EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0130
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Taking stock of the Europe 2020 strategy for smart, sustainable and inclusive growth
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020_x000b_ għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020_x000b_ għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv
/* COM/2014/0130 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020_x000b_ għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv /* COM/2014/0130 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Evalwazzjoni tal-istrateġija
tal-Ewropa 2020
għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv Introduzzjoni[1] Fil-bidu tal-2010,
il-Kummissjoni pproponiet l-istrateġija Ewropa 2020, li ġiet varata
bħala l-istrateġija tal-UE għal tkabbir intelliġenti,
sostenibbli u inklussiv.[2]
L-għan kien li tittejjeb il-kompetittività tal-UE filwaqt li jinżamm
il-mudell tas-suq soċjali tagħha u tittejjeb b'mod sinifikanti
l-effiċenzja tar-riżorsi tagħha Meta tnediet,
l-istrateġija Ewropa 2020 kienet minn ta' quddiem fil-promozzjoni ta’
mudell ta’ tkabbir li jmur lil hinn minn sempliċement żieda fil-PDG.
Illum ħafna korpi jippromwovu tkabbir intelliġenti, sostenibbli u
inklussiv bħala element kruċjali tal-iżvilupp ekonomiku. L-istrateġija
Ewropa 2020 nbdiet fil-kuntest ta’ livelli ta’ produttività u tkabbir
aktar baxxi milli f'pajjiżi żviluppati oħra u ambjent ekonomiku
u soċjali li kien qed jiddeterjora b'pass mgħaġġel, wara
l-agħar kriżi finanzjarja globali li l-UE qatt ħabbtet
wiċċha magħha. Hija tgħallmet mill-Istrateġija ta’
Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi li tnediet fis-sena 2000, u li
ġġeddet fl-2005 u kienet fis-seħħ sal-2010. Id-dokument
bażiku għamilha ċara li “l-prijorità għal żmien qasir
(kienet) li noħorġu mill-kriżi b’suċċess”, iżda
li “biex ikollna ġejjieni sostenibbli”, l-UE kellha bżonn “tittratta
d-dgħufijiet strutturali tagħha” u “tibda tħares sew 'il
quddiem”. L-ambizzjoni kienet "li noħorġu aktar
b'saħħitna mill-kriżi u nittrasformaw lill-Ewropa f'ekonomija
intelliġenti, sostenibbli u inklussiva li tikseb livelli għoljin
fl-oqsma tal-impjiegi, tal-produttività u tal-koeżjoni soċjali."[3] L-istrateġija
nħolqot bħala sħubija bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha,
b’sett ta’ għanijiet iffokati lejn il-prijoritajiet ta’ tkabbir
intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, u sistema ta’ konsenja
speċifika. Hija ppreżentat ħames miri ewlenin interrelatati li
l-UE għandha tikseb sal-2020 fl-oqsma tal-impjiegi, ir-riċerka u
l-iżvilupp (R&Ż), it-tibdil fil-klima u l-enerġija,
l-edukazzjoni, u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Il-miri ma kinux eżawrjenti iżda kienu meqjusa eżemplari tat-tip
ta’ bidla dinamika promossa fl-istrateġija. Sabiex jiġi
kkatalizzat il-progress fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni ppreżentat seba’
inizjattivi ewlenin[4],
li kienu jinkludu programmi ta’ ħidma speċifiċi f’oqsma
identifikati bħala strument importanti għat-tkabbir. Barra minn hekk,
l-istrateġija serviet bħala qafas ta’ referenza għal azzjoni
fil-livell tal-UE fl-oqsma tas-suq uniku, il-baġit tal-UE
għall-2014-2020 u l-aġenda tal-politika esterna tal-UE. Kwalunkwe
reviżjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 trid tqis il-kriżi
finanzjarja u ekonomika ta’ dawn l-aħħar snin u r-reazzjoni tal-UE
għaliha (ara l-Kaxxa 1). Hekk kif il-kriżi nfirxet u ħadet
forom ġodda, sfida partikolari għall-UE kienet li jitkisser
iċ-ċirku vizzjuż bejn livelli li qed jiżdiedu ta’ dejn
sovran, l-instabbiltà finanzjarja kontaġjuża u tkabbir baxx jew
saħansitra anke tkabbir negattiv Dan kien jeħtieġ azzjoni
immedjata u sistemika, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro,
bħall-istabbiliment ta’ kapaċità ta’ self għall-pajjiżi
f’diffikultajiet finanzjarji u regoli aktar b’saħħithom
għall-governanza ekonomika kif ukoll is-superviżjoni finanzjarja. Kaxxa 1. Azzjoni tal-UE biex tingħeleb il-kriżi finanzjarja u ekonomika 2008-2013 F’Novembru 2008, il-Kummissjoni nediet Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku biex iżżid l-investimenti fl-infrastruttura u setturi ewlenin oħrajn, u pproponiet li l-Istati Membri jikkoordinaw il-pakketti ta’ stimolu baġitarju nazzjonali tagħhom. Il-pakkett totali rrappreżenta madwar EUR 200 biljun jew 1.5 % tal-PDG tal-UE. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u r-regoli għall-użu tal-fondi tal-UE kienu wkoll aġġustata sabiex jiffaċilitaw il-mobilizzazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Billi l-irkupru ma damx wisq u minħabba r-riskji li l-kriżi finanzjarja, ekonomika u tad-dejn sovran tinfirex għalkollox, ittieħdu diversi deċiżjonijiet, fosthom: - Ġie stabbilit mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet biex jitnaqqas ir-riskju ta’ kontaġju u l-fraġilità finanzjarja madwar l-Istati Membri. F'Mejju 2010, ġew stabbiliti żewġ mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni tal-kriżi: il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) u l-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF). Fl-2012, l-Istati Membri taż-żona tal-euro ddeċidew li joħolqu mekkaniżmu permanenti ta’ riżoluzzjoni tal-kriżijiet, u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), b'saħħa finanzjarja ta’ EUR 500 biljun, li ġie stabbilit f’Ottubru 2013. Is-self ingħata lil pajjiżi f’diffikultà finanzjarja. - L-UE daħlet għal riforma ambizzjuża u sostanzjali tas-sistema finanzjarja tagħha. L-UE ssikkat is-superviżjoni tas-swieq finanzjarji billi stabbilixxiet Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF) magħmula minn tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) speċifiċi għas-settur u minn għassies makroprudenzjali, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS). Saru wkoll passi kbar lejn “Unjoni Bankarja”, li jinkludu mekkaniżmu ċentralizzat għas-superviżjoni tal-banek, b’effett minn Novembru 2014, u ftehim dwar modi kif banek li qed ifallu jiġu rristrutturati u solvuti. - Il-governanza ekonomika tal-UE kienet imsaħħa b’mod sinifikanti billi ġew integrati bis-sħiħ il-komponenti varji tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja taħt is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-2011, pakkett leġiżlattiv[5] introduċa Proċedura għall-Iżbilanċ Makroekonomiku (MIP) ġdida biex jiġu evitati u kkoreġuti l-iżbilanċi ekonomiċi. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) ġie wkoll raffurzat. Sett ta’ Regolamenti kumplimentari[6] daħlu fis-seħħ f’Mejju 2013, u jipprovdu fost l-oħrajn għall-iskrutinju tal-Kummissjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Fit-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU), l-Istati Membri taż-żona tal-euro (u xi Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro) intrabtu li jintegraw il-prinċipji ewlenin tal-SGP fl-ordni legali nazzjonali tagħhom. F’Diċembru 2013, tabella ta' valutazzjoni ġdida ta’ indikaturi ewlenin li għandhom x'jaqsmu mal-impjiegi u indikaturi ewlenin soċjali ġew approvati mill-Kunsill u integrati fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi. Kriżi fuq l-iskala
ta’ dawn l-aħħar snin kienet teħtieġ reazzjoni politika
qawwija u immedjata biex tissupplimenta l-għanijiet fit-tul
tal-Istrateġija ta' Ewropa 2020. Mill-Istħarriġiet Annwali
dwar it-Tkabbir tagħha, fejn stabbiliet prijoritajiet għall-UE kollha
għas-sena li ġejja, għall-preżentazzjoni ta’ proposti
leġiżlattivi mmirati u l-ħruġ ta’ gwida speċifika
għal kull pajjiż, il-Kummissjoni kienet favur taħlita ta’
azzjonijiet li jistabbilizzaw
is-settur finanzjarju flimkien ma’ strateġiji ta’ rkupru, sforzi ta’
konsolidazzjoni fiskali u riformi strutturali aġġustati
għall-ispeċifikazzjonijiet tal-pajjiż u li jirriflettu
l-interdipendenzi tal-ekonomiji tal-UE. Biex jissorveljaw u
jmexxu bl-implimentazzjoni nazzjonali tal-Istrateġija Ewropa 2020,
l-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu l-miri tagħhom u
jispjegaw azzjonijiet aktar dettaljati bħala parti mill-programmi
nazzjonali ta' riforma tagħhom. Dawn huma riveduti kull sena fil-livell
tal-UE bħala parti mis-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika
ekonomika. Maħsub bħala mod kif tissaħħaħ
il-governanza ekonomika tal-UE, l-ewwel semestru Ewropew beda kmieni fl-2011 u
l-mekkaniżmu malajr stabbilixxa ruħu bħala
ċ-ċiklu annwali tal-politika ta' gwida u monitoraġġ
tal-ekonomija fil-livell tal-UE (ara hawn taħt u l-Anness 1). Hemm
djalogu regolari
mal-Parlament Ewropew u d-diversi formazzjonijiet tal-Kunsill, li jirrifletti
approċċ ta’ sħubija. Erba’ snin wara
t-tnedija tal-istrateġija Ewropa 2020, l-għan ta’ din
il-Komunikazzjoni huwa li tevalwa s-sitwazzjoni.[7]
Il-Kunsill Ewropew huwa mistenni jagħmel l-ewwel diskussjoni
fil-laqgħa tiegħu f’Marzu 2014, li warajha l-Kummissjoni se tniedi
konsultazzjoni pubblika biex tiġbor il-fehmiet tal-partijiet interessati
kollha biex jgħinuha tiżviluppa
l-istrateġija għall-perjodu 2015-2020. 1. Fejn tinsab l-Ewropa wara
erba’ snin? Fl-2009, l-ekonomija
Ewropea ħadet daqqa bla preċedent: kontrazzjoni ta' 4.5% fil-PDG.
