EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0885

Rapport mill-Kummissjoni ibbażat fuq l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw proprjetà jew evidenza

/* KUMM/2008/0885 finali */

52008DC0885

Rapport mill-Kummissjoni ibbażat fuq l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw proprjetà jew evidenza /* KUMM/2008/0885 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.12.2008

KUMM(2008) 885 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

ibbażat fuq l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw proprjetà jew evidenza

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

ibbażat fuq l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw proprjetà jew evidenza

DAĦLA

Sfond

L-objettiv ewlieni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/JHA dwar dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw proprjetà jew evidenza huwa biex jiġu stabbiliti r-regoli li skonthom l-Istat Membru għandu jagħraf u jwettaq fit-territorju tiegħu mandat li jiffriża proprejtà jew evidenza maħruġa minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. Id-Deċiżjoni Qafas hija bbażata fuq is-sistema ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-fażi ta' qabel il-ġuri li taħtha ordni ta' iffriżar hija rikonoxxuta mingħajr l-ebda formalità, ir-raġunijiet għar-rifjut tagħha huma strettament limitati u l-prinċipju ta' kriminalità doppja huwa parzjalment abolit.

In-notifikazzjonijiet mibgħuta mill-Istati Membri

Seba’ Stati Membri biss (AT, DK, FI, FR, NL, PL, SE) implimentaw id-Deċiżjoni Qafas qabel l-iskadenza ffisata (2 ta’ Awwissu 2005). Matul l-2006 tmien Stati Membri oħra ittrasponew id-Deċiżjoni Qafas (BE, CY, CZ, ES, HU, SI, SK, UK) u ttrażmettew il-leġiżlazzjoni implimentattiva lill-Kummissjoni. BG u LT ittrażmettew il-liġijiet implimentattivi fl-2007 (BG implimentat id-Deċiżjoni Qafas malli ssieħbet fl-1 ta’ Jannar 2007). EE u LV ittrasponew id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas u nnotifikaw b’dan lill-Kummissjoni fl-2008.

Sa tmiem Ottubru 2008, il-Kummissjoni kienet għadha ma rċevietx il-leġiżlazzjoni implimentattiva minn tmien Stati Membri (DE, EL, IE, IT, LU, MT, PT, RO). Bħala riżultat, meta janalizza l-miżuri ta' implimentazzjoni, ir-Rapport ma jirreferix għal dawn l-Istati Membri.

Metodu u kriterji ta' evalwazzjoni

Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi għat-twaqqif ta’ rapport bil-miktub tal-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu mill-Istati Membri biex jikkonformaw mal-istrument sat-2 ta’ Awwissu 2005. Id-dewmien biex jitħejja dan ir-Rapport jirriżulta min-numru baxx ta’ notifikazzjonijiet li waslu sakemm għalqet l-iskadenza oriġinali ffissata mid-Deċiżjoni Qafas.

Min-natura tagħhom id-deċiżjonijiet qafas jorbtu lill-Istati Membri biex jiksbu r-riżultat maħsub, imma jitħalla f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali biex jagħżlu l-forma u l-metodu ta’ implimentazzjoni (il-kriterji huma: ċarezza, ċertezza legali, effettività). Id-deċiżjonijiet qafas ma jġorrux magħhom effett dirett. Madankollu l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi hu mandatorju f’dak li għandu x’jaqsam mad-deċiżjionijiet qafas adottati fil-kuntest ta’ Titolu VI tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea[1]. Minħabba li l-Kummissjoni m’għandhiex l-awtorità li tiftaħ proċeduri ta' infrazzjoni kontra l-Istat Membru li hu allegat li ma ħax il-miżuri meħtieġa biex jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill adottata taħt it-tielet pilastru, in-natura u l-iskop ta' dan ir-Rapport hija limitata għal valutazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni li ttieħdu minn dsatax-il Stat Membru.

VALUTAZZJONI

L-Artikolu 1 - Għan

Il-għan tad-Deċiżjoni Qafas huwa li tistabbilixxi r-regoli li fuqhom Stat Membru għandu jagħraf u jwettaq fit-territorju tiegħu mandat għall-iffriżar maħruġ minn awtorità ġudizzjarja ta' Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. Ħdax-il Stat Membru (BE, BG, CZ, DK, EE, ES, FI, LV, SE, SK u vagament SI) ittrasponew l-objettiv fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, filwaqt li l-liġi implimentattiva ta’ tmien Stati Membri (AT, CY, FR, HU, LT, NL, PL, UK) ma kienx fiha din id-dispożizzjoni. Uħud minnhom spjegaw li din id-dispożizzjoni hija regola ġenerali, għalhekk mhemmx għalfejn tiġi implimentata.

