EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0103

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 103/2009 tat- 3 ta’ Frar 2009 li jemenda l-Annessi VII u IX għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 34, 4.2.2009, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 034 P. 226 - 230

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/103/oj

4.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 34/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 103/2009

tat-3 ta’ Frar 2009

li jemenda l-Annessi VII u IX għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (EST) fl-annimali. Dan japplika għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ annimali ħajjin u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali.

(2)

L-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi miżuri ta’ eradikazzjoni li għandhom jiġu implimentati wara li jkun ikkonfermat każ ta’ EST f’annimali ovini u kaprini.

(3)

L-Anness IX għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabblixxi r-regoli għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali ħajjin, embrijoni, ova u prodotti li joriġinaw mill-annimali.

(4)

Fis-6 ta’ Novembru 2008 l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ippubblikat opinjoni dwar ir-riskju għan-nies u l-annimali li jkunu esposti għall-enċelopatiji sponġiformi trasmissibbli mill-ħalib u l-prodotti tal-ħalib li jkunu meħudin minn annimali żgħar li jixtarru (2). F’dik l-opinjoni l-EFSA kkonkludiet li l-iscrapie klassika tista’ tiġi trażmessa min-nagħġa għall-ħaruf permezz tal-ħalib jew tal-kolostru. L-EFSA stqarret ukoll li jekk jintużaw il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib minn merħla mniġġsa bl-iscrapie klassika jistgħu jesponu lin-nies u l-annimali għar-riskju tal-EST. Konklużjoni oħra li waslet għaliha l-EFSA kienet li l-programmi tat-tgħammir tan-nagħaġ li huma reżistenti għall-iscrapie jistgħu jnaqqsu l-esponiment tan-nies u l-annimali li huwa assoċjat mal-prodotti tal-ħalib meħuda minn annimali żgħar li jixtarru. Fir-rigward tal-iscrapie atipika, l-EFSA kkonkludiet ukoll li t-tixrid apparentament limitat tal-aġent fis-sistema tal-individwi infettati jista’ jillimita t-tixrid permezz tal-ħalib. Fir-rigward tal-BSE, l-EFSA nnutat li ma teżistix informazzjoni dwar l-infettività jew il-PrpSc fil-kolostru jew fil-ħalib tal-annimali żgħar li jixtarru li jkollhom il-BSE. Imma minħabba t-tixrid bikri u progressiv tal-aġent tal-BSE fin-nagħaġ suxxettibbli infettati għall-għan sperimentali, l-EFSA kkonkludiet li jkun hemm probabbiltà ta’ infezzjoni mill-ħalib u mill-kolostru tal-annimali ¿għar li jixtarru infettati bil-BSE.

(5)

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi xjentifiċi ġodda u speċjalment minħabba l-provi li l-iscrapie klassika tittieħed mill-ħaruf mingħand in-nagħġa, f’dan l-istadju għandhom jiġu adottati f’waqthom biex ma tinxteridx il-marda tal-iscrapie klassika minn merħliet ġodda permezz tat-tmigħ, miżuri ġodda protettivi fir-rigward tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib li ġejjin mill-imrieħel tal-annimali li jkunu infettati bl-iscrapie klassika.

(6)

Biex ikun żgurat l-istess livell ta’ sigurtà fir-rigward tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib impurtati li joriġinaw min-nagħaġ u mill-mogħoż, miżuri simili għandhom japplikaw għall-importazzjonijiet lejn il-Komunità.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi VII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 3 ta’ Frar 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2008) 849, 1-47.


