EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0120

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Rapport dwar l-operat tad-Direttiva 1999/93/KE dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi

/* KUMM/2006/0120 finali */

52006DC0120

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Rapport dwar l-operat tad-Direttiva 1999/93/KE dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi /* KUMM/2006/0120 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.3.2006

KUMM(2006) 120 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport dwar l-operat tad-Direttiva 1999/93/KE dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Id-Direttiva 3

2.1. Il-kuntest 3

2.2. L-implimentazzjoni tad-Direttiva 4

2.3. Il-kontenut tad-Direttiva 4

2.3.1 L-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni 4

2.3.2. It-tipi differenti ta’ firem elettroniċi fid-Direttiva 4

2.3.3. Kwistjonijiet li jirrigwardjaw is-suq intern 5

2.3.4 Ir-rikonoxximent ġuridiku 5

3. L-effett tad-Direttiva fuq is-Suq Intern 5

3.1. Rimarki ġenerali dwar ir-relazzjoni bejn id-Direttiva u l-iżvilupp tas-suq 5

3.2. Is-suq għaċ-ċertifikati elettroniċi: l-applikazzjonijiet fl-użu 6

3.3. L-iżviluppi teknoloġiċi 6

3.3.1. L-istandardizzazzjoni 6

3.3.2. L-isfidi teknoloġiċi 7

4. L-impatt tad-Direttiva fuq regolamenti oħra 8

4.1. Id-Direttiva 2001/115/KE 8

4.2. Id-Direttivi l-ġodda dwar l-Akkwist Pubbliku 9

4.3 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti elettroniċi u diġitalizzati 9

5. Konklużjonijiet 10

5.1. L-aspett ġuridiku 10

5.2. L-effett fuq is-suq 10

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport dwar l-operat tad-Direttiva 1999/93/KE dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi (Test b'relevanza għall-EEA)

1. INTRODUZZJONI

Ir-Rapport jeżamina l-operat tad-Direttiva 1999/93/KE dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi[1] (id-Direttiva) skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva. Ir-Rapport huwa parzjalment imsejjes fuq ir-riżultati ta’ studju indipendenti mwettaq minn konsultenti esterni[2] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ: l-Istudju) u ffinalizzat fl-2003, u fuq l-eżitu ta' konsultazzjonijiet informali mal-partijiet interessati[3].

2. Id-Direttiva

2.1. Il-kuntest

Wara l-ewwel tħabbira ta' proposta għal leġiżlazzjoni fil-qasam tal-firem elettroniċi f'Komunikazzjoni dwar “ Is-Sigurtà u l-Fiduċja fil-komunikazzjoni elettronika – Lejn qafas Ewropew għall-krittografija u l-firem elettroniċi ”[4], il-proposta nnifisha għal direttiva ġiet ippubblikata fl-1998[5]. Għadd ta’ Stati Membri diġà kienu introduċew jew ipproponew leġiżlazzjoni nazzjonali għall-firem elettroniċi, li jqisuha bħala prerekwiżit għat-tkabbir fil-kummerċ elettroniku u rekwiżiti politiku importanti biex tiġi żgurata l-fiduċja fit-tranżazzjonijiet elettroniċi.

Mill-perspettiva ta' l-UE, il-leġiżlazzjoni nazzjonali b’rekwiżiti differenti tirriskja li żżomm lura li jiġi stabbilit b’mod effikaċi s-suq intern, speċjalment fl-oqsma li jiddependu minn prodotti u servizzi konnessi mal-firem elettroniċi. Il-bażi tal-miżuri ta' armonizzazzjoni proposti kienet li jiġi evitat it-tfixkil lis-suq intern f'qasam meqjus kritiku għall-ġejjieni tat-tranżazzjonijiet elettroniċi fl-ekonomija Ewropea. Wieħed mir-rekwiżiti ċentrali kien il-ħtieġa li jiġi ċċarat l-istatus ġuridiku tal-firem elettroniċi sabiex il-validità ġuridika tagħhom, li spiss kien hemm dubji dwarha, tiġi żgurata.

Id-Direttiva adottawha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill f’Diċembru 1999.

2.2. L-implimentazzjoni tad-Direttiva

Il-25 Stat Membru ta' l-UE kollha issa implimentaw il-prinċipji ġenerali tad-Direttiva. Il-kummenti t'hawn taħt huma msejsa fuq analiżi komprensiva tar-riżultati tal-konsultazzjoni u ta' l-Istati Membri li implimentaw il-miżuri, għalkemm sa meta sar dan ir-Rapport ma kinetx għadha tlestiet l-analiżi formali tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva.