L-Artikolu 2 – Id-definizzjonijiet

Id-Deċiżjoni Qafas tiddefinixxi t-termini li ġejjin: “l-Istat emittenti”, “l-Istati li jwettaq”, “mandat ta’ iffriżar”, “proprjetà” u “evidenza”. Il-liġijiet implimentattivi tal-Istati Membri bejn wieħed u ieħor ikopru d-definizzjonijiet fid-Deċiżjoni Qafas, imma uħud minnhom fihom parti biss mill-elementi mitluba. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma sabuhiex neċessarja li jiddefinixxu Stat “emittenti” u “li jwettaq”. Id-definizzjoni ta’ mandat ta’ iffriżar kienet provduta mill-biċċa l-kbira tal-Istati membri minbarra LV u PL. BE u FR invokaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-terminu “sekwestru” imma dispożizzjonijiet ma kinux mehmuża.

Artikolu 3 — Offiżi

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi lista ta’ offiżi li għalhom il-verifiku dwar il-kriminalità doppja huma aboliti.

Numru għoli ta’ Stati Membri (BG, DK, HU, ES, FI, PL, SK, NL, UK) implimentaw il-lista fl-Artikolu 3(2) b’konformità mad-Deċiżjoni Qafas (il-leġiżlazzjoni tal-AT, EE, LT u LV ma kenitx mehmuża). Madankollu, il-leġiżlazzjoni tal-BE tipprovdi li l-abort u l-ewtanasja mhumhiex koperti b’“omiċidju u offiża gravi fuq il-persuna”. Dan imur kontra d-Deċiżjoni Qafas minħabba li hija l-liġi tal-Istat emittenti u mhux tal-Istat li jwettaq li tiddetermina jekk offiża hijiex fi ħdan din il-lista. Għal CY, CZ, SE u SI l-ebda dispożizzjoni implimentattiva ma nstabet.

Artikolu 4 – It-trasmissjoni ta’ mandati ta’ iffriżar

Artikolu 4(1) jipprovdi li mandat ta’ iffriżar flimkien maċ-ċertifikat għandu jkun trażmess mill-awtorità ġudizzjarja li ħarġitu direttament lill-awtorità kompetenti għall-eżekuzzjoni. Skont il-leġiżlazzjoni ta’ tmien Stati Membri (BG, CY, EE, HU, LT, LV, SI u l-UK), id-dokumenti jridu jintbagħtu permezz ta’ awtorità ċentrali, li normalment hija jew il-Ministeru tal-Ġustizzja jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali. Stati Membri Oħra jew ipprovdew għal referenza ċara għal kuntatt “dirett” bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji (FR, SK, ES, NL, SE) jew il-kuntatt dirett jirriżulta mil-lista tal-awtoritajiet kompetenti u mhux awtorità ċentrali (PL). Għal CZ id-deċiżjoni tintbgħat direttament lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti imma tista’ tintbgħat ukoll permezz tal-Ministeru tal-Ġustizzja jew l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. BE pprovidet li d-deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-iffriżar għandhom jiġu trażmessi permezz tal-Prosekuturi Rjali li ma jistgħux jitqiesu bħala “awtorità ċentrali” minħabba li għandhom biss rwol formali fejn jidħlu t-trażmissjonijiet tan-notifiki.

Artikolu 5 - Ir-rikonoxximent u t-twettiq immedjat

B’mod ġenerali, kważi l-liġijiet implimentattivi kollha jipprovdi għat-twettiq fil-pront tat-talbiet għall-iffriżar.

