EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1208

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1208 tad-19 ta’ Lulju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar

ST/9399/2021/REV/1

OJ L 261, 22.7.2021, p. 54–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1208/oj

22.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 261/54


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1208

tad-19 ta’ Lulju 2021

li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 37) dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar skada fit-23 ta’ Lulju 2002 f’konformità mal-Artikolu 97 ta’ dak it-Trattat. L-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) ġew ittrasferiti lill-Unjoni fl-24 ta’ Lulju 2002.

(2)

F’konformità mal-Protokoll (Nru 37), il-valur nett tal-assi u l-obbligazzjonijiet, kif jidhru fuq il-karta tal-bilanċ tal-KEFA tat-23 ta’ Lulju 2002, irid jiġi kkunsidrat bħala assi maħsubin għar-riċerka fis-setturi marbutin mal-industrija tal-faħam u l-azzar, imsejħa “KEFA f’likwidazzjoni” u, meta titlesta l-likwidazzjoni, imsejħa “assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar ”.

(3)

Il-Protokoll (Nru 37) jipprevedi wkoll li d-dħul minn dawk l-assi, imsejħa “Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar” (RFCS, Research Fund for Coal and Steel), għandu jintuża esklużivament għar-riċerka, ’il barra mill-programm qafas ta’ riċerka, fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u l-azzar f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll (Nru 37) u tal-atti adottati abbażi tiegħu.

(4)

Fl-1 ta’ Frar 2003, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2003/76/KE (2), li tistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tal-Protokoll (Nru 37).

(5)

Minħabba l-kuntest ta’ rati baxxa tal-imgħax, id-dħul assenjat għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka għall-faħam u l-azzar qed jonqos b’rata mgħaġġla. Dan qed iwassal għal sitwazzjoni fejn il-baġit minimu kritiku meħtieġ għall-organizzazzjoni ta’ sejħa annwali għall-proposti għall-programm ta’ riċerka tal-RFCS (il-“programm”) jaf ma jintlaħaqx. Baġit minimu kritiku għall-organizzazzjoni ta’ sejħa huwa meħtieġ sabiex il-programm jipprovdi appoġġ sinifikanti għal proġetti ta’ riċerka kollaborattiva siewja li jkollhom il-massa kritika u l-valur miżjud tal-Unjoni għat-titjib tas-sostenibbiltà, tal-kompetittività, tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, u t-tnaqqis tal-impatt ambjentali fis-setturi marbutin mal-industrija tal-faħam u l-azzar.

(6)

Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tappoġġa teknoloġiji rivoluzzjonarji u nodfa tal-azzar li jwasslu għal produzzjoni tal-azzar b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero sal-2030. Biex dan ikun possibbli, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tesplora jekk tistax tintuża parti mill-finanzjament permezz tal-KEFA f’likwidazzjoni.

(7)

Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni kkunsidrat li, sabiex jitwettqu l-objettivi tal-Unjoni, kien hemm bżonn ta’ reviżjoni tal-bażijiet ġuridiċi tal-RFCS biex ikunu jistgħu jintużaw l-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, meta titlesta l-likwidazzjoni, l-assi tar-RFCS.

(8)

Jenħtieġ li jiġi permess il-bejgħ ta’ sehem mill-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, meta titlesta l-likwidazzjoni, mill-assi tar-RFCS għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka fis-setturi tal-faħam u l-azzar bil-kondizzjoni li jinżammu riżervi biex jiġu garantiti l-obbligi limitati li jifdal li jirriżultaw minn kwalunkwe obbligazzjoni mhux prevedibbli u bil-kondizzjoni li parti raġonevoli tal-assi li m’għadhomx meħtieġa biex jiggarantixxu dawk l-obbligi tiġi investita biex tiġġenera dħul.

(9)

Il-bejgħ ta’ sehem mill-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, meta titlesta l-likwidazzjoni, mill-assi tar-RFCS jistgħu jkunu meħtieġa biex jipprovdu allokazzjoni annwali ta’ EUR 111-il miljun lir-RFCS sas-sena 2027. Dik l-allokazzjoni ser tintuża kif ġej: EUR 40 miljun fis-sena ser jiffinanzjaw ir-riċerka kollaborattiva fis-setturi tal-faħam u l-azzar u l-EUR 71 miljun li jifdal ser jiffinanzjaw teknoloġiji rivoluzzjonarji li jwasslu għal produzzjoni tal-azzar b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero u proġetti ta’ riċerka għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni ġusta ta’ minjieri tal-faħam li kienu joperaw qabel jew minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq, u l-infrastruttura relatata skont il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta u f’konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2003/76/KE. Il-possibbiltà li jinbiegħ sehem mill-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, meta titlesta l-likwidazzjoni, mill-assi tar-RFCS hija limitata għall-finanzjament tal-allokazzjonijiet annwali għas-snin finanzjarji 2021–2027.

