EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001L0013

Id-Direttiva 2001/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE dwar l-għoti ta' liċenzji għal impriżi ferrovjarji

OJ L 75, 15.3.2001, p. 26–28 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 07 Volume 005 P. 401 - 403
Special edition in Estonian: Chapter 07 Volume 005 P. 401 - 403
Special edition in Latvian: Chapter 07 Volume 005 P. 401 - 403
Special edition in Lithuanian: Chapter 07 Volume 005 P. 401 - 403
Special edition in Hungarian Chapter 07 Volume 005 P. 401 - 403
Special edition in Maltese: Chapter 07 Volume 005 P. 401 - 403
Special edition in Polish: Chapter 07 Volume 005 P. 401 - 403
Special edition in Slovak: Chapter 07 Volume 005 P. 401 - 403
Special edition in Slovene: Chapter 07 Volume 005 P. 401 - 403
Special edition in Bulgarian: Chapter 07 Volume 008 P. 63 - 65
Special edition in Romanian: Chapter 07 Volume 008 P. 63 - 65
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 006 P. 43 - 45

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 16/06/2015; Imħassar b' 32012L0034

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/13/oj

32001L0013



Official Journal L 075 , 15/03/2001 P. 0026 - 0028


Id-Direttiva 2001/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-26 ta' Frar 2001

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE dwar l-għoti ta' liċenzji għal impriżi ferrovjarji

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL ta' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Waqt li jaġixxu b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit-22 ta' Novembru 2000,

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta' Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferroviji tal-Komunità [5] tistabbilixxi ċerti drittijiet ta' aċċess fit-trasport internazzjonali bil-ferrovija għal impriżi ferrovjarji u aggruppamenti internazzjonali ta' impriżi ferrovjarji.

(2) Sabiex jiġu żgurati servizzi affidabbli u adegwati, hija meħtieġa skema komuni ta' għoti ta' liċenzji sabiex jiġi żgurat li l-impriżi ferrovjarji kollha f'kull ħin jissodisfaw ċerti kriterji li jirrigwardaw ir-reputazzjoni tajba, is-saħħa finanzjarja u l-kompetenza professjonali sabiex tingħata protezzjoni lill-konsumaturi u lil partijiet terzi u sabiex jiġu offruti servizzi li jħarsu livell għoli ta' sigurtà.

(3) Sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet ta' aċċess għall-infrastruttura ta' linji tal-ferroviji jiġu applikati fil-Komunità kollha fuq bażi uniformi u mingħajr diskriminazzjoni, id-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE [6] kienet introduċiet liċenza għall-impriżi ferrovjarji li jipprovdu s-servizzi msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/440/KEE, u din il-liċenza hija obbligatorja għat-tħaddim ta' dawn is-servizzi u valida fil-Komunità kollha.

(4) Minħabba li ċerti Stati Membri estendew id-drittijiet ta' l-aċċess li jmorru lil hinn mid-Direttiva 91/440/KEE, jidher li huwa meħtieġ li jiġi żgurat trattament ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju għall-impriżi kollha ferrovjarji li jistgħu jikkooperaw f'dan is-suq billi jiġu estiżi l-prinċipji ta' l-għoti ta' liċenzji stabbiliti fid-Direttiva 95/18/KE għall-kumpaniji kollha li joperaw f'dan is-settur.

(5) Sabiex iwettqu aħjar l-obbligazzjonijiet dwar l-informazzjoni, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw informazzjoni aħjar għall-Istati Membri kollha kif ukoll għall-Kummissjoni. Skond il-prattika komuni u l-interpretazzjoni loġika tad-Direttiva 95/18/KE, l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri u lill-Kummissjoni għandha tkopri wkoll il-liċenzji maħruġa.

(6) Huwa mixtieq li jiġi żgurat li l-impriżi ferrovjarji liċenzjati li joperaw trasport internazzjonali ta' oġġetti jirrispettaw id-dispożizzjonijiet doganali u fiskali applikabbli, b'mod partikolari fir-rigward tat-transitu doganali.

(7) B'mod konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat, l-oġġettivi ta' din id-Direttiva, prinċipalment li jiġu stabbiliti prinċipji wiesa' għall-għoti ta' liċenzji għal impriżi ferrovjarji u l-għarfien reċiproku ta' dawn il-liċenzji fil-Kommunità kollha, ma jistgħux jintlaħqu b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri, minħabba d-dimensjoni internazzjonali ovvja ta' l-għoti ta' liċenzji bħal dawn u li għalhekk jistgħu, minħabba l-implikazzjonijiet trans-nazzjonali tagħhom, jintlaħqu aħjar mill-Komunità. Din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu dawk l-oġġettivi.

