EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1902

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1902 tat-18 ta' Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 biex l-irkantar ta' kwoti jiġi allinjat mad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u biex tiġi elenkata pjattaforma tal-irkant li trid tinħatar mir-Renju Unit (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/6922

OJ L 269, 19.10.2017, p. 13–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/12/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R2830

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1902/oj

19.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/13


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1902

tat-18 ta' Ottubru 2017

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 biex l-irkantar ta' kwoti jiġi allinjat mad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u biex tiġi elenkata pjattaforma tal-irkant li trid tinħatar mir-Renju Unit

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 3d(3) u 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 (2) jistipula regoli dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta' rkantar ta' kwoti skont id-Direttiva 2003/87/KE. B'mod partikolari, ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 jistabbilixxi l-volumi ta' kwoti li jridu jiġu rkantati kull sena. Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 jiżgura li l-irkantar ta' kwoti jkun proċess li jaħdem sew. Attwalment dan il-proċess jitwettaq minn pjattaforma komuni tal-irkant għal 25 Stat Membru u minn għadd żgħir ta' pjattaformi ta' esklużjoni.

(2)

Skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), trid tiġi stabbilita riżerva tal-istabbiltà tas-suq (“riżerva”) fl-2018 u trid tibda titħaddem mill-1 ta' Jannar 2019. Skont ir-regoli stabbiliti minn qabel ta' din id-Deċiżjoni, il-volumi tal-kwoti jridu jitqiegħdu fir-riżerva jew jiġu rilaxxati minnha, filwaqt li jiġu aġġustati l-volumi ta' kwoti li jridu jiġu rkantati fuq perjodu ta' 12-il xahar li jibda fl-1 ta' Settembru ta' sena partikolari. Dawk ir-regoli għall-funzjonament tar-riżerva huma meħtieġa biex jindirizzaw sitwazzjonijiet li fihom l-għadd totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni għas-sena ta' qabel, ippubblikat mill-Kummissjoni fil-15 ta' Mejju tas-sena partikolari, ikun barra mill-firxa stabbilita minn qabel. Fl-ewwel sena tat-tħaddim tar-riżerva, l-ewwel aġġustament fil-volumi tal-irkant irid isir mill-1 ta' Jannar sal-1 ta' Settembru 2019.

(3)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tistipula wkoll li 900 miljun kwota li oriġinarjament kienu ppjanati li jiġu introdotti mill-ġdid fl-2019 u fl-2020, kif stabbilit bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 176/2014 (4), ma jridux jiġu rkantati iktar iżda jridu jitqiegħdu fir-riżerva. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tistipula li l-kwoti mhux allokati mir-riżerva ta' dawk li jidħlu ġodda, jew dawk li mhumiex allokati għal installazzjonijiet minħabba l-għeluq jew il-waqfien parzjali tagħhom skont l-Artikoli 10a(7), 10a(19) u 10a(20) tad-Direttiva 2003/87/KE, iridu jitqiegħdu fir-riżerva fl-2020 iktar milli jiġu rkantati.

(4)

Skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, il-kalendarji tal-irkantijiet tal-pjattaforma komuni tal-irkant u, meta jkun applikabbli, il-pjattaformi tal-irkant ta' esklużjoni jridu jiġu aġġustati biex jinżamm amment tal-volum ta' kwoti li jitqiegħdu fir-riżerva jew li jridu jiġu rilaxxati minnha.

(5)

Bil-ħsieb li l-parteċipanti fis-suq ikollhom ċarezza u ċertezza dwar il-volumi ta' kwoti li jridu jiġu rkantati fi żmien perjodu ta' minn tal-inqas 12-il xahar, jenħtieġ li l-bidliet fil-kalendarju tal-irkantijiet ta' sena partikolari, li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, isiru flimkien mal-istabbiliment u mal-pubblikazzjoni tal-kalendarju tal-irkantijiet tas-sena ta' wara. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-aġġustamenti fil-volumi tal-irkantijiet timxi ħarir, filwaqt li jiġu evitati impatti negattivi fuq l-irkantijiet, jenħtieġ li l-parteċipanti fis-suq jiġu infurmati fil-ħin dwar l-impatt tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fuq il-volumi tal-irkantijiet għat-12-il xahar li jmiss. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-bidliet rilevanti fil-kalendarji tal-irkantijiet ta' sena partikolari u fil-kalendarji tal-irkantijiet għas-sena ta' wara jiġu ppubblikati bil-quddiem, ferm qabel l-1 ta' Settembru ta' sena partikolari meta jibdew japplikaw l-aġġustamenti rilevanti fil-volumi tal-irkantijiet.