(10)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-RFCS ma jkunx iffinanzjat biss mid-dħul nett mill-investimenti iżda wkoll, fejn ikun meħtieġ, mid-dħul iġġenerat mill-bejgħ ta’ parti mill-assi tar-RFCS sal-ammont previst għall-perijodu 2021–2027.

(11)

Id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxi l-proċedura għall-adozzjoni tal-linji gwida finanzjarji pluriennali għall-ġestjoni tal-assi u dawk li jistabbilixxu l-proċedura għall-adozzjoni tal-linji gwida tekniċi pluriennali għall-programm jenħtieġu jitħassru għaliex huma [koperti mill-Artikolu 2(2) tal-Protokoll (Nru 37) u għalhekk huma] superfluwi.

(12)

Il-mekkaniżmu ta’ livellar imsemmi fl-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2003/76/KE għandu jiġi abolit billi dan huwa meqjus bħala obsolet.

(13)

Jenħtieġ li jiddaħħal paragrafu ġdid mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2003/76/KE, sabiex jippermetti t-tħassir ta’ pretensjonijiet abbażi tal-prinċipji stabbiliti mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 101(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (ir-“Regolament Finanzjarju”).

(14)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/76/KE tiġi emendata skont dan,

ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2003/76/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1 jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Il-Kummissjoni għandha tħassar il-pretensjonijiet, anke qabel ma jiġu eżawriti r-rimedji kollha msemmija, fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn il-kost prevedibbli tal-irkupru jkun jaqbeż l-ammont li jrid jiġi rkuprat u t-tħassir ma jkunx jagħmel ħsara lill-immaġni tal-Unjoni;

(b)

fejn it-talba ma tkunx tista’ tiġi rkuprata fid-dawl tal-insolvenza tad-debitur, jew ta’ kwalunkwe proċedimenti ta’ insolvenza oħrajn;

(c)

fejn l-irkupru ma jkunx konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità.”;

(2)

l-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   L-assi għandhom jiġu ġestiti mill-Kummissjoni b’tali mod li tinżamm allokazzjoni annwali tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar ta’ EUR 111-il miljun sas-sena 2027 għall-finanzjament tar-riċerka fis-setturi marbutin mal-industrija tal-faħam u l-azzar, u jiġifieri EUR 40 miljun għall-finanzjament tar-riċerka kollaborattiva f’dawk is-setturi u EUR 71 miljun għall-finanzjament tar-riċerka għal teknoloġiji rivoluzzjonarji li jwasslu għal produzzjoni tal-azzar b’emissjonijiet tal-karbonju ta’ kważi żero u proġetti tar-riċerka għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni ġusta ta’ minjieri tal-faħam li kienu joperaw qabel jew minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq, u l-infrastruttura relatata skont il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta u f’konformità mal-Artikolu 4(2). Wara s-sena 2027, l-assi għandhom ikunu ġestiti mill-Kummissjoni b’tali mod li jiġi żgurat redditu fit-tul. L-assi għandhom jiġu investiti bl-objettiv li jiġi ppreżervat, u fejn possibbli mtejjeb, il-valur ta’ dawk l-assi.

2.   L-allokazzjoni annwali ta’ EUR 111-il miljun għandha tkun magħmula mid-dħul nett mill-investimenti u, jekk dak id-dħul ma jkunx suffiċjenti, mill-bejgħ ta’ parti mill-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, meta titlesta l-likwidazzjoni, mill-assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar.”;

(3)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   Kull sena għandhom jitfasslu rapport tal-introjtu, karta tal-bilanċ, u rapport finanzjarju biex juru, separatament minn operazzjonijiet finanzjarji oħra tal-Unjoni, l-operazzjonijiet ta’ likwidazzjoni previsti fl-Artikolu 1 u l-operazzjonijiet tat-tranżazzjonijiet ta’ investiment u tal-ġestjoni tal-assi taħt l-Artikolu 2.

Dawn id-dikjarazzjonijiet finanzjarji ser ikunu annessi mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Kummissjoni kull sena taħt l-Artikolu 318 TFUE u r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) (ir-“Regolament Finanzjarju”).

2.   Is-setgħat tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Qorti tal-Awdituri li jirrigwardaw il-kontroll u l-ħelsien mid-dejn kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament Finanzjarju għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

(*1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”;"

(4)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-dħul nett mill-investimenti previsti skont l-Artikolu 2 u d-dħul iġġenerat mill-bejgħ ta’ parti mill-assi għandhom jikkostitwixxu dħul fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dan id-dħul għandu jkun assenjat għal skop speċifiku, jiġifieri biex jiffinanzja proġetti ta’ riċerka fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u l-azzar li mhumiex koperti mill-Programm Qafas għar-Riċerka. Dan għandu jifforma l-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar u għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni.”;

(b)

il-paragrafu 3 jitħassar;

(5)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 jitħassar;

(6)

l-Anness jitħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. PODGORŠEK


(1)  L-approvazzjoni tas-7 ta’ Lulju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE tal-1 ta’ Frar 2003 li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar (ĠU L 29 5.2.2003, p. 22).

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


Top