ANNESS

L-Annessi VII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness VII, il-Kapitolu A huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt 2.2 jinbidel bit-test li ġej:

“(2)

Jekk hija suspettata l-EST f'annimal ovin jew kaprin f'razzett fi Stat Membru, l-annimali ovini u kaprini l-oħra kollha f’dak ir-razzett għandhom jitqiegħdu taħt restrizzjoni uffiċjali kontra t-taħrik sakemm ikunu disponibbli r-riżultati tat-testijiet li jikkonfermaw il-preżenza jew le tal-marda. Jekk ikun hemm provi li r-razzett fejn instab l-annimal infettat meta ġiet issuspettata l-EST x'aktarx ma kienx l-istess post fejn seta' ġie espost għall-EST l-annimal, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li rziezet oħra jew ir-razzett biss fejn ġie espost l-annimal jitqiegħed taħt kontroll uffiċjali skont it-tagħrif epidemjoloġiku disponibbli. Il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib li jittieħdu mill-annimali ovini u kaprini li jappartjenu għar-razzett li qiegħed taħt kontroll uffiċjali, u li jkunu nstabu hemm mid-data meta tkun issospettata l-EST sa dak iż-żmien li jkunu disponibbli r-riżultati, jistgħu jintużaw biss f’dak ir-razzett.”

(b)

Il-punt 2.3 huwa emendat kif ġej:

(i)

Il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

jekk wara r-riżultati ta’ prova interlaboratorja mwettqa skont il-proċedura stipulata fl-Anness X, Kapitolu Ċ, punt 3.2(c), juru li ma tkunx tista’ tiġi eskluża l-BSE, il-qtil u l-qerda sħiħa tal-annimali, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati permezz tal-istħarriġ imsemmi fit-tieni sal-ħames inċiżi tal-punt 1(b). Il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib li jittieħdu mill-annimali li se jinqerdu, li kienu jinstabu fir-razzett bejn id-data tal-konferma li ma tistax tkun eskluża l-BSE u d-data tal-qerda tal-annimali, għandhom jinqerdu.”

(ii)

Fil-punt (b), il-punti (i) u (ii) jinbidlu b'dan li ġej:

“(i)

il-qatla u l-qerda sħiħa tal-annimali, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati mill-istħarriġ imsemmi fit-tieni u fit-tielet inċiżi tal-punt 1(b). Fil-każ li l-EST ikkonfermata hija l-iscrapie klassika, il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib meħudin mill-annimali li se jinqerdu, u li kienu jinstabu fir-razzett bejn id-data tal-konferma tal-każ u d-data tal-qerda sħiħa tal-annimali ma jistgħux jintużaw għat-tmigħ tal-annimali li jixtarru, barra minn dawk li hemm f’dak ir-razzett. It-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti biex jintemgħu lill-annimali li ma jixtarrux ikun limitat għat-territorju ta’ dak l-Istat Membru kkonċernat. Id-dokument kummerċjali li jintbagħat mal-konsenji ta’ dawn il-prodotti u kull kontenitur tal-ippakkjar li jkun fih dawn il-prodotti jrid ikun immarkat bil-kliem miktub ċar: ‘ma għandux jingħata bħala għalf lill-annimali li jixtarru’. L-użu u l-ħażna tal-għalf li fih dawn il-prodotti jkun projbit fl-irziezet fejn jinżammu l-annimali li jixtarru. Volum ta' għalf li fih dawn il-prodotti jkun trasportat permezz ta' vetturi li ma jġorrux fl-istess ħin għalf għall-annimali li jixtarru. Jekk dawn il-vetturi jkunu użati wara għat-trasport tal-għalf għall-annimali li jixtarru, iridu jinħaslu sew biex tkun evitata l-kontaminazzjoni minn prodott għall-ieħor, skont proċedura approvata mill-awtorità kompetenti.

Il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 3 għandhom japplikaw għar-razzett;

jew

(ii)

il-qatla u l-qerda sħiħa tal-annimali, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati mill-istħarriġ imsemmi fit-tieni u t-tielet inċiżi tal-punt 1(b), bl-eċċezzjoni ta':

l-imtaten għat-tgħammir tal-ġenotip ARR/ARR,

in-nagħaġ tat-tgħammir li għandhom mill-inqas allela waħda ARR u l-ebda allela VRQ u, fejn dawn in-nagħaġ ikunu tqal fiż-żmien tal-istħarriġ, il-ħrief li jitwieldu wara, jekk il-ġenotip tagħhom jilħaq ir-rekwiżiti ta' dan is-subparagrafu,

in-nagħaġ li għandhom mill-inqas allela waħda ARR li huma maħsuba unikament għat-tbiċċir,

jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi hekk, in-nagħaġ u l-mogħoż li għandhom inqas minn tliet xhur li huma maħsuba unikament għat-tbiċċir.