- Twettiq “immedjat” (L-Artikolu 5 (1))

L-Istati Membri jipprovdu diversi limiti ta’ żmien bħal twettiq “mingħajr dewmien” (PL, FI) jew “is-sentenza intbagħtet fi żmien 24 siegħa minn meta ttieħdet id-deċiżjoni għall-eżekuzzjoni” (BG), “mingħajr dewmien mhux meħtieġ” (DK), “minnufih” (CZ, HU), “minnufih u jekk hu possibbli fi żmien 24 siegħa” (SE). AT, ES u FR ikkwotaw id-Deċiżjoni qafas li tipprovdi għat-twettiq “immedjat”. BE invokat dispożizzjonijiet nazzjonali f’dan ir-rigward (dispożizzjonijiet mhux mehmuża). Uħud mill-Istati Membri ma stabbilew l-ebda limiti ta’ żmien. EE ma mplimentatx id-dispożizzjoni u minflok ġibdet l-attenzjoni għal diversi ostakli formali għat-twettiq. Dawk l-ostakli għandhom x’jaqsmu ma’, fost affarijiet oħra il-fatt li s-“sentenza” li hija l-bażi għall-iffriżar ma daħlitx fis-seħħ, imparzjalità tal-qorti, l-istatus speċjali taċ-ċittadini tal-Estonja. Il-UK ipprovdiet għal dispożizzjoni ġenerali vaga relatata mat-twassil tal-ordni għat-twettiq.

- Notifikazzjoni fi żmien 24 siegħat (Artikolu 5 (3))

Fil-biċċa l-kbira tal-każi il-ħruġ ta’ deċiżjoni għall-iffriżar hija imwassla “immedjatament”. L-AT u d-DK ipprovdew il-limitu ta’ żmien stipulat fid-Deċiżjoni Qafas ("mill-aktar fis possbbli u jekk hu possibbli fi żmien 24 siegħa). Uħud mill-Istati Membri pprovdew limitu ta’ żmien differenti, bħall-BE (“24 siegħa, mhux aktar minn ħamest ijiem), BG (“minnufih"), CZ (“fi żmien 24 siegħa, altrimenti mingħajr dewmien mhux meħtieġ”), ES u NL (“immedjatament, fi żmien 24 siegħa”), FR u LV (“mingħajr dewmien u jekk hu possibbli fi żmien 24 siegħa”), HU (“minnufih”), EE u LT (“fi żmien 24 siegħa"), PL (“immedjatament u, jekk hu possibbli, fi żmien jum minn meta jasal il-mandat"), jew SK ("fi żmien 24 siegħa u jekk mhux possibbli - mill-aktar fis possibbli"). Uħud ma stipulaw l-ebda limitu ta’ żmien rigward il-ħruġ tad-deċiżjoni (FI, SE). SI ma mplimentat id-dispożizzjoni xejn. Uħud mill-Istati Membri wkoll fasslu dispożizzjoni li biha obbligaw lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti biex tagħti r-raġunijiet bil-miktub għaliex id-deċiżjoni ma tteħditx fiż-żmien stipulat.

Fir-rigward tan-notifika tal-fatt li d-deċiżjoni kienet ħarġet (l-Artikolu 5(3)), b’mod ġenerali l-Istati Membri ma stiplawx il-limiti ta’ żmien u lanqas in-notifika nnifisha. Uħud mill-Istati Membri madankollu stabbilew limiti ta’ żmien, bħal BE (“immedjatament” lill-Proeskutur Rjali, li jinnotifika “mingħajr dewmien” lill-Istat Membru emittenti), CZ (“minnufih”), ES (“mingħajr dewmien, fi żmien 24 siegħa”), FI (“mingħajr dewmien u jekk hu possibbli fi żmien 24 siegħa”), LT (“immedjatament”), SK (“mingħajr dewmien”).

Artikolu 6 - It-tul ta' żmien tal-iffriżar

L-Artikolu 6 (1) jiddikjara li “Il-proprjetà għandha tibqa' ffriżata fl-Istat eżekutur sakemm dan l-Istat ikun wieġeb b'mod definittiv għal kull talba magħmula skont l-Artikolu 10(1)(a) jew (b)”. B’konformità ma’ paragrafu 2 il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri pprovdew ukoll għall-possibbiltà li dak il-perjodu jiġi llimitat. Paragrafu 3 jiddikjara li d-deċiżjoni li tneħħi l-mandat ta’ ffriżar li tkun ittieħdet minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membri emittenti għandha tiġi eżegwita mill-aktar fis possibbli.

B’mod ġenerali, dan l-Artikolu ġie traspost sewwa. Uħud mill-Istati Membri ma mplimentawx paragrafu 3 (AT, EE, SI, UK), uħud ma stipulawx limitu ta’ żmien u uħud ma pprovdewx limitu ta’ żmien differenti (BE: “mingħajr dewmien”, BG: “immedjatament”; DK: “mingħajr dewmien mhux meħtieġ”; ES: “mingħajr dewmien”, HU u SE: “minnufih”). CY iddikjarat biss li mandat barrani jista’ jiġi emendat jew rivedut biss minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra tal-pajjiż barrani li jkun ħareġ il-mandat.