(6)

L-Artikoli 1(5) u 1(8) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fihom derogi mir-regoli ġenerali għall-funzjonament tar-riżerva fir-rigward tal-10 % tal-kwantità totali ta' kwoti li jridu jiġu rkantati u li jiġu distribwiti fost xi Stati Membri għal skopijiet ta' solidarjetà skont l-Artikolu 10(2)(b) tad-Direttiva 2003/87/KE. Għalhekk, is-sehem ta' kwoti tal-Istati Membri li jridu jiġu rkantati għal kwalunkwe sena partikolari jridu jiġu stabbiliti wkoll skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 1(5) u tal-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fir-rigward tar-regoli speċifiċi biex jiġi stabbilit is-sehem tal-Istati Membri fit-tqegħid ta' kwoti fir-riżerva sa tmiem l-2025 u r-rilaxx sussegwenti ta' kwoti mir-riżerva.

(7)

L-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 jistipula lista mhux eżawrjenti ta' informazzjoni mhux kunfidenzjali li trid tiġi ppubblikata fuq is-sit web dedikat aġġornat tal-irkantar u li hi miżmuma fil-pjattaforma tal-irkant kkonċernata. Jenħtieġ li l-lista ta' persuni li jitħallew iwettqu l-offerti fl-irkantijiet titqies bħala biċċa informazzjoni mhux kunfidenzjali li hi rilevanti għall-irkantijiet fuq pjattaforma tal-irkant partikolari.

(8)

Ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 fih diversi inkonsistenzi li jirriżultaw minn emendi preċedenti għal dak ir-Regolament, u jenħtieġ li jiġu kkoreġuti. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Artikolu 10(3) jiġi emendat biex jiġi ċċarat li l-kalkolu tal-volum tal-kwoti li jridu jiġu rkantati kull sena jqis kull aġġustament skont l-Artikoli 24 u 27 tad-Direttiva 2003/87/KE. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1143/2013 (5) introduċa fir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 r-regola li entità tista' tiġi maħtura biss bħala pjattaforma tal-irkant jekk tkun awtorizzata bħala suq regolat li fih l-operatur tiegħu jorganizza suq sekondarju tal-kwoti jew tad-derivattivi tal-kwoti. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma' dik ir-regola, jeħtieġ li jiġu emendati l-Artikoli 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010.

(9)

Skont l-Artikolu 30(4) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, fit-18 ta' Frar 2011 ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu li ma jipparteċipax fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) u (2) ta' dak ir-Regolament, u li se jaħtar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess.

(10)

Fit-30 ta' April 2012, ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni li jaħtar lill-ICE Futures Europe (“ICE”) bħala pjattaforma tal-irkant kif jissemma fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010. It-termini tal-ħatra u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-ICE bħala pjattaforma tal-irkant għar-Renju Unit għall-perjodu mill-10 ta' Novembru 2012 sad-9 ta' Novembru 2017 iddaħħlu fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1042/2012 (6).

(11)

Fis-16 ta' Novembru 2016, ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni li jaħtar lill-ICE Futures Europe (“ICE”) bħala t-tieni pjattaforma tal-irkant tiegħu skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010. B'din in-notifika, it-termini u r-rekwiżiti tal-ħatra tal-ICE jibqgħu l-istess bħal dawk li ġew innotifikati fit-30 ta' April 2012 u r-regoli ta' skambju tal-ICE li huma applikabbli għall-irkantijiet ġew emendati sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet u mal-obbligi għall-elenkar tagħha fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, skont il-punt 6 tar-ringiela dwar l-obbligi tat-tabella għall-pjattaformi tal-irkant maħtura mir-Renju Unit, stabbiliti f'dak l-Anness. Barra minn hekk, wara talba mill-Kummissjoni, ir-Renju Unit ipprovda iktar informazzjoni u kjarifika li jissupplimentaw in-notifika skont dan.