2.3. Il-kontenut tad-Direttiva

2.3.1 L-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni

Il-mira ewlenija tad-Direttiva hija li jinħoloq qafas Komunitarju għall-użu tal-firem elettroniċi, li jippermetti l-fluss liberu ta’ prodotti u servizzi b’firem elettroniċi minn naħa għall-oħra tal-fruntieri, u li jiżgura li jkun hemm rikonoxximent ġuridiku bażiku tal-firem elettroniċi.

Għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva ma tindirizzax il-konklużjoni u l-validità tal-kuntratti jew obbligi ġuridiċi oħra preskritti bil-liġi nazzjonali jew dik Komunitarja rigward l-għamla tal-kuntratti. Lanqas ma taffettwa r-regoli u l-limitazzjonijiet marbuta ma’ l-użu ta’ dokumenti, previsti fil-liġi nazzjonali jew dik Komunitarja[6]. Konsegwentement, id-Direttiva ma taffettwax id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrikjedu, ngħidu aħna, l-użu tal-karta għal ċerti tipi ta’ kuntratti. Barra minn hekk, id-Direttiva ma teskludix il-possibbiltà li partijiet f’sistema magħluqa (p.eż. intranet ta’ kumpanija jew bejn fornitur ta’ servizz u l-klijenti tiegħu) jinnegozzjaw it-termini speċifiċi tagħhom għall-użu tal-firem elettroniċi fi ħdan l-istess sistema.

2.3.2. It-tipi differenti ta’ firem elettroniċi fid-Direttiva

Id-Direttiva tindirizza tliet forom ta’ firem elettroniċi. L-ewwel waħda hija l-aktar forma sempliċi ta’ “ firma elettronika ” u għandha tifsira wiesgħa. Din tintuża biex tidentifika u tawtentika d- data . Tista’ tkun sempliċiment li wieħed jiffirma messaġġ bl- e-mail permezz ta’ isem dak li jkun jew bl-użu ta’ numru ta’ identifikazzjoni personali (kodiċi PIN) Sabiex tkun tiswa bħala firma, l-awtentikazzjoni għandha tkun konnessa mad- data u ma tintużax bħala metodu jew teknoloġija għall-awtentikazzjoni ta’ l- entità biss.

It-tieni forma ta’ firma elettronika definita fid-Direttiva hija il-" firma elettronika avvanzata ". Din il-forma ta’ firma għandha tissodisfa r-rekwiżiti definiti fl-Artikolu 2.2 tad-Direttiva. Id-Direttiva hija teknoloġikament newtrali, imma fil-prattika, din id-definizzjoni tirreferi prinċipalment għall-firem elettroniċi bbażati fuq infrastruttura abbażi ta’ mezz ta’ aċċess pubbliku jew public key infrastructure (PKI). Din it-teknoloġija tuża t-teknoloġija tal-krittazzjoni sabiex tiġi ffirmata d- data , li tirrikjedi mezz ta’ aċċess ( key ) pubbliku u privat.

Fl-aħħarnett hemm it-tielet forma ta’ firma elettronika msemmija fl-Artikolu 5.1, li d-Direttiva ma sejħithiex b'terminu partikolari għaliha, iżda li, għall-finijiet ta' dan ir-Rapport se tissejjaħ "firma elettronika kkwalifikata". Din tikkonsisti f’firma elettronika avvanzata msejsa fuq ċertifikat ta' kwalifika u maħluqa permezz ta' apparat li joħloq il-firem b'mod sikur u li jeħtieġlu jkun konformi mar-rekwiżiti fl-Annessi I, II u III.

Il-“ firmatarju ” huwa identifikat fid-Direttiva bħala “persuna li tippossjedi l-apparat li joħloq il-firma u li taġixxi jew f’isimha stess jew f’isem il-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità li tirrappreżenta”. Minkejja li d-Direttiva ma tiddikjarax li l-firma elettronika għandha tirreferi għal persuna fiżika, il-firmatarju ta' firma elettronika kkwalifikata (l-Artikolu 5.1 tad-Direttiva) jista' jkun biss persuna fiżika billi din il-forma ta' firma titqies ekwivalenti għall-firma mħażża bl-id[7].