L-irkupru temporanju fit-tnaqqis ekonomiku fl-2010 ma damx wisq u x-xejriet
negattivi baqgħu għaddejjin mill-2011 għall-2012. Mill-2013 'il
quddiem kien hemm irkupru gradwali u dan mistenni jkompli, bil-PDG reali
mbassar li jikber għal darb’oħra b’1.5 % fl-2014 u 2.0 % fl-UE
fl-2015.[8]
Il-medja tal-UE esprimiet trajettorji tat-tkabbir differenti u esperjenzi
differenti ħafna matul il-kriżi fost l-Istati Membri, b’xi
pajjiżi li ntlaqtu ħażin ħafna u oħrajn li rpiljaw
matul iż-żmien. Fit-tnedija
tal-Istrateġija Ewropa 2020 fl-2010, il-kobor u t-tul tal-kriżi
kienu għadhom, fil-biċċa l-kbira tagħhom, mhux
magħrufa. Kienu kkunsidrati diversi xenarji għad-deċennju li
jmiss, li jvarjaw minn ritorn għal tkabbir “ b'saħħtu”,
xenarju ta’ rkupru “letarġiku” jew ir-riskju ta’
“deċennju mitluf”. Ħafna kien jiddependi fuq il-kapaċità
tal-UE li toħroġ mir-riċessjoni tal-2009 malajr u
bis-saħħa.[9]
Grafika 1. Il-livell reali tal-PDG fiż-żona tal-euro u
fl-UE matul l-2000-2020 (Indiċi 2010 = 100) Erba’ snin wara, qed
jidher ċar li t-trajettorja probabbli tat-tkabbir għall-UE matul
2010-2020 hija eqreb lejn it-tieni xenarju (jiġifieri madwar 1.3%
fis-sena). Kif tindika l-grafika 1, il-produzzjoni ekonomika fl-UE fl-2014
hija mistennija tilħaq l-istess livell bħal fl-2008 bit-telf
mit-tnaqqis issa kkumpensat bi rkupru kontinwu. Madankollu, l-impatt
tal-kriżi huwa kemm immedjat u kif ukoll fit-tul: din diġà ssarrfet
f'telf ta' ġid għall-Ewropa u kielet ukoll mill-potenzjal tagħha
għall-ħolqien ta' impjiegi, negozji u ntilef "know-how" Skont l-aħħar
tbassir, it-tkabbir annwali tal-PDG tal-UE jista' jkun ta’ 1.6 % tul
il-perjodu 2014-2020, meta mqabbel ma’ 2.3 % matul l-2001-2007 (qabel
il-kriżi).[10]
It-tkabbir annwali medju fl-UE espress fi PDG per capita, għalhekk ikun
ta’ 0.9 % matul il-perjodu 2014-2020, meta mqabbel ma’ 1.8 % matul
il-perjodu 2001-2007. Wieħed mill-ewwel
passi kritiċi fit-tfassil ta' strateġija tat-tkabbir ta' wara
l-kriżi għall-UE huwa
li tifhem b'mod ċar l-impatt sħiħ tal-kriżi u taqsam
djanjożi komuni tal-qagħda tal-Ewropa. Meta tagħmel hekk, huwa
importanti wkoll li żżomm f'moħħha li
terġa' lura għall-"mudell" tat-tkabbir tad-deċennju
preċedenti jkun kemm illużjoni
u kif ukoll ta' ħsara: żbilanċi fiskali ; bżieżaq
immobiljari ; inugwaljanzi soċjali dejjem akbar ; nuqqas ta'
intraprenditorija u innovazzjoni biżżejjed ; sistemi finanzjarji li
ma jiffunzjonawx sew ; dipendenza dejjem akbar fuq l-enerġija
pressjonijiet multipli fuq l-użu tar-riżorsi u tal-ambjent;
żieda qawwija fil-qgħad; dgħufijiet fis-sistemi tal-edukazzjoni
u t-taħriġ; amministrazzjonijiet pubbliċi bi prestazzjoni
dgħajfa – dawn kienu kwistjonijiet li kienu qed jiġu osservati
iżda li ma nstabux soluzzjonijiet għalihom fil-passat. Dawn
ikkontribwew għall-kollass ta’ partijiet sħaħ tal-ekonomiji tagħna
meta faqqgħet il-kriżi.
Wara ċ-ċifri ewlenin fuq il-PDG, huwa essenzjali wkoll li wieħed
iħares lejn, u xi kultant jerġa' jiskopri t-tendenzi sottostanti u
t-tibdil strutturali li jiddeterminaw il-kapaċità tal-Ewropa li tikber.
Din hija wkoll ir-raġuni għaliex il-fatturi tal-għarfien u
l-istimulu li jġibu l-progress lejn il-miri ta’ Ewropa 2020 huma ta’
importanza kritika. 1.1. L-impatt
tal-kriżi Is-sostenibbiltà tal-finanzi
pubbliċi u privati hija f’riskju Id-defiċits
tal-gvern laħqu 6.5 % tal-PDG bħala medja fl-2010 fl-UE u huma
mistennija li jonqsu għal 2.7 % fl-2015.[11] Dan jirrifletti
l-isforzi enormi f’diversi Stati Membri, partikolarment fl-2011 u l-2012, biex
terġa’ tinkiseb is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħhom.[12] Madankollu,
minħabba l-akkumulazzjoni tad-defiċits u t-tnaqqis fit-tkabbir,
proporzjonijiet tad-dejn sovran żdiedu ħafna, minn 60 % tal-PDG
bħala medja qabel il-kriżi, għal 80 % fl-2010 u huma
mbassra li jilħqu 89.5 % fl-2015.[13]
Bit-tkabbir għaddej u d-defiċits jonqsu, id-dejn gross tal-gvern
mistenni jibda jonqos fl-2015. Li tittejjeb il-kwalità tan-nefqa pubblika u li
ssir enfasi akbar fuq l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi
u li s-sistemi tat-taxxa jiffavorixxu aktar it-tkabbir, inkluż billi
jċaqilqu ulterjorment il-piż fiskali minn fuq ix-xogħol
għal fuq il-bażijiet tat-taxxa marbuta mal-konsum, il-proprjetà u
t-tniġġis, se jkollhom rwol dejjem aktar importanti fis-salvagwardja
u fl-iffurmar tal-mudelli tat-tkabbir u l-mudelli soċjali Ewropew
fil-futur. Livelli ta' dejn privat
– fl-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji – kienu wkoll partikolarment
għolja f'xi pajjiżi qabel il-kriżi u komplew jiżdiedu
b'riżultat ta' dan. Li titnaqqas l-iskopertura finanzjarja hija prijorità
għal ħafna atturi privati. Madankollu, dan jista’ jkollu
l-effetti sekondarju negattiv ta’ tkabbir bil-mod għal xi żmien,
b’mod partikolari f’kuntest ta’ tkabbir baxx u inflazzjoni baxxa. Minkejja xi stabbilizzazzjoni
fis-settur finanzjarju, l-aċċess għall-finanzi għadu
wieħed limitat f’xi partijiet tal-UE Is-sitwazzjoni
globali fis-swieq finanzjarji wriet żviluppi inkoraġġanti f’dawn
l-aħħar xhur iżda dawn għad iridu jittraduċu
ruħhom fl-ekonomija reali u xi dgħufijiet jibqgħu jippersistu fi
ħdan is-settur finanzjarju. Wara 24 trimestru suċċessiv ta’
ssikkar mill-2008, is-self mill-banek lill-impriżi żgħar u medji
(SMEs) wera l-ewwel sinjali ta’ rilassament fl-ewwel kwart tal-2014.[14]
Madankollu, l-aċċess għall-finanzi għadu ta’ tħassib
f’partijiet kbar tal-UE u jvarja bejn l-Istati Membri, li jindika kwistjoni ta’
frammentazzjoni tas-suq. Il-livelli
tal-qgħad u l-faqar qed jogħlew Il-qgħad
żdied ħafna fl-Ewropa bħala riżultat tal-kriżi, minn
rata ta’ 7.1 % fl-2008 sal-ogħla livell ta’ 10.9 % fl-2013.
Minħabba d-diskrepanza taż-żmien bejn l-irkupru u l-ħolqien
nett ta’ impjiegi, ir-rata tal-qgħad hija mistennija tonqos biss bil-mod
fil-futur prevedibbli (10.4 % fl-2015[15]).
Is-sitwazzjoni saret
aktar integrata matul iż-żmien. Il-qgħad fit-tul –
jiġifieri l-perċentwali tal-popolazzjoni attiva qiegħda
għal aktar minn sena – żdiedet b'2.1 punti perċentwali bejn
l-2008 u l-2012 (minn 2.6% għal 4.7%). Dan jista’ jwassal għal
żieda fil-livell ta’ qgħad strutturali, li għandu impatt wiesa’
fuq il-forza tax-xogħol u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomija, u anke
għan-nisġa politika u soċjali tal-UE – b’mod partikolari
f’termini ta’ livelli dejjem ogħla ta’ faqar u esklużjoni
soċjali (ara hawn taħt). Is-sitwazzjoni tvarja
b’mod sinifikanti minn pajjiż u reġjun għall-ieħor, u
r-rati tal-qgħad ivarjaw minn 5.0 % fl-Awstrija għal 27.6 %
fil-Greċja fl-2013. Huma kkonċernati l-gruppi ta’ età kollha
iżda s-sitwazzjoni hija partikolarment diffiċli għal persuni li
għandhom aktar minn 55 sena u għaż-żgħażagħ,
bir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ –
il-perċentwali ta’ żgħażagħ qiegħda li
għandhom bejn 15 u 24 sena – jilħaq medja ta’ 23.3 % fl-UE
fl-2013, u saħansitra 59.2 % fil-Greċja u 55.7 % fi Spanja.
