EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE4514

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA” [COM(2017) 489 final – 2017/0226 (COD)]

EESC 2017/04514

OJ C 197, 8.6.2018, p. 24–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 197/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA”

[COM(2017) 489 final – 2017/0226 (COD)]

(2018/C 197/04)

Relatur:

Victor ALISTAR

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 2.10.2017

Kunsill, 25.10.2017

Bażi legali

Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Kompetenza

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni speċjalizzata

18.12.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

18.1.2018

Sessjoni plenarja Nru

531

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

129/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipprijoritizza l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, fenomenu li jaffettwa l-istrumenti tal-pagamenti elettroniċi, anke jekk din il-prijorità kellha tiġi stabbilita żmien ilu. Il-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni għandhom jiġu akkumpanjati minn mekkaniżmi ta’ reazzjoni għall-isfidi li din tippreżenta, sabiex l-ekonomija Ewropea u ċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ mis-soċjetà tal-informazzjoni. Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni, fejn għandha l-għan li tipproteġi liċ-ċittadini u lin-negozji kontra netwerks kriminali ċibernetiċi u tipprevedi miżuri biex tiżdied il-fiduċja fl-użu tal-istrumenti ta’ pagament elettroniċi.

1.2.

Il-Kumitat jinnota, fil-kuntest tal-eżami tad-direttiva proposta, għadd ta’ nuqqasijiet li għandhom jiġu indirizzati u kkoreġuti:

1.2.1.

Fir-rigward tal-Artikolu 11 dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, għandu jiġi ppreċiżat jekk il-prinċipju bażiku huwiex il-preżenza fit-territorju tal-awtur tar-reat jew dik tas-sistema ta’ informazzjoni użata, sabiex jiġi evitat kunflitt pożittiv ta’ ġurisdizzjoni. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob li jiddaħħal paragrafu ġdid f’dan l-artikolu dwar ir-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ ġurisdizzjoni skont wieħed miż-żewġ metodi proposti f’dan ir-rapport.

1.2.2.

Il-proposta għal direttiva ma tindirizzax b’mod effikaċi s-sitwazzjoni li jinsabu involuti fiha wkoll qrati oħra barra l-UE, u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ ritorn lejn strumenti legali oħra ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali, b’tali mod li huwa meħtieġ il-ħolqien ta’ qafas proċedurali prevedibbli u definit.

1.2.3.

L-Artikolu 16 dwar il-prevenzjoni għandu jiġi kkompletat b’miżuri speċifiċi, stabbiliti fil-leġislazzjoni ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri, dwar l-obbligu ta’ informazzjoni li għandha titqiegħed fuq l-operaturi li joħorġu prodotti elettroniċi ta’ pagament, jew fuq l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, jew saħansitra fuq il-korpi responsabbli fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja.

1.2.4.

Fir-rigward tal-Artikoli 12 u 13, għandu jkun previst ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki ta’ identifikazzjoni, investigazzjoni u rimedju f’każijiet ta’ ċiberkriminalità bbażati fuq il-frodi fir-rigward ta’ mezzi ta’ pagament elettroniċi.

1.3.

Għalkemm il-qasam regolatorju indirizzat huwa dak tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-investigazzjoni u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’każijiet ta’ frodi tal-informatika, huwa importanti li jitwaqqfu mekkaniżmi ta’ dissważjoni u informazzjoni pubblika dwar il-modus operandi tal-kriminali permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mwettqa minn aġenziji tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri.

1.4.

Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-individwi u sabiex jintlaħqu l-għanijiet li jiġġustifikaw din l-inizjattiva – jiġifieri li tittejjeb il-fiduċja fi strumenti ta’ pagament elettroniċi u diġitali, kif ukoll livell ogħla ta’ konformità u ta’ prevenzjoni – għandha tiżdied mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 l-introduzzjoni fil-leġislazzjoni nazzjonali ta’ assigurazzjoni finanzjarja kontra l-frodi, li tikkonsisti f’obbligu ta’ kumpens għall-vittmi sa 100 % fil-każ ta’ frodi tal-informatika li jikkawżaw dannu lid-detenturi ta’ strumenti ta’ pagament elettroniċi. Dan ir-rimborż għandu jingħata meta tintemm l-investigazzjoni mwettqa mill-entità emittenti, bħala l-parti ċivili kkonċernata.

