EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0872

Regolament (UE) 2020/872 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fir-rigward ta’ miżura speċifika biex jingħata appoġġ temporanju eċċezzjonali fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR) b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19

PE/17/2020/REV/1

OJ L 204, 26.6.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Impliċitament imħassar minn 32021R2115

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/872/oj

26.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/1


REGOLAMENT (UE) 2020/872 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Ġunju 2020

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fir-rigward ta’ miżura speċifika biex jingħata appoġġ temporanju eċċezzjonali fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR) b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-bdiewa u n-negozji rurali ntlaqtu mill-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID19 b’mod bla preċedent. Ir-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment li daħħlu l-Istati Membri, kif ukoll l-għeluq obbligatorju tal-ħwienet, tas-swieq fil-beraħ, tar-ristoranti u ta’ stabbilimenti oħrajn tal-ospitalità, ħolqu tfixkil ekonomiku fis-settur agrikolu u fil-komunitajiet rurali u wasslu għal problemi marbutin mal-likwidità u mal-flussi tal-flus għall-bdiewa u għan-negozji ż-żgħar li huma attivi fl-ipproċessar, fil-kummerċjalizzazzjoni jew fl-iżvilupp tal-prodotti agrikoli. Dan ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali li trid tiġi indirizzata.

(2)

Sabiex ikun hemm rispons għall-impatt tal-kriżi li rriżultat mit-tifqigħa tal-COVID-19 (“il-kriżi”), jenħtieġ li miżura ġdida temporanja u eċċezzjonali tiġi adottata biex tindirizza l-problemi marbutin mal-likwidità li jheddu l-kontinwità tal-attivitajiet tal-biedja u tan-negozji ż-żgħar li huma attivi fl-ipproċessar, fil-kummerċjalizzazzjoni jew fl-iżvilupp tal-prodotti agrikoli.

(3)

Jenħtieġ li dik il-miżura tippermetti lill-Istati Membri sabiex jagħmlu użu mill-fondi disponibbli fil-kuntest tal-programmi eżistenti tal-iżvilupp rurali tagħhom sabiex jappoġġjaw lill-bdiewa u lill-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) partikolarment milquta mill-kriżi. Sabiex jiffoka r-riżorsi disponibbli bl-aħjar mod fuq il-benefiċjarji li l-iktar qed ibatu minħabba l-kriżi, jenħtieġ li l-appoġġ, li għandu l-għan li jiżgura l-kompetittività tan-negozji agrikoli u l-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli, jingħata abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. Fil-każ tal-bdiewa dawn il-kriterji jistgħu jinkludu s-setturi tal-produzzjoni, it-tipi ta’ biedja, l-istrutturi tal-azjendi agrikoli, it-tipi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-azjendi agrikoli u l-għadd ta’ ħaddiema staġonali li jimpjegaw; fil-każ tal-SMEs, dawn il-kriterji jistgħu jinkludu t-tipi ta’ setturi, it-tipi ta’ attività, it-tipi ta’ reġjuni, u restrizzjonijiet speċifiċi oħrajn.

(4)

Minħabba l-urġenza u n-natura eċċezzjonali ta’ dik il-miżura, jenħtieġ li jiġu stabbiliti pagament ta’ darba biss u limitu ta’ żmien għall-applikazzjoni tal-miżura, filwaqt li jrid jitfakkar il-prinċipju li jenħtieġ li l-pagamenti mill-Kummissjoni isiru skont l-approprjazzjonijiet tal-baġit u dejjem jekk ikun hemm il-fondi disponibbli għal dan.

(5)

Sabiex jingħata iktar appoġġ lill-bdiewa jew lill-SMEs li jintlaqtu b’ mod iżjed gravi, huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew jaġġustaw il-livell tas-somom f’daqqa għal ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji eliġibbli, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed fondi għall-miżura l-ġdida mingħajr ma jiġu pperikolati l-għanijiet l-oħrajn tal-programmi tal-iżvilupp rurali, kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jenħtieġ li jiġi ffissat is-sehem massimu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal dik il-miżura.

