EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0615

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/615 tal-15 ta' April 2019 dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet li jwasslu għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni ta' Armi Nukleari (TNP)

ST/7988/2019/INIT

OJ L 105, 16.4.2019, p. 25–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/01/2022: This act has been changed. Current consolidated version: 21/09/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/615/oj

16.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/615

tal-15 ta' April 2019

dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet li jwasslu għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni ta' Armi Nukleari (TNP)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1), flimkien mal-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni ta' Armi Nukleari (il-Konferenza tal-2020 għar-Reviżjoni tat-TNP) timmarka diversi dati importanti għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), bħall-50 anniversarju tad-dħul fis-seħħ tagħha u l-25 anniversarju tal-adozzjoni mill-Konferenza tal-1995 għar-Reviżjoni tat-TNP tad-Deċiżjoni 3 (Estensjoni tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni ta' Armi Nukleari), li estendiet it-TNP għall-żmien indeterminat.

(2)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (l-Istrateġija tal-UE kontra l-AQM tal-2003). L-istrateġija tal-UE kontra l-AQM tal-2003 tidentifika l-appoġġ għat-TNP bħala l-ewwel prijorità għall-azzjoni fil-livell internazzjonali, u tappella għall-preservazzjoni tal-integrità u l-universalizzazzjoni tat-TNP, il-ftehimiet ta' Salvagwardja tal-IAEA u l-protokolli mehmuża mat-TNP u mal-ftehimiet ta' Salvagwardja tal-IAEA.

(3)

F'konformita' mal-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016, u l-Istrateġija tal-UE kontra l-AQM tal-2003, l-azzjonijiet tal-Unjoni għadhom ibbażati fuq il-konvinzjoni li approċċ multilaterali għas-sigurtà, inkluż id-diżarm u n-nonproliferazzjoni, jipprovdi l-aħjar mod biex tinżamm l-ordni internazzjonali u b'hekk l-impenn li nżommu, nimplimentaw u nsaħħu l-ftehimiet u t-trattati multilaterali dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni;

(4)

Fl-Aġenda tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Diżarm “Niggarantixxu l-Futur Komuni tagħna”, ippreżentata fl-24 ta' Mejju 2018, ġie sottolinjat li t-TNP “wasal biex jitqies bħala pilastru ewlieni tal-arkitettura tas-sigurtà internazzjonali”.

(5)

L-Unjoni qed tinvolvi ruħha b'mod attiv fiċ-ċiklu ta' reviżjoni attwali tat-TNP li beda bl-ewwel sessjoni tal-Kumitat Preparatorju li saret fi Vjenna mit-2 sat-12 ta' Mejju 2017. It-tieni sessjoni tal-Kumitat Preparatorju saret f'Ġinevra mit-23 ta' April sal-4 ta' Mejju 2018. It-tielet sessjoni tal-Kumitat Preparatorju ser issir fi New York mid-29 ta' April sal-10 ta' Mejju 2019, u l-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 tal-Partijiet għat-TNP ser issir fi New York mis-27 ta' April sat-22 ta' Mejju 2020.

(6)

L-Unjoni Ewropea tqis it-TNP bħala s-sisien tar-reġim globali ta' nonproliferazzjoni nukleari, il-pedament essenzjali biex jinkiseb id-diżarm nukleari f'konformità mal-Artikolu VI, u element importanti fl-iżvilupp ulterjuri tal-applikazzjoni tal-enerġija nukleari għal finijiet paċifiċi. F'dan ir-rigward, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2005/329/PESK (1), id-Deċiżjoni 2010/212/PESK (2), u l-Konklużjonijiet tal-20 ta' April 2015 dwar id-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Bil-għan li tingħata applikazzjoni immedjata u prattika lill-elementi tal-Istrateġija tal-UE kontra l-AQM tal-2003, l-Unjoni għandha tappoġġa attivitajiet li għandhom l-għan li jżommu u jippreservaw l-integrità tat-TNP, permezz ta' enfasi bilanċjata fuq it-tliet pilastri tat-TNP li huma ugwalment importanti u li jsaħħu lil xulxin: id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari.

2.   Sabiex tikseb l-għan imsemmi fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni li ġejjin mit-tmexxija tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020:

(a)

tliet seminars tematiċi għall-Istati Parti dwar id-diżarm nukleari, in-nonproliferazzjoni nukleari u l-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari;

(b)

massimu ta' erba' laqgħat reġjonali fl-Asja-Paċifiku, l-Afrika, l-Amerka Latina u l-Karibew, u l-Lvant Nofsani; u

(c)

żewġ avvenimenti sekondarji matul l-erbgħa u sebgħin sessjoni tal-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali u matul il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020.