1.5.

Biex jiġu żgurati l-effiċjenza u l-effikaċja tal-politika tal-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni ta’ strumenti ta’ pagament elettroniku, għandu jiġi previst fid-direttiva l-obbligu li jiġu nnotifikati l-inċidenti li jinvolvu strumenti ta’ pagament elettroniċi falsifikati, bħal fil-każ tal-obbligu ta’ rappurtar fil-kuntest tal-politiki għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew ir-regolament dwar il-protezzjoni tad-data personali.

1.6.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ fehim u ta’ prevenzjoni tal-fenomenu tal-frodi mwettqa b’mezzi ta’ pagament elettroniċi u diġitali u biex jiġu evitati milli jseħħu billi jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-ġbir tad-data statistika bl-għan li jissaħħu l-istrateġiji ta’ prevenzjoni u rimedju tal-konsegwenzi ta’ tali frodi. Bl-istess mod, il-valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri ta’ traspożizzjoni fil-livell tal-Istati Membri għandha tkun kontinwa u tipprovdi rapporti kwantitattivi annwali kif ukoll valutazzjoni kwalitattiva tal-impatt kull sentejn jew tliet snin, sabiex tiġi evalwata l-effikaċja tal-politika u jiġu identifikati l-aġġustamenti meħtieġa.

1.7.

Sabiex l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi tal-informatika u l-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ pagament tiżdied fit-terminu medju huwa xieraq li tissaħħaħ id-dispożizzjoni tal-Artikolu 16 u jiġi speċifikat b’mod ċar li l-Istati Membri huma obbligati jiżviluppaw speċjalizzazzjonijiet f’dan il-qasam, billi jagħmlu użu mill-għarfien espert fil-qasam ta’ investigazzjoni u billi jibnu fuq l-iskambju ta’ esperjenzi, sabiex jittejbu l-ħiliet ġenerali ta’ gradwati (fil-qafas ta’ korsijiet fakultattivi) u ta’ esperti u investigaturi (permezz ta’ taħriġ speċjalizzat kontinwu).

1.8.

Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li l-koperazzjoni fil-livell lokali hija essenzjali u għandha tiġi promossa, kemm jekk nazzjonali kif ukoll transkonfinali, u din għandha tkun bl-għan li tiġġieled kontra din il-forma ta’ kriminalità jew għall-prevenzjoni tagħha. L-atturi rilevanti kollha, kemm pubbliċi kif ukoll privati, għandhom ikunu involuti f’dan il-proċess.

1.9.

Sabiex tiġi evitata l-konfużjoni dwar l-għan tad-direttiva, aħna nipproponu s-sostituzzjoni fit-titolu ta’ “mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti” b’“mezzi ta’ pagament elettroniċi u diġitali”.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

L-għan ta’ din id-direttiva huwa li tiġi żgurata armonizzazzjoni tal-istrumenti u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-Istati Membri li jinvestigaw il-frodi mwettqa b’mezzi ta’ pagament elettroniċi jew diġitali. Ir-Regolament propost għandu l-għan li jippromovi l-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-investigazzjonijiet u li jidħlu fis-seħħ sensiela ta’ miżuri dwar kooperazzjoni bħal din kif ukoll standards minimi komuni ta’ ħidma ta’ prevenzjoni, għajnuna lill-vittmi u r-responsabbiltà tal-emittenti ta’ dawn l-istrumenti. F’dan ir-rigward, l-approċċ segwit huwa li jiġi definit il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrument, li għandu l-għan jipprovdi perspettiva newtrali mil-lat teknoloġiku.

2.2.