2.3.3. Kwistjonijiet li jirrigwardjaw is-suq intern

Sabiex jippromwovi l-emerġenza tas-suq intern għall-prodotti u s-servizzi taċ-ċertifikazzjoni u sabiex jiżgura li Fornitur tas-Servizzi ta' Ċertifikazzjoni (CSP) stabbilit f'xi wieħed mill-Istati Membri jkun jista’ jipprovdi servizzi fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 3 jiddikjara li l-aċċess għas-suq m’għandux ikun suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel. Sabiex jiġi żgurat li l-Fornituri tas-Servizzi ta’ Ċertifikazzjoni li joħorġu ċ-ċertifikati kkwalifikati lill-pubbliku jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi, l-Istati Membri għandhom, madankollu, jistabbilixxu sistemi adatti ta' superviżjoni. L-ebda rekwiżiti mandatorji m’huma imposti fuq is-sistemi ta’ superviżjoni. L-Istati Membri implimentaw mudelli differenti, li sa issa joperaw prinċipalment fil-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom u ma wrewx li huma sors ta’ ostakoli. Id-diverġenzi bejn is-sistemi ta’ l-Istati Membri jistgħu, madankollu jwasslu biex jiżdiedu s-servizzi ta' ċertifikazzjoni min-naħa għall-oħra tal-fruntieri.

Fir-rigward tad-dispożizzjoni min-naħa għall-oħra tal-fruntieri tas-servizzi ta’ ċertifikazzjoni fis-suq intern, ma tista' tiġi imposta l-ebda restrizzjoni fuq is-servizzi ta' ċertifikazzjoni pprovduti minn Stat Membru ieħor.

2.3.4 Ir-rikonoxximent ġuridiku

L-Artikolu 5.2 jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali tar-rikonoxximent ġuridiku ta’ kull tip ta’ firem elettroniċi stabbilit mid-Direttiva.

Dan jirrikjedi lill-Istati Membri li jiżguraw li l-firma elettronika kkwalifikata (l-Artikolu 5.1) tiġi rikonoxxuta bħala li tissodisfa r-rekwiżiti ġuridiċi tal-firem mħażża bl-id u li tkun ammissibbli bħala evidenza fi proċeduri ġuridiċi bl-istess mod bħall-firem mħażża bl-id fir-relazzjoni mad-dokumenti tradizzjonali.

Dwar l-effett ġuridiku tal-firem elettroniċi, m’għad hemm l-ebda preċedent ta’ każistika ġuridika rappreżentattiva li tippermetti li jkun hemm xi evalwazzjoni tar-rikonoxximent tal-firem elettroniċi fil-prattika.

3. L-effett tad-Direttiva fuq is-Suq Intern

3.1. Rimarki ġenerali dwar ir-relazzjoni bejn id-Direttiva u l-iżvilupp tas-suq

Bl-adozzjoni tad-Direttiva, kien hemm xi stennijiet li din il-leġiżlazzjoni se tgħin is-suq sabiex il-firem elettroniċi jaqbdu art. Ġeneralment, il-leġiżlazzjoni ma tiġix introdotta sabiex toħloq domanda fis-suq, u dan ma kienx il-każ lanqas għal din id-Direttiva. Id-Direttiva għandha, madankollu, tagħti sigurtà ġuridika akbar fir-rigward ta’ l-użu tal-firem elettroniċi u s-servizzi relatati. F’dak ir-rigward, id-Direttiva tista’ tipprovdi pjattaforma ta’ fiduċja li tkun tista' tippermetti li s-suq jaqbad art.

Minkejja li l-Istudju ffoka l-investigazzjonijiet tiegħu fuq l-użu ta’ firem elettroniċi avvanzati jew kwalifikati u sab li dawn kienu qed jaqbdu art bil-mod ħafna, wera li bosta applikazzjonijiet oħra tal-firem elettroniċi li jużaw forom aktar sempliċi ta’ firma elettronika kienu saru disponibbli.

3.2. Is-suq għaċ-ċertifikati elettroniċi: l-applikazzjonijiet fl-użu

L-aktar applikazzjonijiet dominanti ta’ firem elettroniċi għandhom x’jaqsmu ma' l- e-government u mas-servizzi ta' l- e-banking personali. Bosta Stati Membri u għadd ta’ pajjiżi oħra Ewropej varaw l-applikazzjonijiet ta' l- e-government jew beħsiebhom jagħmlu dan. Numru minn dawn l-applikazzjonijiet ta' l- e-government huma msejsa fuq l-użu ta’ karti ta’ l-identità elettroniċi. Il-karta ta’ l-identità elettronika tista’ tintuża kemm bħala dokument ta’ identifikazzjoni kif wkoll biex tipprovdi aċċess onlajn għas-servizzi pubbliċi liċ-ċittadini. Fil-maġġor parti tal-każijiet, dawn il-karti ta’ l-identità jkun fihom it-tliet funzjonalitajiet: identifikazzjoni, awtentikazzjoni u ffirmar.