Deskrizzjoni dettaljata ta' dan il-proġett tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implementazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet tad-Diżarm (UNODA).

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett msemmi fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 1 299 883,68.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta' referenza finanzjarja stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tar-referenza finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-UNODA. Il-ftehim ta' finanzjament għandu jistipula li l-UNODA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b'mod adatt għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà li tirrigwarda dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni ta' dak il-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 4

Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta fuq bażi regolari, tal-inqas darba fis-sena, lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti mħejjija mill-UNODA. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 18-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk dak il-ftehim ta' finanzjament ma jkunx ġie konkluż sa sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta' April 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

P. DAEA


(1)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/329/PESK tal-25 ta' April 2005 rigward il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2005 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni ta' Armi Nukleari (ĠU L 106, 27.4.2005, p. 32); (Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 159M, 13.6.2006, p. 388).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/212/PESK tad-29 ta' Marzu 2010 relatata mal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni tal-Armi Nukleari (ĠU L 90, 10.4.2010, p. 8).


ANNESS

1.   OBJETTIVI

Il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020 ser tkun mument sinifikanti ħafna għar-reġim ta' nonproliferazzjoni nukleari. L-Unjoni Ewropea tqis it-TNP bħala s-sisien tar-reġim globali ta' nonproliferazzjoni nukleari, il-pedament essenzjali biex jinkiseb id-diżarm nukleari f'konformità mal-Artikolu VI, u element importanti fl-iżvilupp ulterjuri tal-applikazzjoni tal-enerġija nukleari għal finijiet paċifiċi..

Sa mill-2017, il-Presidenti tas-sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju tat-TNP qed jaħdmu biex jibnu kontinwità bejn is-sessjonijiet taċ-ċiklu tar-reviżjoni tal-Kumitat Preparatorju, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' bażi tematika komuni u permezz ta' sensiela ta' konsultazzjonijiet reġjonali fl-Asja-Paċifiku, l-Afrika u l-Amerka Latina. Dawn il-konsultazzjonijiet intlaqgħu tajjeb mill-Istati ta' dawk ir-reġjuni, peress li dawn jipprovdu aċċess għall-Presidenti tal-Kumitat Preparatorju mill-esperti bbażati fil-kapital u opportunità għal djalogu għall-Istati mingħajr ir-riżorsi biex iżommu delegazzjonijiet kbar fi New York, Ġinevra jew Vjenna, u joffru okkażjonijiet importanti għal diskussjoni dwar il-prijoritajiet reġjonali ewlenin. Dawk il-konsultazzjonijiet taw kontribut sinifikanti għad-deliberazzjonijiet fil-kuntest formali tat-TNP.

L-objettiv ta' dan il-proġett jista' jintlaħaq aħjar billi ssir ħidma li tibni fuq u ttejjeb dik tal-Presidenti tas-sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju tal-2017 u l-2018, permezz ta' proċess ta' konsultazzjoni globali li jinvolvi l-Istati Parti għat-TNP, il-President nominat tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020 u l-Presidenti tas-sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju. Dan il-proġett ser jippromwovi tħejjijiet qabel il-konferenza, ser jgħin lit-tmexxija biex tifhem it-tifsiriet sottili tal-pożizzjonijiet tal-Istati Parti u biex tinkiseb il-fiduċja tagħhom, u ser jiffaċilita d-djalogu bejn l-Istati Parti u l-President nominat dwar kif jistgħu jingħelbu l-ostakli għas-suċċess fl-2020.

L-għanijiet ewlenin:

1.

Biex jinkiseb fehim dwar it-tħassib u l-prijoritajiet għaċ-ċiklu ta' reviżjoni tal-2020 tat-TNP, abbażi tad-deliberazzjonijiet matul is-sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju tal-2017, l-2018 u l-2019, inkluż tħassib u prijoritajiet minn perspettiva reġjonali, u biex jingħata kontribut għall-formulazzjoni effettiva tat-tħassib u l-prijoritajiet fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020.

2.

Biex titqajjem kuxjenza tal-ostakli, kif ukoll tal-oqsma potenzjali ta' konverġenza abbażi tal-ħafna benefiċċji li jipprovdi t-TNP, inkluż permezz tal-inkorporazzjoni ta' firxa usa' ta' ilħna, bħal esperti tekniċi minn aġenziji regolatorji u fakultajiet xjentifiċi, u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet bħall-membri parlamentari.

3.

