EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007L0075

Direttiva tal-Kunsill 2007/75/KE ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet temporanji dwar rati ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

OJ L 346, 29.12.2007, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 09 Volume 001 P. 255 - 256

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2007/75/oj

29.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 346/13


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2007/75/KE

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet temporanji dwar rati ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2) tipprovdi għal ċerti derogi fir-rigward tar-rati tal-VAT. Xi wħud mid-derogi jiskadu f’data fissa, filwaqt li oħrajn jibqgħu applikabbli sa l-adozzjoni ta’ l-arranġamenti definittivi.

(2)

Id-derogi fir-rigward tar-rati tal-VAT li d-Direttiva 2006/112/KE tipprevedi konformement ma’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003, u li jippermettu adattament bla xkiel ta’ l-ekonomiji ta’ ċerti Stati Membri ġodda għas-suq intern, għandhom data fissa u jiskadu dalwaqt.

(3)

Numru minn dawn l-Istati Membri ġodda ddikjaraw ix-xewqa tagħhom li japplikaw id-derogi li minnhom b’hekk jibbenefikaw għal perijodu ulterjuri ta’ żmien.

(4)

Fid-dawl tad-dibattitu pendenti dwar l-użu ta’ rati mnaqqsa u l-proposta leġislattiva li għandha tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni, huwa kunsiljabbli li jiġu estiżi ċerti derogi sa tmiem l-2010, id-data sa meta ġie estiż l-esperiment dwar l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għal servizzi li jinvolvu xogħol intensiv.

(5)

Id-Direttiva 2006/112/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

B’effett mill-1 ta’ Jannar 2008, id-Direttiva 2006/112/KE hija b’dan emendata kif ġej:

1.

l-Artikolu 123 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 123

Ir-Repubblika Ċeka tista’, sal-31 ta’ Diċembru 2010, tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ mhux anqas minn 5 % fuq il-provvista ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni għal djar residenzjali mhux prevista bħala parti mill-politika soċjali, minbarra l-materjal tal-bini.”;

2.

l-Artikolu 124 għandu jitħassar;

3.

fl-Artikoli 125(1) u (2), il-kliem “sal-31 ta’ Diċembru 2007” għandhom jinbidlu bil-kliem “sal-31 ta’ Diċembru 2010”;

4.

l-Artikolu 126 għandu jitħassar;

5.

fl-Artikolu 127, “1 ta’ Jannar 2010” għandha tinbidel bi “31 ta’ Diċembru 2010”;

6.

l-Artikolu 128 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 128

1.   Il-Polonja tista’, sal-31 ta’ Diċembru 2010 tagħti eżenzjoni bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti fir-rigward tal-provvista ta’ ċerti kotba u perjodiċi specjalizzati.

2.   Il-Polonja tista’, sal-31 ta’ Diċembru 2010, jew sa l-introduzzjoni ta’ arranġamenti definittivi kif imsemmija fl-Artikolu 402, skond liema jiġi l-ewwel, tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ mhux anqas minn 7 % għall-provvista ta’ servizzi ta’ ristoranti.

3.   Il–Polonja tista’, sal-31 ta’ Diċembru 2010, tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ mhux anqas minn 3 % għall-provvista ta’ oġġetti ta’ ikel kif imsemmi fil-punt (1) ta’ l-Anness III.

4.   Il-Polonja tista’, sal-31 ta’ Diċembru 2010, tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ mhux anqas minn 7 % fuq il-provvista ta’ servizzi, mhux ipprovduti bhala parti minn politika soċjali, ghall-kostruzzjoni, rinnovazzjoni u alterazzjoni ta’ djar, eskluż il-materjal tal-bini, u fuq il-provvista qabel l-ewwel okkupazzjoni ta’ bini residenzjali jew partijiet minn bini residenzjali, kif imsemmi fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 12(1).”;

7.

fl-Artikoli 129(1) u (2), il-kliem “sal-31 ta’ Diċembru 2007” għandhom jinbidlu bil-kliem “sal-31 ta’ Diċembru 2010”;

8.

l-Artikolu 130 għandu jitħassar.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. NUNES CORREIA


(1)  Opinjoni tal-11 ta’ Diċembru 2007 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2006/138/KE (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 92).


Top