L-applikazzjoni ewlenija l-oħra tal-firem elettroniċi – l- e-banking personali - bħalissa qed jaqbad art fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta' l-UE. Il-biċċa l-kbira tas-sistemi ta' awtentikazzjoni għas-servizzi ta' l- e-banking personali elettroniku jiddependu fuq passwords ta' darba jew one-time passwords (OTP) u tokens , li jaqgħu taħt l-aktar forma sempliċi ta’ firma elettronika skond id-Direttiva. Il-biċċa l-kbira ta' l-applikazzjonijiet ta' l- e-banking qed jużaw biss dawn it-teknoloġiji għall-awtentikazzjoni ta' l-utent, imma l-iffirmar elettroniku tat-tranżazzjonijiet qed jiżdied. Fil-każ ta' l- e-banking personali ta' l-impriżi (negozju ma' negozju) u l-ikklerjar bejn il-banek, huwa aktar komuni li jintużaw l-ismart kards li jitqiesu li joffru livell ogħla ta' sigurtà.

Fl-istess waqt, il-firxa ta’ servizzi li jeħtieġu livell ta’ awtentikazzjoni li jikkorrespondi mal-forma sempliċi ta' firma elettronika qed jiġi estiż f'diversi Stati Membri.

3.3. L-iżviluppi teknoloġiċi

3.3.1. L-istandardizzazzjoni

L-Artikolu 3.5 tad-Direttiva jippermetti li l-Kummissjoni tistabbilixxi u tippubblika numri ta' referenza ta' "standards rikonoxxuti b'mod ġenerali"[8] għall-prodotti konnessi mal-firem elettroniċi. Konsegwentement, il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II f) u fl-Anness III meta prodott konness ma’ firma elettronika jissodisfa dawk l-istandards hija preżunta.

Il-Kummissjoni tat mandat lill-Organizzazzjoni Ewropea ta' l-Istandards sabiex twettaq il-ħidma ta' standardizzazzjoni. L-EESSI (l-Inizjattiva Ewropea għall-Istandardizzazzjoni tal-Firem Elettroniċi, komposta mill-membri tas-CEN/ISSS u l-ETSI) twaqqfet u produċiet standards għall-prodotti u s-servizzi konnessi mal-firem elettroniċi[9].

F'Lulju 2003, il-Kummissjoni ppubblikat Deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 3.5 tad-Direttiva[10] bl-inklużjoni ta’ referenzi għall-Istandards tas-CEN (CWAs) għar-rekwiżiti relatati mal-ħolqien ta’ firem elettroniċi kwalifikati. Il-validità tas-CWAs tiskadi wara tliet snin minn meta jiġu ppubblikati; madankollu, is-CENs jistgħu jestendu l-validità tagħhom għal mandat ieħor jekk jinħass il-bżonn.

Skond l-Artikolu 3.5, standards oħra jistgħu wkoll jiġu żviluppati u aċċettati mill-Kummissjoni sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva sakemm ikunu jistgħu jitqiesu bħala "standards rikonoxxuti b'mod ġenerali". Ġeneralment, ir-rekwiżiti ta’ l-Annessi jistgħu jiġu ssodisfati wkoll minn standards oħra apparti dawk li jirreferi għalihom il-ĠU.

Huwa importanti għas-suq li l-ħidma ta’ standardizzazzjoni futura tikkonsidra l-iżviluppi teknoloġiċi innovattivi peress li fil-futur, l-utenti għad jimmobilitaw iċ-ċavetta ta' l- e firma tagħhom minn apparat għal ieħor f'dinja kollha kkunnettjata.

3.3.2. L-isfidi teknoloġiċi

M’hemmx risposta sempliċi għaliex is-suq tal-firem elettroniċi ma żviluppax aktar malajr, imma s-suq qed jiffaċċja għadd ta' sfidi tekniċi. Problema li spiss tiġi enfasizzata li għandha mnejn tikkontribwixxi lejn it-tnaqqis fil-pass fl-adozzjoni ta' firem elettroniċi avvanzati jew kwalifikati fl-Ewropa hija l-kumplessità tat-teknoloġija tal-PKI. Il-vantaġġ tal-PKI li spiss hawn min jisħaq fuqu huwa li din it-teknoloġija tuża s-sistema tal-"parti terza fdata" li tippermetti li partijiet li qatt ma jkunu ltaqgħu jafdaw lil xulxin fuq l-internet. F’bosta mill-applikazzjonijiet attwali jidher, madankollu, li ftit hemm interess min-naħa tal-fornituri tas-servizzi, essenzjalment minħabba raġunijiet ta' responsabilità ġuridika, li jippermettu lill-konsumaturi tagħhom jużaw l-apparat ta' awtentikazzjoni tagħhom għal servizzi oħra. Din aktarx hija r-raġuni għala l-użu ta’ passwords differenti ta’ darba (OTPs) għadu jiddomina s-suq u ftit hemm x’jagħti ħjiel li din ix-xejra se tinbidel fil-futur qrib.