Biex tinbena fiduċja u kunfidenza bejn l-Istati u l-President nominat sabiex jiġu żviluppati r-relazzjonijiet b'saħħithom meħtieġa għal riżultat ta' suċċess tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020.

4.

Biex jitħeġġu l-flessibilità u l-kompromess mill-Istati meta jiffaċċaw il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020, u biex jitfittxu ideat kemm dwar kif tista' tinkiseb bażi komuni kif ukoll kif jistgħu jingħelbu d-differenzi.

5.

Biex jiġi żviluppat kontribut għal pjan direzzjonali biex jinkiseb riżultat ta' suċċess tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020, inkluż azzjonijiet u rakkomandazzjonijiet possibbli għall-implimentazzjoni sħiħa tat-TNP.

2.   DESKRIZZJONI TAL-ATTIVITAJIET

Il-proġett tal-Unjoni għall-appoġġ taċ-ċiklu tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020 ser jinvolvi:

(a)

Seminars tematiċi għall-Istati Parti fit-tliet pilastri tat-TNP: id-diżarm nukleari, in-nonproliferazzjoni nukleari u l-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari.

Tliet seminars tematiċi, f'Ġinevra (diżarm), fi New York (nonproliferazzjoni), u fi Vjenna (użi paċifiċi), immirati lejn ir-rappreżentanti tal-gvern, l-esperti, l-akkademiċi, is-soċjetà ċivili u l-industrija.

(b)

Komunikazzjoni fuq livell reġjonali mit-tmexxija tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020

L-organizzazzjoni ta' massimu ta' erba' laqgħat reġjonali fl-Asja-Paċifiku, l-Afrika, l-Amerka Latina u l-Karibew, u l-Lvant Nofsani.

(c)

Avvenimenti sekondarji

Żewġ avvenimenti sekondarji li għandhom jiġu organizzati matul l-erbgħa u sebgħin sessjoni tal-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali u matul il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020.

Dawn l-elementi huma ppreżentati f'aktar dettall hawn taħt.

2.1.   Seminars tematiċi

2.1.1.   Għan

L-għan ta' kull seminar tematiku huwa li titqajjem kuxjenza dwar l-isfidi u l-opportunitajiet fit-tliet pilastri tat-TNP. B'mod partikolari, is-seminars ser jippruvaw jenfasizzaw il-ħafna benefiċċji diġà pprovduti mit-TNP u l-ħtieġa li jiġu ppreservati dawk il-benefiċċji. Is-seminars ser jippruvaw ukoll jiġġeneraw elementi għal azzjoni u rakkomandazzjonijiet prattiċi biex jinkiseb kunsens fl-2020.

2.1.2.   Ser isiru tliet seminars fi ħdan il-proġett:

Kif ġie nnutat, kull seminar ser jindirizza wieħed mill-pilastri tat-TNP: id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari. Minbarra l-esplorazzjoni tar-relazzjonijiet bejn it-tliet pilastri, id-diskussjonijiet ser jinkludu iżda mhumiex limitati għal: l-implimentazzjoni tal-impenji li saru f'ċikli ta' reviżjoni preċedenti; ir-riżoluzzjoni tad-differenzi dwar kif tinkiseb u tinżamm dinja mingħajr armi nukleari; it-tisħiħ tar-reġim tan-nonproliferazzjoni; l-aċċess għall-benefiċċji ta' użi paċifiċi tat-teknoloġija nukleari, inkluż bl-iskop tal-faċilitazzjoni tal-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; u t-tisħiħ tal-proċess ta' reviżjoni tat-TNP.

2.1.3.   Format

Il-President nominat ser jinforma lill-Istati Parti dwar l-iżviluppi f'kull pilastru, u jiddeskrivi l-isfidi u l-opportunitajiet. Ser jitlaqqgħu gruppi ta' esperti reġjonali, esperti minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) u l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBTO), u esperti mill-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR), bil-għan li jiġu ġġenerati diskussjonijiet u li jiġu fformulati ideat. Is-seminar dwar l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari, li ser isir fi Vjenna, ser jinkludi wkoll il-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti ta' korpi u strutturi nazzjonali li huma involuti fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari.

Is-seminars imbagħad ser ikollhom sessjonijiet ta' mistoqsijiet u tweġibiet interattivi (Q & A) bejn il-President nominat, ir-rappreżentanti tal-Istati Parti u l-esperti.

2.1.4.   Post

It-tliet seminars tematiċi ser jiġu organizzati kif ġej: Ġinevra (diżarm); New York (nonproliferazzjoni) u Vjenna (użi paċifiċi tal-enerġija nukleari).

