EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006E0304

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/304/PESK ta' l- 10 ta' April 2006 dwar it-twaqqif ta' Grupp ta' Ppjanar ta' l-UE (EUPT Kosovo) fir-rigward ta' operazzjoni, eventwalment possibbli, ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi fil-qasam ta' l-istat ta' dritt u possibbilment f'oqsma oħra fil-Kosovo

OJ L 112, 26.4.2006, p. 19–23 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 270M, 29.9.2006, p. 415–419 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 18 Volume 005 P. 24 - 28
Special edition in Romanian: Chapter 18 Volume 005 P. 24 - 28

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/06/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2006/304/oj

29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

415


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2006/304/PESK

ta' l-10 ta' April 2006

dwar it-twaqqif ta' Grupp ta' Ppjanar ta' l-UE (EUPT Kosovo) fir-rigward ta' operazzjoni, eventwalment possibbli, ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi fil-qasam ta' l-istat ta' dritt u possibbilment f'oqsma oħra fil-Kosovo

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 14 u t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 25 tiegħu,

Billi:

(1)

Skond ir-Riżoluzzjoni (UNSCR) 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, ġie varat proċess sabiex jiġi ddeterminat l-istatus futur tal-Kosovo fil-bidu ta' Novembru 2005 bil-ħatra tal-Mibgħut tan-NU dwar l-Istatus, is-Sur Martti Ahtisaari. Is-suċċess ta' dan il-proċess huwa essenzjali mhux biss sabiex tingħata perspettiva aktar ċara għan-nies tal-Kosovo iżda ukoll għall-istabbiltà ġenerali tar-reġjun.

(2)

In-Nazzjonijiet Uniti ser jibqgħu impenjati b'mod sħiħ fil-Kosovo sat-tmiem ta' l-UNSCR 1244. Madankollu, in-NU indikat li mhux ser tibqa' tieħu t-tmexxija fi preżenza post-Status. L-UE għandha interess vitali f'riżultat pożittiv ta' dan il-proċess, kif ukoll ir-responsabbiltà u l-mezzi sabiex tikkontribwixxi għal tali riżultat. Huwa probabbli li l-UE flimkien ma' msieħba oħrajn ser tagħmel kontribut prinċipali. L-UE għalhekk ikollha tassumi rwol importanti fil-Kosovo f'ambjent kumpless. Tista' tieħu r-responsabbiltà għal operazzjonijiet sinifikattivi, partikolarment fl-oqsma tal-pulizija u ta' l-istat ta' dritt.

(3)

Il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “PSA”) huwa l-qafas strateġiku għall-politika ta' l-UE għar-reġjun tal-Pajjiżi Balkani tal-Punent, u l-istrumenti tiegħu huma miftuħin għall-Kosovo, inklużi sħubija fil-forma ta' Partenarjat Ewropew, djalogu politiku u tekniku taħt il-Mekkaniżmu ta' Kontroll tas-PSA inter alia fir-rigward ta' standards fil-qasam ta' l-istat ta' dritt, u relatati ma' programmi ta' assistenza tal-Komunità.

(4)

F'Ġunju 2005 il-Kunsill Ewropew issottolinja li l-Kosovo, għall-perjodu medju, ikompli jeħtieġ preżenza ċivili u militari sabiex tkun żgurata s-sigurtà u b'mod partikolari l-protezzjoni tal-minoranzi, sabiex tassisti fl-implementazzjoni kontinwa ta' standards u twettaq sorveljanza adatta tal-konformità mad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-ftehim dwar l-istatus. F'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew issottolinja d-disponibbiltà ta' l-UE li tassumi rwol sħiħ, f'koperazzjoni mill-qrib ma' l-imsieħba u l-organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti.

(5)

Fis-7 ta' Novembru 2005 il-Kunsill laqa' r-Reviżjoni Komprensiva tas-sitwazzjoni fil-Kosovo ta' l-Ambaxxatur Kai Eide u esprima l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-intenzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li jinbeda proċess politiku li jiddetermina l-istatus futur tal-Kosovo.