Fil-kuntest tal-iżviluppi teknoloġiċi u tad-diversifikazzjoni ta’ modus operandi għall-frodi tal-IT, inklużi strateġiji użati minn gruppi kriminali, il-Kummissjoni tirrikonoxxi fl-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa (1) li d-deċiżjoni qafas mhijiex biżżejjed biex tindirizza l-isfidi u l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda bħall-muniti virtwali u l-pagamenti bil-mowbajl.

2.3.

Peress li kards jikkostitwixxu l-iktar strument ta’ pagament – mhux bi flus kontanti – importanti fl-UE f’termini ta’ numru ta’ tranżazzjonijiet, il-frodi bil-kards maħruġin fiż-żona euro fl-2013, skont studju tal-Bank Ċentrali Ewropew, laħqu EUR 1,44 biljun, u għadu qed jikber (2). Minkejja li d-data dwar il-frodi tezisti biss għall-pagamenti bil-kards, il-kards huma l-iktar strument ta’ pagament – mhux bi flus kontanti – importanti fl-UE f’temini ta’ għadd ta’ tranżazzjonijiet (3).

2.4.

Jirriżulta mill-analiżi tal-Kummissjoni li wieħed mill-profili l-aktar vulnerabbli għall-frodi huwa marbut mal-użu ta’ pagamenti elettroniċi għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar – biljetti tal-ferrovija, tal-ajru, akkomodazzjoni u operazzjonijiet oħra relatati, mhux limitati għal dawn.

2.5.

Fir-rigward tal-ambitu regolatorju, il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tiżgura qafas solidu u teknoloġikament newtrali, tneħħi l-ostakli operattivi u ssaħħaħ il-prevenzjoni kontra l-frodi għal mezzi ta’ pagament elettroniċi.

2.6.

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm mezzi effettivi għall-ġlieda kontra l-frodi fir-rigward tal-istrumenti ta’ pagament elettroniċi u l-kriminalità informatika, il-proposta għal direttiva tistabbilixxi regoli komuni għal-leġislazzjoni nazzjonali dwar: ir-reati msemmija fil-liġi kriminali dwar il-frodi tal-informatika għal mezzi ta’ pagament; il-parteċipazzjoni f’infrazzjonijiet kriminali u l-politika penali dwar is-sanzjonijiet; ir-responsabbiltà legali tal-persuni legali u l-uniformità tas-sanzjonijiet għal skopijiet ta’ dissważjoni. Il-KESE jenfasizza bħala element ta’ novità l-ewwel dispożizzjonijiet leġislattivi dwar muniti virtwali elettroniċi fil-liġi tal-Unjoni Ewropea. Id-definizzjoni ta’ reati tkopri aġir li, minkejja li ma jikkostitwix direttament frodi fil-veru sens tal-kelma, jitwettqa fil-kuntest ta’ frodi (is-serq u l-iffalsifikar, iżda wkoll il-bejgħ u s-sempliċi żamma ta’ strumenti ta’ pagament misruqa).

2.7.

Sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità informatika u tal-frodi għall-istrumenti ta’ pagament elettroniċi, id-direttiva tipprevedi l-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi u rispettivi dwar il-mekkaniżmi istituzzjonali u l-kompetenzi ta’ investigazzjoni fil-livell tal-Istati Membri, kif ukoll għall-mekkaniżmu Ewropew ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali.

2.8.

Element importanti tal-proposta huwa li tintroduċi l-obbligu li jiġu stabbiliti mezzi effettivi ta’ difiża tal-interessi tal-vittmi, li jiggarantixxi aċċess għal rimedju effettiv.

2.9.