2.1.5.   Skeda

It-tliet seminars tematiċi ser isiru wara t-tielet sessjoni tal-Kumitat Preparatorju (29 ta' April – 10 ta' Mejju 2019), taħt it-tmexxija u l-koordinazzjoni tal-President nominat tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020. Id-dati ta' dawn il-laqgħat ser jiġu stabbiliti wara t-tielet sessjoni tal-Kumitat Preparatorju, bejn Mejju 2019 u Marzu 2020.

2.1.6.   Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta' implementazzjoni:

Tħejjija sostantiva:

F'konsultazzjoni mal-President nominat, l-UNODA ser jiżviluppa s-sustanza tas-seminars, u l-aġenda u l-għażla ta' kelliema/esperti.

Loġistika u servizzi tal-konferenzi:

L-UNODA ser jimplimenta l-arranġamenti loġistiċi (l-ibbukkjar tal-postijiet, l-organizzazzjoni tal-forniment tal-ikel, it-tagħmir awdjoviżiv, l-arranġamenti għall-ivvjaġġar tal-parteċipanti u l-esperti eċċ) għas-seminars tematiċi.

2.2.   Laqgћat reġjonali

2.2.1.   Għan

L-għan ta' kull laqgħa reġjonali huwa li jissaħħaħ il-fehim tas-sitwazzjoni attwali, jiġu diskussi l-għażliet għal impenn kooperattiv, jiġu ġġenerati soluzzjonijiet u jinbnew relazzjonijiet biex tiġi ffaċilitata konklużjoni b'suċċess għall-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020.

2.2.2.   Temi

Il-laqgћat reġjonali fl-Asja-Paċifiku, l-Afrika u l-Amerka Latina u l-Karibew ser ikopru t-tliet pilastri kollha tat-TNP. Dawn ser jindirizzaw il-kwistjonijiet ewlenin li jaffettwaw lit-TNP u l-Istati Parti tiegħu, abbażi tad-deliberazzjonijiet fis-sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju tat-TNP fl-2017, l-2018 u l-2019, u jippreżentaw dawk il-kwistjonijiet mill-perspettiva tal-prijoritajiet u t-tħassib reġjonali rispettiv. Dawk il-kwistjonijiet ser jinkludu, iżda mhumiex ser ikunu limitati għal: l-implimentazzjoni tal-impenji li saru f'ċikli ta' reviżjoni preċedenti; ir-riżoluzzjoni tad-differenzi dwar kif tinkiseb u tinżamm dinja mingħajr armi nukleari; it-tisħiħ tar-reġim tan-nonproliferazzjoni; l-aċċess għall-benefiċċji ta' użi paċifiċi tat-teknoloġija nukleari, inkluż bl-iskop tal-faċilitazzjoni tal-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; u t-tisħiħ tal-proċess ta' reviżjoni tat-TNP.

Il-laqgħa reġjonali fil-Lvant Nofsani ser tindirizza b'mod speċifiku l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tat-TNP tal-1995 dwar il-ħolqien ta' żona fil-Lvant Nofsani ħielsa minn armi nukleari u l-armi l-oħra kollha ta' qerda massiva, inkluż il-mezzi tat-twassil tagħhom. Din il-kwistjoni toħloq sfidi għal riżultat ta' suċċess tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020 li jirrikjedu l-organizzazzjoni ta' laqgħa separata f'dan ir-reġjun.

2.2.3.   Format

Il-laqgћat reġjonali ser jieħdu l-format ta' konsultazzjonijiet interattivi. F'kull laqgħa reġjonali, il-President nominat ser jingħata l-opportunità li jippreżenta s-sitwazzjoni attwali dwar iċ-ċiklu ta' reviżjoni. Il-President imbagħad ser jippreżenta serje ta' mistoqsijiet lill-Istati biex jippromwovi ambjent bi stil interattiv ta' mistoqsijiet u tweġibiet.

Il-laqgħat ser jużaw ukoll gruppi ta' esperti reġjonali u tematiċi, inkluż esperti minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA),kif ukoll l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBTO) u mill-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR) biex jiġu ġġenerati diskussjonijiet u ideat.