Is-sehem dejjem akbar ta' żgħażagħ li la huma impjegati u
lanqas qed jieħdu xi edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) ta’ 13.2 %
fl-2012, huwa sors ieħor ewlieni ta’ tħassib. Sitwazzjonijiet
diversi madwar l-UE Għalkemm diġà
kienu jeżistu differenzi sinifikanti madwar l-UE qabel il-kriżi,
is-severità tagħha wriet serje ta' żbilanċi akkumulati matul
is-snin. Il-kriżi kompliet tkabbar diverġenza li dejjem qed tikber bejn
l-Istati Membri u spiss ġo fihom stess. Li ssir distinzjoni bejn
ix-xejriet ċikliċi u dawk strutturali huwa partikolarment
diffiċli fi żminijiet ta’ ċirkostanzi negattivi estremi, u hemm
riskju li bosta effetti negattivi tal-kriżi jibqgħu fit-tul.
Waħda minnhom hija UE aktar varjata fit-termini tal-qagħda u
l-prestazzjoni ekonomika. Din id-diversità hija wkoll apparenti
fir-reviżjoni tal-progress lejn il-miri tal-Ewropa 2020. 1.2. Ix-xejriet fit-tul li
jaffettwaw it-tkabbir ekonomiku L-istrateġija
Ewropa 2020 tnediet b’viżjoni tal-isfidi fit-tul li qed tħabbat
wiċċha magħhom l-UE. Filwaqt li xi wħud minn dawn l-isfidi
kienu enfasizzati matul
il-kriżi, oħrajn xi kultant ġew traskurati minħabba
l-ħafna kwistjonijiet urġenti oħra li għandhom prijorità
netta fl-aġenda politika. Ħafna mill-isfidi identifikati fl-2010
għadhom magħna u xi wħud saħansitra intensifikaw. Bidla
fis-soċjetà Is-soċjetà Ewropea
hija trasformata mill-forzi globali u domestiċi, li kulħadd qed
jadatta għalihom: forom ġodda ta' ħajja urbana u rurali, xejriet
tal-konsum u l-mobilità ġodda, għaqdiet familjari ġodda u aktar
diversi, il-preżenza dejjem akbar tat-teknoloġija fil-ħajja ta'
kuljum, eċċ. Żewġ xejriet, b'mod partikolari, se jiffurmaw
il-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020. L-ewwel nett,
it-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea joħloq kuntest ġdid, kemm
b'opportunitajiet kif ukoll bi sfidi. It-tixjiħ huwa proċess gradwali
iżda ferm palpabbli:
l-età medja fl-Ewropa – l-età li tifred il-popolazzjoni f'żewġ
nofsijiet – żdiedet minn 35.7 sena għal 41.5 fl-2012 u jaf
tilħaq it-52.3 sal-2050. Il-popolazzjoni ta’ bejn il-65 sena hija
mistennija li tirdoppja fl-UE mill-1990 sal-2050. It-tixjiħ
għandu impatt profond fuq is-soċjetà u l-ekonomija Ewropea.
Il-migrazzjoni netta hi u se tkun meħtieġa minħabba
żviluppi demografiċi. Sa mill-1992 il-migrazzjoni netta qabżet
iż-żieda naturali tal-popolazzjoni (id-differenza bejn it-twelid u
l-imwiet) u issa tammonta għal żewġ terzi tat-tkabbir
tal-popolazzjoni tal-Ewropa. Id-dipendenza ekonomika – il-proporzjon bejn
l-għadd ta’ persuni li m’għandhomx impjieg u dawk li għandhom –
huwa mistenni jiżdied minn 1.32 fl-2010 għal 1.47 fl-2030,
bid-dipendenza tax-xjuħija toħloq sfidi mingħajr preċedent
għall-adegwatezza soċjali u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi
tal-għajnuna soċjali. Il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol
mistennija tonqos u kulma jmur se tikkonsisti minn ħaddiema ikbar fl-età.
Dan jillimita l-potenzjal tat-tkabbir tal-Ewropa sakemm l-UE ma tkunx
kapaċi tħaddem aktar nies u tiżgura li dawn jaħdmu b’mod
aktar produttiv u għal żmien itwal, skont iż-żieda
fl-istennija tal-ħajja u s-snin ta’ ħajja b’saħħitha. It-tieni, il-kriżi
tefgħet dawl fuq il-kwistjoni li ilha teżisti tal-effikaċja u
l-ġustizzja tal-ġid prodott u mqassam permezz tat-tkabbir. Filwaqt li
b'mod ġenerali l-PDG u l-ġid komplew jiżdiedu, l-inugwaljanza
fl-Ewropa żdiedet ukoll – bħal f'pajjiżi żviluppati
oħra – minn nofs is-snin tmenin 'l hawn. Issa hemm inugwaljanzi kbar fid-
distribuzzjoni tal-introjtu fl-UE: bħala medja, l-aqwa 20% qalgħu 5.1
darbiet aktar mill-agħar 20% fl-2012. Dan il-proporzjon kien ivarja b’mod
sinifikanti madwar l-UE, mit-3.4 fis-Slovenja u t-3.5 fir-Repubblika Ċeka
għal aktar minn 6.0 fil-Greċja, ir-Rumanija, il-Latvja u l-Bulgarija
u laħaq il-quċċata ta’ 7.2 fi Spanja. Hu mistenni li
l-kriżi wasslet għal żieda ulterjuri fl-inugwaljanza u li
rrestrinġiet is-sistemi ta’ ridistribuzzjoni saħansitra aktar.
Il-kwistjoni ta’ ġustizzja distributtiva, min-naħa l-oħra,
iżżid id-diffikultà li jiġu indirizzati l-isfidi li jħabbtu
wiċċhom magħhom l-ekonomiji tal-Ewropa. Il-globalizzazzjoni
u l-kummerċ L-UE hija l-ikbar
esportatur dinji u l-akbar kummerċjant tal-prodotti. Hija wkoll l-akbar
kummerċjant f’servizzi fejn għad għandha potenzjal qawwi biex
tikber. Huwa stmat li fi żmien 10 u 15-il sena oħra, 90 %
tat-tkabbir fid-dinja se jiġi minn barra l-UE, għalhekk l-UE
għandha kull interess biex tiżgura li l-kumpaniji tagħha
jibqgħu kompetittivi ferm u jkunu jistgħu jaċċessaw swieq
ġodda u jibbenefikaw minn dawn is-sorsi ta’ tkabbir. Il-globalizzazzjoni
mhix biss l-iffaċilitar tal-kummerċ u l-iskambji. Hija wkoll li
wieħed jingħaqad fil-katini tal-valur globali u jipprovdi prodotti,
servizzi u teknoloġiji li l-ebda pajjiż individwali ma jkun jista'
jipproduċi waħdu. Hija wkoll il-ħolqien
ta' kundizzjonijiet għal sħubija bbilanċjata u l-iżvilupp
madwar il-pajjiżi, li jibda mill-viċinat tal-Ewropa. Il-kapaċità
tal-UE li tikkompeti b’mod internazzjonali tibda fil-livell lokali. L-UE tgawdi
minn benefiċċji sinifikanti mill-integrazzjoni tagħha fl-ekonomija
mondjali, li nbniet fuq is-suq intern tagħha stess: żewġ terzi
tal-kummerċ f'merkanzija tal-UE jsir ġol-fruntieri tal-UE.
Għaldaqstant, is-suċċess globali tad-ditti Ewropej
fil-kummerċ internazzjonali, jirrifletti mhux biss is-saħħa
nazzjonali iżda, permezz ta’ katini ta’ valur transfruntieri,
l-involviment tal-fornituri f’pajjiżi oħra tal-UE, li jipprovdu
kontribuzzjonijiet importanti għall-kompetittività. Barra minn hekk,
l-evidenza turi li l-SMEs li huma attivi fis-swieq internazzjonali jikbru aktar
malajr u huma iktar innovattivi minn dawk li jillimitaw l-attivitajiet
tagħhom għas-swieq lokali. Fil-kriżi, l-UE
gawdiet direttament mill-kummerċ bħala magna tat-tkabbir u kienet
kapaċi żżomm pożizzjoni b’saħħitha fis-swieq
dinjin. Fl-2015, minkejja l-ħafna dipendenza tagħha fuq
l-importazzjonijiet tal-enerġija, l-ekonomija tal-UE mistennija
tirreġistra bilanċ pożittiv fil-kont kurrenti ta’ madwar
1.5 % tal-PDG (aġġustat għall-kummerċ intra-UE) meta
mqabbel ma’ defiċit ta’ 0.5 % tal-PDG fl-2010. Din ix-xejra
tirrifletti wkoll il-fatt li ħafna Stati Membri issa rnexxielhom
jirbħu lura l-kompetittività u jżidu l-esportazzjonijiet. Żviluppi fil-produttività u
l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) It-tkabbir tal-Ewropa
waqa’ lura fejn dak ta’ ekonomiji avvanzati oħra għal
dawn l-aħħar tletin sena u ħafna minn dan id-distakk li dejjem
qed jikber huwa dovut għal tkabbir dgħajjef fil-produttività.
Il-produzzjoni taż-żona tal-euro laħqet 90 % tal-PDG per
capita tal-Istati Uniti fl-1980 iżda issa tinsab madwar 70 % u
għal bosta ekonomiji taż-żona tal-euro anqas minn 60 %.[16] Ħafna drabi huwa stmat li riformi
fis-swieq tal-prodotti, tas-servizzi u tax-xogħol li huma kalibrati sew u
sekwenzati għall-ħtiġijiet tal-ekonomija, għandhom il-potenzjal
li joħolqu żidiet sinifikanti fil-produttività fil-medda twila
taż-żmien. Il-benefiċċji jkunu ikbar
fil-pajjiżi tal-periferija minħabba kamp ta’ applikazzjoni usa’
għar-riforma iżda wkoll għal effetti pożittivi li jinxterdu
mill-qalba taż-żona tal-ewro. It-titjib tal-kwalità tal-kapital uman,
il-prestazzjoni tar-riċerka, is-sistemi tal-edukazzjoni u
t-taħriġ u l-kapaċità tagħhom li jrawmu l-innovazzjoni hija
wkoll fattur ewlieni għall-promozzjoni tal-produttività. Il-popolazzjoni
fl-età tax-xogħol tal-Ewropa li qed tixjieħ u qed tonqos
tagħmilha saħansitra iktar urġenti li tittejjeb il-produttività
bħala sors ta’ tkabbir. Komunikazzjonijiet
elettroniċi moderni u servizzi online, inkluż il-gvern-e, huma
setturi ekonomiċi importanti fihom infushom iżda huma wkoll l-ixprun
kruċjali tat-tkabbir u l-produttività għall-ekonomija kollha kemm hi.