Il-liġi implimentattiva tal-AT fiha dikjarazzjoni ġenerali f’dan ir-rigward u l-proċedura tagħha imniżżla fl-Artikolu 58 tal-liġi dwar l-estradizzjoni u l-assistenza reċiproka (ARHG) mhijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas. Barra minn hekk, AT ma mplimentatx l-Artikolu 6(3). SI implimentat biss dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ proċeduri nazzjonali u ma semmietx la d-deċiżjoni u lanqas in-notifikazzjoni tal-Istat emittenti f’dan ir-rigward. SE ttrasponiet biss paragrafu 3. BG ma pprovdiet l-ebda limitu ta’ żmien f’dan ir-rigward. UK vagament ittrasponiet l-ewwel paragrafu biss.

L-Artikolu 7 - Ir-raġunijiet għan-nuqqas tar-rikonoxximent u n-nuqqas tat-twettiq

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas jinkludi erba’ raġunijiet fakultattivi għan-nuqqas tar-rikonoxximent u n-nuqqas tat-twettiq ta’ mandat ta’ ffriżar. Ġeneralmment il-biċċa l-kbira ta’ dawn ir-raġunijiet għar-rifjut kienu implimentati, imma ta’ spiss l-Istati Membri ttrasponewhom bħala raġunijiet obbligatorji. Numru ta’ Stati Membri ma pprovdew id-dispożizzjonijiet implimentattivi, imma fir-rigward ta' uħud minnhom tapplika l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa[2] (pereżempju għal CY).

L-Artikolu 7(2) huwa dwar il-possibbiltà li tiġi speċifikata skadenza għall-preżentazzjoni, tlestija u korrezzjoni ta’ ċertifikat jew l-aċċettar ta' dokument ekwivalenti, jew l-eżenzjoni tal-awtorità ġudizzjarja emittenti minn dan ir-rekwiżit jekk l-informazzjoni pprovduta hija biżżejed. Ġiet implimentata mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (minbarra BE, CY, DK, EE, SI u UK). L-Artikolu 7(3) dwar ir-rifjut li jiġi rikonoxxut u mwettaq madat ta’ ffriżar ma ġiex implimentat minn CY, EE, SI u UK (tapplika l-Konvezjoni tal-Kunsill tal-Ewropa[3]). L-Artikolu 7(4) dwar in-notifikazzjoni tal-impossibbiltà prattika li jiġi mwettaq mandat ta' ffriżar kien implimentat parzjalment minn FI (biss meta l-proprjetà ma tkunx tista’ tinstab) u BG ma ffissat l-ebda limitu ta' żmien jew mezzi ta’ notifika.

B'żieda mar-raġunijiet għan-nuqqas ta' rikonoxximent u nuqqas ta' twettiq elenkati fid-Deċiżjoni Qafas, erbatax-il Stat Membru (BE, BG, CY, CZ, DK, ES, FI, FR, HU, LT, NL, SE, SK, UK) introduċew deċiżjonijiet addizzjonali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Hu ċar li dan mhux konformi mad-Deċiżjoni Qafas. Ir-raġunijiet addizzjonali għandhom x’jaqsmu l-aktar ma’ kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem (BE, DK, FR), kunflitt ma’ prinċipji ġenerali ta’ Stati Membri (CY, CZ). jew sitwazzjonijiet fejn miżura hija pprojbita minn liġi nazzjonali jew it-twettiq huwa impossibbli skont il-liġi nazzjonali (ES, HU, NL, UK). Kien hemm ukoll raġunijiet relatati mar-reġim lingwistiku u mal-ordni pubbliku nazzjonali, u l-interessi tal-ġustizzja. Sfortunametament l-Istati Membri rreferew pjuttost ta' spiss għal dispożizzjonijiet nazzjonali mingħaar ma hemżuhom.

L-Artikolu 8 - Ir-raġunijiet għall-posponiment ta’ twettiq

L-Artikolu 8 (a) dwar ill-possibbiltà li ssir ħsara lil investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja kien traspost mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (minbarra CY, EE, SI). Fil-każ ta' CY tapplika l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa.