(12)

Sabiex jiġi żgurat li l-ħatra proposta tal-ICE bħala t-tieni pjattaforma tal-irkant tar-Renju Unit imsemmija fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, u b'mod partikolari li r-regoli ta' skambju tal-ICE jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dak ir-Regolament u li jikkonformaw mat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE, jixraq li l-kundizzjonijiet u l-obbligi tal-ICE, stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, jiġu estiżi għall-elenkar tal-ICE bħala t-tieni pjattaforma tal-irkant ta' esklużjoni tar-Renju Unit bl-adattamenti meħtieġa biex jiġi żgurat li l-għan tagħhom jintlaħaq filwaqt li jitqiesu t-termini speċifiċi ta' implimentazzjoni stipulati fir-regoli applikabbli ta' skambju tal-ICE.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1031/2010 jiġi emendat skont dan.

(14)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel u t-tieni sottoparagrafi jinbidlu b'dan li ġej:

“2.   Il-volum ta' kwoti kopert bil-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE li jrid jiġi rkantat fl-2013 u fl-2014 għandu jkun il-kwantità ta' kwoti stabbilita skont l-Artikoli 9 u 9a ta' dik id-Direttiva għas-sena kalendarja kkonċernata, wara li titnaqqas l-allokazzjoni mingħajr ħlas prevista fl-Artikoli 10a(7) u 11(2) ta' dik id-Direttiva, u wara li jitnaqqas nofs il-volum totali ta' kwalunkwe kwota rkantata fl-2012.

Il-volum ta' kwoti kopert bil-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE li jrid jiġi rkantat kull sena kalendarja mill-2015 sal-2018 għandu jkun il-kwantità ta' kwoti stabbilita skont l-Artikoli 9 u 9a ta' dik id-Direttiva għas-sena kalendarja kkonċernata, wara li titnaqqas l-allokazzjoni mingħajr ħlas prevista fl-Artikoli 10a(7) u 11(2) ta' dik id-Direttiva.”;

(ii)

il-ħames sottoparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Il-volum ta' kwoti kopert bil-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE li jrid jiġi rkantat mill-2019 'il quddiem għandu jkun il-kwantità ta' kwoti stabbilita skont l-Artikoli 10(1) u 10(1a) ta' dik id-Direttiva.”;

(iii)

id-disa' sottoparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), il-volum ta' kwoti kopert bil-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE li jrid jiġi rkantat fl-aħħar sena ta' kull perjodu ta' negozjar għandu jqis kwalunkwe waqfien li jkun hemm fl-operazzjonijiet ta' installazzjoni skont l-Artikolu 10a(19) ta' dik id-Direttiva, ta' kwalunkwe adattament fil-livell ta' allokazzjoni mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10a(20) ta' dik id-Direttiva u tal-kwoti li jifdal fir-riżerva għall-parteċipanti ġodda kif previst fl-Artikolu 10a(7) ta' dik id-Direttiva.;

(*1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1).”;"

(b)

il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Il-volum ta' kwoti kopert bil-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE li jrid jiġi rkantat kull sena kalendarja mill-2013 'il quddiem għandu jkun ibbażat fuq l-Anness I u fuq l-istabbiliment u l-pubblikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10(1) ta' dik id-Direttiva, tal-ammont stmat ta' kwoti li jridu jiġu rkantati, jew fuq l-iżjed emenda reċenti tal-istima oriġinali tal-Kummissjoni kif ippubblikata sal-31 ta' Jannar tas-sena ta' qabel, filwaqt li titqies id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 meta jkun rilevanti, u sa fejn dan ikun possibbli, kwalunkwe allokazzjonijiet tranżizzjonali mingħajr ħlas li jitnaqqsu jew li jridu jitnaqqsu mill-kwantità ta' kwoti li Stat Membru partikolari kieku jirkanta skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE kif previst fl-Artikolu 10c(2) ta' dik id-Direttiva, kif ukoll kwalunkwe aġġustament skont l-Artikoli 24 u 27 ta' dik id-Direttiva.

Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, kwalunkwe bidla sussegwenti fil-volum ta' kwoti li jrid jiġi rkantat f'sena kalendarja partikolari għandha titqies fil-volum ta' kwoti li jrid jiġi rkantat fis-sena kalendarja ta' wara.”;

(c)

il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10a(7) tad-Direttiva 2003/87/KE, għal kwalunkwe sena kalendarja partikolari kull sehem ta' kwoti ta' Stat Membru li jrid jiġi rkantat u li huwa kopert bil-Kapitolu III ta' dik id-Direttiva għandu jkun is-sehem stabbilit skont l-Artikolu 10(2) tal-istess Direttiva, filwaqt li titqies kull allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas li tkun saret minn dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva 2003/87/KE f'dik is-sena kalendarja, kull kwota li trid tiġi rkantata minn dak l-Istat Membru fl-istess sena kalendarja skont l-Artikolu 24 ta' dik id-Direttiva, kif ukoll kull kwota li trid titqiegħed fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq jew li trid tiġi rilaxxata minnha skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 1(5) u l-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814.”;

(2)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2) ta' dan ir-Regolament għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw il-perjodi għall-offerti, il-volumi individwali, id-dati tal-irkantijiet, kif ukoll il-prodott irkantat, id-dati tal-ħlas u tal-kunsinna tal-kwoti koperti bil-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE li jridu jiġu rkantati f'irkantijiet individwali kull sena kalendarja, sat-30 ta' Ġunju tas-sena ta' qabel, jew malajr kemm jista' jkun minn dakinhar 'il quddiem, ladarba qabel ikunu kkonsultaw lill-Kummissjoni u kisbu l-opinjoni tagħha dwar dan. Il-pjattaformi tal-irkant ikkonċernati għandhom iqisu għalkollox l-opinjoni tal-Kummissjoni.”;

(3)

fl-Artikolu 14, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (k) jinbidel b'dan li ġej:

“(k)

il-ħtieġa li pjattaforma tal-irkant tevita li twettaq irkant li jikser dan ir-Regolament jew id-Direttiva 2003/87/KE;”;

(b)

jiżdied il-punt (l) li ġej:

“(l)

l-aġġustamenti meħtieġa skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 li għandhom jiġu stabbiliti u ppubblikati sal-15 ta' Lulju tas-sena partikolari, jew malajr kemm jista' jkun minn dakinhar 'il quddiem.”;

(4)

l-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-membri jew il-parteċipanti tas-suq sekondarju organizzat minn pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) li jkunu persuni eliġibbli skont l-Artikolu 18(1) jew (2), għandhom jitħallew iwettqu l-offerti direttament fl-irkantijiet imwettqa minn dik il-pjattaforma tal-irkant mingħajr ebda rekwiżit ieħor ta' ammissjoni, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżiti għall-ammissjoni tal-membru jew tal-parteċipant fin-negozjar tal-kwoti permezz tas-suq sekondarju organizzat mill-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) ma jkunux inqas stretti minn dawk elenkati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu;

(b)

il-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) tirċievi kull informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tivverifika l-issodisfar ta' kull rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu li ma jkunx ġie vverifikat qabel.”;

(b)

fil-paragrafu 2, jitħassar it-tieni sottoparagrafu;

(5)

fl-Artikolu 20(1), it-tieni sottoparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Il-membri jew il-parteċipanti fis-suq sekondarju organizzat mill-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 19(1) għandhom jitħallew iwettqu l-offerti mingħajr ma japplikaw skont l-ewwel sottoparagrafu ta' dan il-paragrafu.”;

(6)

fl-Artikolu 30(6), il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

ir-regoli operattivi dettaljati li jirregolaw il-proċess tal-irkant li jrid jitwettaq mill-pjattaforma/i tal-irkant li jipproponi li jaħtar, inkluż id-dispożizzjonijiet kuntrattwali dwar il-ħatra tal-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata inkluż kwalunkwe sistema/i tal-ikklirjar u kwalunkwe sistema/i tas-saldu konnessi mal-pjattaforma tal-irkant proposta li tistipula t-termini u l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-istruttura u l-livell tat-tariffi, il-ġestjoni tal-kollateral, il-ħlas u l-kunsinna;”;

(7)

l-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-volum tal-kwoti koperti bil-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE rkantati fi rkantijiet individwali mwettqa minn pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 30(1) jew (2) ta' dan ir-Regolament ma għandux ikun ikbar minn 20 miljun kwota u mhux inqas minn 3,5 miljun kwota; għajr meta l-volum totali ta' kwoti, koperti bil-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE, li jrid jiġi rkantat mill-Istat Membru li qed jaħtar ikun inqas minn 3,5 miljun f'sena kalendarja partikolari, u f'dan il-każ il-kwoti għandhom jiġu rkantati fi rkant wieħed kull sena kalendarja. Madankollu, il-volum ta' kwoti koperti bil-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE rkantati fi rkant individwali mwettaq minn dawk il-pjattaformi tal-irkant ma għandux ikun inqas minn 1,5 miljun kwota fil-perjodi rispettivi ta' 12-il xahar meta għadd ta' kwoti jrid jitnaqqas mill-volum ta' kwoti li jridu jiġu rkantati skont l-Artikolu 1(5) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814.”