Fil-każ li l-EST kkonfermata hija l-iscrapie klassika, il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib meħudin mill-annimali li se jinqerdu, u li kienu jinstabu fir-razzett bejn id-data tal-konferma tal-każ u d-data tal-qerda sħiħa tal-annimali ma jistgħux jintużaw għat-tmigħ tal-annimali li jixtarru barra dawk li hemm f’dak ir-razzett. It-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti bħala għalf għall-annimali li ma jixtarrux ikun limitat għat-territorju ta’ dak l-Istat Membru kkonċernat. Id-dokument kummerċjali li jintbagħat mal-konsenji ta’ dawn il-prodotti u kull kontenitur tal-ippakkjar li jkun fih dawn il-prodotti jrid ikun immarkat bil-kliem miktub ċar: ‘ma għandux jingħata bħala għalf lill-annimali li jixtarru’. L-użu u l-ħażna tal-għalf li fih dawn il-prodotti jkun projbit fl-irziezet fejn jinżammu l-annimali li jixtarru. Volum ta' għalf li fih dawn il-prodotti jkun trasportat permezz ta' vetturi li ma jġorrux fl-istess ħin għalf għall-annimali li jixtarru. Jekk dawn il-vetturi jkunu użati wara għat-trasport tal-għalf għall-annimali li jixtarru, iridu jinħaslu sew biex tkun evitata l-kontaminazzjoni minn prodott għall-ieħor, skont proċedura approvata mill-awtorità kompetenti.

Il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 3 għandhom japplikaw għar-razzett;”;

(iii)

Il-punt (f) jinbidel b'dan li ġej:

“(f)

fejn il-frekwenza tal-allele ARR f'razza jew f’razzett tkun baxxa, jew tkun nieqsa kompletament, jew fejn jitqies meħtieġ, biex ma jkunx hemm tgħammir ta’ annimali tal-istess demm, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jipposponi l-qerda tal-annimali kif imsemmija fil-punt 2.3 (b)(i) u (ii) għal massimu ta’ ħames snin ta’ tgħammir bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm fir-razzett imtaten oħra għat-tgħammir barra minn dawk tal-ġenotip ARR/ARR.

Imma l-qerda tal-annimali li huma speċji ta’ nagħaġ u mogħoż imrobbijin għall-produzzjoni tal-ħalib għas-suq, tista’ tkun ittardjata biss għall-massimu ta’ 18-il xahar.”

(2)

Fil-Kapitolu D tal-Anness IX, it-Taqsima B tinbidel b'dan li ġej:

“TAQSIMA B

Rekwiżiti għaċ-ċertifikati tas-saħħa

Importazzjonijiet ta' prodotti sekondarji u l-prodotti pproċessati tagħhom li joriġinaw mill-annimali bovini, ovini u kaprini msemmija fit-Taqsima A ta’ dan il-Kapitolu għandhom ikunu soġġetti għall-preżentazzjoni ta' ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jafferma li:

(a)

il-prodott sekondarju mill-annimali ma fihx, u mhux meħud minn, materjal riskjuż speċifikat kif definit fl-Anness V, jew laħam separat mekkanikament miksub mill-għadam tal-annimali bovini, ovini u kaprini;

(b)

l-annimali minn fejn ġie dan il-prodott sekondarju, ma nqatlux wara li ġew storduti permezz ta' gass injettat fil-kavità kranjali jew maqtula bl-istess metodu jew maqtula b'laċerazzjoni tat-tessut nervuż ċentrali permezz ta' strument forma ta' virga mtawla mdaħħal fil-kavità kranjali, jew

(ċ)

il-prodott sekondarju mill-annimali ma fihx u mhux meħud minn materjali li ttieħdu mill-annimali bovini, ovini u kaprini ħlief għal dawk li ġejjin minn annimali li twieldu, trabbew kontinwament u nqatlu f'pajjiż jew reġjun ikklassifikat skont l-Artikolu 5(2) bħala pajjiż jew reġjun fejn ir-riskju tal-BSE huwa ftit li xejn.