Bosta Stati Membri ttrasponew ir-raġuni għal posponiment fejn il-proprjetà jew l-evidenza kkonċernata kienet suġġetta għal mandat ta' ffriżar fi proċeduri kriminali, u dan sakemm il-mandat tal-iffriżar jitneħħa (ħlief għal: CY, DK, FI, SI). Madankollu, ftit biss mill-Istati Membri (AT, BG, ES, FR, NL) implimentaw ir-raġuni li ngħatat fis-subparagrafu 'c' (proprjetà li altrimenti ġiet iffriżata diġà). FR u UK żiedu raġunijiet addizzjonali (rispettivament: deklassifikazzjoni tad-dokument jew mezz u impossibbiltà li titneħħa l-evidenza mill-UK). It-traspożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 8 (2)(3)(4) hija pjuttost tajba (CY, SE, SI u UK biss ma mplimentawhomx).

L-Artikolu 9 - Ċertifikat

L-artikolu 9(2) jiddikjara li ċ-ċertifikat trażmess għandu jiġi maqlub fl-ilsien uffiċjali jew f'wieħed mill-ilsna uffiċjali ta' l-Istat eżekutur. Fl-istess waqt jew f’data ulterjuri kull Stat Membru jista’ jiddikjara li jaċċetta traduzzjoni f’waħda jew aktar ilsna uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 9(3)).

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (AT, BG, DK, ES, FR, HU, PL, UK) jaċċettaw biss l-ilsien nattiv tagħhom bħala l-lingwa li biha jrid ikun prodott iċ-ċertifikat. Uħud minnhom ma taw l-ebda informazzjoni dwar ir-reġim lingwistiku. Dak jimplika li għall-mument iċ-ċertifikati tradotti fl-ilsien nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru biss ikunu rikonoxxuti (CY u SI). Uħud mill-Istati Membri jaċċettaw l-Ingliż, b'żieda mal-ilsien nattiv tagħhom (EE, LT, LV, NL). Uħud mill-Istati Membri jaċċettaw ukoll lingwi apparti tagħhom fuq il-bażi ta' reċiproċotà (CZ, SK).

BE jaċċetta ċertifikati bil-Franċiż, l-Olandiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż, SE bl-Iżvediż, id-Daniż, in-Norveġiż u l-Ingliż u FI bil-Finlandiż, l-Iżvediż u l-Ingliż (kif ukoll f’oħrajn jekk il-prosekutur kompetenti japprova u jekk m’hemmx ostakli biex jiġu approvati).

L-Artikolu 10 - It-trattament sussegwenti tal-proprjetà ffriżata

Dan l-Artikolu jitratta kwistjonijiet li jinqalgħu wara d-deċiżjoni tal-iffriżar, bħat-trażmissjoni tar-rikjesti għat-trasferiment tal-evidenza jew il-konfiska.

AT, BE, BG, DK, FR, HU, LT, NL, PL u SK implimentaw dan l-Artikolu. CZ, EE, ES, FI, LV, SE, SI, UK implimentawh parzjalment biss. F’paragrafu 3 SK tindirizza biss evidenza mhux proprejtà. CY ma mplimentax dan l-Artikolu.

L-Artikolu 11- Rimedji legali

L-Artikolu 11 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe parti interessata (inklużi partijiet terzi bona fide ) għandhom rimedji legali effettivi mingħajr effett sospensiv sabiex jiġu mħarsa l-interessi leġittimi tagħhom fl-Istati emittenti jew li jwettaq. Fl-istess waqt, ir-raġunijiet sostantivi jistgħu jiġu kkonfrontati biss fl-Istat emittenti. Jekk l-azzjoni tinġieb fl-Istat li jwettaq l-Istat emittenti għandu jiġi infurmat bil-kontenut u r-riżultat ta’ azzjoni bħal din.

L-appell kontra t-twettiq ta’ mandat ta’ ffriżar huwa possibbli għall-partijiet interessati fl-Istati membri kollha. Uħud mill-Istati Membri japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali sħiħa jew parzjalment f’dan ir-rigward u għalhekk uħud minn implimentaw biss parzjalment dan l-Artikolu (CY, DK, HU, LT, SI). Uħud mill-Istati Membri iffissaw limiti ta’ żmien biex iressqu appell.

