EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0688

2012/688/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Novembru 2012 dwar l-armonizzazzjoni tal-meded ta’ frekwenzi 1920 – 1980  MHz u 2110 – 2170  MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Unjoni (notifikata bid-dokument numru C(2012) 7697) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 307, 7.11.2012, p. 84–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 062 P. 251 - 255

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 19/05/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/688/oj

7.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 307/84


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Novembru 2012

dwar l-armonizzazzjoni tal-meded ta’ frekwenzi 1 920–1 980 MHz u 2 110–2 170 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Unjoni

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 7697)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/688/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika tal-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni tal-Ispettri tar-Radju) (1), u partikolarment l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Fl-14 ta’ Diċembru 1998, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Deċiżjoni Nru 128/1999/KE dwar l-introduzzjoni koordinata ta’ sistema ta' komunikazjonijiet mingħajr fili u mobbli (UMTS) tat-tielet ġenerazzjoni fil-Komunità (2) (id-Deċiżjoni UMTS) li tkopri l-meded ta' frekwenzi 1 900–1 980 MHz, 2 010–2 025 MHz u 2 110–2 170 MHz (“il-medda terrestri ta’ 2 GHz”). Skont dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri kellhom jieħdu l-azzjonijiet kollha neċessarji sabiex jippermettu l-introduzzjoni koordinata u progressiva tas-servizzi UMTS fit-territorju tagħhom sal-1 ta’ Jannar 2002 l-aktar tard u b’mod partikolari kellhom jistabbilixxu sistema ta’ awtorizzazzjoni għall-UMTS sal-1 ta’ Jannar 2000 l-aktar tard. Din id-Deċiżjoni skadiet fit-22 ta’ Jannar 2003, iżda l-armonizzazzjoni tal-ispettru baqgħet fis-seħħ.

(2)

Il-Kummissjoni minn dak iż-żmien uriet l-appoġġ tagħha għal użu aktar flessibbli tal-ispettru fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Aċċess rapidu għall-ispettru għas-servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi mingħajr fili permezz ta' iktar flessibbiltà” (3), li tindirizza fost l-oħrajn il-medda terrestri ta’ 2 GHz u timmira li tevita t-tfixkil fis-suq. Il-prinċipji tan-newtralità teknoloġika u n-newtralità tas-servizz ġew ikkonfermati permezz tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (4).

(3)

Id-deżinjazzjoni tas-sottomeded akkoppjati 1 920–1 980 MHz u 2 110–2 170 MHz (“il-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz”) għal sistemi li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi hija element importanti biex tiġi indirizzata l-konverġenza tas-setturi tat-telefonija mobbli, tat-telefonija fissa u tax-xandir u tirrifletti l-innovazzjoni teknika. Is-sistemi użati fil-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz għandhom jimmiraw primarjament l-aċċess tal-utent aħħari għas-servizzi tal-broadband.

(4)

L-utenti tas-servizzi mingħajr fili tal-broadband li għalihom illum diġà tintuża l-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz fi Stat Membru wieħed, jistgħu jiggwadanjaw ukoll aċċess għal servizzi ekwivalenti fi kwalunkwe Stat Membru ieħor. Madankollu, is-sottomedda mhux akkoppjata 1 900–1 920 MHz, minkejja li hija liċenzjata għall-operaturi f'ħafna Stati Membri, għadha bilkemm qed tintuża, u s-sottomedda mhux akkoppjata 2 010–2 025 MHz hija liċenzjata għall-operaturi fi ftit Stati Membri biss u mhux qed tintuża.

(5)

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, fil-15 ta’ Ġunju 2009 l-Kummissjoni tat mandat lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (European Conference of Postal and Telecommunications Administrations — CEPT) biex tiżviluppa l-kundizzjonijiet tekniċi l-inqas restrittivi għall-meded ta’ frekwenzi indirizzati fil-kuntest tal-Politika ta’ Aċċess Mingħajr Fili għal Servizzi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Wireless Access Policy for Electronic Communications Services — WAPECS).