Hemm fatturi oħra li jistgħu jixħtu dawl fuq din l-adozzjoni kajmana: in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet fid-Direttiva dwar kriterji għas-servizzi ta' verifika għall-firem elettroniċi li għandhom jiġu pprovduti mis-CSP lill-utent aħħari, u n-nuqqas ta' dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku bejn is-CSPs. Jiddependi mill-pajjiż li jkun, hemm għadd ta’ soluzzjonijiet għall-ivvalidar ta’ ċertifikat bħar-Root CA, il-Bridge CA u t-Trust Status List. Fil-qafas ta’ tranżazzjonijiet tal- eGovernment bejn pajjiż u ieħor, fil-Programm IDA II, azzjoni fuq il-Bridge/Gateway Certification Authority[11] wassal għal proġett pilota dwar il-Bridge/Gateway CA li mhux biss identifika l-problemi teknoloġiċi, imma wkoll dawk ġuridiċi u organizzattivi.

In-nuqqas ta’ interoperabbiltà teknika fil-livell nazzjonali u bejn pajjiż u ieħor iwassal għal ostaklu ieħor għall-aċċettazzjoni tal-firem elettroniċi min-naħa tas-suq. Dan wassal għal bosta rqajja’ “iżolati” ta’ applikazzjonijiet tal-firem elettroniċi, fejn iċ-ċertifikati jkunu jistgħu jintużaw biss għal applikazzjoni waħdanija. L-EESSI ħadmet fuq standards komuni għall-interoperabbiltà, imma l-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri speċifikaw standards nazzjonali sabiex jippromwovu l-interoperabbiltà[12].

Illum il-ġurnata, fl-ambjent tal-PKI, l-ismart kard hija l-aktar apparat li joħloq il-firem użat, peress li l-ismart kard tipprovdi mezz biex iċ-ċavetta privata tinżamm b’mod sikur. Din it-teknoloġija tiswa l-flus u tirrikjedi investimenti infrastrutturali materjali (id-distribuzzjoni tal-kards u l-makni li jaqraw il-kards, eċċ). Diġà hemm għadd ta' alternattivi għall-ismart kard li jistgħu jintużaw biex jaħżnu ċ-ċavetta krittografika b'mod sikur.

Raġuni prattika oħra li żżomm lura milli jiġu implimentati l-applikazzjonijiet tal-firem elettroniċi hija li l- arkivjar tad-dokumenti ffirmati elettronikament huwa kkunsidrat bħal kumpless u inċert wisq. L-obbligi ġuridiċi li d-dokumenti jiżammu sa tul ta’ żmien ta’ ’l fuq minn 30 sena jirrikjedi teknoloġija u proċeduri kumplessi u li jiswew il-flus sabiex tiġi żgurata l-leġibbiltà u l-verifika fuq tali perjodu ta’ żmien.

4. L-impatt tad-Direttiva fuq regolamenti oħra

Anke jekk id-domanda għat-tixrid tal-PKI mhix xi ħaġa li tista’ toħloqha l-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni għadha tara l-introduzzjoni tal-firem elettroniċi bħala għodda importanti għall-iżvilupp tas-servizzi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni u l-inkoraġġiment tal-kummerċ elettroniku b’mod sikur.

F’xi Direttivi u Deċiżjonijiet li ġew adottati reċentement kien hemm referenza għad-Direttiva 1999/93/KE u l-introduzzjoni tal-firem elettroniċi.

4.1. Id-Direttiva 2001/115/KE

Id-Direttiva 2001/115/KE[13] tirrikonoxxi l-possibbiltà li l- invoices jintbagħtu elettronikament. F’dan il-każ, l-awtentiċità ta' l-oriġini ta’ l- invoice u l-integrità tal-kontenut tagħha għandhom jiġu ggarantiti, pereżempju permezz ta' l-użu ta' firem elettroniċi avvanzati.

Il-funzjoni tal-firem elettroniċi avvanzati li tirreferi għalihom din id-Direttiva hija li jiżguraw li tiġi ssodisfata s-sigurtà teknika matul il-proċess tat-trażmissjoni u l-ħażna. Fil-fatt, meta tintuża l-karta, mhux il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kollha jirrikjedu li dokument għandu jiġi ffirmat permezz ta' firma mħażża bl-id u d-Direttiva tiddikjara li l-Istati Membri m'għandhomx jirrikjedu li l- invoices jiġu ffirmati. Għaldaqstant, jista’ jingħad li l-kunċett tal-firem elettroniċi f’dan il-każ pjuttost jirreferi għal kwistjoni teknika milli waħda ġuridika.

