożitat fl-UE jista’ jlaħħaq mal-1.8 sa 3 miljun tunnellata. Sbatax-il Stat Membru identifikaw art kontaminata bħala problema fil-pjanijiet nazzjonali eżistenti ta’ implimentazzjoni, b’azzjoni ulterjuri meħtieġa biex tgħin fl-indirizzar ta’ din il-kwistjoni. Jaf tkun meħtieġa strateġija koordinata għall-identifikazzjoni ta’ siti kontaminati u għar-rimedjar ambjentalment korrett tagħhom.

Ir-rapportar mill-Istati Membri lill-Kummissjoni hu prerekwiżit għall-UE biex tkun tista’ tidentifika miżuri ulterjuri għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma bl-għan li tilħaq l-objettivi u wkoll biex tissottometti rapporti adegwati lill-Konvenzjoni. Madankollu, diversi Stati Membri ma ssodisfawx l-obbligi ta’ rapportar tagħhom u għandhom bżonn jagħmlu titjib.

Rigward il-monitoraġġ, minkejja l-fatt li l-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u l-korpi tal-UE qed jagħmlu sforzi sinifikanti biex jissorveljaw diversi sustanzi kimiċi f’diversi matriċijiet (ilma, arja, bijota, ħamrija, ħalib tal-bniedem, eċċ.) bħala konsegwenza tal-leġiżlazzjoni tal-UE, tal-inizjattivi nazzjonali u internazzjonali u tal-kurżità xjentifika, hemm diskrepanza fl-għarfien dwar il-piż kimiku. Din isseħħ għaliex id-data kimika ġenerata mill-attivitajiet ta’ monitoraġġ mhix qed tinġabar, tiġi ġestita u vvalutata b’mod koerenti u aċċessibbli. Sabiex tiġi indirizzata din id-diskrepanza, ġiet stabbilita pjattaforma ta’ informazzjoni għal data ta’ monitoraġġ tas-sustanzi kimiċi fuq l-iskala Ewropea u fil-ġejjieni se jiġi żgurat approċċ ikkoordinat u integrat għall-ġbir, għall-ħżin, għall-aċċessar u għall-valutazzjoni tad-data.

L-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa mekkaniżmi għal koordinazzjoni mtejba bejn il-programmi ta’ għajnuna bilaterali tal-Kummissjoni u dawk tal-Istati Membri fir-rigward tal-POPs bl-għan li tiżgura li r-riżorsi disponibbli jintużaw b’mod aktar effiċjenti. Biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u biex jintwera l-appoġġ ipprovdut mill-istrumenti finanzjarji tal-UE li huma rilevanti għal azzjoni relatata mal-POPs, tista’ tiġi pprovduta informazzjoni speċifika fuq is-sit web tal-Kummissjoni speċifiku għall-POPs.

(1)     http://www.pops.int/documents/convtext/convtext_en.pdf .
(2)    Stat Membru wieħed tal-UE għadu ma rratifikahiex (l-Italja).
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (2006/507/KE) (ĠU L 209, 31.7.2006, p. 1.)
(4)    Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7).
(5)       http://ec.europa.eu/environment/pops/pdf/sec_2007_341.pdf  
(6)      Il-Protokoll tan-NU/KEE (Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti) għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila rigward Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes http://www.unece.org/env/lrtap/pops_h1.htm
(7)      Dan in-Nru CAS ikopri t-taħlita ta’ isomeri ta’ alfa, beta, gamma, delta u epsilon HCH.
(8)      SEC (2007) 341
Top