(6)

Bħala tweġiba għal dak il-mandat, CEPT ħarġet rapport (ir-Rapport CEPT 39) li fih il-kundizzjonijiet tekniċi l-inqas restrittivi u gwida għall-applikazzjoni tagħhom fuq l-istazzjonijiet bażi u l-istazzjonijiet terminali li joperaw fuq il-medda terrestri ta’ 2 GHz. Fil-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz, dawn il-kundizzjonijiet tekniċi huma xierqa għall-ġestjoni tar-riskju ta’ interfereza dannuża bejn netwerks ġirien fil-livelli nazzjonali u transkonfinali mingħajr l-impożizzjoni ta’ xi tip partikolari ta’ teknoloġija u bbażati fuq parametri ottimizzati għall-użu l-aktar probabbli tal-medda. Madankollu fis-sottomeded mhux akkoppjati 1 900–1 920 MHz u 2 010–2 025 MHz (“il-medda terrestri mhux akkoppjata ta’ 2 GHz”), il-kundizzjonijiet tekniċi li jinsabu fir-Rapport CEPT 39 huma iktar restrittivi għall-operat tan-netwerks mobbli milli stipulat fid-drittijiet nazzjonali tal-użu eżistenti attwalment.

(7)

Skont ir-Rapport CEPT 39 ikun xieraq il-kunċett ta’ Block Edge Masks (maskri BEM), li huma parametri tekniċi li japplikaw għall-blokk kollu tal-ispettru ta’ utent speċifiku, irrispettivament mill-għadd ta’ kanali okkupati mit-teknoloġija magħżula tal-utent. Dawn il-maskri huma maħsuba li jiffurmaw parti mill-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għall-użu tal-ispettru. Ikopru kemm l-emissjonijiet ġewwa l-blokk tal-ispettru (jiġifieri l-qawwa ġewwa l-blokk) kif ukoll l-emissjonijiet barra mill-blokk (jiġifieri l-emissjoni ’l barra mill-blokk). Huma rekwiżiti regolatorji mmirati lejn il-ġestjoni tar-riskju ta’ interferenza dannuża bejn netwerks ġirien u huma mingħajr preġudizzju għal-limiti stabbiliti fl-istandards tat-tagħmir skont id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta' telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (5) (id-Direttiva R&TTE).

(8)

Il-kundizzjonijiet tekniċi definiti b’riżultat tal-mandat għas-CEPT jimmiraw ukoll li jipproteġu l-applikazzjonijiet eżistenti f’meded biswit xulxin kontra l-interferenza dannuża. Għal dak l-iskop, il-konformità mal-maskra tal-emissjoni tal-ispettru eżistenti għall-UMTS għandha tkun żgurata għal taħt 1 900 MHz, bejn 1 980 u 2 010 MHz, bejn 2 025 u 2 110 MHz u ’l fuq minn 2 170 MHz. Sa fejn il-koeżistenza ma’ applikazzjoni tar-radju oħra ma tkunx indirizzata fir-rapport CEPT 39 u r-Rapport ERC 65 tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Electronic Communications Committee), li r-Rapport CEPT 39 juża bħala bażi, jistgħu jiġu definiti wkoll kriterji xierqa ta’ kondiviżjoni għall-koeżistenza, ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet nazzjonali.

(9)

Ir-riżultati tar-Rapport CEPT 39 għandhom isiru applikabbli fl-Unjoni u implimentati mill-Istati Membri filwaqt li jqisu d-drittijiet tal-użu eżistenti fuq il-medda terrestri ta’ 2 GHz għall-UMTS u l-użu effettiv tal-ispettru.

(10)

Madankollu, minħabba l-kundizzjonijiet tekniċi restrittivi fuq il-livelli tal-qawwa tat-trażmissjoni għall-medda terrestri mhux akkoppjata ta’ 2 GHz stabbiliti fir-Rapport CEPT 39 — sabiex jiġu protetti l-operazzjonijiet fuq il-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz u tiġi żgurata l-koeżistenza tan-netwerks TDD multipli — kif ukoll il-medda ta’ frekwenzi kumplessiva limitata tal-medda terrestri mhux akkoppjata ta’ 2 GHz, it-tnedija tas-servizzi tal-broadband mingħajr fili — bil-kundizzjonijiet attwali tal-liċenzja — hija mxekkla. Din is-sitwazzjoni tirrikjedi li jiġu studjati miżuri ta’ armonizzazzjoni alternattivi għall-medda terrestri mhux akkoppjata ta’ 2 GHz u tista’ tinkludi modifika fil-liċenzji eżistenti. Sabiex ma tiġix ostakolata l-introduzzjoni bikrija fil-flessibbiltà tal-użu fuq il-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz, trid issir separazzjoni tal-miżuri ta’ armonizzazzjoni għall-meded terrestri akkoppjati u mhux akkoppjati ta’ 2 GHz.

(11)

Għandhom jiġu introdotti kundizzjonijiet tal-armonizzazzjoni teknika għall-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz biss mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jorganizzaw l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-medda terrestri ta’ 2 GHz filwaqt li jikkunsidraw id-drittijiet tal-użu eżistenti taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, u b'mod partikolari d-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi (Direttiva tal-Awtorizzazzjoni) (6), u l-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva 2002/21/KE.