4.2. Id-Direttivi l-ġodda dwar l-Akkwist Pubbliku

Id-Direttivi l-ġodda dwar il-Akkwist Pubbliku, li daħlu fis-seħħ nhar it-30 ta' April 2004, ikkompletaw il-qafas leġiżlattiv għall-użu tal-firem elettroniċi fl-akkwist pubbliku[14].

L-użu tal-firem elettroniċi huwa kruċjali sabiex jiġu stabbiliti sistemi elettroniċi ta’ akkwist pubbliku operattivi fl-UE kollha. L-akkwist elettroniku mistenni jkun wieħed mis-setturi prinċipali ta’ applikazzjoni, speċjalment għal forom aktar avvanzati ta' firem elettroniċi. L-akkwist elettroniku juri l-isfidi li jridu jintgħelbu meta jiġi promoss l-użu tal-firem elettroniċi.

Id-Direttivi l-ġodda dwar l-Akkwist Pubbliku ma jiddefinixxux liema tip ta’ firem elettroniċi għandhom jintużaw fit-tendering elettroniku, imma jħallu l-għażla f’idejn l-Istati Membri bil-kundizzjoni li din tkun konsistenti mal-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 1999/93/KE[15]. Dan jirrifletti l-prattika attwali għas-sottomissjoni ta’ offerti magħmulin permezz ta’ offerti fuq il-karta li għalihom id-Direttivi ta’ l-UE dwar l-akkwisti ma jirregolawx il-modalitajiet għall-iffirmar u l-iżgurar ta' l-offerti.

Il-fatt li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu livelli differenti ta’ firem elettroniċi jimplika r-riskju li s-soluzzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku elettroniku jitfasslu bil-kunsiderazzjoni ta’ prodotti żviluppati fuq il-livell nazzjonali. Dan iwassal għar-riskju li s-suq ta' l-akkwisti jiġi frammentat u b’hekk jiġu kkawżati ostakoli għas-suq intern tal-firem elettroniċi.

L-isfida llum tikkonsisti f'kif il-firem elettroniċi se jiġu implimentati fl-Ewropa kollha għall-akkwisti elettroniċi bla ma jinħolqu ostakoli għall-kummerċ bejn pajjiż u ieħor.

Id-direttivi l-ġodda huma kkumplimentati minn pjan ta’ azzjoni[16] li jiffissa l-miri u jidentifika l-azzjonijiet possibbli għall-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-2005 sa l-2007 sabiex jiġi żgurat li sa l-2010 l-akkwisti elettroniċi jiġu ġġeneralizzati fl-Ewropa. Dan jirrikjedi soluzzjoni operattiva għall-firem elettroniċi bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku, li m’għandhiex tkun differenti minn dawk użati f’setturi ta’ attività oħrajn.

4.3 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti elettroniċi u diġitalizzati

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/563 dwar id-dokumenti elettroniċi u diġitalizzati ġiet adottata nhar is-7 ta' Lulju 2004[17]. Din id-Deċiżjoni temenda r-Regoli ta' Proċedura interni tal-Kummissjoni.

Din id-Deċiżjoni tiddetermina l-kundizzjonijiet tal-validità ta’ dokumenti elettroniċi u diġitalizzati għall-għanijiet tal-Kummissjoni. Tapplika għad-dokumenti elettroniċi stabbiliti jew riċevuti u miżmuma mill-Kummisjoni u l-firma elettronika sservi sabiex tattesta l-validità tad-dokumenti elettroniċi kulmeta jinħass il-bżonn[18].

Il-Kummissjoni abbozzat ir-regoli implimentattivi ta’ din id-Deċiżjoni. Dawn jinkludu l-prinċipji neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ l-infrastruttura teknika tal-firem elettroniċi.

5. Konklużjonijiet

5.1. L-aspett ġuridiku

Id-Direttiva introduċiet iċ-ċertezza ġuridika fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà ġenerali tal-firem elettroniċi: il-bżonn ta' rikonoxximent ġuridiku għall-firem elettroniċi ġie ssodisfat permezz tat-traspożizzjoni tad-Direttiva fil-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li l-għanijiet tad-Direttiva fil-biċċa l-kbira tagħhom ġew issodisfati u li f’dan l-istadju ma feġġ l-ebda bżonn ċar li din tiġi rreveduta.

