EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0700

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill- Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew: Approċċ komuni għall-użu ta' l-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali

/* KUMM/2007/0700 finali */

52007DC0700

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill- Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew: Approċċ komuni għall-użu ta' l-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali /* KUMM/2007/0700 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.11.2007

KUMM(2007) 700 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL- PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew: Approċċ komuni għall-użu ta' l-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEWU LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew: Approċċ komuni għall-użu ta' l-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

WERREJ

1. Il-wegħda tal-bidla diġitali: Id-"dividend diġitali" 3

2. X' inhu d-dividend diġitali? 3

3. Riżorsa b'valur soċjali, kulturali u ekonomiku eċċezzjonali 4

4. Koordinazzjoni ta' l-UE biss tista' tiftaħ il-potenzjal kollu tad-dividend diġitali 6

5. Nimxu lejn l-ippjanar komuni ta' l-ispettru 8

6. Konklużjoni 11

1. IL-WEGħDA TAL-BIDLA DIġITALI: ID-"DIVIDEND DIġITALI"

Il-bidla mit-TV terrestri analoga għal dik diġitali sa l-aħħar ta' l-2012[1] se tiftaħ firxa ta' spettru bla preċedent fl-Ewropa bħala riżultat ta' l-effiċenza superjuri tat-trażmissjoni tat-teknoloġija diġitali. Dan l-ispettru hu magħruf bħala d- "dividend diġitali".

Id-dividend diġitali huwa opportunità unika biex inlaħħqu mad-domanda li qed tikber b'rata mgħaġġla għas-servizzi ta' komunikazzjoni bla wajer [2]. Dan jiftaħ biżżejjed spettru biex ix- xandara jiżviluppaw u jespandu s-servizzi tagħhom b'mod sinifikanti, filwaqt li jassigura li użi importanti soċjali u ekonomiċi oħrajn, bħal applikazzjonijiet broadband biex tingħeleb id-" diviżjoni diġitali" [3]jkollhom aċċess għal din ir-riżorsa ta' valur. Id-dividend diġitali għalhekk potenzjalment joħloq sitwazzjoni "ta' rebħ totali" għall-interessi kollha. L-azzjoni f'dan is-settur tkun tappoġġa l-inizjattiva i2010[4], parti mill- istrateġija mġedda ta' Liżbona , li tenfasizza l-importanza ta' l-ICT fit-twassil tat-tkabbir u l-impjiegi, li huma xprun ewlieni għall-gwadanni ta' innovazzjoni u produttività.

Madankollu, l-benefiċċji tad-dividend diġitali jistgħu biss jiġu sfruttati totalment jekk il-punt fokali jkun it-tfittxija ta' l-applikazzjonijiet bl-ogħla valur għal spettru mingħajr prekondizzjonijiet. Għalhekk din il-Komunikazzjoni tipproponi azzjoni koordinata fuq il- livell ta' l-UE biex tassigura l- aqwa użu tad-dividend minn perspettiva soċjali u ekonomika kombinata.

2. X' INHU D-DIVIDEND DIġITALI?

Id-dividend diġitali jista' jiġi mfisser bħala l-ispettru lil hinn mill-frekwenzi[5]meħtieġa biex jappoġġaw servizzi ta' xandir eżistenti f'ambjent totalment diġitali, u jinkludi obbligi attwali tas-servizz pubbliku.[6].

Aktar stazzjonijiet tat-TV b' inqas spettru

Sistemi ta' kompressjoni diġitali, li huma disponibbli kummerċjalment, diġà jippermettu t-trażmissjoni ta' bejn 6 u 8 stazzjonijiet diġitali standard tat-TV fl-ispettru li qabel kien jintuża minn stazzjon televiżiva analoga[7] u gwadanni effiċjenti bħal dawn huma mistennija li jkomplu jiżdiedu fil-ġejjieni. Biex nieħdu eżempju, ir-Renju Unit qed jippjana li jipprovdi 45 stazzjoni tat-TV bl-użu ta' ferm inqas spettru minn qabel għall-ekwivalenti ta' 7 stazzjonijiet nazzjonali tax-xandir analogu[8]u qed jikkonsidra l-introduzzjoni ta' kważi għoxrin stazzjon addizzjonali tat-TV fil-frekwenzi li jkun għad fadal. Fi kliem ieħor, id-dividend diġitali għandu jisboq l-ispettru attwali disponibbli għas-sistemi GSM fill-maġġoranza ta' l-Istati Membri.