Inqas investiment fl-ICT u inqas użu minnu fl-Ewropa jammonta
għall-parti kbira tad-distakk fil-produttività tax-xogħol bejn l-UE u
l-Istati Uniti. L-investiment tal-UE f’infrastruttura tal-komunikazzjoni
avvanzata wkoll waqa' lura minn dak tal-kompetituri ewlenin tagħha,
speċjalment fir-rigward tal-infrastruttura tal-mowbajls. Il-medja
tal-veloċità tad-dejta tal-mowbajls fl-UE hija nofs dik tal-Istati Uniti,[17] u l-Ewropa għandha biss 6 %
tal-abbonamenti tal-mowbajl 4G tad-dinja kollha. Fil-Korea t’Isfel, 58 %
tad-djar huma konnessi bil-fibra mad-dar, iżda fl-Ewropa dawn huma biss
5 %. 54 % tad-djar Ewropej għandhom aċċess għal
netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss, li jistgħu jipprovdu
30 Mbps. Fl-ekonomija l-ġdida bbażata fuq id-dejta, il-kumpaniji
Ewropej huma kważi assenti mill-katina tal-valur. Il-pressjoni
fuq ir-riżorsi u l-kwistjonijiet ambjentali Matul is-seklu
għoxrin, l-użu tal-fjuwils fossili fid-dinja żdied b’fattur ta’
12, waqt li kienu estratti 34 darba aktar riżorsi materjali. Fl-UE, illum
il-ġurnata, kull persuna tuża 15-il tunnellata ta’ materjal
fis-sena filwaqt li tiġġenera 5 tunnellati ta' żibel,
b'nofshom jispiċċaw fil-miżbliet. In-negozji qed iħabbtu wiċċhom
ma’ spejjeż dejjem akbar għall-materja prima, l-enerġija u
l-minerali, u n-nuqqas ta’ sigurtà tal-provvista u l-volatilità tal-prezzijiet
tkun tolqot lill-ekonomija b'mod ħażin. Is-sorsi tal-minerali,
tal-metalli u tal-enerġija, kif ukoll l-istokkijiet tal-ħut,
tal-injam, tal-ilma, tal-ħamrija għammiela, tal-arja nadifa,
tal-bijomassa u tal-bijodiversità, ilkoll jinsabu taħt pressjoni u
l-istess jgħodd għall-istabbiltà tas-sistema tal-klima. Id-domanda
għall-ikel, l-għalf u l-fibra jaf tiżdied b’70 % sal-2050,
iżda 60 % tal-ekosistemi ewlenin tad-dinja li jgħinu
fil-produzzjoni ta’ dawn ir-riżorsi diġà ġew iddegradati jew qed
jintużaw b’mod li mhuwiex sostenibbli.[18]
Il-kwalità tal-ilma u l-livelli tat-tniġġis fl-arja għadhom
problematiċi f’ħafna partijiet tal-Ewropa. L-użu insostenibbli
tal-art qed jikkonsma l-ħamrija fertili, filwaqt li tissokta
d-degradazzjoni tal-ħamrija, u l-użu tal-infrastruttura
ekoloġika jibqa’ anqas minn ottimali. Bl-istess mod, l-użu
insostenibbli tal-ibħra jhedded il-bilanċ fraġli tal-ekosistemi
tal-baħar u jaffettwa l-attivitajiet ekonomiċi relatati,
bħas-sajd u t-turiżmu. Is-sistema ekonomika
tagħna għadha tinkuraġġixxi l-użu tar-riżorsi
b’mod mhux effiċjenti, billi xi wħud minn dawn ir-riżorsi huma
pprezzati f’livell li huwa inqas minn kemm jiswew verament. Il-Kunsill
Kummerċjali Dinji għall-Iżvilupp Sostenibbli jistma li,
sal-2050, se tkun meħtieġa żieda ta’ bejn 4 u
10 darbiet fl-użu effiċjenti tar-riżorsi, u sal-2020
diġà se jkun hemm bżonn ta’ titjib sinifikanti. Il-promozzjoni ta'
użu effiċjenti tar-riżorsi jagħmel ħafna sens
f’termini ta’ negozju u għandu jgħin il-kompetittività u
l-profitabbiltà tan-negozji. Dan jista' jżid l-impjiegi u t-tkabbir
ekonomiku: matul il-kriżi, azzjoni biex tittejjeb l-effiċjenza
enerġetika fis-settur residenzjali wriet li kienet ta' għajnuna
partikolarment tajba fit-tkattir tad-domanda lokali għal impjiegi lokali u
fil-ħolqien ta' tfaddil finanzjarju maż-żmien. 1.3. Progress lejn il-miri ta'
Ewropa 2020 Kontra dan l-isfond,
il-progress lejn il-miri ta’ Ewropa 2020 kien inevitabbilment wieħed
varjat (ara l-Anness 2). Il-kriżi ħalliet impatt ċar, b’mod
partikolari fuq l-impjieg u l-livelli tal-faqar, u waqqfet il-progress lejn
il-miri l-oħra tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-effett tagħha
fuq it-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Din kabbret ukoll
id-differenzi fil-prestazzjoni bejn l-Istati Membri
f'bosta oqsma, bħall-impjiegi u r-R&Ż. Il-progress kien affettwat
ukoll minn grad li jvarja ta' reazzjoni politika madwar l-UE. Minkejja l-kriżi,
kien hemm xejriet strutturali aktar pożittivi, pereżempju
fil-livelli tal-edukazzjoni, li jibnu taħlita ta' enerġija aktar
sostenibbli u t-tnaqqis
fl-intensità tal-karbonju tal-ekonomija. Ir-reżiljenza relattiva tar-rata
tal-impjieg matul il-kriżi f'għadd ta' pajjiżi, flimkien
mal-progress miksub
fil-perjodu preċedenti, tista' wkoll tiġi interpretata bħala
sinjal ta' prestazzjoni aħjar tas-suq tax-xogħol meta mqabbla
mal-passat. It-taqsima li
ġejja tistabbilixxi l-iżviluppi ewlenin f’kull waħda mill-ħames
żoni fil-mira. Inżidu r-rata tal-impjieg
tal-popolazzjoni ta’ bejn 20-64 għal mill-inqas 75 % Ir-rata tal-impjieg
tal-UE kienet ta’ 68.4 % fl-2012, meta mqabbla ma' 68.5 % fl-2010 u
70.3 % fis-sena tal-quċċata tal-2008. Skont ix-xejriet
reċenti, din mistennija tiżdied għal madwar 72 % fl-2020.
It-twettiq tal-miri nazzjonali kieku jtellgħuha sa 74 %, ftit inqas
mill-objettiv tal-2020. Il-prestazzjoni
nazzjonali huma eteroġenji ħafna, bl-Isvezja u l-Ġermanja juru
rati għoljin ta’ impjieg u li qed joqorbu lejn il-miri nazzjonali
tagħhom, filwaqt li Spanja, il-Greċja, il-Bulgarija u l-Ungerija huma
l-aktar ’il bogħod. Ħafna minn dawk li kienu l-aħjar f’termini
ta’ impjieg irreġistraw progress notevoli mill-2000 'il quddiem.
Madankollu, bejn l-2000 u l-2012 ħafna mill-Istati Membri li bħalissa
għandhom l-iktar rati baxxi ntlaqtu minn tnaqqis qawwi fl-impjiegi.
Is-sitwazzjoni tal-impjiegi wkoll tvarja ħafna minn reġjun
għall-ieħor, u dan jindika diskrepanzi u r-realtà tal-mobilità
ġeografika limitata madwar l-UE. Madankollu, matul il-kriżi, bosta
Stati Membri bdew jimplimentaw riformi fis-suq tax-xogħol li se
jagħmlu s-swieq tax-xogħol aktar flessibbli fil-ġejjieni, anki
jekk ir-riżultati jieħdu ż-żmien. Biex tintlaħaq
il-mira ta’ 75 % hemm bżonn ta' madwar 16-il miljun raġel u mara
addizzjonali. Proporzjon kbir ta’ żgħażagħ u nies
b’edukazzjoni tajba se jkun disponibbli għax-xogħol, imma l-progress
lejn il-mira se jkun jeħtieġ ukoll l-użu tal-forza tax-xogħol
potenzjali li jikkonsistu fil-biċċa l-kbira minn nisa, anzjani u kif
ukoll adulti inattivi, inklużi migranti. Dawn l-aħħar
żewġ gruppi għandhom it-tendenza li jkunu inqas edukati
mill-bqija tal-forza tax-xogħol bħala medja. Dan ifisser li tista'
tkun iktar diffiċli li dawn jiġu attivati, iżda wkoll li dawn
x’aktarx li jingħaqdu mal-parti tal-forza tax-xogħol l-inqas
esperjenzata, minkejja evidenza li tissuġġerixxi li d-domanda
fil-futur se tkun tikkonċentra aktar fuq xogħol b'livell għoli
ta' ħiliet milli xogħol b'livell baxx ta' ħiliet. Politiki attivi
tas-suq tax-xogħol, flimkien ma’ strateġiji ta’ tagħlim tul
il-ħajja u politiki ta’ integrazzjoni komprensivi, b’hekk jibqgħu
essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-impjiegi. Inżidu
l-investiment pubbliku u privat fir-R&Ż għal 3 % tal-PDG B’livell ta’
2.06 % fl-2012, u progress limitat matul iż-żmien, huwa
improbabbli li l-mira ta’ 3 % għall-2020 tintlaħaq.
L-investiment fir-R&Ż hu previst li jiżdied għal 2.2 %
sal-2020.
Jekk l-Istati Membri jilħqu l-miri nazzjonali tagħhom, dan is-sehem
jista’ jammonta għal 2.6 %. Mill-2000 'l hawn,
il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri żiedu l-livell ta’
investiment pubbliku u privat fir-R&Ż (bl-eċċezzjoni ta’ xi
pajjiżi bħall-Kroazja, il-Lussemburgu, ir-Renju Unit u l-Isvezja).