Madankollu, minħabba l-problemi tar-rikonoxximent reċiproku tal-firem elettroniċi u l-interoperabbiltà fil-livell ġenerali, il-Kummissjoni se ttella’ sensiela ta' laqgħat ma’ l-Istati Membri u l-partijiet interessati relevanti sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin fid-dawl li jiġu kkunsidrati, fejn jixraq, xi miżuri kumplimentari: id-differenzi fit-traspożizzjoni tad-Direttiva; il-kjarifikazzjonijiet ta’ l-Artikoli speċifiċi tad-Direttiva; l-aspetti tekniċi u ta’ standardizzazzjoni; il-problemi ta’ l-interoperabbiltà. F’dan il-kuntest, se jiġu kkunsidrati r-riżultati mill-attivitajiet relevanti tas-servizzi tal-Kummisjoni.

5.2. L-effett fuq is-suq

L-użu tal-firem elettroniċi kkwalifikati kien ferm anqas minn dak mistenni u s-suq ma tantx għadu żviluppa. Illum il-ġurnata, l-utenti m'għandhomx ċertifikat elettroniku uniku sabiex jiffirmaw dokument jew tranżazzjonijiet fil-kuntest diġitali bl-istess mod bħal ma jagħmlu fil-każ ta' dokumenti fuq karta. Għaldaqstant, l-għan tad-Direttiva rigward is-suq intern, iċ-ċirkolazzjoni libera tal-firem elettroniċi kkwalifikati, ma jistax jiġi evalwat b'mod komprensiv f'dan l-istadju.

Ir-raġuni prinċipali għall-adozzjoni kajmana min-naħa tas-suq hija waħda ekonomika: il-fornituri tas-servizzi qajla għandhom inċentiva li jiżviluppaw il-firem elettroniċi multi-applikabbli u jippreferu joffru soluzzjonijiet għas-servizzi tagħhom stess, pereżempju, is-soluzzjonijiet li żviluppa s-settur bankarju. Dan imewwet il-proċess li jiġu żviluppati soluzzjonijiet interoperabbli. In-nuqqas ta' applikazzjonijiet, bħal soluzzjonijiet komprensivi għall-arkivjar elettroniku, jaf ukoll iżomm lura l-iżvilupp tal-firem elettroniċi multi-applikabbli, li jeħtieġlu jilħaq massa kritika ta’ utenti u użu.

Numru ta’ applikazzjonijiet fil-futur għandhom imnejn, madankollu, inibbtu t-tkabbir fis-suq. L-użu tal-firem elettroniċi fis-servizzi ta' l- e-government diġà laħaq ċertu volum u probabbilment se jkun element ta’ spinta importanti fil-ġejjieni. Ir-rwol strateġiku ta’ l-applikazzjonijiet ta’ l- eGovernment huwa rikonoxxut fl-inizjattivi i2010[19], li trawwem it-tixrid u l-użu effiċjenti ta' l-ICT mis-settur privat u dak pubbliku. Il-bżonn ta’ mezz elettroniku sikur għall-identifikazzjoni ta’ l-aċċess u l-użu tas-servizzi pubbliċi huwa essenzjali għaċ-ċittadini u n-negozjanti u se jippromwovi l-użu tal-firem elettroniċi[20]. Għad ifiġġu forom differenti ta’ identità elettronika u dawn ikunu jeħtieġu ċerta interoperabbiltà. Il-Kummissjoni tat prijorità għolja lill-inizjattivi ta’ l-identità elettronika, permezz, ngħidu aħna, tal-pjan ta' azzjoni dwar l-akkwisti pubbliċi elettroniċi jew l-armonizzazzjoni tal-fatturi ta' sigurtà tad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar, il-programm ta’ azzjoni IDABC dwar l-aspetti ta’ l-interoperabbiltà ta’ l-identità elettronika għas-servizzi ta’ l- eGovernment pan-Ewropej, il-programmi ta' l-IST jew dawk ta' l-eTen. Internament, il-Kummissjoni beħsiebha tkompli għaddejja bil-modernizzazzjoni ta’ l-amministrazzjoni tagħha stess[21]. L-użu futur tal-firem elettroniċi sabiex titnaqqas iċ-ċirkolazzjoni tal-karta fiżika huwa waħda minn dawn il-miżuri.