(12)

L-armonizzazzjoni taħt din id-Deċiżjoni m’għandhiex teskludi l-possibbiltà għal Stat Membru li japplika, fejn ġustifikat u filwaqt li jikkunsidra d-drittijiet eżistenti tal-użu, perjodi ta’ tranżizzjoni li jistgħu jinkludu arranġamenti tal-kondiviżjoni tal-ispettru tar-radju, skont l-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE.

(13)

Sabiex jiġi żgurat l-użu effettiv tal-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz fit-tul, l-amministrazzjonijiet għandhom ikomplu bl-istudji li jistgħu jżidu l-effiċjenza u l-użu innovattiv. Dawn l-istudji għandhom jitqiesu meta tkun se tiġi kkunsidrata reviżjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(14)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Ispettru tar-Radju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni timmira li tarmonizza l-kundizzjonijiet għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-meded ta' frekwenza 1 920–1 980 MHz u 2 110–2 170 MHz (minn hawn ’il quddiem “il-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz”) għal sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Unjoni.

Artikolu 2

1.   Sat-30 ta’ Ġunju 2014 l-iktar tard, jew meta jiġi applikat l-Artikolu 9a tad-Direttiva 2002/21/KE f'data aktar bikrija għal dritt eżistenti jew il-ħruġ ta' drittijiet ġodda biex tintuża parti mill-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz jew kollha, l-Istati Membri għandhom jinnominaw u jagħmlu disponibbli, fuq bażi mhux esklussiva, il-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz għal sistemi terresti li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, f’konformità mal-parametri stipulati fl-Anness.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, u skont l-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, l-Istati Membri jistgħu jitolbu perjodi ta’ tranżizzjoni li jistgħu jinkludu arranġamenti ta’ kondiviżjoni tal-ispettru tar-radju u li għandhom jiskadu sal-24 ta’ Mejju 2016 l-aktar tard.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi msemmija fil-paragrafu 1 jagħtu l-protezzjoni xierqa lil sistemi fuq meded biswit xulxin.

4.   L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-ftehimiet tal-koordinazzjoni transkonfinali bil-għan li jagħmlu possibbli l-operat tas-sistemi msemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li jqisu l-proċeduri u d-drittijiet regolatorji eżistenti.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom iżommu l-użu tal-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz taħt sorveljanza u jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni biex tkun tista’ ssir reviżjoni regolari u f’waqtha ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Viċi President


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 17, 22.1.1999, p. 1.

(3)  COM(2007) 50.

(4)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(5)  ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10.

(6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.


ANNESS

PARAMETRI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(1)

Il-kundizzjonijiet tekniċi ppreżentati f’dan l-Anness huma fil-forma ta’ arranġamenti tal-frekwenzi u ta’ block-edge masks (BEMs). BEM hija maskra tal-emissjoni li hija definita bħala funzjoni tal-frekwenza, relattiva għat-tarf ta’ blokk ta’ spettru li d-drittijet għall-użu tiegħu jingħataw lil operatur. Din hija magħmula minn komponenti ġewwa l-blokk u komponenti ′l barra mill-blokk li jispeċifikaw il-livelli permessi għall-emissjoni fuq il-frekwenzi ġewwa u ′l barra mill-blokk ta’ spettru, rispettivament.

Il-livelli tal-BEM jinbnew billi l-valuri elenkati fit-tabelli ta’ hawn taħt jiġu kkumbinati b’tali mod li l-limitu fi kwalunkwe frekwenza jingħata mill-ogħla valur (l-inqas strett) ta’ (a) ir-rekwiżiti ta’ linja bażi, (b) ir-rekwiżiti ta’ tranżizzjoni, u (c) ir-rekwiżiti ta’ ġewwa l-blokk (fejn xieraq). Il-BEMs huma ppreżentati bħala l-limiti superjuri tal-medja tal-qawwa iżotropika rradjata ekwivalenti (EIRP — equivalent isotropically radiated power) jew tal-qawwa rradjata totali (TRP — total radiated power) (1) fuq intervall ta' żmien medju, u fuq medda ta' frekwenzi tal-kejl. Fid-dominju tal-ħin, il-medja tal-EIRP jew tat-TRP titkejjel fuq il-porzjonijiet attivi tal-emissjonijiet tas-sinjal u tikkorrispondi għal setting uniku tal-kontroll tal-qawwa. Fid-dominju tal-frekwenzi, l-EIRP jew it-TRP tiġi ddeterminata fuq medda ta’ frekwenzi tal-kejl speċifikata fil-punt B(2), it-Tabelli 1, 2 u 3 (2). Ġeneralment, u sakemm ma jiġix indikat mod ieħor, il-livelli tal-BEM jikkorrispondu għall-qawwa aggregata rradjata mit-tagħmir rilevanti inkluż l-antenni kollha tat-trażmissjoni, għajr fil-każ ta’ rekwiżiti ta’ linja bażi u ta’ tranżizzjoni għall-istazzjonijiet bażi, li huma speċifikati għal kull antenna.