Spettru ta' kwalità "premium"

Mhux il-meded kollha ta' l-ispettru joffru l-istess karatteristiċi fiżiċi: frekwenzi għola ma jwasslux daqshekk 'il bogħod u ma jippenetrawx il-bini daqshekk faċilment, filwaqt li frekwenzi iktar baxxi għandhom limitazzjoni ta' kapaċità u joħolqu aktar interferenza. L-ispettru tad-dividend diġitali huwa partikolarment attraenti għax huwa parti mill-"aqwa" spettru lokalizzat bejn 200 MHz u 1GHz, li joffri bilanċ ottimali bejn il-kapaċità tat-trażmissjoni u d-distanza koperta. Il-karatteristiċi tiegħu tal-propagazzjoni tajba tas-sinjal jirrikjedu inqas infrastruttura biex jipprovdu kopertura ikbar, u b'hekk jonqsu l-ispejjeż u jittejjeb is-servizz, partikolarment biex tiġi assigurata l-komunikazzjoni ġewwa l-bini u li tilħaq il-popolazzjonijiet remoti f' żoni rurali.

Iżda bħalissa frammentat wisq

L-ispettru tad-dividend diġitali bħalissa huwa frammentat wisq f'meded relattivament dojoq, imxerred fuq ħafna frekwenzi u mmgħaqqad ma' l-istazzjonijiet tax-xandir diġitali. Din hija konsegwenza ta' għażliet fl-ippjanar ta' l-ispettru li ġew addottati fil-Konferenza tar-Radjokomunikazzjoni Reġjonali ta' l-ITU, li pproduċiet pjan internazzjonali, il-ftehim ta' Ġinevra 2006, dwar il-bażi ta' l-użu tax-xandir tradizzjonali[9]. Ċerta flessibilità hija pprovduta fil-ftehim ta' Ġinevra biex l-ispettru jinfetaħ għal użi oħrajn. Madankollu, din il-flessibiltà hija limitata fil-kondizzjonijiet tekniċi eżistenti u, fil-prattika, is-sitwazzjoni preżenti ma twassalx għall-allokazzjoni ta' dan l-ispettru għal użi alternattivi effiċjenti.

3. RIżORSA B'VALUR SOċJALI, KULTURALI U EKONOMIKU EċċEZZJONALI

Id-dividend diġitali għandu jitqies ukoll fil-kuntest usa' tal-bilanċ kumplessiv bejn il-provvista u d-domanda għall-ispettru tar-radju. Din hija riżorsa pubblika persistentement skarsa li għaliha hemm domanda dejjem tikber fis-soċjetà moderna: hija l-pern ta' kull tip ta' servizz bla wajer, minn użu professjonali bħan-navigazzjoni bir-radju, sistemi satellitari jew radar għal applikazzjonijiet tal-konsumaturi bħax-xandir jew komunikazzjonijiet fissi u mobbli. Huwa stmat li l-valur totali tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jiddependu fuq l-użu ta' l-ispettru tar-radju fl-UE jaqbez € 250 biljun, jiġifieri kważi 2.2 % tal-PGD annwali Ewropew. Dan ir-rwol essenzjali ta' l-ispettru tar-radju bħala katalist għat-tkabbir kien rikonoxxut ukoll fl-inizjattiva i2010, li tenfasizza li ġestjoni aktar effettiva ta' l-ispettru ssaħħaħ l-innovazzjoni fl-ICT u tgħin biex jiġu pprovduti servizzi irħas għaċ-ċittadini Ewropej.

Għalhekk hu fl-interess pubbliku li d-dividend diġitali jkun immexxi b'mod effiċjenti u effettiv kemm jista' jkun biex jissodisfa d-domanda massima, u li jitneħħew ix-xkielijiet għall-użu effiċjenti tiegħu. Dan l-għan huwa wieħed mil-fundamenti tal-politika dwar l-ispettru ta' l-UE u jagħmel parti mill-proposti prinċipali tal-Kummissjoni fir-reviżjoni preżenti tal-kwadru regolatorju għal servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi.

Jekk id-dividend diġitali jiġi organizzat sewwa il-firxa ta' użi possibbli tkun wiesgħa ħafna, għaliex prattikament l-applikazzjonijiet komuni bla wajer kollha jistgħu jużaw din il-parti ta' l-ispettru. Madankollu, l-aktar promettenti fost dawn l-użi potenzjali jagħmlu parti mill-kategorija ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika [10] . Hemm mill-inqas tliet kategoriji wiesgħa ta' servizzi li għalihom l-ispettru tad-dividend diġitali jkun xieraq. Xi wħud minnhom diġà qegħdin jitqiesu minn diversi Stati Membri:

1. Komunikazzjonijiet broadband bla wajer. "Aċċess broadband minn kullimkien għal kullhadd" hija l-isfida li jmiss għas-soċjetà ta' l-informazzjoni. L-aċċess bla wajer probabbilment huwa l-aktar metodu promettenti biex tixxejjen il-"firda fil- broadband " u tingħeleb id- "diviżjoni diġitali", speċjalment f'żoni remoti u rurali[11]. L-aċċess għal komunikazzjonijiet broadband jista' jkollu impatt sinifikanti fuq il- kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea[12] f'termini ta' gwadanni fil-produttività u impatti soċjali. Il-komunikazzjoni bla wajer tipprovdi wkoll pjattaforma alternattiva li tista' żżid kompetizzjoni u tħaffef il-mobilitazzjoni tal- broadband . Il-komunikazzjoni broadband bla wajer għandha wkoll il-potenzjal li tappoġġja l-interoperabilità mifruxa ma' l-UE ta' applikazzjonijiet essenzjali tas- sikurezza pubblika bħal servizzi ta' protezzjoni pubblika u servizzi ta' rkupru fil-każ ta' diżastri (PPDR). L-istess spettru jista' jitqassam ukoll biex tittejjeb il- kopertura tal-komunikazzjoni mobbli, u maż-żmien jindirizza d-domanda dejjem tikber għal servizzi mobbli ta' dejta b'veloċità għolja. Il-komunikazzjonijiet broadband jistgħu jintużaw ukoll għal servizzi ta’ xandir innovattivi fil-ġejjieni.

2. Servizzi addizzjonali għax-xandir terrestri Ix-xandir dieħel f'perjodu ta' bidla intensa u innovazzjoni għolja hekk kif qed jagħmel it-tranżizzjoni għal servizzi diġitali u ta' definizzjoni għolja. Iż-żieda tan-numru ta' stazzjonijiet tax-xandir joffri prospettivi għall- pluraliżmu tal-midja miżjud, tkabbir fil- produzzjoni tal-kontenut tal-midja, u servizzi ta' kwalità għola, iktar interattivi għat-telespettaturi. Għalhekk huwa xieraq li x-xandara jkunu jistgħu jieħdu sehem ġust fid-dividend diġitali bi ħlas għall-isforzi tagħom u l-investiment li jagħmlu fil-bidla diġitali.

3. Multimidja mobbli. Fost l-oqsma ta' applikazzjoni l-iktar innovattivi fis-settur ICT hemm TV mobbli u servizzi ta' xandir relatati mas-satellita, li għandhom prospettivi impressjonanti[13].

Barra minn hekk, hemm ukoll kategoriji oħra ta' użu li diġà qed joperaw jew jistgħu joperaw fil-frekwenzi koperti bid-dividend diġitali, bħalma hu l-użu bla liċenzja ta' l-ispettru[14] (eż tagħmir għall-użu f'raġġ qasir u ta' qawwa baxxa li jużaw ftit ferm mill-ispettru bħat-telemetrija medika, apparat ta' l-għajnuna għas-smigħ, jew, partikolarment, RFID, li għalih l-allokazzjoni preżenti ta' l-ispettru fl-Ewropa fil-medda UHF tista' tillimita t-tkabbir u applikazzjonijiet ġodda fis-snin li ġejjin)

Id-dividend diġitali jrid jitqies ta' dak li hu: riżorsa pubblika b'potenzjal eċċezzjonali ta' natura soċjali, kulturali, u wkoll ekonomiku; biex nieħdu eżempju, il-gwadanni stmati dan l-aħħar għall-ekonomija tar-Renju Unit waħeda huma ta' bejn € 7.5bn u € 15bn fuq 20 sena.[15].

4. KOORDINAZZJONI TA' L-UE BISS TISTA' TIFTAħ IL-POTENZJAL KOLLU TAD-DIVIDEND DIġITALI

L-Ewropa qed tħabbat wiċċha mal-bżonn li tassigura li jsir aħjar użu mid-dividend diġitali. Id-deċiżjonijiet li se jittieħdu fix-xhur u s-snin li ġejjin dwar l-organizzazzjoni, l-allokazzjoni u l-assenjazzjoni tad-dividend se jolqtu mhux biss il-kompetittività tas-settur Ewropew ta' l-informazzjoni u tal-midja, iżda wkoll il-kapaċità Ewropea ta' innovazzjoni biex tlaħħaq ma' l-isfidi soċjali u ekonomiċi tagħha.

Id-dividend diġitali ma jafx fruntieri

Ir-raġġi tar-radju mhux limitati mil-fruntieri nazzjonali: iktar ma tkun qawwija s-saħħa tat-trażmissjoni, aktar jistgħu jmorru l-bogħod is-sinjali miż-żona ta' kopertura maħsuba, b'riskju ta' interferenza għal sistemi oħra li joperaw fl-istess meded ta' l-spettru, inkella f'dawk ġirien. L-evitar ta' interferenza hija ġustifikazzjoni teknika għall-ġestjoni ta' l-ispettru u l-koordinazzjoni transkonfinali. Din kienet ukoll ir-raġuni għan-negozjati fuq skala internazzjonali fil-ftehim ta' Ġinevra 2006.

