EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0618

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/618 tad-19 ta' April 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/535/UE dwar il-miżuri ta' emerġenza għall-prevenzjoni tat-tixrid fl-Unjoni tal-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (in-nematodu tal-injam tal-arżnu) (notifikata bid-dokument C(2018) 2227)

C/2018/2227

OJ L 102, 23.4.2018, p. 17–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/618/oj

23.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/17


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/618

tad-19 ta' April 2018

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/535/UE dwar il-miżuri ta' emerġenza għall-prevenzjoni tat-tixrid fl-Unjoni tal-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (in-nematodu tal-injam tal-arżnu)

(notifikata bid-dokument C(2018) 2227)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari r-raba' sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-għadd ta' pjanti suxxettibbli milquta minn nirien estensivi fiż-żona ta' lqugħ tal-Portugall kontinentali fl-2017 laħaq proporzjonijiet straordinarji. B'riżultat ta' dan, l-għadd ta' siġar f'kundizzjoni ħażina li jeħtieġ li jinqatgħu, jitneħħew u jintremew żdied f'daqqa u għall-għarrieda għal madwar 1,5 miljun siġra. Minkejja l-fatt li l-awtoritajiet Portugiżi reġgħu gradwalment żiedu l-kapaċità tagħhom biex jittrattaw sa 300 000 siġra fis-sena u huma mistennija li jkomplu jżidu l-kapaċitajiet tagħhom skont il-ħtiġijiet li dejjem qed jiżdiedu, ikun impossibbli għalihom li jipproċedu bil-qtugħ, it-tneħħija u r-rimi tas-siġar kollha ġodda f'qagħda ħażina skont l-iskadenzi legali, kif meħtieġ bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/535/UE (2).

(2)

Għalhekk, u fuq talba tal-Portugall, jenħtieġ li tiġi introdotta deroga temporanja mid-dispożizzjonijiet legali stabbiliti fil-punt 3(b) tal-Anness II ta' dik id-Deċiżjoni, biex il-Portugall jingħata l-possibilità li jlesti dawk l-attivitajiet ta' qtugħ fiż-żona ta' lqugħ ikkonċernata fi żmien perjodu itwal, iżda mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2020. Dan se jipprovdi aktar żmien lill-awtoritajiet Portugiżi biex jipproċedu bl-attivitajiet ta' qtugħ meħtieġa, li l-volum tagħhom żdied b'mod sinifikanti minħabba l-iskala ta' dawk in-nirien.

(3)

Dik id-deroga jenħtieġ li tkun soġġetta għas-sottomissjoni ta' pjan ta' azzjoni annwali mill-Portugall, biex tkun żgurata azzjoni koordinata u mħejjija tajjeb. Il-pjan ta' azzjoni jenħtieġ jagħti dettalji dwar il-pjanti suxxettibbli b'riskju ogħla ta' infezzjoni min-nematodu tal-arżnu (“PWN”) li jeħtieġu azzjonijiet iktar mgħaġġla, ir-riżorsi neċessarji li jridu jiġu allokati kif ukoll dettalji rilevanti oħra, bħalma huma l-miżuri li jridu jiġu implimentati biex jiġi mmitigat ir-riskju ta' infestazzjoni bil-PWN sakemm dawk il-pjanti jinqatgħu, jitneħħew u jintremew, inkluż attivitajiet ta' stħarriġ intensifikat tal-pjanti suxxettibbli u l-vetturi għad-ditezzjoni bikrija tal-preżenza tal-PWN u d-dati ta' skadenza għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-livell ta' riskju li jinħoloq minn dawk il-pjanti jenħtieġ li jiġi vvalutat fuq bażi annwali u l-pjan ta' azzjoni jenħtieġ li jiġi aġġornat skont dan, sabiex il-pjanti li jippreżentaw l-ogħla riskju li jikkawżaw it-tixrid tal-PWN jiġu ttrattati bi prijorità.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/535/UE tiġi emendata skont dan,

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/535/UE huwa emendat kif indikat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/535/UE tas-26 ta' Settembru 2012 dwar il-miżuri ta' emerġenza għall-prevenzjoni tat-tixrid fl-Unjoni tal-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (in-nematodu tal-injam tal-arżnu) (ĠU L 266, 2.10.2012, p. 42).


