EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0275

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 275/2014 tas- 7 ta’ Jannar 2014 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 80, 19.3.2014, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/275/oj

19.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/1


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 275/2014

tas-7 ta’ Jannar 2014

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 21 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013, fi żmien l-ewwel sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati li jagħtu d-dettalji dwar il-prijoritajiet tal-finanzjament tat-trasport biex ikunu riflessi fil-programmi ta’ ħidma għat-tul kollu tas-CEF għal azzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 7(2). Għalhekk hemm bżonn li l-att delegat li jiddettalja l-prijoritajiet tal-finanzjament tat-trasport jiġi adottat qabel l-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma.

(2)

Skont l-Artikolu 21(3), il-prijoritajiet tal-finanzjament tat-trasport għandhom iqisu l-azzjonijiet eliġibbli li jikkontribwixxu għall-proġetti ta’ interess komuni skont ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), elenkati skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013

(3)

L-azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 huma deskritti iktar fid-dettall fl-Artikoli 10 u 11 ta’ dak ir-Regolament li jipprovdu rati ta’ finanzjament massimu applikabbli għal dawk l-azzjonijiet. Għalhekk huwa xieraq li jkun hemm referenza għall-azzjonijiet kif elenkati f’dawk l-Artikoli sabiex jingħataw id-dettalji tal-prijoritajiet tal-finanzjament tat-trasport.

(4)

Il-proġetti ta’ interess komuni kif elenkati fil-Parti I tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 huma eliġibbli għall-programmi ta’ ħidma multiannwali msemmija fl-Artikolu 17(3) ta’ dak ir-Regolament. Il-proġetti mhux elenkati fil-Parti I tal-Anness I iżda eliġibbli skont l-Artikolu 7(2) ta’ dak ir-Regolament huma eliġibbli li jaqgħu taht il-programmi ta’ ħidma annwali.

(5)

Waqt li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 jirreferi għall-għanijiet speċifiċi tat-trasport tal-Artikolu 4(2) ta’ dak ir-Regolament, huwa xieraq li wieħed jirreferi għal dawk l-għanijiet għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

(6)

Waqt li jiġi kkunsidrat li l-istrumenti finanzjarji għandhom jirċievu kontribuzzjoni tal-UE taħt programmi ta’ ħidma annwali, huwa xieraq li hawn tiġi inkluża prijorità korrispondenti.

(7)

L-azzjonijiet jappoġġaw il-programmi elenkati fl-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013, li jikkonsistu fl-ispejjeż ta’ assistenza teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u limitata għal 1 % tal-pakkett finanzjarju, ma jkunux koperti mill-programmi ta’ ħidma. Madankollu l-azzjonijiet li jappoġġaw il-programmi u li jikkontribwixxu għall-proġetti ta’ interess komuni kif previst fl-Artikolu 7(2) u msemmija fl-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 se jkunu koperti mill-programmi ta’ ħidma u huma inklużi hawnhekk flimkien ma’ prijorità korrispondenti.

(8)

Ir-riżorsi kollha msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013, inklużi r-riżorsi trasferiti mill-Fond ta’ Koeżjoni se jkunu koperti taħt l-istess programmi ta’ ħidma. Skont l-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament, ir-riżorsi trasferiti mill-Fond ta’ Koeżjoni ser ikunu suġġetti għal sejħiet speċifiċi għall-proposti.

(9)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biex jippermetti l-adozzjoni f’waqtha tal-atti ta’ implimentazzjoni stipulati fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-test stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament jiżdied bħala Parti VI fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 l-linji gwida għall-iżvilupp ta’ netwerk ta’ trasport trans-Ewropew li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 il-Parti VI li ġejja għandha tiżdied:

“PARTI VI

IL-PRIJORITAJIET TAL-FINANZJAMENT TAT-TRASPORT GĦALL-FINI TAL-PROGRAMMI TA’ ĦDIMA MULTIANNWALI U ANNWALI

1.   Il-prijoritajiet tal-finanzjament għall-programmi ta’ ħdima multiannwali u annwali

1.1.

Il-prijoritajiet ta’ finanzjament bl-iskop li jinħolqu konnessjonijiet nieqsa u jitneħħew il-punti ta’ konġestjoni, li tittejjeb l-interoperabbiltà ferrovjarja, u, b’mod partikolari, li jittejbu t-taqsimiet transkonfinali:

(i)

Proġetti identifikati bil-quddiem fuq il-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni (il-ferroviji, il-passaġġi fuq l-ilma interni, it-toroq, u l-portijiet marittimi u interni).

(ii)

Proġetti identifikati bil-quddiem dwar sezzjonijiet oħra tan-Netwerk Ewlieni (il-ferroviji, il-passaġġi fuq l-ilma interni, it-toroq, il-portijiet marittimi u interni).

(iii)

L-interoperabilità ferrovjarja.

(iv)

Tnedija tal-ERTMS.

1.2.

