EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0458

Deċiżjoni Nru 458/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Mejju 2010 li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bit-tneħħija tal-finanzjament ta’ ċerti azzjonijiet Komunitarji u bil-bidla tal-limiti għall-finanzjament ta’ dawn l-azzjonijiet

OJ L 129, 28.5.2010, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 013 P. 167 - 168

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/458(1)/oj

28.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 129/1


DEĊIŻJONI Nru 458/2010/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Mejju 2010

li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bit-tneħħija tal-finanzjament ta’ ċerti azzjonijiet Komunitarji u bil-bidla tal-limiti għall-finanzjament ta’ dawn l-azzjonijiet

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-politika tal-Unjoni dwar is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (is-SEKA), għandha l-għan, skont it-termini tal-Programm tal-Aja, li tistabbilixxi żona komuni ta’ asil, permezz ta’ proċedura armonizzata effettiva li tkun konsistenti mal-valuri u t-tradizzjoni umanitarja tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Sar progress kbir f’dawn l-aħħar snin lejn l-istabbiliment tas-SEKA bis-saħħa tal-introduzzjoni ta’ standards minimi komuni. Madankollu għad hemm diskrepanzi kbar bejn Stat Membru u ieħor fl-għoti tal-protezzjoni internazzjonali u fis-suriet diversi li tali protezzjoni tingħata.

(3)

Il-Kummissjoni, fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar l-Asil adottat f’Ġunju 2008, ħabbret l-intenzjoni tagħha li tiżviluppa s-SEKA billi tipproponi reviżjoni tal-istrumenti legali eżistenti sabiex tinkiseb armonizzazzjoni akbar tal-istandards applikabbli u billi ssaħħaħ l-appoġġ għall-koperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri, partikolarment bil-preżentazzjoni ta’ proposta leġislattiva għall-istabbiliment ta’ Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (l-Uffiċċju ta’ Appoġġ), sabiex tiżdied il-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri għall-implimentazzjoni effikaċi tar-regoli komuni.

(4)

Fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil, adottat f’Settembru 2008, il-Kunsill Ewropew solennement tenna li kwalunkwe barrani ppersegwitat għandu d-dritt li jikseb għajnuna u protezzjoni fit-territorju tal-Unjoni Ewropea b’konformità mal-Konvezjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati, kif emendata bil-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967, u trattati oħra rilevanti. Ġie maqbul ukoll espressament li l-Uffiċċju jiġi stabbilit fl-2009.

(5)

Il-kooperazzjoni prattika fil-qasam tal-asil għandha l-għan li żżid il-konverġenza u tiżgura li tinżamm il-kwalità attwali tal-proċeduri għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Istati Membri f’dak is-settur, fi ħdan qafas leġiżlattiv Ewropew. Fis-snin reċenti diġà ttieħed numru sostanzjali ta’ miżuri ta’ kooperazzjoni prattika, notevolment l-adozzjoni ta’ approċċ komuni fir-rigward ta’ informazzjoni dwar il-pajjiżi ta’ oriġini u dwar l-istabbiliment ta’ kurrikulu dwar l-asil Ewropew komuni. L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jiġi stabbilit għat-tisħiħ u għall-iżvilupp ta’ dawk il-miżuri ta’ kooperazzjoni.

(6)

Fl-interess tas-simplifikazzjoni tal-azzjonijiet ta’ appoġġ għall-kooperazzjoni prattika fil-qasam tal-asil, u safejn l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun responsabbli għal ċerti kompiti li huma attwalment iffinanzjati taħt il-Fond Ewropew għar-Refuġjati, hu meħtieġ li r-responsabbiltà’ għal ċerti azzjonijiet Komunitarji previsti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE (2) tiġi trasferita mill-Fond Ewropew għar-Refuġjati lill-Uffiċċju ta’ Appoġġ sabiex tkun żgurata l-aqwa kooperazzjoni prattika fil-qasam tal-asil.

(7)

Sabiex jittieħed kont tat-tnaqqis tal-ambitu tal-azzjonijiet Komunitarji, il-limitu tal-finanzjament tagħhom stabbilit fid-Deċiżjoni 573/2007/KE għandu jitnaqqas minn 10 % tar-riżorsi disponibbli tal-Fond għal 4 %.

(8)

Huwa xieraq li jitnaqqas il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE sabiex isiru disponibbli r-riżorsi għall-kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, fir-rigward tal-ispazju ta’ liberta’, sigurtà’ u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(10)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u la hija marbuta biha u lanqas hija suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Nru 573/2007 KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-figura ta’ “10 %” għandha tiġi sostitwita bil-figura ta’ “4 %”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (f) għandhom jitħassru;

(2)

l-Artikolu 12(1) jiġi sostitwit b’li ġej:

“1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2013 għandu jkun ta’ EUR 614 miljun.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Artikolu 4

Din id- Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ Mejju 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

D. LÓPEZ GARRIDO


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Mejju 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-25 ta’ Frar 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 144, 6.6.2007, p. 1.


Top