(b)

fil-paragrafu 4, l-ewwel sottoparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Il-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 30(1) jew (2) ta' dan ir-Regolament għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw il-perjodi għall-offerti, il-volumi individwali, id-dati tal-irkantijiet, kif ukoll il-prodott irkantat, id-dati tal-ħlas u tal-kunsinna tal-kwoti li jridu jiġu rkantati fi rkantijiet individwali kull sena, koperti bil-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE, sal-31 ta' Ottubru tas-sena ta' qabel jew malajr kemm jista' jkun minn dakinhar 'il quddiem, u għal dawk koperti bil-Kapitolu III ta' dik id-Direttiva, sal-15 ta' Lulju tas-sena ta' qabel jew malajr kemm jista' jkun minn dakinhar 'il quddiem. Il-pjattaformi tal-irkant ikkonċernati għandhom jagħmlu l-istabbiliment u l-pubblikazzjoni tagħhom biss wara l-istabbiliment u l-pubblikazzjoni skont l-Artikoli 11(1) u 13(1) ta' dan ir-Regolament mill-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2) ta' dan ir-Regolament, sakemm tali pjattaforma tal-irkant ma tkunx għadha ġiet maħtura. Il-pjattaformi tal-irkant ikkonċernati għandhom jagħmlu l-istabbiliment u l-pubblikazzjoni tagħhom biss wara li jkunu kkonsultaw lill-Kummissjoni u kisbu l-opinjoni tagħha dwarhom. Il-pjattaformi tal-irkant ikkonċernati għandhom iqisu għalkollox l-opinjoni tal-Kummissjoni.”

(8)

fl-Artikolu 35, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-irkantijiet għandhom jitwettqu biss fi pjattaforma tal-irkant awtorizzata bħala suq regolat li fih l-operatur tiegħu jorganizza suq sekondarju tal-kwoti jew tad-derivattivi tal-kwoti.”;

(9)

fl-Artikolu 60(1), l-ewwel sottoparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Kull leġiżlazzjoni, gwida, struzzjoni, formola, dokument u tħabbira, inkluż il-kalendarju tal-irkantijiet, kull informazzjoni oħra mhux konfidenzjali rilevanti għall-irkantijiet fi pjattaforma tal-irkant partikolari, inkluż il-lista ta' persuni li jitħallew iwettqu l-offerti fl-irkantijiet, kull deċiżjoni, inkluż kull deċiżjoni skont l-Artikolu 57, li timponi daqs massimu tal-offerta u kull miżura korrettiva oħra li tkun meħtieġa biex tnaqqas ir-riskju reali jew potenzjali li jkun hemm ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu, attività kriminali jew abbuż tas-suq fuq dik il-pjattaforma tal-irkant, għandhom jiġu ppubblikati f'sit web tal-irkantar aġġornat u dedikat għalhekk li jinżamm fil-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata.”;

(10)

L-Anness III huwa emendat b'konformità mal-Anness I ta' dan ir-Regolament;

(11)

L-Anness IV jinbidel bit-test tal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta' Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta' rkantar ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, (ĠU L 302, 18.11.2010, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 176/2014 tal-25 ta' Frar 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010, b'mod partikolari, sabiex jiġu stabbiliti l-volumi ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra li għandhom jiġu rkantati fl-2013-20 (ĠU L 56, 26.2.2014, p. 11).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1143/2013 tat-13 ta' Novembru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta' rkantar ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità b'mod partikolari biex tiġi elenkata pjattaforma tal-irkant li għandha tiġi maħtura mill-Ġermanja (ĠU L 303, 14.11.2013, p. 10).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1042/2012 tas-7 ta' Novembru 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010 għall-elenkar ta' pjattaforma tal-irkant li trid tinħatar mir-Renju Unit (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 19).