Barra minn hekk, l-importazzjonijiet tal-prodotti sekondarji mill-annimali u l-prodotti pproċessati minnhom imsemmijin fit-Taqsima A ta’ dan il-Kapitolu, u li fihom il-ħalib jew il-prodotti tal-ħalib ta' oriġini ovina jew kaprina, ikunu soġġetti li juru ċertifikat tas-saħħa li jaqbel mal-mudell stipulat fl-Anness X, Kapitolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 u li, wara l-punt 6 jafferma dan li ġej:

‘(7)

fir-rigward tal-EST:

(2) jew

fil-każ ta’ prodotti sekondarji meħudin mill-annimali mmirati biex jittieklu mill-annimali li jixtarru u li fihom il-ħalib jew il-prodotti tal-ħalib ta' oriġini ovina jew kaprina, l-annimali minn fejn kienu meħudin dawn il-prodotti nżammu dejjem, mit-twelid tagħhom ’il quddiem, jew għall-aħħar tliet snin f’razzett li fuqu ma ġietx imposta restrizzjoni ta’ taħrik minħabba xi sospett ta’ EST, u li ssodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin għall-aħħar tliet snin:

(i)

kien soġġett għall-verifiki veterinarji regolari;

(ii)

ma saret l-ebda dijanjosi ta’ scrapie klassika kif definita fil-punt 2(g) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, jew, wara li jkun ġie kkonfermat każ ta’ scrapie klassika:

l-annimali kollha li ġew ikkonfermati li kellhom l-iscrapie klassika nqatlu u nqerdu, u

l-mogħoż u n-nagħaġ kollha li kien hemm fir-razzett inqatlu u nqerdu barra mill-imtaten għat-tgħammir tal-ġenotip ARR/ARR u n-nagħaġ għat-tgħammir li għandhom mill-inqas allele waħda ARR u l-ebda allele VRQ;

(iii)

annimali ovini u kaprini, ħlief in-ngħaġ tal-ġenotip tal-proteina prion ARR/ARR, ikunu introdotti fir-razzett biss jekk ikunu ġejjin minn razzett li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (i) u (ii).

(2) jew

fil-każ ta’ prodotti sekondarji mmirati biex jittieklu mill-annimali li jixtarru u li fihom il-ħalib jew il-prodotti tal-ħalib ta' oriġini ovina jew kaprina, u li huma ddestinati lejn Stat Membru elenkat fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 546/2006, l-annimali ovini u kaprini li ttieħdu minnhom il-prodotti nżammu dejjem, mit-twelid tagħhom ’il quddiem, jew għall-aħħar seba’ snin f’razzett li fuqu ma ġietx imposta restrizzjoni ta’ taħrik minħabba xi sospett ta’ EST, u li ssodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin għall-aħħar seba’ snin:

(i)

kien soġġett għall-verifiki veterinarji regolari;

(ii)

ma saret l-ebda dijanjosi ta’ scrapie klassika kif definita fil-punt 2(g) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, jew, wara li jkun ġie kkonfermat każ ta’ scrapie klassika:

l-annimali kollha li ġew ikkonfermati li kellhom l-iscrapie klassika nqatlu u nqerdu, u

l-mogħoż u n-nagħaġ kollha li kien hemm fir-razzett inqatlu u nqerdu barra mill-imtaten għat-tgħammir tal-ġenotip ARR/ARR u n-nagħaġ għat-tgħammir li għandhom mill-inqas allele waħda ARR u l-ebda allele VRQ;

(iii)

l-annimali ovini u kaprini, ħlief in-ngħaġ tal-ġenotip tal-proteina prion ARR/ARR, ikunu introdotti fir-razzett biss jekk ikunu ġejjin minn razzett li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (i) u (ii).’ ”


Top