It-tneħħija ta' l-ostakli tekniċi biex tinfetaħ il-kapaċità sħiħa tad-dividend diġitali.

Kif jissemma hawn fuq, il-meded UHF affettwati mid-dividend diġitali huma attwalment mifruxin f'taqsimiet dojoq tul il-wisa' kbir ta' l-ispettru, u dan jirrifletti l-pjan ta' l-ispettru tal-ftehim ta' Ġinevra 2006. Għalhekk hu diffiċli jew impossibbli li jsir użu alternattiv tad-dividend. Il-meded ta' l-ispettru rilaxxati ħafna drabi huma dojoq wisq biex ikunu verament ekonomiċi għas-servizzi l-ġodda u hemm inqas lok għall-iżvilupp tagħhom minħabba l-implimentazzjoni frammentata tal-ftehim ta' Ġinevra 2006 fuq livell nazzjonali. Bħala riżultat, użi innovattivi tad-dividend, jekk dejjem hu possibbli, jistgħu jkunu mfixkla minn effiċjenza baxxa ta' l-ispettru u u jkunu jeħtieġu adattementi tat-tagħmir operattiv għall-kundizzjonijiet lokali.

Il-konsultazzjoni pubblika organizzata mill- Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju bi preparazzjoni għall-opinjoni tagħha dwar id-dividend diġitali[16] kixfet li ħafna mill-użi potenzjali tad-dividend diġitali sempliċement ma jseħħux jekk l-aċċess għall-ispettru ma jkunx koordinat aħjar madwar l-Istati Membri. B'konsegwenza ta' dan, il-valur totali tad-dividend diġitali jonqos. Biex negħlbu dan l-ostaklu kbir irridu "innaddfu" l-ispettru tad-dividend diġitali biex ikun jista' jintuża aktar u jkun iktar konsistenti bejn fruntiera u oħra. Dan jista' jinkiseb taħt il- Ftehim ta' Ġinevra 2006 b'mod kompatibbli mal-ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi ġirien u b’ addattamenti żgħar biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti interni ta' l-UE. Iżda dan hu possibli biss jekk l-Istati Membri jaħdmu flimkien u jekk id-dimensjoni ta' l-UE ta' l-ippjanar ta' l-ispettru għad-dividend diġitali tkun msaħħa.

Barra minn hekk, il-koordinazzjoni msaħħa ta' l-ispettru ta' l-UE għandha tiffaċilita l-interoperabilità fl-UE kollha, u b'hekk tnaqqas distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq uniku li jiffavorixxu ċerti setturi jew atturi fis-suq u toħloq opportunitajiet għal atturi ġodda jew eżistenti biex iniedu servizzi ta' bla wajer innovattivi.

Ekonomij ifil-kobor u ekonomiji fl-ambitu huma kritiċi għal ħafna użi potenzjali tad-dividend diġitali

Il-biċċa l-kbira mill-investimenti f'teknoloġiji ġodda bla wajer bħalissa jsiru fuq skala Ewropea jew globali. Fil-każ tad-dividend diġitali, ħafna mill-applikazzjonijiet potenzjali huma servizzi għas-suq tal-massa li għalihom suq intern effettiv miġjub minn koordinazzjoni Ewropea huwa kritiku biex jistimola l-investiment neċessarju f’mobilitazzjoni ta' teknoloġiji ġodda. L-innovazzjoni , waħda mil-pedamenti ta' l-"Istrateġija ta' Liżbona", se tkun totalment appoġġata biss jekk l-Istati Membri jimxu flimkien biex jiftħu aċċess għad-dividend diġitali taħt kundizzjonijiet konsistenti u aktar flessibli. Il-koordinazzjoni toħloq momentum pożittiv biex jiġi stimulat l-iżvilupp industrijali u ta' negozju ġdid u b'saħħtu u l-ekonomija tingħata spinta 'l quddiem. Dividend diġitali frammentat x'aktarx jagħti bidu biss għal applikazzjonijiet ġodda lokali jew speċifiċi ħafna li jistgħu ma jkunux kbar biżżejjed biex ikunu ta' suċċess. Approċċ koerenti madwar l-UE se jgħin ukoll biex jitnaqqsu diverġenzi reġjonali fil-politiki stabbiliti ta' l-UE, bħas-saħħa-e, l-edukazzjoni-e u servizzi oħra ta' interess pubbliku.

