EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0020

2006/20/KE: Direttiva tal-Kummissjoni 2006/20/KE tas- 17 ta’ Frar 2006 li temenda, għall-għanijiet ta' l-adattament tagħha għall-progress tekniku tagħha, id-Direttiva tal-Kunsill 70/221/KEE, dwar tankijiet tal-fjuwil u tagħmir kontra t-trikkib minn wara ta' vetturi bil-magna u t-trejlers tagħhom Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

OJ L 48, 18.2.2006, p. 16–18 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 330M, 28.11.2006, p. 190–192 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 13 Volume 053 P. 3 - 5
Special edition in Romanian: Chapter 13 Volume 053 P. 3 - 5
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 014 P. 105 - 107

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/20/oj

28.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

190


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2006/20/KE

tas-17 ta’ Frar 2006

li temenda, għall-għanijiet ta' l-adattament tagħha għall-progress tekniku tagħha, id-Direttiva tal-Kunsill 70/221/KEE, dwar tankijiet tal-fjuwil u tagħmir kontra t-trikkib minn wara ta' vetturi bil-magna u t-trejlers tagħhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (1), u partikolarment it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 13(2) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 70/221/KEE ta’ l-20 ta’ Marzu 1970, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri marbuta mat-tankijiet tal-fjuwil likwidu u tagħmir kontra t-trikkib minn wara ta' vetturi bil-magna u t-trejlers tagħhom (2), u partikolarment l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 70/221/KEE hija waħda mid-Direttivi separati fil-kuntest tal-proċedura Komunitarja għall-approvazzjoni tat-tip stipulata fid-Direttiva 70/156/KEE. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 70/156/KEE dwar sistemi komponenti u unitajiet tekniċi għall-vetturi għalhekk japplikaw għad-Direttiva 70/221/KEE.

(2)

Sabiex jiżdiedu l-livelli ta' protezzjoni, it-tagħmir għall-protezzjoni mit-trikkib minn wara għandu jkun rekwiżit li jirreżisti għal daqqiet b'aktar saħħa u għandhom jitqiesu vetturi li jużaw unitajiet ta' sospensjoni bl-arja.

(3)

Fid-dawl tal-progress tekniku, u l-avvanzi li saru fl-użu tal-vetturi fir-rigward ta' l-installazzjoni ta' pjattaformi-lifts tal-vetturi, huwa xieraq li jitqiesu dawn il-pjattaformi-lifts fil-kuntest ta’ l-installazzjoni ta' tagħmir għall-prevenzjoni tat-trikkib min-naħa ta' wara.

(4)

Id-Direttiva 70/221/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Addattament għall-Progress Tekniku mwaqqaf taħt l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 70/156/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness II tad-Direttiva 70/221/KEE huwa emendat skond l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   B'effett mill-11 ta’ Settembru 2007, jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 70/221/KEE, kif emendata b’din id-Direttiva, ma jiġux osservati, Stat Membru, għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni kontra t-trikkib minn wara:

(a)

għandu jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-KE jew l-approvazzjoni nazzjonali tat-tip lil tip ta’ vettura,

(b)

għandu jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-KE jew l-approvazzjoni nazzjonali tat-tip lil tagħmir ta’ protezzjoni kontra t-trikkib minn wara, bħala unità teknika separata,

2.   B'effett mill-11 ta’ marzu 2010, jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 70/221/KEE, kif emendata b’din id-Direttiva, ma jiġux osservati, Stat Membru, għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni kontra t-trikkib minn wara:

(a)

għandu jirrifjuta r-reġistrazzjoni jew jipprojbixxi l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi,

(b)

għandu jipprojbixxi l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ tagħmir ta’ protezzjoni kontra t-trikkib minn wara, bħala unità teknika separata.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw mhux aktar tard mill-11 ta’ marzu 2007 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrellazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn mill-11 ta’ marzu 2007 il-liġijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza lil din id-Direttiva jew ikunu akkumpajati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar is-17 ta’ Frar 2006.

Għall-Kummissjoni

Gunter VERHEUGEN

Viċi-President


(1)  ĠU L 42, tat-23.2.1970, p.1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 310, tal-25.11.2005, p.10).

(2)  ĠU L 76, tas-6.4.1970, p.23. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.


ANNESS

L-Anness II għad-Direttiva 70/221/KEE huwa emendat kif ġej:

1.

Tiddaħħal it-taqsima 5.1a li ġejja:

“5.1a.

Il-vettura għandha tiġi ttestjata taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

għandha tkun wieqfa fuq art b'livell wieħed, ċatta, riġida u lixxa (mingħajr skossi jew ħofor).

ir-roti ta' quddiem għandhom jippuntaw dritt 'il quddiem.

it-tajers għandhom jintefħu sal-pressjoni rakkomandata mill-manifattur tal-vettura.

il-vettura tista', jekk hu meħtieġ biex jinkisbu l-forzi meħtieġa tat-test, tkun imrażżna bi kwalunkwe metodu speċifikat mill-manifattur tal-vettura.

Jekk il-vettura hija mgħammra b'sospensjoni idropnewmatika, ħajdrolik jew pnewmatika jew tagħmir għall-invellar awtomatiku skond it-tagħbija, għandha tiġi ttestjata bis-sospensjoni jew it-tagħmir fil-kundizzjoni normali tat-tħaddim speċifikat mill-manifattur”

2.

Il-punt 5.4.5.2 jinbidel b’dan li ġej:

“5.4.5.2

Forza orizzontali li tikkorrispondi għal 25 % tal-massa li hi teknikament permissibbli tal-vettura iżda li ma taqbiżx 5 × 104N għandha tiġi applikata suċċessivament għaż-żewġ punti P1 u għall-punt P3;”

3.

Tiddaħħal it-taqsima 5.4a li ġejja:

“5.4a

Għal vetturi bi pjattaforma-lift, l-armar tat-tagħmir kontra t-trikkib jista' jkun interrott sabiex jitħaddem il-mekkaniżmu. F'dawn il-każijiet, ir-rekwiżiti speċjali li ġejjin għandhom japplikaw:

5.4a.1

id-distanza laterali bejn l-elementi ta' twaħħil għat-tagħmir kontra t-trikkib u l-elementi tal-pjattaforma-lift, li minħabba fihom issir meħtieġa l-interruzzjoni, ma tistax tkun ta' aktar minn 2.5cm;

5.4a.2

l-elementi individwali tat-tagħmir ta' protezzjoni kontra t-trikkib, f’kull każ, għandhom ikollhom erja tal-wiċċ effettiva ta' għall-inqas 350 cm2;

5.4a.3

l-elementi individwali tat-tagħmir ta' protezzjoni kontra t-trikkib iridu jkunu kbar biżżejjed sabiex ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 5.4.5.1, li permezz tagħhom huma determinati l-pożizzjonijiet relattivi tal-punti tat-test. Jekk il-punti P1 jinsabu fiż-żona ta' interruzzjoni msemmija fil-punt 5.5, il-punti P1 li għandhom jintużaw jkunu jinsabu fin-nofs tas-sezzjoni laterali tat-tagħmir ta’ protezzjoni kontra t-trikkib minn wara;

5.4a.4

għaż-żona ta’ interruzzjoni tat-tagħmir kontra t-trikkib minn wara u għall-iskopijiet tal-pjattaforma-lift, il-punt 5.4.1 ma għandux għalfejn japplika.”


Top