(6)

Fid-dawl tal-possibbiltà li l-UE iżżid l-impenn tagħha fil-Kosovo, il-Kunsill fis-7 ta' Novembru 2005 stieden ukoll lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “SĠ/RGħ”) flimkien mal-Kummissjoni sabiex ikomplu x-xogħol tagħhom fl-identifikazzjoni tar-rwol u l-kontribut possibbli ta' l-UE fil-futur, anke fl-oqsma tal-pulizija, ta' l-istat ta' dritt u ta' l-ekonomija, u sabiex jippreżentaw proposti konġunti lill-Kunsill fil-futur qrib.

(7)

Fis-6 ta' Diċembru 2005 is-SĠ/RGħ u l-Kummissjoni ppreżentaw ir-rapport tagħhom dwar “Ir-Rwol u l-Kontribut Futuri ta' l-UE fil-Kosovo” lill-Kunsill. Ir-rapport issuġġerixxa l-linji ġenerali ta' l-involviment futur ta' l-UE fil-Kosovo. Saħaq fuq ix-xewqa li jiġu normalizzati r-relazzjonijiet ta' l-UE mal-Kosovo kemm jista' jkun bl-użu ta' l-istrumenti kollha disponibbli fi ħdan il-PSA. Barra minn hekk saħaq fuq il-bżonn ta' preparazzjoni għal missjoni futura tal-PESD (Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża), anke bil-ħolqien u l-insedjament ta' Grupp ta' Ppjanar regolari suffiċjentement kmieni sabiex jinbeda l-ippjanar ta' l-UE għal missjoni integrata ta' l-UE inter alia fl-oqsma ta' l-istat ta' dritt u tal-pulizija.

(8)

Fit-12 ta' Diċembru 2005 il-Kunsill tenna l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-proċess politiku sabiex jiġi determinat l-istatus futur tal-Kosovo u għas-Sur Martti Ahtisaari. Tenna wkoll id-determinazzjoni tiegħu li jieħu sehem bis-sħiħ fid-definizzjoni ta' l-istatus tal-Kosovo u r-rieda tiegħu li jkun involut mill-qrib fin-negozjati u fl-implementazzjoni ta' l-istatus futur tal-Kosovo, permezz tar-rappreżentant ta' l-UE għall-proċess lejn l-istatus futur tal-Kosovo. Il-Kunsill reġa' enfasizza l-importanza assoluta ta' l-implementazzjoni li għaddejja ta' l-istandards, bħalissa u fil-ġejjieni, sabiex tgħin fil-progress lejn standards Ewropej. B'mod partikolari, l-Istituzzjonijiet Provviżorji ta' Tmexxija Awtonoma jeħtieġu li jagħmlu progress ulterjuri lejn il-protezzjoni ta' minoranzi, lejn rispett sħiħ għall-istat ta' dritt, amministrazzjoni pubblika trasparenti ħielsa minn indħil politiku, klima li tiffavorixxi r-ritorn tan-nies, u protezzjoni ta' siti kulturali u reliġjużi.

(9)

Fit-12 ta' Diċembru 2005 il-Kunsill ukoll “laqa' r-rapport konġunt mis-SĠ/RGħ u l-Kummissjoni dwar ir-rwol u l-kontribut futuri ta' l-UE fil-Kosovo. Talab lis-SĠ/RGħ u lill-Kummissjoni sabiex ikomplu l-eżami ta' dawn il-kwistjonijiet f'koordinazzjoni ma' atturi internazzjonali oħra, b'mod partikolari fl-oqsma tal-pulizija u ta' l-istat ta' dritt (inkluż l-ippjanar ta' kontinġenza għal missjoni possibbli tal-PESD), ta' l-iżvilupp ekonomiku u tat-trawwim tal-perspettiva Ewropea tal-Kosovo, u sabiex iżommu impenjati b'mod attiv il-korpi relevanti tal-Kunsill sabiex jiżguraw li titkompla t-tħejjija f'waqtha ta' rwol ta' l-UE fil-Kosovo.”