Il-proposta tal-Kummissjoni taqa’ bis-sħiħ fl-ambitu tas-setgħat regolatorji tal-UE kif definiti fl-Artikolu 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u titlob li jkun hemm armonizzazzjoni minima fil-livell tal-Istati Membri, fil-qafas ta’ perjodu ta’ traspożizzjoni ta’ 24 xahar.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

L-għażla regolatorja magħżula hija aktar adatta peress li, permezz ta’ direttiva, huwa possibbli li jiġu stabbiliti regoli legalment vinkolanti fil-livell tal-ġurisdizzjonijiet nazzjonali kollha (bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, jekk dan il-pajjiż ma jkunx jixtieq jaderixxi), li jmur lil hinn mill-istandardizzazzjoni tal-prattiki prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2001/413/JAI, mingħajr preġudizzju tal-kontenut tiegħu.

3.2.

Il-KESE jinnota li l-abbozz ta’ direttiva għandu jsir f’sinerġija ma’ strumenti regolatorji oħra li jinvolvu l-Istati Membri u huwa komplementari għal politiki oħra tal-Unjoni, bħalma huma l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni pan-Ewropej fil-kwistjoni kriminali, kif ukoll atti legali maħsuba biex jiġġieldu l-frodi u l-ħasil tal-flus. F’dan il-kuntest, għandha tiġi enfasizzata wkoll il-ħtieġa li tiġi żgurata korrelazzjoni bejn il-problema inkwistjoni u l-mezzi ta’ protezzjoni għal data personali miżmuma minn istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll il-miżuri tas-sigurtà ċibernetika.

3.3.

Fl-ewwel lok, jeżisti fil-livell tal-Unjoni Ewropea pakkett ta’ strumenti legali li jistabbilixxu r-regoli meħtieġa fil-livell tas-swieq finanzjarji u tas-servizzi finanzjarji, dwar obbligi ta’ diliġenza dovuti vinkolanti mal-ħruġ, il-ġestjoni u s-sigurtà ta’ strumenti ta’ pagament, iżda d-direttiva proposta tipprovdi tweġibiet xierqa biex issaħħaħ l-infrastruttura legali ta’ rappurtar, ta’ investigazzjonijiet u ta’ sanzjonijiet kriminali għal frodi tal-informatika għal mezzi ta’ pagament.

3.4.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ fehim u ta’ prevenzjoni tal-fenomenu tal-frodi mwettqa b’mezzi ta’ pagament elettroniċi u diġitali u biex jiġu evitati milli jseħħu billi jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-ġbir tad-data statistika bl-għan li jissaħħu l-istrateġiji ta’ prevenzjoni u rimedju tal-konsegwenzi ta’ tali frodi. Bl-istess mod, il-valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri ta’ traspożizzjoni fil-livell tal-Istati Membri għandha tkun kontinwa u tipprovdi rapporti kwantitattivi annwali kif ukoll valutazzjoni kwalitattiva tal-impatt kull sentejn jew tliet snin, sabiex tiġi evalwata l-effikaċja tal-politika u jiġu identifikati l-aġġustamenti meħtieġa.

3.5.

Barra minn hekk, sa fejn se jiġu introdotti elementi ta’ responsabbiltà legali għal persuni ġuridiċi u fir-rigward tas-sanzjonijiet, bħala parti minn sistema b’saħħitha ta’ assigurazzjoni tal-mezzi legali, huwa importanti li titfakkar il-ħtieġa li jiġu introdotti xi strumenti ta’ appoġġ għall-operaturi li jipprovdu prodotti ta’ pagament elettroniċi jew jużaw pjattaformi għall-pagamenti onlajn sabiex ikunu jistgħu jikkonformaw mar-regolamenti settorjali (4).

3.6.

Fir-rigward tal-mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar investigazzjonijiet ta’ frodi għal strumenti ta’ pagament fil-kuntest taċ-ċiberkriminalità, stabbilit mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 13 u 14 tad-direttiva proposta, huwa meħtieġ li tiġi prevista setgħa ddelegata lill-Kummissjoni bil-ħsieb ta’ leġislazzjoni permezz ta’ atti delegati għal dak li jirrigwarda kemm matriċi ta’ skambju ta’ informazzjoni kif ukoll id-data standardizzata għar-rappurtar dwar każijiet taħt investigazzjoni.