(7)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jirrispondi għall-impatt tal-kriżi billi jintroduċi miżura speċifika biex tipprovdi appoġġ temporanju eċċezzjonali taħt il-FAEŻR, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistà pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jiġi emendat skont dan.

(9)

Fid-dawl tal-urġenza li tiġi indirizzata l-kriżi, ġie kkunsidrat xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, mehmuż mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(10)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni marbuta mal-kriżi, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 39b

Għajnuna temporanja eċċezzjonali għall-bdiewa u għall-SMEspartikolarment milquta mill-kriżi tal-COVID-19

1.   L-appoġġ li jingħata fil-kuntest ta’ din il-miżura għandu jipprovdi assistenza ta’ emerġenza lill-bdiewa u lill-SMEs partikolarment milquta mill-kriżi tal-COVID-19, bil-għan li tkun żgurata l-kontinwità tal-attività kummerċjali tagħhom, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   L-appoġġ għandu jingħata lill-bdiewa, kif ukoll lill-SMEs li huma attivi fl-ipproċessar, fil-kummerċjalizzazzjoni jew fl-iżvilupp ta’ prodotti agrikoli koperti mill-Anness I għat-TFUE jew tal-qoton, ħlief għall-prodotti tas-sajd. Il-prodott li jirriżulta mill-proċess tal-produzzjoni jista’ jkun prodott li ma jkunx kopert minn dak l-Anness.

3.   L-Istati Membri għandhom iqiegħdu fil-mira tal-appoġġ lill-benefiċjarji li jkunu ntlaqtu b’ mod iżjed gravi mill-kriżi tal-COVID-19, billi jiddetterminaw, abbażi tal-evidenza disponibbli, il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u, fejn meqjus xieraq mill-Istat Membru kkonċernat,il-kriterji tal-għażla, li għandhom ikunu oġġettivi u mhux diskriminatorji.

4.   L-appoġġ għandu jingħata bħala somma f’daqqa li għandha titħallas sat-30 ta’ Ġunju 2021, abbażi tal-applikazzjonijiet għal appoġġ approvati mill-awtorità kompetenti sal-31 ta’ Diċembru 2020. Ir-rimborż sussegwenti mill-Kummissjoni għandha ssir skont l-approprjazzjonijiet tal-baġit u suġġett għad-disponibblita’ ta’ fondi. Il-livell tal-pagament jista’ jvarja minn kategorija ta’ benefiċjarji għall-oħra, skont kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji.

5.   L-ammont massimu tal-appoġġ ma għandux ikun ta’ iktar minn EUR 7 000għal kull bidwi u EUR 50 000 għal kull SME.

6.   Meta jagħtu l-appoġġ skont dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom iqisu l-appoġġ mogħti fil-kuntest ta’ strumenti ta’ appoġġ nazzjonali jew tal-Unjoni oħrajn jew fil-kuntest ta’ skemi privati b’rispons għall-impatt tal-kriżi tal-COVID-19.”;

(2)

fl-Artikolu 49, il-paragrafu 2 huwa sostitiwit b’dan li ġej:

“2.   L-awtorità tal-Istat Membru responsabbli għall-għażla tal-operazzjonijiet għandha tiżgura li l-operazzjonijiet, ħlief għall-operazzjonijiet fil-kuntest tal-punt (b) tal-Artikolu 18(1), tal-punt (d) tal-Artikolu 24(1) u tal-Artikoli 28 sa 31, 33, 34 u 36 sa 39b, jintgħażlu skont il-kriterji tal-għażla msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u skont proċedura trasparenti u ddokumentata sew.”;

(3)

fl-Artikolu 59 jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“6a.   L-appoġġ tal-FAEŻR ipprovdut skont l-Artikolu 39b m’għandux jeċċedi 2 % mill-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR għall-programmi tal-iżvilupp rurali.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

N. BRNJAC


(1)  Opinjoni tal-11 ta’ Ġunju 2020 (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ġunju 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2020.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347 20.12.2013, p. 487).


Top