(10)

Bejn id-19 u s-27 ta' Frar 2006 il-Kunsill u l-Kummissjoni bagħtu Missjoni Esplorattiva Konġunta fil-Kosovo fir-rigward ta' impenn futur possibbli tal-PESD u tal-Komunità fil-qasam usa' ta' l-istat ta' dritt. Fir-rapport tagħha, il-Missjoni Esplorattiva irrakkomandat, inter alia, li l-UE tistabbilixxi Grupp ta' Ppjanar li xogħlu jkun li jassigura li t-teħid ta' deċiżjonijiet mill-UE ikun jista' jistrieħ fuq bażi soda u analizzata sewwa li jkun konformi mal-proċess għall-istatus futur.

(11)

F'ittra lis-SĠ/RGħ ta' l-4 ta' April 2006, l-SRSG tan-NU Jessen-Petersen laqa' l-impenn ta' l-UE fid-diskussjonijiet dwar l-impenn internazzjonali futur fil-Kosovo u stieden lill-UE sabiex tibgħat Grupp ta' Ppjanar ta' l-UE għall-Kosovo (EUPT Kosovo) fi Pristina.

(12)

Matul il-Missjoni Esplorattiva u konsultazzjonijiet oħra ma' l-UE, l-Istituzzjonijiet Provviżorji ta' Tmexxija Awtonoma indikaw li jilqgħu lill-Grupp ta' Ppjanar ta' l-UE li xogħlu jkun li jmexxi 'l quddiem l-ippjanar ta' kontinġenza għal missjoni possibbli tal-PESD fil-qasam ta' l-istat ta' dritt.

(13)

It-twaqqif ta' l-EUPT Kosovo mhux ser jippreġudika bl-ebda mod jew forma r-riżultat tal-proċess ta' l-Istatus Futur jew kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti ta' l-UE sabiex tibgħat missjoni tal-PESD fil-Kosovo.

(14)

Konformement mal-linji gwida tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Nizza tas-7 u d-9 ta' Diċembru 2000, din l-Azzjoni Konġunta għandha tiddetermina r-rwol tas-SĠ/RGħ, skond l-Artikoli 18(3) u 26 tat-Trattat.

(15)

L-Artikolu 14(1) tat-Trattat isejjaħ għall-indikazzjoni ta' ammont finanzjarju ta' referenza għall-perjodu kollu ta' implementazzjoni ta' l-Azzjoni Konġunta. L-indikazzjoni ta' l-ammonti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea turi r-rieda ta' l-awtorità leġislattiva u hi soġġetta għad-disponibbiltà ta' approprjazzjonijiet ta' impenn matul is-sena tal-budget rispettiva.

(16)

Għandu jsir rikors sa fejn hu possibbli għall-użu mill-ġdid ta' tagħmir li jkun fadal minn attivitajiet operattivi oħra, attwali jew mitmuma, ta' l-UE, speċjalment ta' l-EUPOL PROXIMA, EUPAT u EUPM, b'kont meħud tal-ħtiġijiet operattivi u tal-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba.

(17)

Il-mandat ta' l-EUPT Kosovo ser jiġi implementat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li fiha mhuwiex żgurat bis-sħiħ l-istat tad-dritt u li tista' tkun ta' ħsara għall-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Objettivi

1.   L-Unjoni Ewropea b'dan tistabbilixxi Grupp ta' Ppjanar ta' l-Unjoni Ewropea (EUPT Kosovo) fir-rigward ta' operazzjoni, eventwalment possibbli, ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi fil-Kosovo.

2.   L-objettivi ta' l-EUPT Kosovo għandhom ikunu:

li jinbeda l-ippjanar, li jinkludi proċessi neċessarji ta' akkwist, sabiex tkun assigurata transizzjoni bla xkiel bejn kompiti magħżula ta' l-UNMIK (United Nations Mission in Kosovo) u operazzjoni, eventwalment possibbli, ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi, fil-qasam ta' l-istat ta' dritt u f'oqsma oħra li jistgħu jkunu identifikati mill-Kunsill fil-kuntest tal-proċess futur għall-istatus.

li tkun provduta konsulenza teknika skond kif ikun meħtieġ sabiex l-UE tikkontribwixxi għas-sostenn u ż-żamma ta' djalogu ma' l-UNMIK fir-rigward tal-pjanijiet tagħha għat-tnaqqis u t-trasferiment tal-kompetenzi lill-istituzzjonijiet lokali.

Artikolu 2

Kompiti

Fit-twettiq ta' l-objettivi tiegħu, l-EUPT Kosovo għandu jiffoka fuq il-kompiti li ġejjin:

1.