2.2.4.   Post

Il-laqgħat reġjonali huma mfassla biex jappoġġaw l-interazzjoni mal-gvernijiet minn reġjuni speċifiċi fit-tħejjija għall-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020. Qed jiġu ssuġġeriti dawn l-erba' laqgħat reġjonali li ġejjin:

Pajjiżi minn reġjuni/sottoreġjuni:

Post issuġġerit:

Afrika

Addis Ababa

Amerka Latina/Karibew

Buenos Aires

Asja-Paċifiku

Jakarta

Lvant Nofsani

Amman

2.2.5.   Skeda

L-erba' laqgћat reġjonali ser isiru f'perijodu ta' tnax-il xahar, bejn Marzu 2019 u Marzu 2020. L-iskeda u s-sekwenza eżatti (jiġifieri l-ordni tar-reġjuni koperti) tal-laqgħat reġjonali ser jiġu ddeterminati mill-aġenzija ta' implimentazzjoni, f'konsultazzjoni mal-President nominat tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020 u l-Unjoni, b'kont meħud tal-kalendarju tan-NU dwar id-diżarm. Kull laqgħa reġjonali ser iddum sa jumejn. Il-President nominat tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020 ser jippresiedi l-erba' laqgħat reġjonali.

2.2.6.   Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta' implementazzjoni

Tħejjija sostantiva:

F'konsultazzjoni mal-Presidenti tat-tliet sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju, u taħt it-tmexxija tal- President nominat tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020, l-UNODA ser jiżviluppa s-sustanza tas-seminars, l-aġenda u l-għażla ta' kelliema/esperti.

Appoġġ loġistiku u tal-laqgħat:

L-UNODA, flimkien mal-Istati reġjonali ospitanti, ser jimplimenta l-arranġamenti loġistiċi (l-ibbukkjar tal-postijiet, l-organizzazzjoni tal-forniment tal-ikel, it-tagħmir awdjoviżiv, l-arranġamenti għall-ivvjaġġar tal-parteċipanti u l-esperti eċċ) għal-laqgћat reġjonali.

2.3.   Avvenimenti sekondarji

Ser isiru żewġ avvenimenti sekondarji matul l-erbgħa u sebgħin sessjoni tal-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali (Ottubru 2019) u matul il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020, rispettivament. L-avveniment sekondarju li ser isir f'Ottubru 2019 ser jipprovdi opportunità biex il-Presidenti tat-tliet sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju u l-President nominat jiddiskutu t-tħejjijiet għall-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020. L-avveniment sekondarju li ser isir matul il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020 ser jipprovdi opportunità biex jiġu kondiviżi r-riżultati tas-seminars tematiċi u l-laqgħat reġjonali u l-kontribut tagħhom għat-tħejjijiet tal-Konferenza.

2.3.1.   Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta' implementazzjoni

Tħejjija sostantiva:

F'konsultazzjoni mal-Presidenti tat-tliet sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju u mal-President nominat tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020, l-UNODA ser jiżviluppa n-nota kunċettwali għall-avvenimenti sekondarji u l-aġenda u l-għażla tal-kelliema/esperti.

Appoġġ loġistiku u tal-laqgħat:

L-UNODA ser jimplimenta l-arranġamenti loġistiċi (l-ibbukkjar tal-postijiet, l-organizzazzjoni tal-forniment tal-ikel, it-tagħmir awdjoviżiv, l-arranġamenti għall-ivvjaġġar tal-esperti eċċ) għall-avvenimenti sekondarji.

3.   RAPPURTAR U VALUTAZZJONI

L-UNODA ser jippreżenta rapport finanzjarju u narrattiv finali lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni li ser ikun fih, fost l-oħrajn, it-tagħlimiet meħuda, kif ukoll rapporti qosra wara kull laqgħa li jiffukaw fuq il-messaġġi ewlenin.

4.   DURATA

Id-durata tal-implimentazzjoni tal-proġett hija ta' 18-il xahar.

5.   VIŻIBBILTÀ TAL-UE

L-UNODA għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirreklama l-fatt li dan il-proġett ġie ffinanzjat mill-Unjoni. L-appoġġ tal-Unjoni ser ikun enfasizzat matul il-preżentazzjonijiet u l-laqgħat ta' informazzjoni pubbliċi u privati tal-President nominat. L-appoġġ tal-Unjoni ser jiġi rikonoxxut ukoll fl-istediniet u dokumenti oħra li jiġu kondiviżi mal-parteċipanti tal-avvenimenti diversi. L-UNODA ser jiżgura li l-Unjoni tkun irrappreżentata fl-avvenimenti kollha organizzati taħt din id-deċiżjoni.

6.   AĠENZIJA TA' IMPLIMENTAZZJONI

L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA) ser jiġi inkarigat bl-implimentazzjoni ta' dan il-proġett. L-implimentazzjoni ta' dan il-proġett ser tkun skont il-ftehim ta' finanzjament li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-UNODA.


Top