L-Estonja wriet l-akbar żieda bejn l-2000 u l-2012 u bħalissa tinsab
'il fuq mill-medja tal-UE f’dan il-qasam. Innaqqsu
l-gassijiet b’effett serra b’tal-anqas 20 % meta mqabbel mal-livelli
tal-1990, inżidu s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali
tal-enerġija għal 20 %, u nimxu lejn żieda ta’ 20 %
fl-effiċjenza tal-enerġija B'mod ġenerali,
dawn il-miri jistgħu jinkisbu sal-2020 u l-progress huwa diġà
evidenti: § L-UE
diġà laħqet tnaqqis ta' 18 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet
serra sal-2012. Il-politiki kurrenti dwar il-klima u l-enerġija ġabu
l-progress, filwaqt
li t-tnaqqis ekonomiku ħalla effett sinifikanti fuq it-tnaqqis
tal-emissjonijiet. Minkejja l-irkupru attwali u minħabba t-titjib
strutturali, jista’ jkun mistenni progress ulterjuri sal-2020 u dan iwassal
għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sa 24 % meta
mqabbla mal-1990, u għalhekk il-mira tista' anke tinqabeż.[19] Madankollu, skont
il-projezzjonijiet nazzjonali, il-politiki eżistenti fi 13-il Stat Membru
ma jkunux suffiċjenti biex jintlaħqu l-miri nazzjonali sal-2020. § Minn
7.5 % fl-2000[20],
is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli diġà laħaq 14.4 % fl-2012[21]. Il-mira ta' sehem ta'
20 % sal-2020 tidher li tista' tintlaħaq u tista’ tinqabeż
(madwar 21 %). Dan il-progress ifisser li l-UE hija l-mexxejja dinjija
globali f’termini tal-investiment fl-enerġiji rinnovabbli.
Pereżempju, l-UE installat madwar 44 % tal-elettriku rinnovabbli
tad-dinja (eskluża l-idroelettriċità) sa tmiem l-2012. § Il-konsum
tal-enerġija primarja naqas b'madwar 8 % bejn l-2006 u l-2012. Ikun
meħtieġ tnaqqis ulterjuri ta’ 6.3 % sal-2020 biex il-mira
tintlaħaq. Parti kbira mit-tnaqqis fil-konsum hija funzjoni tat-tnaqqis
fir-ritmu ekonomiku, u għalhekk l-irkupru jista’ jillimita l-progress lejn
il-mira. Madankollu, qed isir ukoll xi ċaqliq strutturali: l-intensità
tal-enerġija tal-ekonomija tal-UE naqset b'24% bejn l-1995 u l-2011 filwaqt
li t-titjib mill-industrija kien ta' madwar 30%. B’mod
ġenerali, lil hinn mill-impatt tal-kriżi fuq perjodu ta’ żmien
qasir, l-UE qiegħda tissepara b'mod kostanti t-tkabbir f’attivitajiet
ekonomiċi u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra – bejn l-1990 u l-2012,
il-PDG tal-UE kiber b’45 % u l-emissjonijiet naqsu bi 18 %. Innaqqsu r-rati
tat-tluq bikri mill-iskola għal inqas minn 10 % u nżidu is-sehem
tal-popolazzjoni bejn 30-34 li jkunu lestew l-edukazzjoni terzjarja għal
mill-inqas 40 % B'mod ġenerali,
dawn il-miri jistgħu jintlaħqu sew sal-2020: § Is-sehem
ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola naqas minn 15.7 % fl-2005 għal
12.7 % fl-2012, b’nofs l-Istati Membri li diġà kisbu jew qegħdin
qrib li jiksbu l-miri tagħhom. Filwaqt li parti minn dan it-tnaqqis jista’
jiġi attribwit għal ambjent tax-xogħol aktar diffiċli,
teżisti wkoll evidenza ta’ titjib strutturali u x-xejra mistennija
tissokta, minkejja li b’ritmu aktar kajman. § L-għadd
ta’ żgħażagħ li lestew l-edukazzjoni terzjarja żdied
minn 27.9 % fl-2005 għal 35.7 % fl-2012. Filwaqt li dan jista’
jvarja minn pajjiż għall-ieħor, it-tendenza hija wkoll meqjusa
bħala strutturali u l-mira tal-2020 mistennija li tintlaħaq. Noħorġu
mill-inqas 20 miljun persuna mir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni L-għadd ta’ nies
f’riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali fl-UE (li jinkludi nies
f’riskju ta’ faqar finanzjarju, li qed jesperjenzaw id-deprivazzjoni materjali
jew li jgħixu f’unitajiet domestiċi bla xogħol) żdied minn
114-il miljun fl-2009[22]
għal 124 miljun fl-2012. Għaldaqstant, l-UE
tbiegħdet aktar mill-mira – ekwivalenti tagħha għal numru ta'
96.4 miljun ruħ sal-2020 – u ma hemm l-ebda sinjal ta' progress
fil-pront biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata – in-numru ta' persuni
f'riskju ta' faqar jista' jibqa' qrib il-100 miljun sal-2020.
Is-sitwazzjoni hija partikolarment gravi f’ċerti Stati Membri kaġun
ta' żieda f'deprivazzjoni materjali qawwija u fis-sehem ta’ unitajiet
domestiċi bla xogħol. Il-kriżi wriet il-ħtieġa ta'
sistemi effettivi tal-protezzjoni soċjali. 2. L-istrateġija
Ewropa 2020 ħadmet? Jekk, u sa liema punt
l-istrateġija Ewropa 2020 kellha rwol fix-xejriet ta’ hawn fuq jibqa'
miftuħ għal skrutinju. Il-konsultazzjoni pubblika mbassra aktar tard
din is-sena se tkun importanti biex tinġabar evidenza u jkun ipprovdut
kontribut għall-proċess ta’ reviżjoni. Madankollu huwa possibbli
li wieħed jieħu għadd ta’ lezzjonijiet tentattivi dwar
il-karatteristiċi ewlenin tal-istrateġija. 2.1. Ir-rwol tal-miri Il-ħames miri
ewlenin stabbiliti fl-2010 tressqu bħala għanijiet politiċi
tal-UE li huma ambizzjużi iżda li jistgħu jintlaħqu.
L-indikaturi huma wkoll strumentali sabiex jintraċċaw it-tendenzi
madwar l-Istati Membri. Lil hinn minn dak li hu kwantifikabbli, huma
jikkontribwixxu wkoll għall-bidla
fil-kwalità u n-natura tal-mudell ta' tkabbir tal-Ewropa. Kif muri hawn fuq,
il-progress s'issa kien wieħed varjat. L-użu ta’ miri u
indikaturi huwa regolarment suġġett ta’ diskussjoni fil-livell
tal-UE. Dan l-aħħar dan ingħata attenzjoni partikolari
fil-kuntest tal-ħidma fuq it-tisħiħ tal-governanza ekonomika
tal-UE u l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM).
Il-Kummissjoni rrappurtat dwar il-firxa tal-indikaturi użati u disponibbli
fil-livell tal-UE. Il-miri ewlenin
tal-istrateġija Ewropa 2020 jippreżentaw diversi limitazzjonijiet
intrinsiċi:
Il-miri mhumiex
eżawrjenti. Ħafna għanijiet u indikaturi kwantifikati
jeżistu fil-livell tal-UE biex jimmonitorjaw il-prestazzjoni matul
iż-żmien, bejn il-pajjiżi u bejn oqsma ta’ politika. Fost
l-aktar ikkummentati, xi indikaturi ewlenin jintużaw
għall-valutazzjoni tal-finanzi pubbliċi skont il-PST. Tabella
ta' valutazzjoni ġdida kienet żviluppata wkoll sabiex
tappoġġa l-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi
makroekonomiċi, bħala parti mill-Proċedura
għall-Iżbilanċ Makroekonomiku ġdid tal-UE, flimkien
ma’ tabella ta' valutazzjoni ġdida ta' impjiegi ewlenin u indikaturi
soċjali. Jeżistu wkoll miri oħra f’diversi oqsma ta’
politika, ħafna drabi miftiehma bejn formazzjonijiet tal-Kunsill
matul is-snin, pereżempju għall-kopertura tal-broadband
tal-internet fil-kuntest tal-inizjattiva prinċipali “Aġenda
Diġitali għall-Ewropa”. Għalhekk hemm tendenza li
tissuġġerixxi li jiżdiedu jew jiġu sostitwiti
indikaturi matul iż-żmien, iżda l-isfida – kif kien
il-każ għall-Istrateġija ta’ Lisbona – hija li tiġi
evitata d-dilwizzjoni tal-prijoritajiet u li l-enfasi jibqa' fuq dak li hu
essenzjali.
Il-miri mhumiex
politikament vinkolanti. Għall-kuntrarju tal-PST, jew anke
l-Proċedura għall-Iżbilanċ Makroekonomiku tal-UE
l-ġdida, fejn valuri jew limiti referenzjarji huma stabbiliti f'qafas
legalment vinkolanti, inklużi sanzjonijiet possibbli.
il-miri ta' Ewropa 2020 huma essenzjalment miri politiċi.
Madankollu, hemm żewġ distinzjonijiet notevoli: il-miri
tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tal-użu
tal-enerġija rinnovabbli, li huma appoġġati b'qafas
legalment vinkolanti fil-livell tal-UE, inklużi valuri li jridu
jintlaħqu fil-livell nazzjonali sal-2020. In-natura politika tal-miri
jirrifletti r-rwol ewlieni li l-gvernijiet nazzjonali huma mistennija
jkolhom fl-istrateġija, f’konformità mal-prinċipju
tas-sussidjarjetà. Pereżempju, kien diffiċli li wieħed
jaqbel dwar il-miri tal-edukazzjoni fil-livell tal-UE u ma kienx possibbli
għall-Istati Membri li jaqblu fuq indikatur wieħed biex jesprimi
l-mira fuq it-tnaqqis fin-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar, u
għalhekk jintuża komunament indikatur magħmul minn tliet
komponenti.
Tibqa’
meħtieġa valutazzjoni kwalitattiva. Kull mira għandha
l-limiti tagħha.
