EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42014Y0614(01)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2014 dwar il-ħarsa ġenerali lejn il-proċess ta’ djalogu strutturat inkluż l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ

OJ C 183, 14.6.2014, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 183/1


Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2014 dwar il-ħarsa ġenerali lejn il-proċess ta’ djalogu strutturat inkluż l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ

2014/C 183/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI,

I.   FILWAQT LI JFAKKRU LI

1.

Ir-“Riżoluzzjoni” tal-Kunsill dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-Żgħażagħ (2010-2018) (1) irrikonoxxiet li ż-żgħażagħ kollha huma riżorsa għas-soċjetà u enfasizzat l-importanza li jiġi appoġġat id-dritt taż-żgħażagħ li jipparteċipaw fl-iżvilupp ta’ linji ta’ politika li jaffettwawhom permezz ta’ djalogu strutturat kontinwu maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

2.

Ir-Riżoluzzjoni tas-27 ta’ Novembru 2012 (2) tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-ħarsa ġenerali lejn id-djalogu strutturat maż-żgħażagħ dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa, stqarret li l-prijorità tematika ġenerali għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ għat-tielet ċiklu ta’ 18-il xahar (il-perijodu mill-1ta’ Jannar 2013sat-30 ta’ Ġunju 2014) hija l-inklużjoni soċjali.

II.   JIRRIKONOXXU LI

3.

Id-djalogu strutturat huwa proċess parteċipattiv u l-eżitu tat-tielet ċiklu ta’ 18-il xahar huwa bbażat fuq ir-riżultati miksuba mill-konsultazzjonijiet nazzjonali matul il-Presidenza Irlandiża, dik Litwana u dik Ellenika, kif ukoll il-Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f’Dublin f’Marzu2013, f’Vilnjus f’Settembru 2013 u f’Tessalonika f’Marzu 2014.

4.

Il-konklużjonijiet konġunti tal-Konferenza dwar iż-Żgħażagħ ta’ Dublin iffokaw fuq il-prijoritajiet li ġejjin: l-impjiegi, il-parteċipazzjoni, il-protezzjoni soċjali, l-għodod ta’ appoġġ (is-servizzi soċjali u għaż-żgħażagħ), l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-kwalità tal-ħidma taż-żgħażagħ, li ġew ippreżentati lill-Ministri taż-Żgħażagħ fil-Kunsill EYCS f’Mejju 2013 (3).

5.

Il-konklużjonijiet konġunti tal-Konferenza dwar iż-Żgħażagħ ta’ Vilnjus iffokaw fuq il-prijoritajiet li ġejjin: l-edukazzjoni, il-gwida, it-transizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg, il-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, l-awtonomija, ir-rwol tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni transettorali, li ġew ippreżentati lill-Ministri taż-Żgħażagħ fil-Kunsill EYCS f’Novembru 2013 (4).

6.

Ir-Rakkomandazzjonijiet konġunti tal-Konferenza dwar iż-Żgħażagħ ta’ Tessalonika ffokaw fuq il-prijoritajiet li ġejjin: edukazzjoni ta’ kwalità, transizzjoni ta’ kwalità, impjiegi ta’ kwalità, djalogu u tagħlim bejn il-ġenerazzjonijiet, inklużjoni attiva, l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ u l-intraprenditorija soċjali (5).

7.

Skont il-programm Erasmus+ isiru disponibbli opportunitajiet ta’ finanzjament imtejba biex jappoġġaw id-Djalogu Strutturat, inklużi għotjiet annwali diretti lill-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali.

8.

Ir-Rapport Konġunt tal-UE dwar iż-Żgħażagħ tas-27 ta’ Novembru 2012 (6) inkluda valutazzjoni tad-Djalogu Strutturat u ssuġġerixxa li l-proċess jista’ jiġi żviluppat aktar permezz ta’ aktar valutazzjoni tal-proċess u l-eżitu tad-Djalogu Strutturat, billi s-sħubija tal-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali ssir aktar inklużiva fir-rigward taż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjenti differenti kollha u billi dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ikunu mħeġġa biex jieħdu kont aktar sħiħ ta’ rakkomandazzjonijiet miż-żgħażagħ.

9.

Valutazzjoni tad-Djalogu Strutturat għandha tifforma parti mit-tieni Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ u tinkludi ħarsa ġenerali lejn il-kunsiderazzjoni tal-eżiti tad-Djalogu Strutturat fil-livell nazzjonali u l-livell tal-UE.

III.   JAQBLU DWAR IL-PRINĊIPJI LI ĠEJJIN GĦALL-IŻVILUPP U T-TITJIB TAL-PROĊESS TA’ DJALOGU STRUTTURAT:

10.

Id-Djalogu Strutturat u l-konsultazzjonijiet b’rabta miegħu għandhom jiffokaw fuq il-prijorità tematika ġenerali diskussa b’mod konġunt miż-żgħażagħ u minn min ifassal il-politika, u stabbilita mill-Kunsill sabiex jiġi żgurat proċess koerenti u kontinwu tul kull wieħed miċ-ċikli tiegħu.

11.

Għandha tiġi stabbilita arkitettura simplifikata u ċara għaċ-ċiklu ta’ Djalogu Strutturat sabiex tiżgura l-kontinwità tat-tema ġenerali u tippermetti l-ġestjoni aħjar tal-ħin f’konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ.

F’ewwel fażi ta’ kull ċiklu, għandhom jiġu żviluppati fost il-partijiet interessati kollha fehim komuni u approċċ kontroġerarkiku għall-prijorità tematika ġenerali stabbilita mill-Kunsill, u dawn għandhom ikunu l-qafas ta’ gwida għad-djalogu li għandu jsir fil-fażijiet sussegwenti.