3.7.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni, jekk fil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni tirreferi għal azzjoni simili għal dik adottata mil-leġislazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE, il-KESE jikkunsidra li kien neċessarju, minn naħa, għal aktar ċarezza dwar ir-rekwiżiti stabbiliti għal miżuri ta’ prevenzjoni, u, min-naħa l-oħra, li tintroduċi sensiela ta’ obbligi ta’ kuxjenza pubblika dwar il-kawżi, ir-riskji u l-mezzi ta’ prevenzjoni individwali, sabiex tiġi evitata l-frodi għall-istrumenti finanzjarji ta’ pagament imwettqa minn netwerks ta’ ċiberkriminalità permezz ta’ tagħmir ta’ interċettazzjoni.

3.8.

Għandha tiġi żviluppata speċjalizzazzjoni f’dan il-qasam, billi jsir użu mill-għarfien espert fil-qasam ta’ investigazzjoni u billi wieħed jibbaża fuq l-iskambju ta’ esperjenzi, sabiex, minn naħa, jittejbu l-ħiliet ġenerali ta’ gradwati ta’ edukazzjoni ġenerali fil-kuntest ta’ korsijiet fakultattivi, u, min-naħa l-oħra, li jiġi żviluppat qafas ta’ kompetenza għall-esperti u l-investigaturi li jużaw programmi ta’ taħriġ speċjalizzati.

3.9.

Tinħtieġ kooperazzjoni effiċjenti fil-livell lokali għall-ġlieda kontra din it-tip ta’ kriminalità. Din il-kooperazzjoni għandha tiġi organizzata f’diversi oqsma u tinvolvi kemm jista’ jkun lill-partijiet interessati kollha. L-għan għandu jkun mhux biss dak tal-ġlieda kontra din il-forma ta’ kriminalità serja, iżda wkoll il-prevenzjoni tagħha, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll f’livell transkonfinali.

3.10.

Il-proposta għal direttiva ma tindirizzax b’mod effikaċi s-sitwazzjoni li jinsabu involuti fiha wkoll qrati oħra barra l-UE, u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ ritorn lejn strumenti legali oħra ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali, b’tali mod li huwa meħtieġ il-ħolqien ta’ qafas proċedurali prevedibbli u definit.

3.11.

Għalkemm il-qasam regolatorju indirizzat huwa dak tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-investigazzjoni u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’każijiet ta’ frodi tal-informatika, huwa importanti li jitwaqqfu mekkaniżmi ta’ dissważjoni u informazzjoni pubblika dwar il-modus operandi tal-kriminali permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mwettqa minn aġenziji tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li, fid-dispożizzjonijiet finali tal-proposta regolatorja ssir referenza għall-istrumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja kriminali internazzjonali fejn jissemmew fil-kuntest tas-sitwazzjonijiet ta’ extraterritorjalità u tal-metodi ta’ twettiq tal-investigazzjonijiet li jibnu fuq dawn il-mezzi. Fir-rigward tal-proċedura, din hija għodda regolatorja utli u għandha valur ta’ kjarifika.

4.   Proposti speċifiċi

4.1.

Fir-rigward tal-Artikolu 11 dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, għandu jiġi ppreċiżat jekk il-prinċipju bażiku huwiex il-preżenza fit-territorju tal-awtur tar-reat jew dik tas-sistema ta’ informazzjoni użata, sabiex jiġi evitat kunflitt pożittiv ta’ ġurisdizzjoni bejn is-sitwazzjoni mfissra fl-Artikolu 11(2)(a) li tirreferi għall-preżenza fiżika ta’ min iwettaq il-ksur, u l-Artikolu 11(2)(b), fil-każ fejn l-awtur wettaq il-ksur tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru, iżda uża mekkaniżmu b’aċċess mill-bogħod (“remote shell”). Dan jista’ jiġġustifika l-kompetenza taż-żewġ Stati Membri kkonċernati. Huwa meħtieġ li fl-Artikolu 11 jiddaħħal paragrafu ġdid dwar ir-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ ġurisdizzjoni, jew billi tinħatar l-entità li dan se jkun id-dmir tagħha (pereżempju l-Eurojust) jew billi mmorru lura għal mekkaniżmu simili ta’ riżoluzzjoni (pereżempju d-Deċiżjoni Kwadru 2009/948/JAI (5)).