Il-mira fuq ir-R&Ż hija essenzjalment mira “input” fejn is-sehem
tal-infiq pubbliku u privat jiġi rrapportat. Huwa għalhekk li,
sabiex jikkumplimenta din il-mira, il-Kunsill Ewropew talab, u
l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tiżviluppa indikatur kumplementari
li jħares ukoll lejn ir-"riżultati" tal-innovazzjoni[23].
Bl-istess mod, il-miri fuq l-impjiegi u l-edukazzjoni ma jgħidux wisq
dwar
il-kwalità tax-xogħol okkupat jew il-livelli jew l-adegwatezza
tal-ħiliet miksuba. Barra minn hekk, il-medji fil-livell tal-UE jew
nazzjonali ta’ spiss jaħbu differenzi ferm sinifikanti fl-età,
is-sess jew ir-reġjun. Indikaturi kumplimentari, analiżi aktar
speċifika kif ukoll informazzjoni kwalitattiva huma għalhekk
importanti biex jinterpretaw il-miri u s-sitwazzjoni attwali fl-Istati Membri.
Huwa wkoll importanti li wieħed iżomm
f'moħħu li xi miri – bħal dawk fuq l-edukazzjoni – jinsabu
b'mod aktar dirett fil-qasam tal-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li
oħrajn – bħall-impjiegi u l-infiq fuq ir-R&Ż –
jirriflettu xejriet ekonomiċi aktar wiesa'.
Il-miri prinċipali,
madankollu, għandhom bosta vantaġġi ċari:
Il-miri juru bidla
dinamika promossa mill-istrateġija Ewropa 2020. Għalkemm
l-UE m'għandha l-ebda nuqqas ta' indikaturi, is-sett attwali tal-miri
ppermetta li tingħata attenzjoni partikolari lil tliet dimensjonijiet
tal-mudell ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv promoss
minn din l-istrateġija.
F’dan ir-rigward, il-miri jesprimu d-direzzjoni aktar fit-tul
neċessarja biex issostni l-ġejjieni tal-Ewropa u jservu
bħala punt ta’ riferiment biex jiggwidaw il-politika. Barra minn
hekk, dawn huma interrelatati mill-qrib u awtorinforzanti, bil-progress
f’dimensjoni waħda li jwassal għall-progress f’oħra.
Il-miri jaqdu r-rwol
tagħhom bħala ankri tal-politika. Kif jidher fl-Anness, l-Istati
Membri sarrfu l-miri tal-UE fil-miri tagħhom stess fil-livell
nazzjonali. L-eżistenza tagħhom tippermetti paragun trasparenti,
bejn temi u pajjiżi, għalkemm il-grad ta’ pubbliċità
mogħti lilhom u l-livelli ta’ ambizzjoni jvarjaw bejn il-pajjiżi.
Pereżempju, minbarra l-għan tal-impjieg ġenerali, xi Stati
Membri (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Spanja,
Franza, il-Litwanja) għażlu li jistabbilixxu miri nazzjonali
maqsuma skont is-sess, u b’hekk jipprovdu miri tar-rata ta’ impjieg għan-nisa.
Madankollu, il-miri nazzjonali mhumiex ambizzjużi biżżejjed
biex b’mod kumulattiv jilħqu ambizzjoni fil-livell tal-UE. Huma
jgħinu wkoll sabiex jimmonitorjaw u jiddiskutu l-progress fil-livell
tal-UE. Pereżempju, huma diġà kienu strumentali fl-analiżi
li ssostni r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi
għall-pajjiżi u fid-diskussjoni dwar il-prijoritajiet
għall-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej
matul il-perjodu 2014-2020 (ara hawn taħt).
Il-miri huma
faċli li jiġu sorveljati. Il-fatti u ċ-ċifri dwar
il-miri – kif ukoll ammont vast ta' indikaturi relatati – huma
faċilment aċċessibbli mill-Eurostat,
l-uffiċċju statistiku tal-UE. L-esperjenza ta’ istituzzjonijiet
internazzjonali oħra, bħall-OECD fix-xogħol tagħha
dwar “il-kwalità tal-ħajja” jew l-istħarriġ PISA dwar
il-litteriżmu, jew il-ħidma tal-Bank Dinji dwar
l-iffaċilitar tan-negozju, uriet ukoll li analiżijiet iffukati
huma għodda effettivi tal-komunikazzjoni.
Il-miri mhumiex
għanijiet fihom infushom. Filwaqt li l-limitazzjonijiet tagħhom huma
magħrufa, jista’ jingħad li l-miri ewlenin tal-Ewropa 2020
jgħinu biex ikejlu u jiggwidaw l-aspetti differenti tal-istrateġija,
u b’hekk jgħinu biex jidderieġu l-għarfien politiku u l-enfasi
politika kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE. 2.2. Ir-rwol ta’ inizjattivi
ewlenin u lievi relatati fil-livell tal-UE L-inizjattivi ewlenin
ppreżentati fl-2010 kienu miniprogrammi ta’ ħidma għall-oqsma
ewlenin tal-istrateġija. Dawn jistipulaw għadd ta’ azzjonijiet
speċifiċi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livelli nazzjonali
f’oqsma tematiċi (ara l-Anness 3). Il-biċċa l-kbira
tal-inizjattivi maħsuba
mill-bidu nett, s'issa ġew ippreżentati mill-Kummissjoni u ħafna
oħrajn ġew adottati, iżda għadu kmieni wisq biex tkun
tista' tivvaluta l-impatt u s-segwitu tagħhom. Il-Kummissjoni ressqet
azzjonijiet ewlenin ta' politika u leġiżlattivi fil-livell tal-UE
bħala parti mill-programm ta’ ħidma annwali tagħha u ġew
diskussi ma’ istituzzjonijiet oħra, b'hekk inevitabilment kien meħtieġ
xi żmien għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom.
Inizjattivi “soft-law” oħra, xi kultant appoġġati
mill-finanzjament tal-UE, ġew żviluppati wkoll, spiss
b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-ministeri settorjali u l-partijiet interessati
fl-oqsma ta’ politika rispettivi, u seta’ kellhom impatt aktar immedjat
fil-post. Matul
il-perjodu ta’ konsultazzjoni l-Kummissjoni se taħdem biex tiġbor
evidenza dwar l-impatt tagħhom. Minbarra r-rwol
tagħhom bħala katalisti għall-azzjoni fil-livell tal-UE, dawn
l-inizjattivi ewlenin iġorru magħhom ċertu legat:
Huma kkontribwixxew
għat-tagħlim reċiproku u l-għarfien tematiku
fil-livell tal-UE, fosthom permezz ta’ netwerking u ġbir ta’
evidenza. Pereżempju, ġie żviluppat mekkaniżmu ta’
monitoraġġ apposta sabiex jevalwa l-progress tal-Istati Membri
fl-implimentazzjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.
Eżempji oħra huma l-Assemblea Diġitali li tlaqqa' flimkien
partijiet interessati diġitali, it-tabella tal-valutazzjoni
tal-Aġenda Diġitali u enfasi akbar fuq kwistjonijiet ta’
kompetittività industrijali f’diversi oqsma ta’ politika.
Dawn ġieli
servew ta' gwida għall-użu tal-finanzjament tal-UE
għall-perjodu 2007-2013 u pprovdew qafas għat-tfassil ta’ fondi
tal-UE għall-2014-2020. Eżempju ta’ dan it-tip huwa t-tnedija,
mill-Kummissjoni f’Jannar 2012, tat-Timijiet ta’ Azzjoni
taż-Żgħażagħ biex jgħinu l-Istati Membri
l-aktar milquta miż-żieda fil-livelli ta’ qgħad fost
iż-żgħażagħ biex jipprogrammaw mill-ġdid
il-fondi tal-UE lejn din il-prijorità. Eżempji oħra jinkludu
l-approċċ integrat il-ġdid tal-programm Erasmus+ u l-programm
Orizzont 2020 l-ġdid – il-programm ta' finanzjament
għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE – li jenfasizza
l-eċċellenza fix-xjenza, it-tmexxija industrijali u l-importanza
li l-isfidi tas-soċjetà jiġu trattati u għalhekk
jikkumplimenta l-objettivi tas-Sħubijiet tal-Innovazzjoni previsti
fl-inizjattivi ewlenin. Barra minn hekk, ġiet introdotta
l-allokazzjoni speċifika tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp
Reġjonali għal investimenti f’ekonomija b’livell baxx ta’
karbonju.
Ħafna minnhom
qanqlu jew ispiraw azzjoni politika fl-Istati Membri, inkluż
fil-livelli reġjonali u nazzjonali biex jikkomplementaw l-inizjattivi
tal-UE, pereżempju f’oqsma bħall-ekonomija diġitali jew
ir-riċerka u l-innovazzjoni. Pereżempju, l-iżvilupp ta’
strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-livell
nazzjonali u reġjonali jikkontribwixxi għal tkabbir ibbażat
fuq il-post. Barra minn hekk, aktar minn 20 Stat Membru, kif ukoll
reġjuni, nedew programmi tal-Aġenda Diġitali.
Minbarra inizjattivi ewlenin,
l-għanijiet u l-mezzi tal-istrateġija Ewropa 2020 ġew promossi
permezz ta’ tliet politiki fil-livell tal-UE ewlenin:
Is-suq uniku Ewropew,
b’aktar minn 500 miljun konsumatur, jibqa’ l-aktar strument qawwi ta’
tkabbir fil-livell tal-UE u ttieħdu passi ġodda sabiex jiġi
sfruttat aħjar il-potenzjal tiegħu. L-Atti tas-Suq Uniku I u II
identifikaw 24 azzjoni ewlenija, bħal fil-qasam tal-ekonomija
diġitali, l-enerġija, it-trasport, l-akkwist pubbliku u
l-ħarsien tal-konsumatur, li ġew jew dalwaqt jiġu adottati
mil-leġiżlatur. Kull sena jsir rapport dwar l-istat
tal-integrazzjoni li jimmonitorja l-progress u jidentifika oqsma ta’
azzjoni. Il-politika ta’ kompetizzjoni kienet qed tappoġġa wkoll
l-objettivi tas-suq uniku. It-tfassil u l-konsultazzjoni
strateġiċi tnedew ukoll f’oqsma bħall-finanzjament fit-tul
tal-ekonomija.
Għalkemm
il-baġit tal-UE jammonta biss għal madwar 1 % tal-PDG
tal-UE, dan jista’ jaġixxi ta' katalist importanti għat-tkabbir.