Paragun: żviluppi tad-dividend diġitali barra mill-Ewropa

Is-sinifikat tad-dividend diġitali ġibed ukoll ħafna attenzjoni barra mill-Ewropa u diġà ġie rikonoxxut minn diversi gvernijiet f'reġjuni oħrajn tad-dinja.

- Fl-Istati Uniti, kwazi nofs l-ispettru UHF se jinħeles mix-xandara wara t-tifi tat-TV analoga fl-2009, u diġà ġie riżervat bħala dividend diġitali għat-tqassim mill-ġdid ta' servizzi ġodda, il-biċċa l-kbira bl-użu ta' rkanti technology neutral f'Jannar 2008. Barra minn hekk, qed jitlestew pjanijiet regolatorji biex tagħmir "intelliġenti" jkun jista' juża l-hekk imsejjaħ "white space" li jifdal bejn żoni koperti minn stazzjonijiet tat-TV.

- Fil-Ġappun, ammont sinifikanti ta' spettru tax-xandir ġie rilaxxat jew qed jitqies għar-rilaxx "technology neutral" permezz ta' rkanti [17].

Il-passi ta' hawn fuq għandhom jippermettu lil dawk l-ekonomiji biex jipprovdu servizzi u applikazzjonijiet ġodda u innovattivi (eż multimidja mobbli, aċċess broadband bla wajer, infrastrutturi integrati għall-Protezzjoni Pubblika u l-Irkupru mid-Diżastri), u jagħtu vantaġġ kompetittiv lill-industri rispettivi tagħhom.

Approċċ komuni għad-dividend diġitali għandu jsaħħaħ il-kompetittività ġenerali ta' l-Ewropa fis-suq globali u jsaħħaħ il-pożizzjoni tat-telekomunikazzjonijiet tiegħu u setturi ta' l-IT. Dan se jassigura wkoll li l-ispettru tad-dividend diġitali jkun imfassal għall-ħtiġijiet Ewropej, u mhux "impost" b'applikazzjonijiet ta' suċċess f'postijiet oħra fid-dinja.

L-Ewropa ma tistax tissogra toqgħod mal-ġenb tat-triq. Huwa kritiku li l-kwistjonijiet importanti sottostanti tad-dividend diġitali jiġu indirizzati b'mod strateġiku.

5. NIMXU LEJN L-IPPJANAR KOMUNI TA' L-ISPETTRU

"Tindif" ta' l-ispettru tad-dividend diġitali

Ippjanar adegwat ta' l-ispettru huwa essenzjali biex jassigura l-aħjar użu tad-dividend diġitali u biex jitneħħew id-diffikultajiet tekniċi għal kundizzjonijiet ewki bejn utenti potenzjali.

Studji tekniċi li saru fl-imgħoddi [18]mill-Kummissjoni juru b'mod ċar li, minħabba problemi ta' interferenza, servizzi tax-xandir diġitali standard u servizzi oħra pprovduti minn netwerks ta' komunikazzjonijiet fundamentalment differenti ma jistgħux jiġu "mħallta" fl-istess meded ta' l-ispettru. Dan jista' jingħeleb billi nidentifikaw meded ta' spettru li huma kontigwi jew relatati mill-qrib biex noħolqu " clusters " ta' servizzi li jużaw tip ta' netwerk ta ’ komunikazzjoni simili. Madankollu, il-frammentazzjoni attwali tad-dividend diġitali ma tippermettix clustering f'meded komuni. Huwa biss sforz konġunt mill-Istati Membri kollha, li jista' jippermetti dawn it-tipi ta' għaqdiet, hekk kif hemm grad għola ta' interdipendenza fl-ippjanar ta' ispettru bejn il-fruntieri.

Naġixxu flimkien

Minħabba dan, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li nimxu lejn pjan ta' spettru komuni fuq il-livell ta' l-UE. Dan għandu jżid l- effiċenzja ta' l-ispettru aktar milli jista' jintlaħaq fuq livell nazzjonali, biex b'hekk tissaħħaħ il-kapaċità totali u l-firxa vasta ta’ użi tad-dividend diġitali.