Jinbeda djalogu mal-komunità internazzjonali, ma' l-istituzzjonijiet tal-Kosovo u mal-partijiet interessati lokali dwar l-opinjonijiet u l-konsiderazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta' kwistjonijiet operattivi marbutin ma' arranġamenti futuri.

2.

Jiġi segwit mill-qrib u analizzat l-ippjanar ta' l-UNMIK lejn it-tmiem tal-mandat tagħha, u tingħata konsulenza b'mod attiv.

3.

Jinbeda l-ippjanar sabiex tkun assigurata transizzjoni bla xkiel ta' awtorità mill-kompiti magħżula ta' l-UNMIK għal operazzjoni futura ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi, fil-qasam ta' l-istat ta' dritt u f'oqsma oħra li jistgħu jiġu identifikati mill-Kunsill fil-kuntest tal-proċess futur għall-istatus.

4.

Jinbeda xogħol ta' l-identifikazzjoni ta' elementi possibbli ta' mandati, objettivi, kompiti u programmi speċifiċi u konsistenza ta' persunal għal operazzjoni possibbli ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi, inkluż abbozz ta' budget, li jistgħu jintużaw bħala bażi għat-teħid ta' deċiżjonijiet mill-UE aktar 'il quddiem. F'dan il-kuntest l-EUPT Kosovo għandu jibda jirrifletti dwar l-iżvilupp ta' strateġiji ta' disimpenn.

5.

Jiġu abbozzati u preparati l-aspetti kollha possibbli ta' ħtiġijiet ta' akkwist għall-operazzjoni possibbli ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi.

6.

Jiġi assigurat appoġġ loġistiku adegwat għal operazzjoni possibbli ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi, anke permezz tat-twaqqif ta' kapaċità ta' ħżin li jippermetti l-ħażna, il-manutenzjoni u r-riparazzjoni ta' tagħmir, inkluż dak trasferit minn xi operazzjoni oħra, preżenti jew preċedenti, ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi, fejn dan jikkontribwixxi għall-effikaċja u l-effiċjenza globali ta' operazzjoni possibbli ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi.

7.

Jiġu abbozzati u preparati analiżi ta' theddid u riskju, taħt il-gwida tas-SITCEN ta' l-UE u ta' l-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-Kunsill, għall-partijiet varji komponenti ta' operazzjoni possibbli ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi fil-Kosovo u jiġi mfassal budget indikattiv (billi jsir użu ta' l-esperjenza ta' l-OMIK u l-UNMIK) għall-ispejjeż tas-sigurtà.

8.

Isir kontribut lil approċċ ta' l-UE komprensiv u integrat, b'kont meħud ta' l-assistenza fl-oqsma tal-pulizija u ġudizzjarju provduta fil-qafas tal-PSA.

9.

Fil-kuntest ta' l-ippjanar ta' kontinġenza għal operazzjoni possibbli ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi fil-Kosovo, isir skambju, kif xieraq, ta' assistenza speċifika ma' operazzjonijiet ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżijiet jew ma' missjonijiet esplorattivi/preparatorji għat-twaqqif ta' operazzjonijiet ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżijiet. Tali assistenza għandha jkollha l-kunsens espliċitu tal-Kap tal-EUPT Kosovo u għandha tkun għal perjodu limitat ta' żmien.

Artikolu 3

Struttura

1.   Fil-prinċipju, l-EUPT Kosovo għandu jkun strutturat kif ġej:

uffiċċju tal-Kap ta' l-EUPT Kosovo,

grupp tal-pulizija,

grupp tal-ġustizzja,

grupp ta' amministrazzjoni.

2.   L-EUPT Kosovo għandu jistabbilixxi

uffiċċju fi Pristina,

uffiċċju ta' koordinazzjoni fi Brussel.

Artikolu 4

Il-Kap ta' l-EUPT u l-persunal

1.   Il-Kap ta' l-EUPT Kosovo għandu jkun responsabbli għat-tmexxija u l-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-EUPT Kosovo.