Il-qafas finanzjarju tal-UE għall-2014-2020 huwa allinjat mill-qrib
mal-prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020, kif jidher
fid-disinn mill-ġdid tal-programmi fil-livell tal-UE u
l-għażla ta’ prijoritajiet għall-investiment tal-fondi
tal-UE fl-Istati Membri, inkluż f’termini ta’ kondizzjonalità
tal-għajnuna tal-UE.
L-aġenda esterna
tal-UE hija sors importanti ta’ tkabbir potenzjali u impjiegi,
għalkemm hemm lok għal passi ulterjuri sabiex l-Aġenda
interna u esterna tal-UE jiġu konnessi aħjar u jkun żgurat
li l-Ewropa titkellem b’vuċi waħda. Il-kummerċ sar strument
kruċjali għat-tkabbir u l-impjiegi minħabba r-rwol ta’
domanda esterna u l-iskala wiesgħa tal-aġenda tal-UE. Negozjati
mal-Istati Uniti u l-Ġappun għandhom iwasslu għal ftehimiet
ambizzjużi u jiġġeneraw qligħ ekonomiku mdaqqas.
F’oqsma bħall-politika tal-iżvilupp, standards globali, it-tnaqqis
tar-riskji ta' diżastri jew il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima,
l-UE kienet u se tibqa’ msieħba attiva ħafna fix-xena globali,
li tippromwovi l-għanijiet, il-valuri u l-interessi tagħha.
2.3. L-irwol tas-Semestru
Ewropew Mill-adozzjoni
tal-istrateġija Ewropa 2020, il-governanza ekonomika tal-UE
ssaħħet b’mod sinifikanti (ara l-kaxxa 1). Is-Semestru Ewropew
sar essenzjali għat-twettiq ta’ riformi bejn il-livelli nazzjonali u
tal-UE, permezz ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika, li tiżgura li
l-UE u l-Istati Membri jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom u
l-isforzi tagħhom biex jippromwovu t-tkabbir u l-impjiegi. Il-passi
prinċipali tas-Semestru Ewropew huma deskritti fl-anness 1:
iċ-ċiklu jitnieda kull sena mill-Istħarriġ Annwali dwar
it-Tkabbir tal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-prijoritajiet għall-UE; dawn
iwasslu għad-diskussjoni tal-Istati Membri fil-mixja lejn il-Kunsill
Ewropew tar-Rebbiegħa u għall-preparamenti tal-programmi ta' riforma
nazzjonali tagħhom u l-programmi ta' stabbiltà u konverġenza
tagħhom, li huma ppreżentati f'April. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni
tal-programmi hija riflessa fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi
għall-pajjiż u mbagħad approvata mill-Kunsill u l-Kunsill
Ewropew.
Il-Parlament Ewropew sar jinvolvi ruħu b’mod attiv fil-proċess,
pereżempju permezz tal-“ġimgħa parlamentari" tiegħu
kmieni f’Jannar biex jiddiskuti l-prijoritajiet wiesgħa kif ukoll permezz
ta’ “djalogi ekonomiċi” regolari li huwa jorganizza mal-atturi ewlenin
fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. L-involviment tal-imsieħba
soċjali fis-Semestru Ewropew issaħħaħ ukoll.[24] L-għanijiet
tal-istrateġija Ewropa 2020 huma diskussi bħala parti mis-Semestru
Ewropew u inkorporati fil-passi varji tiegħu: dawn jikkontribwixxu
għall-għażla tal-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali
dwar it-Tkabbir; huma jiffurmaw parti integrali mill-analiżi li ssostni
r-rakkomandazzjonijiet annwali speċifiċi għall-pajjiżi;
L-Istati Membri huma mistiedna jirrappurtaw il-progress lejn il-miri tagħhom
fil-programmi nazzjonali ta’ riforma. Xi wħud mill-ewwel
kisbiet jistgħu jiġu rikonoxxuti:
Is-Semestru Ewropew
jipprovdi qafas kredibbli għall-implimentazzjoni tal-politika
annwali, b’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż
li jagħti l-ewwel riżultati f’termini ta’ riformi fil-politika,
kif muri fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014.[25]
Il-kombinazzjoni ta’ prijoritajiet tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet
speċifiċi għall-pajjiżi hija essenzjali biex ikun
jista' jittieħed kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi
ta’ kull Stat Membru. Filwaqt li għanijiet komuni jistabbilixxu
d-direzzjoni u jgħinu biex jiffaċilitaw il-progress lejn riforma
u aġenda tal-modernizzazzjoni komuni, l-UE ma ssegwix
l-approċċ "universali" iżda pjuttost tħejji
l-gwida tagħha għal kull Stat Membru, kif ukoll matul
iż-żmien.
Is-Semestru Ewropew
jipprovdi sorveljanza integrata u jgħin biex jirrikonċilja
l-prijoritajiet ekonomiċi u baġitarji. Fi kliem ieħor, huwa
jenfasizza l-importanza li jinkisbu u jinżammu finanzi pubbliċi
sodi u li jitwettaq il-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomiji, filwaqt li
jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet fil-livell tal-UE u dawk
speċifiċi għal kull pajjiż.
Is-Semestru
kkontribwixxa għal tisħiħ tal-kuntatti bejn l-UE u l-livell
nazzjonali u l-interazzjoni akbar bejn l-Istati Membri, li jgħinu
biex iżommu l-UE maqgħuda. L-iskeda u l-proċeduri
tas-Semestru Ewropew ġew irfinati u issa qegħdin jistabbilizzaw
ruħhom. Is-Semestru jipprevedi diskussjonijiet proattivi fil-livell
tal-UE biex jiġi evitat li jinqalgħu u jiżviluppaw problemi
(qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet nazzjonali) u
monitoraġġ regolari tal-progress (bi gwida u l-impożizzjoni
possibbli ta’ sanzjonijiet f’każijiet fejn hija meħtieġa
azzjoni korrettiva).
L-analiżi u
l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ ġew imsaħħa
fil-livell tal-UE. Il-governanza ekonomika ġdida tal-UE tissejjes fuq
bażi ta’ evidenza aktar b’saħħitha u aktar integrata
għall-implimentazzjoni, tagħmel użu aħjar mill-oqfsa
analitiċi komuni, indikaturi u evalwazzjonijiet ta’ politika.
L-esperjenza tal-pajjiżi taħt programmi ta'
aġġustament makroekonomiku, b'hekk barra mill-proċeduri
formali tas-Semestru Ewropew, jipprovdu eżempju estrem imma
sinifikanti: il-Kummissjoni u ħafna Stati Membri kellhom jimmobilitaw
riżorsi importanti, inkluż fuq l-art, biex jipprovdu appoġġ
dirett u konkret lil dawn l-Istati Membri, permezz ta' parir politiku u
assistenza teknika fil-livell amministrattiv. Din hija eżemplari
tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-għarfien espert komuni li
jista' jiġi mobilizzat fi ħdan l-UE.
Xi ideat għadhom
qed jiġu diskussi biex titlesta l-arkitettura tal-UEM, bħal
mekkaniżmu li jiffaċilita l-koordinazzjoni ex-ante ta' pjanijiet
ta’ riforma ekonomiċi ewlenin li jista' jkollhom effetti sekondarji
sinifikanti fuq Stati Membri oħra, kif ukoll l-ideat ta’ arranġamenti
kuntrattwali miftiehma b’mod reċiproku u mekkaniżmi
assoċjati ta’ solidarjetà (jiġifieri inċentivi
finanzjarji).
Xi sfidi u
limitazzjonijiet inizjali huma evidenti wkoll:
Il-ħtieġa
li tiġi indirizzata l-immedjatezza tal-kriżi xi kultant
għamlitha diffiċli li urġenzi fuq terminu qasir jiġu
rikonċiljati ma’ ħtiġijiet fuq terminu itwal. Hija n-natura
tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li
jiffokaw biss fuq oqsma magħżula u jissuġġerixxu passi
konkreti li għandhom jittieħdu fis-sena li tkun issegwi, b’fehim
ċar li ma jistax isir kollox f'daqqa. Fl-istess ħin, huwa
essenzjali li dawn il-passi jissejsu fuq viżjoni ċara ta’ fejn
ikunu qed iwasslu fit-tul. F’numru ta’ każi, ir-rakkomandazzjonijiet
tal-2013 speċifiċi għall-pajjiżi jenfasizzaw
il-ħtieġa li tkun ippreservata n-nefqa li ttejjeb it-tkabbir
filwaqt li jkunu konformi mal-miri fiskali. Hekk kif l-Ewropa qiegħda
tirkupra mill-kriżi, l-għażla tal-prijoritajiet
għandha tkun tista' titbiegħed minn sitwazzjonijiet ta’
emerġenza.
Biex ikun effettiv,
is-Semestru jiddependi mhux biss fuq l-impenn ta’ kull Stat Membru,
speċjalment għat-twassil tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu,
iżda wkoll fuq il-kapaċità kollettiva ta' atturi tal-UE biex
jittrattaw dawn il-kwistjonijiet bħala kwistjonijiet ta’ interess
komuni u tiġi żgurata sorveljanza multilaterali
b’saħħitha. F’dan ir-rigward, ir-rwol tal-atturi differenti
jista’ jiġi ċċarat u msaħħaħ.
Pereżempju, il-formazzjonijiet differenti tal-Kunsill
saħħew ir-reviżjonijiet bejn il-pari u s-sorveljanza
multilaterali.
L-għarfien u
s-sjieda tal-atturi – gvernijiet, parlamenti, awtoritajiet reġjonali
u lokali, u sħab soċjali rilevanti kollha u l-partijiet
interessati kollha – huwa prerekwiżit kruċjali
għas-suċċess. F'bosta Stati Membri, l-involviment ta'
diversi partijiet interessati fl-implimentazzjoni tal-istrateġija
xorta waħda jista' jittejjeb. F’dan il-kuntest, ir-rwol tal-programmi
nazzjonali ta’ riforma għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid.