Il-Kummissjoni se tkompli tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ l-applikazzjonijiet u s-servizzi bil-firem elettroniċi u se tissorvelja s-suq. Lil hinn mill-appoġġ permezz ta’ l-attivitajiet ta' l- eGovernment , se tingħata enfasi partikolari lill-interoperabbiltà u l-użu bejn pajjiż u ieħor tal-firem elettroniċi. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi aktar ħidma ta’ standardizzazzjoni sabiex jiġu promossi l-interoperabbiltà u l-użu tat-tipi kollha ta’ teknoloġiji għall-firem elettroniċi kkwalifikati fis-suq intern. Fl-2006, se tipprepara rapport dwar l-istandards għall-firem elettroniċi.

[1] Id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi, ĠU L 13, 19.1.2000, p.12.

[2] Studju dwar l-aspetti ġuridiċi u kummerċjali tal-firem elettroniċi, K.U.L., 2003, http://europa.eu.int/information_society/eeurope/2005/all_about/trust/electronic_sig_report.pdf

[3] Fl-2003, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni informali għall-partijiet interessati kollha sabiex jiġbru kummenti dwar l-operat tad-Direttiva. Il-kummenti li waslu jinsabu integrati f’dan ir-rapport.

[4] COM (97) 503 tat-8 ta' Ottubru 1997.

[5] ĠU L 325, 23.10.1998, p.5.

[6] L-eliminazzjoni tax-xkiel ġuridiku għall-konklużjoni tal-kuntratti permezz ta’ mezzi elettroniċi hija rregolata permezz ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku (id-Direttiva 2000/31/KE, ĠU L 178, p.1)

[7] Ir-restrizzjoni ta’ l-użu tal-firem elettroniċi avvanzati għal persuna fiżika juri li bosta regolaturi jqisu l-firem elettroniċi bħala sempliċiment ekwivalenti elettroniċi għall-firem tradizzjonali mħażża bl-id. Madankollu, l-aktar użu komuni tal-firem diġitali huwa esklussivament sabiex il-messaġġ titqawwielu l-awtentiċità u l-integrità, mingħajr il-għan li wieħed juri xi intenzjoni li jiffirma fis-sens tradizzjonali kif issemma wkoll minn eż. l-ICC matul il-konsultazzjoni informali.

[8] Dan il-kunċett jirreferi għar-rekwiżiti ta' aġġornament teknoloġiku u l-aċċettazzjoni min-naħa tal-prattikanti jew il-parteċipazzjoni suffiċjenti tagħhom fl-iżvilupp tiegħu.

[9] Il-lista ta’ l-istandards prodotta hija disponibbli fil-websajt ta’ l-EESSI: http://www.ict.etsi.org/EESSI_home.htm

[10] Id-Deċiżjoni 2003/511/KE ta’ l-14 ta' Lulju 2003 dwar il-pubblikazzjoni ta’ numri ta' referenza ta’ standards rikonoxxuti b’mod ġenerali għall-prodotti konnessi mal-firem elettroniċi skond id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 175 tal-15.7.2003, p.45.

[11] L-azzjoni BGCA tal-Programm IDA II: http://europa.eu.int/idabc/en/document/2318/556

[12] Pereżempju, l-ispeċifikazzjonijiet ISIS-MTT fil-Ġermanja jimmiraw lejn il-ħolqien ta' interoperabbiltà teknika bejn il-prodotti relatati mal-firem elettroniċi

[13] Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/115/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2001 li temenda d-Direttiva tal-KEE 77/388 bil-għan li tissimplifika, timmodernizza u tqabbel il-kondizzjonijiet stabbiliti biex tinħareġ il-fattura rigward it-taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 15, 17.1.2002, p.24

[14] Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta' l-ilma, l-enerġija, t-trasport u posta, ĠU L 134, 30.4.2004, p.1 u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, ĠU L 134, 30.4.2004, p.114

[15] Cf. L-Anness X tad-Direttiva dwar l-akkwisti 2004/18

[16] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, il-Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku għall-akkwist pubbliku elettroniku, 14.10.2004

[17] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2004 li temenda r-regola tal-proċedura tagħha, ĠU L 251, 27.7.2004, p.9

[18] Tista’ tapplika wkoll, jekk ikun hemm qbil, għal korpi jew entitajiet responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ ċerti politiki Komunitarji, u ma’ l-amministrazzjonijiet nazzjonali, meta l-proċedura tkun tinvolvi lill-Kummissjoni u dawn l-entitajiet oħra.

[19] COM(2005) 229 Finali

[20] ara wkoll id-Dikjarazzjoni Ministerjali approvata unanimament f’Manchester matul il-Konferenza Ministerjali dwar il-gvern elettroniku: “It-Trasformazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi”, 24/11/05

[21] “e-Commission 2006-2010: nagħmlu l-effiċjenza u t-trasparenza possibbli" - qafas strateġiku - C/2005/44 73

Top