2.   Il-Kap ta' l-EUPT Kosovo għandu jieħu f'idejh l-amministrazzjoni ta' kuljum ta' l-EUPT Kosovo u għandu jkun responsabbli mill-kwistjonijiet ta' persunal u ta' dixxiplina. Għal persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew ta' l-UE konċernata.

3.   Il-Kap ta' l-EUPT Kosovo għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

4.   L-EUPT Kosovo għandu jikkonsisti primarjament minn persunal ċivili sekondat mill-Istati Membri jew mill-Istituzzjonijiet ta' l-UE. Kull Stat Membru jew istituzzjoni ta' l-UE għandhom iħallsu l-ispejjeż relatati ma' kwalunkwe membru tal-persunal sekondat minnhom inklużi l-pagi, l-assigurazzjoni medika, l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u mill-Kosovo, u allowances oħra minn barra dawk per diem.

5.   L-EUPT Kosovo jista' jirrekluta wkoll persunal internazzjonali u persunal lokali fuq bażi kuntrattwali, skond kif ikun meħtieġ.

6.   Filwaqt li jibqa' taħt l-awtorità ta' l-Istati Membri jew ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE tiegħu li bagħtu, il-persunal kollu fl-EUPT Kosovo għandu jwettaq d-doveri tiegħu u jaġixxi fl-interess uniku ta' l-azzjoni ta' appoġġ ta' l-UE. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (minn hawn 'il quddiem imsejħa “r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà”) (1).

7.   L-EUPT Kosovo għandu jkun insedjat gradwalment u jibda bi grupp nukleu mill-aħħar ta' April 2006 bil-ħsieb li jkun hemm grupp sħiħ f'postu qabel l-1 ta' Settembru 2006.

Artikolu 5

Linja ta' Kmand

1.   L-istruttura ta' l-EUPT Kosovo għandha jkollha linja unifikata ta' kmand.

2.   Il-PSC għandu jipprovdi l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika lill-EUPT Kosovo.

3.   Is-SĠ/RGħ għandu jiggwida lill-Kap ta' l-EUPT Kosovo.

4.   Il-Kap ta' l-EUPT Kosovo għandu jmexxi l-EUPT Kosovo u jieħu f'idejh l-amministrazzjoni ta' kuljum tagħha.

5.   Il-Kap ta' l-EUPT Kosovo għandu jirrapporta lis-SĠ/RGħ.

Artikolu 6

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Il-PSC (Political and Security Committee) għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' l-EUPT Kosovo.

2.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-PSC sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti skond l-Artikolu 25 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat sabiex jinħatar Kap ta' l-EUPT Kosovo, fuq proposta mis-SĠ/RGħ. Is-setgħat ta' deċiżjoni fir-rigward ta' l-objettivi u t-terminazzjoni ta' l-EUPT Kosovo għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.

3.   Il-PSC għandu jirċievi rapporti f'intervalli regolari u jista' jitlob rapporti speċifiċi mill-Kap ta' l-EUPT Kosovo dwar l-implementazzjoni tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 2 u dwar il-koordinazzjoni ma' atturi oħra msemmija fl-Artikolu 10. Il-PSC jista' jistieden lill-Kap ta' l-EUPT Kosovo għal-laqgħat tiegħu, kif xieraq.

4.   Il-PSC għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

Artikolu 7

Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid deċiżjonali ta' l-UE u l-qafas istituzzjonali unitarju tagħha, l-Istati aderenti għandhom jiġu mistiedna sabiex jikkontribwixxu għall-EUPT Kosovo sakemm iħallsu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi is-salarji, l-assigurazzjoni medika, l-allowances, l-assigurazzjoni ta' indennità, u l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u miż-żona tal-missjoni, u jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta' kuljum ta' l-EUPT Kosovo, skond il-ħtieġa.

Artikolu 8

Sigurtà

1.   Il-Kap ta' l-EUPT Kosovo għandu jkun responsabbli għas-sigurtà ta' l-EUPT Kosovo u għandu, b'konsultazzjoni ma' l-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, ikun responsabbli sabiex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti minimi ta' sigurtà applikabbli għall-missjoni.

2.   L-EUPT Kosovo għandu jkollu Uffiċjal ta' Sigurtà dedikat li jirrapporta lill-Kap ta' l-EUPT Kosovo.

Artikolu 9

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza maħsub sabiex ikopri l-ispiża relatata ma' l-EUPT Kosovo għandu jkun ta' EUR 3 005 000.