Preservazzjoni tal-flessibilità biex jiġu indirizzati varjazzjonijiet fuq il-livell nazzjonali

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-sitwazzjoni ta' l-ispettru tista' tvarja f'kull Stat Membru skond l-ambjent speċifiku tax-xandir, partikolarment il-livell ta' dipendenza fuq it-TV terrestri, partikolarment biex tappoġġa l-obbligazzjonijiet tas-servizz pubbliku. Hemm ukoll differenzi ċari ta' tqassim temporali u ta' strategija fil-pjanijiet nazzjonali dwar il-bidla diġitali, li hemm bżonn li jiġu kkunsidrati. Il-pjan komuni ta’ l-ispettru għalhekk ikollu jiddaħħal bil-mod b'biżżejjed flessibilità biex jakkomoda speċifikazzjonijiet nazzjonali leġittimi, bħalma huma bżonnijiet lokali soċjali u tas-suq. Fid-dawl ta' l-evoluzzjoni mgħaġġla tat-teknoloġija, kwalunkwe ppjanar komuni ta' l-spettru għandu wkoll jibqa’ taħt reviżjoni kontinwa sabiex ikunu jistgħu isiru tiswijiet xierqa skond il-bżonn.

Tħejjijiet

Biex inwittu t-triq għal clustering armonizzat ta' meded ta' l-ispettru, il-Kummissjoni tipproponi li tidħol f'xogħol preparatorju biex tindirizza għadd ta' sfidi importanti. Dan jinkludi d-determinazzjoni tad-daqs, il-konfini u l-kundizzjonijiet ta' l-aċċess għal kull sub-medda li tilqa' tip partikolari ta' netwerk u l-grupp ta' servizzi assoċjati miegħu, kif ukoll valutazzjoni tat-tqassim temporali u l-mezzi meħtieġa biex tintlaħaq tranżizzjoni flessibli u realistika għall- clustering armonizzat. Ix-xogħol preparatorju għandu jindirizza wkoll l-identifikazzjoni ta' spejjeż amministrattivi u tekniċi involuti fiċ-ċaqliq tas-servizzi għal frekwenzi ta' meded ġodda, meta jkun meħtieġ, u wkoll il-ħtieġa li nnaqqsu kemm jista' jkun dawn l-ispejjeż meta jkunu inevitabbli. Se jkun importanti wkoll li nwittu t-triq għall-iżvilupp ta' mobilitazzjoni sikura u responsabbli u l-mobilitazzjoni ta' soluzzjonijiet infrastrutturali u sabiex nistudjaw l-impatt tagħhom fit-tul ta' żmien.

Wara li tkun wittiet it-triq għall-mixja 'l-quddiem lejn approċċ armonizzat, il-Kummisjoni għandha tuża strument ta' liġi vinkolanti tal-Komunità biex tadotta deċiżjoni dwar il- clustering .

L-istabbiliment ta' "clustersi ta' applikazzjonijiet" f'meded ta' spettru komuni.

Il- clustering propost ta' l-ispettru għandu japplika għall-parti prinċipali tad-dividend diġitali, il-medda UHF[19]. Dan għandu jikkostitwixxi organizzazzjoni ta' l-ispettru ta' l-"ogħla livell", li fuqha jistgħu jiġu żviluppati pjanijiet nazzjonali u mifruxa ma' l-UE, u jiddefinixxi l-limiti li fihom tista' tiġi eżerċitata l-flessibilità nazzjonali billi jitħallew livelli differenti ta' armonizzazzjoni ta' l-UE għal kull cluster .

B'mod konkret, il- clustering għandu jkun ibbażat fqu tliet sub-meded għat-tliet tipi ta' netwerks l-aktar komuni:

Tipi ta' netwerks f'kull sub-medda | Livell ta' koordinazzjoni ta' l-ippjanar ta' l-ispettru |

1) Netwerks unidirezzjonali ta' qawwa kbira (i.e. prinċipalment servizzi fissi tax-xandir) din il-parti ta’ l-UHF għandha tintuża kemm biex tassigura l-kontinwità tal-programmi TV eżistenti fil-format diġitali[20](li hu formalment barra mill-ambitu tad-dividend diġitali) kif ukoll biex jiġu mobilitati riżorsi xierqa biex jiġu akkomodati bżonnijiet ġodda ta’ xandir li jaqblu ma' din l-istruttura ta' netwerks tradizzjonali. | Ġestjoni nazzjonali (parti nazzjonali tad-dividend + kontinwazzjoni ta' l-istazzjonijiet TV nazzjonali) Il-kundizzjonijiet tekniċi ta’ użu f’'din il-parti tal-UHF m'għandhomx ikunu suġġetti għal armonizzazzjoni formali ta' l-UE. Għalhekk tkompli tibqa' suġġetta għat-tmexxija nazzjonali individwali skond il-ftehim ta' Ġinevra 2006. Meta jkun possibli, l-istazzjonijiet tat-TV li bħalissa joperaw barra s-sub-medda għandhom progressivament jiġu rilokati ġo sub-medda komuni miftehma, juzaw il-mekkaniżmi ta’ l-emendar tal-ftehim ta' Ġinevra 2006. |