ANNESS

Il-Punt 3(b) tal-Anness II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/535/UE huwa sostitwit b'li ġej:

“(b)

L-Istati Membri għandhom, fiż-żoni ta' lqugħ ikkonċernati kollha, jidentifikaw u jaqtgħu l-pjanti kollha suxxettibbli li jkunu mejtin, morda jew li ntlaqtu minn nirien jew tempesti. Huma għandhom ineħħu u jarmu l-pjanti li jkunu qatgħu flimkien mal-fdalijiet tagħhom, filwaqt li jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji kollha biex iwaqqfu t-tixrid tal-PWN u l-vettur tiegħu, qabel u matul il-qtugħ, u sa ma jintremew il-pjanti li nqatgħu flimkien mal-fdalijiet tagħhom, skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

Il-pjanti suxxettibbli identifikati barra mill-istaġun migratorju tal-vettur għandhom, qabel l-istaġun ta' migrazzjoni li jkun imiss, jinqatgħu u jinqerdu fuq il-post, jinġarru taħt kontroll uffiċjali lejn iż-żona infestata jew jitneħħew. Fl-aħħar każ, l-injam u l-qoxra ta' dawk il-pjanti għandhom jiġu trattati, kif inhu stabbilit fil-punt 2(a) tat-Taqsima 1 tal-Anness III jew ipproċessati, kif inhu stabbilit fil-punt 2(b) tat-Taqsima 2 tal-Anness III.

(ii)

Il-pjanti suxxettibbli identifikati waqt l-istaġun migratorju tal-vettur għandhom minnufih jinqatgħu u jinqerdu fuq il-post, jinġarru taħt kontroll uffiċjali lejn iż-żona infestata jew jitneħħew. Fl-aħħar każ, l-injam u l-qoxra ta' dawk il-pjanti għandhom jiġu trattati, kif inhu stabbilit fil-punt 2(a) tat-Taqsima 1 tal-Anness III jew ipproċessati, kif inhu stabbilit fil-punt 2(b) tat-Taqsima 2 tal-Anness III.

Meta l-Istat Membru jikkonkludi li l-qtugħ u t-tneħħija ta' pjanti suxxettibbli identifikati waqt l-istaġun migratorju u li ġew milquta minn nirien jew tempesti ma jkunux xierqa, l-Istat Membru kkonċernat jista' jiddeċiedi li jipproċedi bil-qtugħ u t-tneħħija ta' dawn il-pjanti qabel il-bidu tal-istaġun migratorju li jmiss. Matul operazzjonijiet ta' qtugħ u ta' tneħħija bħal dawn, il-pjanti suxxettibbli għandhom jinqerdu fil-post inkella jitneħħew u l-injam u l-qoxra tagħhom jiġu ttrattati skont il-punt 2(a) tat-Taqsima 1 tal-Anness III, inkella pproċessati, skont il-punt 2(b) tat-Taqsima 2 tal-Anness III. Meta tapplika din id-deroga, u mingħajr preġudizzju għall-punt (a), l-Istat Membru kkonċernat għandu, fl-istaġun migratorju, iwettaq stħarriġ intensiv fiż-żona milquta minn nirien jew minn tempesti permezz tat-teħid ta' kampjuni u tal-ittestjar ta' dawk il-vetturi għall-preżenza ta' PWN u, jekk jiġi kkonfermat, iwettaq stħarriġ tal-pjanti suxxettibbli li jinsabu fiż-żona tal-inħawi, billi jispezzjona, jieħu kampjuni u jwettaq testijiet ta' dawk il-pjanti li juru sinjali jew sintomi tal-preżenza tal-PWN.