2.   In-nefqa finanzjata mill-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-budget ġenerali ta' l-UE, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament ma għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.

3.   Il-Kap ta' l-EUPT Kosovo għandu jirrapporta b'mod sħiħ lil, u jkun issorveljat, mill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

4.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti operattivi ta' l-EUPT Kosovo, inklużi il-kompatibbiltà ta' tagħmir u l-interoperabbiltà tal-gruppi tiegħu.

5.   L-infiq għandu jkun eliġibbli mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din l-Azzjoni Konġunta.

Artikolu 10

Koordinazzjoni ma' atturi oħra

1.   Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-atturi relevanti kollha, inklużi n-NU/UNMIK, l-OSCE, in-NATO/KFOR kif ukoll atturi prinċipali oħra bħall-Istati Uniti u r-Russja, għandha tkompli tassigura l-komplementarjetà u s-sinerġija bejn l-isforzi tal-komunità internazzjonali. L-Istati Membri ta' l-UE kollha għandhom jinżammu infurmati b'mod sħiħ dwar il-proċess ta' koordinazzjoni.

2.   Fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu, il-Kap ta' l-EUPT Kosovo għandu jipparteċipa fil-mekkaniżmi ta' l-UE ta' koordinazzjoni stabbiliti fi Pristina, Kosovo.

Artikolu 11

Status tal-persunal ta' l-EUPT Kosovo

1.   Fejn meħtieġ, l-istatus tal-persunal, fil-Kosovo, ta' l-EUPT Kosovo, inklużi fejn xieraq il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għall-formazzjoni sħiħa u għall-funzjonament bla xkiel ta' l-EUPT Kosovo għandhom jiġu miftiehma skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ li jkun qed jgħin lill-Presidenza jista' jinnegozja tali ftehim f'isimha.

2.   L-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta' l-UE li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondament, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta' l-UE in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli sabiex tinbeda kwalunkwe azzjoni kontra l-issekondat.

3.   Il-kondizzjonijiet ta' impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal kuntrattwali internazzjonali u ta' dak lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap ta' l-EUPT Kosovo u l-membru tal-persunal.

Artikolu 12

Azzjoni Komunitarja

Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, skond is-setgħat rispettivi tagħhom, il-koerenza bejn l-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u attivitajiet esterni tal-Komunità skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3 tat-Trattat. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw għal dan il-għan.

Artikolu 13

Rilaxx ta' informazzjoni klassifikata

1.   Is-SĠ/RGħ għandu jkollu l-awtorità sabiex jirrilaxxa lin-NATO/KFOR informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerati għall-finijiet ta' l-azzjoni, skond ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill.

2.   Is-SĠ/RGħ għandu jkollu l-awtorità sabiex jirrilaxxa lin-NU/UNMIK u lill-OSCE, skond il-ħtiġijiet operattivi ta' l-EUPT Kosovo, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet ta' l-azzjoni, skond ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jiġu mfassla arranġamenti lokali għal dan il-għan.

3.   Is-SĠ/RGħ għandu jkollu l-awtorità sabiex jirrilaxxa lill-Partijiet terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta dokumenti mhux klassifikati ta' l-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward ta' l-azzjoni koperta mill-obbligu ta' segretezza professjonali skond l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/338/KE, Euratom tat-22 ta' Marzu 2004 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (2).

Artikolu 14

Reviżjoni

Sal-31 ta' Ottubru 2006 il-Kunsill għandu jivvaluta jekk l-EUPT Kosovo għandux ikompli wara l-31 ta' Diċembru 2006, filwaqt li jieħu kont tal-ħtieġa ta' transizzjoni bla xkiel għal operazzjoni possibbli ta' l-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżi fil-Kosovo.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u skadenza

1.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

2.   Għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2006.

Artikolu 16

Publikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, nhar l-10 ta' April 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

U. PLASSNIK


(1)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2005/952/KE (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 18).

(2)  ĠU L 106, 15.4.2004, p. 22. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/34/KE, Euratom (ĠU L 22, 26.1.2006, p. 32).


Top