2) Netwerks b'kapacità medja għal baxxa b'unidirezzjonali (i.e. tipikament għal servizzi multimidjali mobbli, u forom iktar ġodda għal servizzi magħqudin ta' xandir u komunikazzjonijiet). | Ġestjoni nazzjonali, flimkien ma’ koordinazzjoni mhux obbligatorji ta' l-UE. Is-sub-medda li għandha tkun disponibbli fuq bażi mhux esklussiva għall-Istati Membri li jivvutaw biex jieħdu vantaġġ minn ekonomiji ta' daqs akbar u koordinazzjoni ta' spettru eħfef għal applikazzjoni li taqbel ma' dan it-tip ta' netwerks. Trid ukoll tassigura konverġenza naturali tul iż-żmien għal servizzi simili fi frekwenzi simili. Tista' wkoll tipprovdi opportunità għal mobilitazzjoni ekonomika tat-TV mobbli[21] |

3) Netwerks bidirezzjonali ta' saħħa baxxa: (i.e. servizzi tipikament mhux fissi u aċċess għal broadband mobbli): dan il-cluster jista' wkoll jinkludi applikazzjonijiet oħra bħal servizzi innovattivi ta’ xandir ta' kapaċità baxxa. | Armonizzazzjoni mill-UE fuq bażi flessibli, implementazzjoni gradwali biex jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet nazzjonali. |

Għall-użu bħala eżempju biss, il- clustering kumplessiv jista' jidher kif indikat hawn taħt.

Sub-meded ta' l-ispettru komuni ( clusters )

470 MHz <meda UHF-------------------------------> 872 MHz

SPETTRU TAħT TMEXXIJA NAZZJONALI ESKLUSSIVA SPETTRU KOORDINAT FUQ LIVELL TA' L-UE

Spettru użat għall-kontinwazzjoni tat-TV eżistenti u-Servizzi tar-radju eżistenti Spettru vakanti għall-użu bħala l-parti nazzjonali tad-divdend diġitali Eżempji ta' servizzi iktar servizzi tat-TV, possibilment HDTV | Eżempji ta' servizz TV mobbli fuq il-medda ta' raġġi dojoq | Eżempji ta' servizzi aċċess broadband bla wajer, aċċess għad-dejta mobbli b'veloċità għolja |

Netwerks unidirezzjonali (qawwa għolja) | Netwerks unidirezzjonali (qawwa medja għal baxxa) | Netwerks bidirezzjonali (qawwa baxxa) |

parti li tikkostitwixxi d-dividend diġitali reali.

6. KONKLUżJONI

Id-dividend diġitali li jirriżulta mill-bidla mix-xandir analogu għal dak diġitali huwa opportunità unika li tagħti impetu lill-industrija kollha tal-komunikazzjoni bla wajer kif ukoll lill-industrija tax-xandir. Jista' jkun kontribut sinifikanti għall-għanijiet ta' Liżbona tal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku u jista' jissodisfa firxa vasta ta' ħtiġijiet soċjali, kulturali u ekonomiċi taċ-ċittadini Ewropej.

Il-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali jistgħu jkunu magħrufin biss bl-appoġġ u l-kooperazzjoni attiva ta' l-Istati Membri u tal-partijiet konċernati, u ladarba jiġi adottat approċċ komuni għall-ippjanar ta' l-ispettru.

Fid-dawl tad-dividend diġitali li diġà huwa disponibbli f'certi Stati Membri u bit-tranżizzjoni ta' l-UE lejn TV diġitali, li mistennija li titlesta sa l-2012, hemm l-urġenza li jinbeda proċess ta' deċiżjoni dwar l-approċċ komuni għall-użu tad-dividend diġitali.

L-Istati Membri huma għalhekk mistiedna biex

- Jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda billi jaħdmu flimkien u mal-Kummissjoni biex jidentifikaw meded ta' spettru komuni fid-dividend diġitali li jistgħu jkunu ottimizzati minn clusters ta' applkazzjonijiet.

Il-Kummissjoni sejra:

- Tipprepara l-miżuri neċċessarji biex tirriserva u tikkoordina l-meded komuni fuq il-livell ta' l-UE.

Il-Parlament Ewropew u il-Kunsill huma mistiedna biex jiddiskutu l-approċċ komuni kif stabbilit f'din il-Komunikazzjoni u li jaffermaw l-azzjonijiet proposti.

[1] COM(2005) 204 - Komunikazzjoni dwar "L-Aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni minn xandir analogu għal dak diġitali"

[2] Hekk kif inhu rikonoxxut ukoll mill-Parlament Ewropew, ara r-Riżoluzzjoni tal-PE "Lejn politika Ewropea dwar l-ispettru tar-radju" (14/02/2007).