ANNESS I

Fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, qed tiżdied il-Parti 4 li ġejja:

“Pjattaformi tal-irkant maħtura mir-Renju Unit

4

Pjattaforma tal-irkant

ICE Futures Europe (ICE)

 

Bażi ġuridika

L-Artikolu 30(1)

 

Tul ta' żmien tal-ħatra

Mhux qabel l-10 ta' Novembru 2017 u mhux iktar tard mid-9 ta' Novembru 2022, mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 30(5).

 

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet tal-kundizzjoni u tal-obbligi li japplikaw għall-ICE, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)   ‘regoli ta' skambju tal-ICE’— tfisser ir-Regolamenti tal-ICE, inkluż b'mod partikolari r-regoli u l-proċeduri tal-kuntratti marbuta mal-ICE FUTURES EUA AUCTION CONTRACT u l-ICE FUTURES EUAA AUCTION CONTRACT;

(b)   ‘membru ta' skambju’— tfisser membru kif definit fit-Taqsima A.1 tar-regoli ta' skambju tal-ICE;

(c)   ‘klijent’— tfisser klijent ta' membru ta' skambju, kif ukoll klijenti tal-klijenti tagħhom 'l isfel fil-katina, li jiffaċilitaw l-ammissjoni ta' persuni biex iwettqu l-offerti u jaġixxu f'isem l-offerenti.

 

Kundizzjonijiet

L-ammissjoni fl-irkantijiet ma għandhiex tiddependi fuq li wieħed isir membru ta' skambju jew parteċipant tas-suq sekondarju organizzat mill-ICE jew ta' kwalunkwe post ta' negozjar ieħor imħaddem mill-ICE jew minn kwalunkwe parti terza.

 

Obbligi

1.

L-ICE għandha tirrikjedi li kull deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-membri ta' skambju tal-ICE jew mill-klijenti tagħhom fir-rigward tal-għoti tal-ammissjoni biex iwettqu l-offerti fl-irkantijiet, filwaqt li din l-ammissjoni tiġi rrevokata jew sospiża, kemm jekk id-deċiżjoni ttieħdet fir-rigward ta' ammissjoni biex jitwettqu l-offerti fl-irkant biss jew inkella ta' ammissjoni biex jitwettqu l-offerti fl-irkantijiet u wkoll biex issir membru jew parteċipant tas-suq sekondarju, tiġi kkomunikata lill-ICE mill-membri tal-iskambju jew mill-klijenti tagħhom filwaqt li jieħdu dawn id-deċiżjonijiet kif ġej:

(a)

fil-każ ta' deċiżjonijiet li jiċħdu l-għoti tal-ammissjoni biex jitwettqu l-offerti u ta' deċiżjonijiet li jirrevokaw jew jissospendu l-aċċess għall-irkantijiet, fuq bażi individwali mingħajr dewmien;

(b)

fil-każ ta' deċiżjonijiet oħra, fuq talba.

L-ICE għandha tiżgura li kull deċiżjoni bħal din tkun tista' tiġi soġġetta għal eżaminazzjoni mill-ICE fir-rigward tal-konformità tagħha mal-obbligi eżistenti fil-konfront tal-pjattaforma tal-irkant skont ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010, u li l-membri tal-iskambju tal-ICE jew il-klijenti tagħhom jirrispettaw ir-riżultati ta' kull eżaminazzjoni ta' din ix-xorta mill-ICE. Dan jista' jinkludi rikors għal kwalunkwe regola tal-iskambju applikabbli tal-ICE, inklużi proċeduri dixxiplinarji, jew kull azzjoni oħra kif ikun xieraq biex tiffaċilita l-ammissjoni biex jitwettqu l-offerti fl-irkantijiet, iżda mhux limitat għal dawn ir-regoli jew miżuri biss.

2.

L-ICE għandha tfassal lista komprensiva u aġġornata tal-membri tal-iskambju jew tal-klijenti tagħhom li huma eliġibbli u żżommha fuq il-paġna web tagħha, sabiex tiffaċilita l-ammissjoni biex jitwettqu l-offerti fl-irkantijiet tar-Renju Unit fuq l-ICE, u din il-lista għandha tinkludi l-fornituri tal-aċċess għall-irkantijiet biss kif stabbilit fir-regoli tal-iskambju tal-ICE, kif ukoll il-membri tal-iskambju jew il-klijenti tagħhom li jipprovdu l-ammissjoni biex jitwettqu l-offerti fl-irkantijiet lil persuni li jistgħu jkunu wkoll membri jew parteċipanti tas-suq sekondarju.