Fit-tieni fażi, għandhom jitwettqu konsultazzjonijiet u dawn għandhom iwasslu għal soluzzjonijiet possibbli, li għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-Kunsill u jikkonkludu b’rakkomandazzjonijiet dwar il-prijorità tematika ġenerali.

Fit-tielet fażi, il-fokus prinċipali għandu jkun fuq il-formulazzjoni ta’ azzjonijiet konkreti li ser jiġu ppreżentati lill-Kunsill għal aktar konsiderazzjoni.

12.

Sabiex tiżdied l-firxa milħuqa mid-Djalogu Strutturat, il-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali, megħjuna minn riċerkaturi u ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ, u fejn xieraq f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom ifittxu li jiżguraw l-involviment attiv taż-żgħażagħ, inklużi dawk li ma jkunux ipparteċipaw qabel fid-Djalogu Strutturat. L-informazzjoni dwar iż-żgħażagħ u n-netwerks tal-ħidma taż-żgħażagħ jistgħu jiġu mistiedna jappoġġaw lill-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali fl-isforzi tagħhom biex jilħqu aktar żgħażagħ, fejn ikun adatt.

13.

Sabiex tittejjeb il-kwalità tal-eżitu tal-Konferenzi tal-Presidenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, il-metodi ta’ ħidma u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Konferenzi dwar iż-Żgħażagħ għandhom jiġu evalwati u riveduti. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, b’kont dovut għall-kompetenzi nazzjonali, jistgħu jikkunsidraw mekkaniżmu ta’ feedback għaż-żgħażagħ dwar il-fattibilità tar-rakkomandazzjonijiet li joriġinaw mill-proċess ta’ djalogu strutturat. Fejn adatt, jista’ jittieħed kont tar-rakkomandazzjonijiet sabiex tingħata informazzjoni lill-iżvilupp tal-politika u jinkisbu eżiti aħjar għaż-żgħażagħ.

14.

Għandu jinbeda proċess kreattiv u parteċipatorju biex jiżviluppa viżibbiltà Ewropea komuni u mtejba għad-Djalogu Strutturat, li tippermetti “marka korporattiva” nazzjonali u Ewropea tal-proċess. Il-Kummissjoni għandha tkompli tiżviluppa s-sezzjoni tal-Portal Ewropew li hija ddedikata għad-Djalogu Strutturat.

IV.   JAQBLU WKOLL LI

15.

Il-prijorità tematika ġenerali tad-Djalogu Strutturat maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ taċ-ċiklu ta’ ħidma li jmiss (il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2014sal-31 ta’ Diċembru 2015) hija l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ kif stabbilit fl-Anness II.

16.

L-oqsma ta’ prijorità magħżula jistgħu jiġu kkumplementati minn kull Presidenza fid-dawl ta’ kwalunkwe żvilupp possibbli ġdid.

17.

L-oqsma ta’ prijorità għaċ-ċiklu tat-Triju tal-Presidenzi segwenti (mill-1 ta’ Jannar 2016sat-30 ta’ Ġunju 2017) għandhom jiġu ddefiniti qabel il-bidu tal-mandat tiegħu.


(1)  ĠU C 311, 19.12.2009, p.1.

(2)  ĠU C 380, 11.12.2012, p.1.

(3)  Dok. 7808/13.

(4)  Dok. 14177/13.

(5)  Dok. 7862/1/14 REV 1.

(6)  ĠU C 394, 20.12.2012, p.15.


ANNESS I

L-oqsma ta’ prijorità li ġejjin ħarġu mid-djalogu strutturat u l-konferenzi dwar iż-żgħażagħ f’Dublin,Vilnjus u Tessalonika biex tiżdied l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha fl-Ewropa:

Il-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ kollha, inkluż permezz tal-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u dak informali bħala mezz biex tingħatalhom is-setgħa jipparteċipaw b’mod attiv fit-tagħlim tul il-ħajja u jżidu l-impjegabbiltà tagħhom,

Il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet edukattivi, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u partijiet interessati rilevanti oħra biex jissaħħu r-rabtiet bejn it-tagħlim informali u dak mhux formali u l-edukazzjoni formali sabiex jissaħħu l-kompetenzi prinċipali għal-ħajja taż-żgħażagħ u titrawwem il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà,

Il-promozzjoni ta’ aċċess indaqs taż-żgħażagħ għad-drittijiet u opportunitajiet sabiex huma jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà,

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni transettorjali dwar u bejn il-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u dawk Ewropej sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u biex jiġu żgurati politiki ta’ inklużjoni soċjali koerenti.


ANNESS II

Prijoritajiet għal kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ matul il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2014sal-31 ta’ Diċembru 2015

Prijorità ġenerali — L-għoti tas-setgħa liż-Żgħażagħ

Il-qasam taż-żgħażagħ għandu prattika stabbilita ferm ta’ kooperazzjoni mal-Presidenza fil-kuntest tad-Djalogu Strutturat bejn l-awtoritajiet pubbliċi u ż-żgħażagħ. Il-prijorità tematika ġenerali għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ għall-perijodu mill-1ta’ Lulju 2014 sal‐31 ta’ Diċembru 2015 ser tkun l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ. Din it-tema ser tkun il-karatteristika komuni li ser tiżgura l-kontinwità u l-konsistenza fil-ħidma tat-tliet Presidenzi. It-tema tal-għoti tas-setgħa ser tindirizza l-aċċess għad-drittijiet u l-importanza tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ.


Top