B'deroga mill-punti (i) u (ii), il-Portugall jista' jiddeċiedi li jkompli bil-qtugħ, it-tneħħija u r-rimi tal-pjanti suxxettibbli, li huma uffiċjalment iddeżinjati bħala milquta min-nirien fl-2017, mill-korp uffiċjali responsabbli, għal perjodu itwal, u sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2020. Għall-finijiet tal-qtugħ, it-tneħħija u r-rimi f'dak il-perjodu, għandhom jingħataw prijorità l-pjanti suxxettibbli li jinsabu fiż-żoni li ġejjin:

żoni maġenb iż-żona infestata;

żoni fejn hemm sinjali ta' attività tal-vetturi tal-insetti;

żoni b'rata miżjuda ta' siġar li sejrin lura, li jindikaw il-possibbiltà tal-preżenza tal-PWN;

kwalunkwe żoni oħra li jippreżentaw l-ogħla riskju ta' infestazzjoni tal-PWN.

Dawk il-pjanti suxxettibbli għandhom jinqatgħu u jinqerdu fil-post, jiġu ttrasportati taħt kontroll uffiċjali lejn iż-żona infestata inkella jitneħħew. F'dak il-każ, l-injam u l-qoxra ta' dawk il-pjanti għandhom jiġu ttrattati kif stabbilit fil-punt 2(a) tat-Taqsima 1 tal-Anness III, inkella pproċessati kif stabbilit fil-punt 2(b) tat-Taqsima 2 tal-Anness III. Il-pjanti suxxettibbli li ma jistgħux jintużaw mill-insett vettur għat-tlestija taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu jistgħu jinżammu fil-post mingħajr ma jinqerdu.

Sal-31 ta' Mejju 2018, il-Portugall għandu jressaq pjan ta' azzjoni annwali lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, li jkun fih mapep li jindikaw fejn jinsabu l-pjanti milquta min-nirien fiż-żona ta' lqugħ, il-post fejn jinsabu ż-żoni msemmija fit-tieni subparagrafu u l-ġustifikazzjoni għal dik l-għażla, il-miżuri li jkunu se jiġu implimentati għall-mitigazzjoni tar-riskju minn infestazzjoni tal-PWN sakemm jinqatgħu, jitneħħew u jintremew dawk il-pjanti, inklużi attivitajiet ta' stħarriġ intensifikat tal-pjanti suxxettibbli u tal-vetturi għad-ditezzjoni bikrija tal-preżenza tal-PWN, ir-riżorsi meħtieġa u l-iskadenzi rilevanti biex jitwettqu dawk il-miżuri. Sal-31 ta' Mejju 2019, il-Portugall għandu jressaq pjan ta' azzjoni annwali ieħor bl-istess kontenut.

Il-livell ta' riskju li jinħoloq minn dawk il-pjanti għandu jiġi vvalutat fuq bażi annwali u l-pjan ta' azzjoni għandu jiġi aġġornat kif xieraq. L-attivitajiet previsti f'dak il-pjan ta' azzjoni għandhom jitqiesu meta jkun qed jitħejja l-pjan ta' azzjoni ġenerali msemmi fl-Artikolu 9.

Il-Portugall għandu jippreżenta rapport dwar ir-riżultati annwali lill-Kummissjoni u lill-Istati Mmebri, u dan għandu jinkludi r-riżultati tal-istħarriġ intensifikat dwar il-vetturi, kif ukoll kwalunkwe aġġornament ta' dak il-pjan ta' azzjoni sat-30 ta' April tas-sena ta' wara s-sena kkonċernata.

Il-pjanti suxxettibbli li jinqatgħu, minbarra l-pjanti li nqerdu kompletament bin-nirien tal-foresti, għandu jitteħdilhom kampjun u jsirulhom testijiet għall-preżenza tal-PWN, skont skema ta' teħid ta' kampjuni li tista' tikkonferma b'affidabbiltà ta' 99 % li l-livell tal-preżenza tal-PWN f'dawk il-pjanti suxxettibbli huwa aktar baxx minn 0,02 %.”


Top