Barra minn hekk, l-ICE għandha tfassal gwida prattika u li tinftiehem faċilment li tinforma lill-SMEs u lill-emittenti ż-żgħar dwar il-passi li hemm bżonn jieħdu biex ikollhom aċċess għall-irkantijiet permezz ta' dawn il-membri tal-iskambju jew tal-klijenti tagħhom u għandha żżommha fuq il-paġna web tagħha.

3.

It-tariffi u l-kundizzjonijiet kollha applikati mill-ICE u s-sistema ta' approvazzjoni tagħha għall-persuni li jitħallew iwettqu l-offerti jew għall-offerenti għandhom ikunu ddikjarati b'mod ċar, ikunu jinftiehmu faċilment u jkunu disponibbli pubblikament fuq il-paġna web tal-ICE, li għandha tinżamm aġġornata.

L-ICE għandha tistipula li meta jiġu applikati miżati u kundizzjonijiet addizzjonali minn membru tal-iskambju jew minn klijent tiegħu, għall-ammissjoni biex jitwettqu l-offerti, dawn it-tariffi u l-kundizzjonijiet għandhom ukoll jiġu ddikjarati b'mod ċar, ikunu jinftiehmu faċilment u jkunu disponibbli pubblikament fuq il-paġni web ta' dawk li joffru s-servizzi b'referenzi diretti għal dawk il-paġni web li jkunu disponibbli fuq il-paġna web tal-ICE, filwaqt li ssir distinzjoni bejn it-tariffi u l-kundizzjonijiet li qed jiġu applikati għall-persuni li jitħallew iwettqu l-offerti fl-irkantijiet biss, jekk dawn ikunu disponibbli, u t-tariffi u l-kundizzjonijiet applikati għall-persuni li jitħallew iwettqu l-offerti fl-irkantijiet u li jkunu wkoll membri jew parteċipanti tas-suq sekondarju.

4.

Mingħajr preġudizzju għal rimedji ġuridiċi oħra, l-ICE għandha tistipula d-disponibbiltà tal-Proċeduri ta' Riżoluzzjoni tal-Ilmenti tal-ICE għal ilmenti li jistgħu jirriżultaw b'rabta ma' deċiżjonijiet dwar l-għoti tal-ammissjoni biex jitwettqu l-offerti fl-irkantijiet, iċ-ċaħda tal-għoti tal-ammissjoni biex jitwettqu l-offerti fl-irkantijiet, u r-revoka jew is-sospensjoni tal-ammissjonijiet biex jitwettqu l-offerti fl-irkantijiet li diġà jkunu ngħataw, kif hemm speċifikat iktar fil-punt 1, li jkunu ttieħdu mill-membri ta' skambju tal-ICE jew mill-klijenti tagħhom, u dawn l-ilmenti kollha għandhom jitqiesu bħala lmenti eliġibbli għall-iskopijiet tal-Proċeduri ta' Riżoluzzjoni tal-Ilmenti tal-ICE.

5.

Fi żmien sitt xhur wara l-bidu tal-irkantijiet, l-ICE għandha tirrapporta lis-sorveljatur tal-irkantijiet dwar il-kopertura li nkisbet bil-mudell ta' kooperazzjoni tagħha mal-membri ta' skambju u mal-klijenti tagħhom, inkluż il-livell li nkiseb ta' kopertura ġeografika. L-ICE għandha tqis għalkollox kwalunkwe rakkomandazzjoni tas-sorveljatur tal-irkantijiet f'dan ir-rigward sabiex tiżgura li l-obbligi tagħha jkunu ġew issodisfati skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010.

6.

L-ICE għandha tiżgura konformità sħiħa mal-kundizzjoni u mal-obbligi għall-elenkar tagħha li huma stabbiliti f'dan l-Anness.

7.

Ir-Renju Unit għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sostantiva fl-arranġamenti kuntrattwali mal-ICE li jkunu ġew innotifikati lill-Kummissjoni.”


ANNESS II

ANNESS IV

Aġġustamenti għall-volumi tal-kwoti (f'miljuni) li jridu jiġu rkantati mill-2013 sal-2020, imsemmija fl-Artikolu 10(2)

Sena

Volum ta' tnaqqis

2013

 

2014

400

2015

300

2016

200

2017

 

2018

 

2019

 

2020

 


Top