Il-prijoritajiet ta’ finanzjament bl-iskop biex jiġu żgurati sistemi ta’ trasport sostenibbli u effiċjenti fuq medda twila ta’ żmien, bil-ħsieb li jkun hemm tħejjija għall-flussi futuri tat-trasport mistennija, kif ukoll li jippermettu li l-modi kollha tat-trasport jiġu dekarbonizzati permezz ta’ tranżizzjoni lejn teknoloġiji innovattivi tat-trasport b’livell baxx ta’ karbonju u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, filwaqt li tiġi ottimizzata s-sikurezza:

(i)

It-tnedija ta’ teknoloġiji ġodda u tal-innovazzjoni fil-modi kollha tat-trasport, b’enfasi fuq id-dekarbonizzazzjoni, is-sikurezza u t-teknoloġiji innovattivi għall-promozzjoni tas-sostenibbiltà, l-operazzjoni, il-ġestjoni, l-aċċessibbiltà, il-multimodalità u l-effiċjenza tan-netwerk.

(ii)

Infrastruttura b’sigurtà u sikurezza, inklużi parkings b’sigurtà u sikurezza fuq in-Network Ewlieni tat-toroq.

1.3.

Il-prijoritajiet ta’ finanzjament bl-iskop li tittejjeb kemm jista’ jkun l-integrazzjoni u l-interkonnessjonijiet bejn il-mezzi ta’ trasport, u tittejjeb l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ trasport, filwaqt li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-infrastrutturi tat-trasport:

(i)

Ajru Uniku Ewropew – SESAR.

(ii)

Servizzi ta’ Informazzjoni dwar ix-Xmajjar.

(iii)

Sistemi tat-Trasport Intelliġenti għat-toroq.

(iv)

Sistemi ta’ Monitoraġġ tat-Traffiku tal-Bastimenti u ta’ Informazzjoni.

(v)

Awtostradi tal-baħar.

(vi)

Azzjonijiet li jimplimentaw l-infrastruttura tat-trasport f’nodi tan-Netwerk Ewlieni, inkluż in-nodi urbani.

(vii)

Konnessjonijiet mal-pjataformi loġistiċi multimodali u l-iżvilupp tal-pjattaformi.

1.4.

Azzjonijiet ta’ appoġġ għall-programmi.

2.   Il-prijoritajiet tal-finanzjament għall-programmi ta’ ħdima annwali

2.1.

Il-prijoritajiet ta’ finanzjament bl-iskop li jitneħħew l-ostakli, li tittejjeb l-interoperabbiltà ferrovjarja, li jinħolqu l-konnessjonijiet nieqsa u, b’mod partikolari, li jittejbu t-taqsimiet transkonfinali:

(i)

Il-ferroviji, il-passaġġi fuq l-ilma interni u l-proġetti ta’ toroq fuq in-Netwerk Ewlieni inklużi l-konnessjonijiet mal-portijiet interni u marittimi u mal-ajruporti, kif ukoll l-iżvilupp tal-portijiet.

(ii)

Proġetti identifikati fuq in-Netwerk Komprensiv (il-ferroviji, il-passaġġi fuq l-ilma interni, it-toroq, il-portijiet marittimi u interni).

(iii)

Proġetti li jgħaqqdu n-netwerk ta’ trasport trans-Ewropew ma’ netwerks tal-infrastruttura ta’ pajjiżi ġirien, b’mod partikolari relatati ma’ taqsimiet transkonfinali (il-ferroviji, il-passaġġ tal-ilma interni, it-toroq, il-portijiet marittimi u interni).

2.2.

Il-prijoritajiet ta’ finanzjament bl-iskop biex jiġu żgurati sistemi ta’ trasport sostenibbli u effiċjenti fuq medda twila ta’ żmien, bil-ħsieb li jkun hemm tħejjija għall-flussi futuri tat-trasport mistennija, kif ukoll li jippermettu li l-modi kollha tat-trasport jiġu dekarbonizzati permezz ta’ tranżizzjoni lejn teknoloġiji innovattivi tat-trasport b’livell baxx ta’ karbonju u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, filwaqt li tiġi ottimizzata s-sikurezza:

(i)

It-tnedija ta’ teknoloġiji ġodda u tal-innovazzjoni, minbarra dawk koperti mill-Programm ta’ Ħidma multiannwali.

(ii)

Servizzi tat-Trasport tal-Merkanzija.

(iii)

Azzjonijiet sabiex jitnaqqas l-istorjbu li joħroġ mill-ferroviji li jġorru l-merkanzija inkluż it-twaħħil ta’ tagħmir apposta mal-vetturi kollha li joperaw fuq il-linji tal-ferroviji.

2.3.

Il-prijoritajiet ta’ finanzjament bl-iskop li tittejjeb kemm jista’ jkun l-integrazzjoni u l-interkonnessjonijiet bejn il-mezzi ta’ trasport, u tittejjeb l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ trasport, filwaqt li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-infrastrutturi tat-trasport:

(i)

Sistemi ta’ applikazzjonijiet telematiċi barra dawk koperti mill-Programm ta’ Ħidma multiannwali.

(ii)

Azzjonijiet għal aċċessibilità aħjar għall-infrastruttura tat-trasport għall-persuni b’diżabilità.

(iii)

Azzjonijiet li jimplimentaw l-infrastruttura tat-trasport f’nodi tan-Netwerk Ewlieni, inkluż in-nodi urbani.

(iv)

Konnessjonijiet mal-pjataformi loġistiċi multimodali u l-iżvilupp tal-pjattaformi.

2.4.

Strumenti finanzjarji tas-CEF

(i)

Kontribuzzjoni lill-istrumenti finanzjarji, kif definit fl-Artikolu 14 u l-Parti III tal-anness tas-CEF.

(ii)

Azzjonijiet li jappoġġaw il-programm għall-istrumenti finanzjarji innovattivi.”


Top