4.2.

L-Artikolu 16 dwar il-prevenzjoni għandu jiġi kkompletat b’miżuri speċifiċi, stabbiliti fil-leġislazzjoni ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri, dwar l-obbligu ta’ informazzjoni li għandha titqiegħed fuq l-operaturi li joħorġu prodotti elettroniċi ta’ pagament, jew fuq l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, jew saħansitra fuq il-korpi responsabbli fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja.

4.3.

Fir-rigward tal-obbligu li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar investigazzjonijiet ta’ frodi, previst fl-Artikolu 13 tal-proposta għal direttiva, jeħtieġ li jiġi stabbilit punt ta’ kuntatt uniku, simili għal dak li jeżisti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew is-sikurezza tal-ikel, sabiex tiġi assigurata uniformità fil-livell Ewropew. Dan il-punt uniku ta’ kuntatt jista’ jkun jew il-Ministeru tal-Ġustizzja jew entità oħra kompetenti – fil-biċċa l-kbira l-qrati tal-UE. Il-KESE jqis li l-kliem “mezzi ta’ komunikazzjoni xierqa” jistgħu jwieġbu parzjalment għall-bżonn ta’ effiċjenza, iżda mhux dak ta’ armonizzazzjoni.

4.4.

Fir-rigward tal-Artikoli 12 u 13, għandu jkun previst ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki ta’ identifikazzjoni, investigazzjoni u rimedju f’każijiet ta’ ċiberkriminalità bbażati fuq il-frodi fir-rigward ta’ mezzi ta’ pagament elettroniċi.

4.5.

Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-individwi u sabiex jintlaħqu l-għanijiet li jiġġustifikaw din l-inizjattiva – jiġifieri li tittejjeb il-fiduċja fi strumenti ta’ pagament elettroniċi, kif ukoll livell ogħla ta’ konformità u ta’ prevenzjoni – għandha tiżdied mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 l-introduzzjoni fil-leġislazzjoni nazzjonali ta’ assigurazzjoni finanzjarja kontra l-frodi, li tikkonsisti f’obbligu ta’ kumpens għall-vittmi sa 100 % fil-każ ta’ frodi tal-informatika li jikkawżaw dannu lid-detenturi ta’ strumenti ta’ pagament elettroniċi. Dan ir-rimborż għandu jingħata meta tintemm l-investigazzjoni mwettqa mill-entità emittenti, bħala l-parti ċivili kkonċernata. Dawk il-garanziji għandhom ikopru wkoll id-dannu kkawżat lill-professjonisti rappreżentati mill-SMEs f’każ ta’ falliment tas-saldu ta’ ammonti sa limitu raġonevoli, kif deċiż fil-livell tal-Istati Membri.

4.6.

Biex jiġu żgurati l-effiċjenza u l-effikaċja tal-politika tal-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni ta’ strumenti ta’ pagament elettroniku, għandu jiġi previst fid-direttiva l-obbligu li jiġu nnotifikati l-inċidenti li jinvolvu strumenti ta’ pagament elettroniċi falsifikati, bħal fil-każ tal-obbligu ta’ rappurtar fil-kuntest tal-politiki għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew ir-regolament dwar il-protezzjoni tad-data personali.

Brussell, it-18 ta’ Jannar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2015) 192 final.

(2)  Il-Bank Ċentrali Ewropew, Fourth report on card fraud (“Ir-Raba’ Rapport dwar il-frodi ta’ kards ta’ pagament”), Lulju 2015 (l-aħħar data disponibbli).

(3)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(4)  ĠU L 267, du 10.10.2009, p. 7.

(5)  ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42.


Top