[3] COM(2006) 129 dwar “Bridging the Broadband Gap”.

[4] COM(2005) 229 dwar "Soċjetà Ewropea ta' l-Informazzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi".

[5] Parti mill-ispettru mill-174 sa 230 MHz (VHF) u 470 sa 862 MHz (UHF).

[6] Barra minn hekk, diversi Stati Membri identifikaw l-hekk imsejjaħ "spettru interleaved " (jew " white space " bejn żewġ zoni ta' koperttura tat-TV) bħala komplement potenzjalment importanti għad-dividend diġitali.

[7] Fil-każ tat-TV b'Definizzjoni Għolja, l-gwadanni ta' l-ispettru huma mnaqqsin peress li tiġi trażmessa aktar informazzjoni. Madankollu, din xorta waħda teħtieġ inqas spettru mit-televiżjoni analoga.

[8] Qabel id-diġitazzjoni, kien hemm 5 stazzjonijiet nazzjonali fir-Renju Unit u ftit stazzjonijiet reġjonali limitati li jammontaw għall-ispettru ekwivalenti għal-żewġ stazzjonijiet nazzjonali.

[9] COM(2005) 461 dwar "Prijoritajiet għal politika dwar spettru ta' l-UE għall-bidla diġitali fil-kuntset Konferenza tar-Radjokomunikazzjoni Reġjonali tal-ITU tal-2006 (RRC-06)”. Dettalji tal-Konferenza fuq http://www.itu.int/ITU-R/conferences/rrc/rrc-06/index.asp

[10] Kif jidher fir-rapport tal-"Commission consultative des radiocommunications" Franċiża ta’ l-10/10/2007, disponibbli fuq http://www.arcep.fr/uploads/tx_gspublication/komunikazzjoni-ccr-151007.pdf.

[11] Bħala medja, fl-UE25, il- broadband kien disponibbli għal aktar minn 90% tal-popolazzjoni urbana, iżda kien limitat għal 71% tal-popolazzjoni rurali (Estimi tal-Kummissjoni, Jannar 2007)

[12] Il- broadband huwa l-infrastruttura bażika ta' l-ekonomija ta' l-għarfien u kkontribwixxa b'mod sinifikanti għall-impatt ekonomiku ta' l-ICT, u mexxa nofs il-gwadanni tal-produttività fl-ekonomiji moderni fid-deċennju li għadda.

[13] Biex nieħdu eżempju, il-valur stmat fis-suq ta' TV mobbli huwa ta' bejn € 7 sa € 20 Biljun sa l-2011, li jlaħħaq sa bejn 200 u 500 miljun konsumatur mad-dinja kollha (McKinsey Quarterly, Marzu 2006).

[14] Għandhom isiru provvedimenti wkoll għal ċerti applikazzjonijiet analogi li bħalissa qed joperaw fil-medda UHF: ez: Servizzi ta' Ħolqien ta' Programmi u Avvanimenti Speċjali (PMSE) jew mikrofoni bla wajer.

[15] Ofcom, Proġett ta’ Reviżjoni ta’ Dividend Diġitali fir-Renju Unit. Opinjoni kwotata bħala "konservattiva".

[16] Opinjoni tar-RSPG dwar l-implikazzjonijiet tal-politika dwar l-ispettru ta' l-UE tad-dividend diġitali It-test sħiħ jinsab fuq http://rspg.ec.europa.eu/doc/documents/opinions/rspg07_161_final_op_digdiv.pdf.

[17] Bejn wieħed u ieħor minn 50 sa 60 MHz

[18] Rapport tal-Konferenza Ewropea għall-Posta u t-Telekomunikazzjonijiet (CEPT) b'reazzjoni għall-Mandat tal-Kummissjoni dwar konsiderazzjonijiet tekniċi dwar għażliet ta' armonizzazzjoni għad-dividend diġitali (Parti A u Parti B).

[19] Id-dividend diġitali jkopri l-meded VHF u UHF Il-medda VHF hija ħafna iżgħar mil-medda UHF, inqas attraenti f'termini ta' propagazzjoni ta' l-ispettru u għalhekk inqas suxxetibbli għal skarsezza ta' l-ispettru. Il-medda VHF għandha għalhekk tiġi mtejba kemm jista' jkun mingħajr il-koordinazzjoni ta' l-UE.

[20] Hi wkoll din il-parti ta’ l-UHF li għandha tintuża bi prijorità biex ikunu sodisfatti l-obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku preżenti u tal-ġejjieni.

[21] Għal dettalji dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar TV mobbli, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2007)409 dwar It-Tisħiħ tas-Suq Intern tat-TV Ċellulari (Mobbli), 18 7 2007.

Top