Fil-livell Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u
l-Kumitat tar-Reġjuni kienu partikolarment attivi permezz ta’
monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija
Ewropa 2020 u permezz tal-azzjoni ta' mobilizzazzjoni fl-Istati Membri,
inkluż fil-livelli reġjonali u lokali u li jirrifletti
l-istruttura ta’ governanza f’diversi livelli tal-UE. Il-Kummissjoni
rrinfurzat ukoll ir-rappreżentazzjonijiet tagħha fl-Istati
Membri biex issaħħaħ il-kwalità tal-impenn tagħha
mal-awtoritajiet u l-partijiet interessati fl-Istati Membri.
Il-multiplikazzjoni
tal-proċeduri, dokumenti u passi legali fil-livell tal-UE tirriskja
li titfa' pressjoni żejda fuq il-proċess u li tagħmel
ħsara liċ-ċarezza tiegħu. Bidliet fl-iskeda
jistgħu jkunu wkoll ta' detriment għas-sjieda ta’ ċerti
atturi. Għalhekk, l-isfida fis-snin li ġejjin hija li
tissaħħaħ l-infrastruttura istituzzjonali u amministrattiva
li fuqha jissejjes is-Semestru Ewropew, filwaqt li jkun żgurat li dan
jibqa’ jkun proċess mmexxi mill-politika u ffukat (u mhux wieħed
burokratiku).
Ir-reviżjoni
tas-Semestru Ewropew flimkien mar-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020
din is-sena hija għalhekk f’waqtha. Konklużjoni Ir-raġunijiet
għalfejn għandu jkollna Strateġija Ewropa 2020 huma
urġenti fl-2014 daqs kemm kienu fl-2010. Tul diversi
għexieren ta’ snin, l-UE kienet sinonima ma' integrazzjoni ekonomika aktar
profonda, li rriżultat f’żieda fil-flussi tal-prodotti, is-servizzi u
l-finanzi madwar l-UE. Dan stimola l-konverġenza fl-introjtu u
l-istandards tal-għejxien madwar il-pajjiżi, li wasslet biex l-UE
tiġi karatterizzata bħala “magna tal-konverġenza”[26]
unika fid-dinja. Ir-ritmu ta' dan il-proċess ta’ konverġenza naqas u
saħansitra mar lura f’partijiet tal-Ewropa minħabba l-akkumulu
tal-iżbilanċi u minħabba l-pressjoni tal-kriżi. Hekk kif tinsab
ħierġa minn l-agħar kriżi ekonomika u finanzjarja
f'ġenerazzjoni sħiħa, l-UE teħtieġ li
ssaħħaħ l-istrateġija tat-tkabbir intelliġenti,
sostenibbli u inklussiv tagħha sabiex tkun tista’ tissodisfa
l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha u żżomm r-rwol
tagħha fid-dinja. Issa huwa żmien tajjeb biex tevalwa
l-istrateġija sabiex il-prijoritajiet ta' politika ta’ wara l-kriżi
jkunu jistgħu jiġu ffissati għall-UE fit-tieni nofs
tad-deċennju ta’ qabel l-2020. L-analiżi
stabbilita f’din il-Komunikazzjoni turi li l-esperjenza mal-miri u
l-inizjattivi prinċipali tal-istrateġija Ewropa 2020 kienu
mħallta. L-UE tinsab fi triqitha biex tissodisfa jew toqrob lejn il-miri
tagħha għall-edukazzjoni, il-klima u l-enerġija iżda mhux
fuq l-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp jew fuq it-tnaqqis tal-faqar.
Madankollu, dawn il-miri tal-UE għenu biex issir enfasi fuq fatturi aktar
fit-tul u sottostanti li huma kruċjali għall-ġejjieni
tas-soċjetà u l-ekonomija tal-UE. Li dawn il-miri ssarrfu fil-livell
nazzjonali għen ukoll biex jiġu enfasizzati bosta xejriet skomdi –
diskrepanza dejjem akbar bejn l-Istati Membri li jkunu sejrin l-aħjar u
dawk li ma tantx ikunu sejrin tajjeb u d-distakk dejjem akbar bejn
ir-reġjuni fi ħdan u madwar l-Istati Membri. Il-kriżi enfasizzat
ukoll l-inugwaljanzi dejjem akbar fid-distribuzzjoni tal-ġid u
tal-introjtu. L-esperjenza wrietna wkoll li l-involviment u
l-parteċipazzjoni attiva tar-reġjuni u tal-ibliet – li huma
responsabbli biex jipprovdu bosta politiki tal-UE – s'issa kienu kruċjali
fil-ħidma lejn l-objettivi ta' Ewropa 2020. Dawn huma sfidi li
għandhom jiġu indirizzati fir-reviżjoni u
l-aġġustament sussegwenti tal-istrateġija. Il-governanza ekonomika
tal-UE, implimentata kull sena permezz tas-Semestru Ewropew, kienet
imsaħħa b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar snin u hija
strument potenzjalment qawwi fil-kisba tal-prijoritajiet ta’ wara l-kriżi
li se jkunu bżonnjużi biex jintlaħqu l-objettivi
tal-Istrateġija Ewropa 2020. Politiki ewlenin tal-UE bħall-qafas
finanzjarju pluriennali 2014-2020 u l-programmi varji tiegħu tfasslu b'tali
mod li jieħdu inkunsiderazzjoni l-lezzjonijiet li ħarġu
mis-Semestru Ewropew u biex jappoġġaw il-kisba tal-miri ta'
Ewropa 2020, biex b'hekk jipprovdu bażi li fuqha tista’ tinbena
l-politika tal-futur kemm fil-livelli nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE. F’din
il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet l-analiżi tagħha dwar
dak li ġara fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 s’issa.
F’ħafna aspetti, dan il-perjodu ntuża biex jibni l-pedamenti
għar-riżultati li għandna naraw fis-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni
fittxet ukoll li turi l-impatt tal-kriżi fuq ir-riżultati mistennija.
Il-Kummissjoni ma
għamlitx konklużjonijiet ta’ politika u lanqas ma għamlet
rakkomandazzjonijiet ta’ politika f’dan l-istadju. Minħabba l-kobor
tal-bidla li għaddew minnha l-UE, l-Istati Membri, l-ibliet u
r-reġjuni tagħha kaġun tal-kriżi, il-Kummissjoni tqis
neċessarju li tniedi konsultazzjoni madwar l-UE kollha tal-partijiet
interessati kollha fuq dak li wieħed għandu jitgħallem u dwar
il-fatturi ewlenin li għandhom isawru l-istadji li jmiss
tal-istrateġija ta’ tkabbir ta’ wara l-kriżi tal-UE. Il-Kummissjoni
ser tagħmel konsultazzjoni pubblika, ibbażata fuq l-analiżi
f’din il-Komunikazzjoni, fejn tistieden lill-partijiet interessati kollha biex
jagħtu l-fehmiet tagħhom. Wara l-konsultazzjoni, il-Kummissjoni se
tagħmel proposti għat-twettiq tal-istrateġija kmieni fl-2015. [1] Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, is-sors
taċ-ċifri kkwotati f'din il-Komunikazzjoni huwa Eurostat,
l-uffiċċju tal-istatistika tal-UE, u l-medji tal-UE jirreferu
għall-UE28. [2] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2010)2020
tat-3 ta' Marzu 2010. L-istrateġija ġenerali u l-miri
tagħha ġew diskussi mill-Parlament Ewropew u kienu approvati
fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew rispettivament f’Marzu u Ġunju 2010.
Aktar informazzjoni tinsab fil-websajt: http://ec.europa.eu/europe2020/index_mt.htm
[3] COM(2010)2020 tat-3 ta' Marzu 2010. [4] "Aġenda Diġitali għall-Ewropa",
"Unjoni għall-Innovazzjoni", "Żgħażagħ
Attivi", "Riżorsi Effiċjenti għall-Ewropa",
"Politika Industrijali għall-era tal-Globalizzazzjoni",
"Aġenda għal Ħiliet Ġodda u Impjiegi" u
"l-Pjattaforma Ewropea Kontra l-Faqar". [5] ĠU L 289, 23 ta' Novembru 2011. [6] ĠU L 289, 27 ta' Mejju 2013. [7] Aktar
informazzjoni fuq il-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi
ewlenin hija pprovduta fl-Anness. [8] Għal dejta aktar riċenti u dettaljata, ara
t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni għax-xitwa 2014, European
Economy 2/2014. [9] Ara
l-preżentazzjoni ta' J.M. Barroso lill-Kunsill Ewropew informali tal-11 ta' Frar 2010,
disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/europe2020/documents/documents-and-reports/subject/europe-2020-presentations/index_mt.htm
[10] Għal dejta aktar riċenti u dettaljata, ara
t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni għax-xitwa 2014, European
Economy 2/2014. [11] Għad-dejta l-aktar riċenti u l-aktar dettaljata,
ara t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tax-xitwa 2014, European
Economy 2/2014. [12] COM(2013)800. [13] Għad-dejta l-aktar riċenti u l-aktar dettaljata,
ara t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tax-xitwa 2014, European
Economy 2/2014. [14] Il-Bank Ċentrali Ewropew, l-Istħarriġ
tas-Self Bankarju, Jannar 2014 [15] Għad-dejta l-aktar riċenti u l-aktar dettaljata,
ara t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tax-xitwa 2014, European
Economy 2/2014. [16] FMI, "Jobs and Growth: supporting European
Recovery", 2014. [17] "The state of the Internet", Akamai (Q4 2012),
Cisco VNI Mobile forecast (2013). [18] COM(2011)571. [19] F’Jannar 2014 il-Kummissjoni varat qafas għal
politiki dwar l-enerġija u l-klima sal-2030. Tnaqqis fl-emissjonijiet
tal-gassijiet serra (GHG) ta' 40 % taħt
il-livell tal-1990, objettiv vinkolanti għall-UE kollha għall-enerġija
rinnovabbli ta’ mill-inqas 27 % it-tiġdid tal-ambizzjonijiet
għall-politiki tal-effiċjenza fl-enerġija huma fost
l-għanijiet prinċipali tal-qafas il-ġdid – COM(2014)15. [20] Studju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea [21] EurObserv'ER. [22] Dejta UE27. [23] COM(2013)624 [24] COM (2013) 690, It-Tisħiħ tad-Dimensjoni
Soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, 2.102.2013. [25] COM(2013)800. [26] Il-Bank Dinji, “Golden growth – restoring the lustre of
the European economic model”, 2012.