Normalment l-Istati Membri jipprovdu għal miżuri mingħajr effett suspensiv (l-eċċezzjonijiet huma BE u CZ f’uħud mill-każi). Mhux l-Istati Membri kollha implimentaw paragrafu 4 dwar it-teħid ta’ miżuri meħtieġa biex jiffaċilitaw l-eżerċitazzjoni tad-dritt tal-appell, speċjalment il-proviżjoni tal-informazzjoni għall-partijiet interessati. Id-dispożizzjoni dwar il-possibbiltà li jiġu kkonfrontati r-raġunijiet sostantivi għal mandat ta' ffriżar fl-Istat emittenti biss ġiet implimentata biss minn BE, BG, CZ, ES, FI, LV, NL u SK.

L-Artikolu 12 - Rifużjoni

L-Artikolu 12 jipprovdi għal rifużjoni tal-ispejjeż imħallsa mill-Istati emittenti lill-Istat Membru li jwettaq għall-ispejjeż imħallsa bħala kumpens għal ħsara għall-korriment ikkawżat mit-twettiq tal-mandat ta’ ffriżar. Hemm eċċezzjoni għal sitwazzjonijiet li fihom il-korriment huwa esklużivament ir-riżultat ta' kondotta tal-Istat li jwettaq. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq talbiet ta’ persuni naturali jew legali għal kumpens għal ħsara.

Uħud mill-Istati Membri ma ttrasponewx affattu din id-dispożizzjoni (LV, SE, SI, UK), uħud qiesu li ma kienx hemm għalfejn jimplimentawha minħabba li f’każijiet bħal dawn l-Istat in kwistjoni jkun irid jaqbel bilateralment (FR, LT) jew li m’għandhiex għalfejn tiġi trasposta minħabba li d-dispożizzjoni hija obbligu indirizzat lill-gvern (BE). Għal Stati Membri oħra japplikaw dispożizzjonijiet ġenerali nazzjonali f’dak ir-rigward.

BG, DK, EE, ES, FI, PL u SK ittrasponew dan l-Artikolu sħiħ jew pazjalment. Uħud mill-Istati Membri (CZ, ES, SK) għandhom settijiet differenti ta’ dispożizzjonijiet dwar ir-rifużjoni skont jekk humiex l-Istat emittenti jew li jwettaq.

KONKLUŻJONIJIET

L-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw proprjetà jew evidenza fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea mhijiex sodisfaċenti. Din il-konklużjoni toħroġ l-aktar min-numru baxx ta’ notifiki, li minnhom uħud mil-liġijiet implimentattivi lanqas biss jirreferi għad-Deċiżjoni Qafas (id-dispożizzjonijiet ġew adottati in vista tal-implimentazzjonijiet ta’ xi strumenti tal-liġi internazzjonali oħra). CY u UK koprew id-dispożizjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas parzjalment biss (CY kopriet biss l-iffriżar tal-proprejtà u l-UK kopriet biss id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-evidenza). Il-leġiżlazzjoni li ntbgħatet minn SI turi wkoll li dan l-Istat Membru għadu juża r-regoli tradizzjonali dwar l-assistenza legali reċiproka fir-rigward ta’ talbiet għall-iffriżar u għalhekk ma mplimentatx il-prinċipji tar-rikonoxximent reċiproku f’dak ir-rigward.

Id-dsatax-il leġiżlazzjoni nazzjonali li waslu għand il-Kummissjoni jindikaw għadd ġmielu ta’ omissjonijiet u miżinterpretazzjonijiet. Għad hemm spazju għal titjib, speċjalment fir-rigward tal-kuntatt dirett bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji, ir-raġunijiet għar-rifjut li wieħed jirrikoxxi jew iwettaq mandat ta’ ffriżar kif ukoll rifużjoni. Madankollu, jidher li huwa żgurat it-twettiq mingħajr telf ta' żmien ta' mandati ta' ffriżar.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw dan ir-Rapport u biex jieħdu l-opportunità li jipprovdu l-informazzjoni relevanti ulterjuri kollha lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat tal-Kunsill, sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Qafas. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lil dawk l-Istati Membri li indikaw li qed iħejju l-leġiżlazzjoni relevanti, biex idaħħlu fis-seħħ u jinnotifikaw dawn il-miżuri nazzjonali mill-aktar fis possibbli.

[1] Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, Pupino, Kawża-105/03 (16 ta’ Ġunju 2005), ĠU C 193, 6.08.2005, p.3

[2] Il-Konvenzjoni dwar il-Laundering, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attività Kriminali tal-1900

[3] idem

Top