Il-BEMs għandhom jiġu applikati bħala komponent essenzjali tal-kundizzjonijiet tekniċi neċessarji biex tiġi żgurata l-koeżistenza bejn is-servizzi fil-livell nazzjonali. Madankollu, wieħed għandu jifhem li l-BEMs derivati mhux dejjem jipprovdu l-livell ta’ protezzjoni meħtieġ tas-servizzi “vittma” u jkun meħtieġ li jiġu applikati tekniki ta’ mitigazzjoni addizzjonali b’mod proporzjonat fil-livell nazzjonali biex jiġu solvuti każijiet ta’ interferenzi li jista’ jkun għad fadal, kif ukoll fir-rigward ta’ meded biswit xulxin.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-operaturi ta’ sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jużaw parametri tekniċi inqas stretti minn dawk issettjati hawn taħt fil-punti A, B u C sakemm ikun sar qbil dwar l-użu ta’ dawn il-parametri bejn il-partijiet kollha affettwati u li dawn l-operaturi jibqgħu konformi mal-kundizzjonijiet tekniċi applikabbli għall-protezzjoni ta’ servizzi, applikazzjonijiet jew netwerks oħra u mal-obbligi li jirriżultaw mill-koordinazzjoni transkonfinali.

It-tagħmir li jopera fuq din il-medda jista’ jagħmel użu wkoll tal-limiti ta’ potenza differenti minn dawk mogħtija hawn isfel, sakemm ikunu applikati tekniċi xierqa ta’ mitigazzjoni li huma konformi mad-Direttiva 1999/5/KE, u li tal-anqas joffru livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak ipprovdut minn dawn il-parametri tekniċi.

A.   Parametri ġenerali

Fi ħdan il-medda terresti akkoppjata ta’ 2 GHz, l-arranġament tal-frekwenza għandu jkun kif ġej:

(1)

Il-modalità duplex tal-operat għandha tkun Frequency Division Duplex (FDD). L-ispazju duplex għandu jkun 190 MHz fejn it-trażmissjoni tal-istazzjon terminali (uplink FDD) tinsab fin-naħa t'isfel tal-medda li tibda minn 1 920 MHz u tispiċċa fuq 1 980 MHz u fejn it-trażmissjoni tal-istazzjon bażi (downlink FDD) tinsab fin-naħa ta' fuq tal-medda li tibda minn 2 170 MHz u tispiċċa fuq 2 170 MHz.

(2)

It-tarf tal-blokk tal-ispettru l-iktar qrib tal-1 920 MHz jibda fuq 1 920,3 MHz jew iktar ’il fuq (3).

It-tarf tal-blokk tal-ispettru l-iktar qrib tal-1 980 MHz jispiċċa fuq 1 979,7 MHz jew iktar ’l isfel (4).

It-tarf tal-blokk tal-ispettru l-iktar qrib tal-2 110 MHz jibda fuq 2 110,3 MHz jew iktar ’il fuq (5).

It-tarf tal-blokk tal-ispettru l-iktar qrib tal-2 170 MHz jispiċċa fuq 2 169,7 MHz jew iktar ’l isfel (6).

It-trażmissjoni tal-istazzjon bażi u l-istazzjon terminali fi ħdan il-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz għandha tkun f'konformità mal-BEMs f'dan l-Anness.

B.   Kundizzjonijiet tekniċi għall-istazzjonijiet bażi FDD

(1)   Rekwiżiti ta’ ġewwa l-blokk

Mhuwiex obbligatorju limitu ta’ EIRP ġewwa l-blokk għall-istazzjonijiet bażi. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jissettjaw limitu EIRP ta’ bejn 61 dBm/5 MHz u 65 dBm/5 MHz fuq il-medda downlink FDD, filwaqt li jinnotaw li dan il-limitu jista’ jiġi miżjud għal skjeramenti speċifiċi, eż. f’żoni ta’ densità baxxa tal-popolazzjoni sakemm dan ma jżidx b’mod sinifikanti r-riskju tal-imblukkar tar-riċevitur tal-istazzjon terminali.

(2)   Rekwiżiti ta’ barra mill-blokk

Tabella 1

Rekwiżiti ta’ linja bażi — limiti EIRP ta’ barra mill-blokk tal-BEM tal-istazzjon bażi għal kull antenna  (7)

Medda ta’ frekwenzi tal-emissjonijiet ta’ barra mill-blokk tad-downlink FDD

EIRP ta’ barra mill-blokk ta’ medja massima

Medda ta’ frekwenzi tal-kejl

Frekwenzi li huma spazjati iktar minn 10 MHz mit-tarf tal-blokk ta’ isfel jew ta’ fuq

9  dBm

5  MHz


Tabella 2

Rekwiżiti ta’ tranżizzjoni — limiti EIRP ta’ barra mill-blokk tal-BEM tal-istazzjon bażi għal kull antenna  (8)

Medda ta' frekwenzi tal-emissjonijiet ta’ barra mill-blokk tad-downlink FDD

EIRP ta’ barra mill-blokk ta’ medja massima

Medda ta’ frekwenzi tal-kejl

–10 sa –5 MHz mit-tarf t'isfel tal-blokk

11  dBm

5  MHz

–5 sa 0 MHz mit-tarf t'isfel tal-blokk

16,3  dBm

5  MHz

0 sa +5 MHz mit-tarf ta’ fuq tal-blokk

16,3  dBm

5  MHz

+5 sa +10 MHz mit-tarf ta’ fuq tal-blokk

11  dBm

5  MHz

C.   Kundizzjonijiet tekniċi għall-istazzjonijiet terminali FDD

Tabella 3

Rekwiżiti ta’ ġewwa l-blokk — limiti ta' emissjoni ġewwa l-blokk tal-istazzjon tal-BEM tal-istazzjon terminali fuq frekwenzi tal-uplink FDD

Qawwa medja massima ġewwa l-blokk (9)

24  dBm (10)

L-Istati Membri jistgħu jkunu inqas stretti fir-rigward tal-limitu stipulat fit-Tabella 3 fil-każ ta' skjeramenti speċifiċi, eż. stazzjonijiet terminali fissi f'żoni rurali sakemm ma tiġix kompromessa l-protezzjoni ta' servizzi, netwerks u applikazzjonijiet oħra u jiġu ssodisfati l-obbligi transkonfinali.


(1)  TRP hija unità ta’ kejl tal-ammont ta’ qawwa rradjata mill-antenna verament. TRP hija definita bħala l-parti integrali tal-qawwa trażmessa f’direzzjonijiet differenti fl-isfera intiera tar-radjazzjoni. EIRP u TRP huma ekwivalenti għall-antenni isotropiċi.

(2)  Il-medda ta’ frekwenzi tal-kejl attwali tat-tagħmir tal-kejl użat għall-fini ta’ testijiet tal-konformità tista’ tkun iżgħar mill-medda ta’ frekwenzi tal-kejl ipprovduta fit-tabelli.

(3)  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu din il-frekwenza għal 1 920,0 MHz għall-konsistenza mal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti.

(4)  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jżidu din il-frekwenza għal 1 980,0 MHz għall-konsistenza mal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti.

(5)  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu din il-frekwenza għal 2 110,0 MHz għall-konsistenza mal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti.

(6)  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jżidu din il-frekwenza għal 2 170,0 MHz għall-konsistenza mal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti.

(7)  Il-livell BEM huwa definit għal kull antenna u applikabbli għal konfigurazzjoni tal-istazzjon bażi sa erba’ antenni għal kull settur.

(8)  Il-livell BEM huwa definit għal kull antenna u applikabbli għal konfigurazzjoni tal-istazzjon bażi sa erba' antenni għal kull settur.

(9)  Dan il-limitu ta’ qawwa huwa speċifikat bħala l-EIRP għal stazzjonijiet tat-terminal ddisinjati biex ikunu fissi jew jiġu installati, u bħala t-TRP għal stazzjonijiet tat-terminal ddisinjati biex ikunu mobbli jew nomadiċi. EIRP u TRP huma ekwivalenti għall-antenni isotropiċi. Huwa rikonoxxut li dan il-valur jista’ jkun suġġett għal tolleranza definita fl-istandards armonizzati biex jitqies l-operat f'kundizzjonijiet ambjentali estremi u l-firxa tal-produzzjoni

(10)  Għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet barra mill-medda tat-terminali fir-Rapport CEPT 39, intużat bħala referenza l-qawwa massima trażmessa li saret 23 dBm.


Top