(8) Id-Direttiva 95/18/KEE għandha tiġi emendata b'mod approprjat.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 95/18/KE qiegħda tiġi emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 1 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tirrigwarda l-kriterji applikabbli għall-ħruġ, it-tiġdid jew l-emendi ta' liċenzji minn Stat Membru maħsuba għal impriżi ferrovjarji li huma jew li sejrin jiġu stabbiliti fil-Komunità.

2. L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva:

(a) impriżi li joperaw biss servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri fuq infrastruttura singolari lokali u reġjonali;

(b) impriżi ferrovjarji li joperaw biss servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri urbani jew suburbani;

(ċ) impriżi ferrovjarji li l-attività tagħhom tkun limitata għall-forniment ta' servizzi ferrovjarji tat-trasport tal-merkanzija fuq bażi reġjonali li ma jaqgħux taħt l-applikazzjoni tad-Direttiva 91/440/KEE;

(d) impriżi li jwettqu biss operazzjonijiet ta' ġarr ta' merkanzija fuq infrastruttura ferrovjarja privata li teżisti biss għall-użu mis-sid ta' l-infrastruttura għall-operazzjonijiet ta' ġarr ta' merkanzija tiegħu biss.

3. Impriżi li n-negozju tagħhom huwa limitat għall-forniment ta' servizzi tax-shuttle għal vetturi li jaqsmu l-Mina tal-Kanal huma esklużi mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva."

(2) L-Artikolu 2(a) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"impriża ferrovarja"; għandha tfisser kull impriża pubblika jew privata, li n-negozju prinċipali tagħha hu li tipprovdi servizzi għat-trasport ta' oġġetti u/jew passiġġieri permezz tal-ferrovija bil-kriterju li l-impriża għandha tiżgura l-ġbid; dan jinkludi wkoll impriżi li jipprovdu l-ġbid biss";

(3) L-Artikolu 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 3

Kull Stat Membru għandu jinnomina l-entità responsabbli għall-ħruġ ta' liċenzji u għat-twettiq ta' l-obbligazzjonijiet imposti minn din id-Direttiva. Il-ħruġ tal-liċenzji għandu jitwettaq minn korp li ma jipprovdix servizzi ta' trasport bil-ferrovija hu stess, u li hu indipendenti minn korpi jew impriżi li jipprovdu dawn is-servizzi."

(4) Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 4:

"5. Liċenzja għandha tkun valida fit-territorju kollu tal-Komunità."

(5) L-Artikolu 6, ir-raba' inċiż, għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"— ma jkunx/jkunux nstabu ħati/ja ta' nuqqas serju jew ripetut li jissodisfa/w l-obbligazzjonijiet tal-liġi soċjali u tax-xogħol, li jinkludu obbligazzjonijiet taħt leġislazzjoni ta' sigurtà u saħħa okkupazzjonali, u l-obbligazzjonijiet tal-liġi doganali fil-każ ta' kumpaniji li jkunu jridu joperaw servizzi ta' trasport ta' oġġetti bejn fruntiera u oħra, u li jkunu suġġetti għall-proċeduri doganali";

(6) L-Artikolu 11(8) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"8. Meta awtorità li toħroġ il-liċenzji tagħti, tissospendi, tneħħi jew temenda liċenzja, l-Istat Membru inkwestjoni għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni dwar dan. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar dan".

(7) L-Artikoli 12 u 13 għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej:

"L-Artikolu 12

1. Minbarra r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, impriża ferrovjarja għandha tkun konformi wkoll mal-liġi nazzjonali u mad-dispożizzjonijiet regolatorji li huma kumpatibbli mal-liġi tal-Komunità u li jkunu japplikaw b'mod mhux diskriminatorja, b'mod partikolari:

(a) rekwiżiti speċifiċi tekniċi u operazzjonali għal servizzi bil-ferrovija;

(b) rekwiżiti ta' sigurtà għall-istaff, rolling stock u l-organizzazzjoni interna ta' l-impriża;

(ċ) dispożizzjonijiet dwar saħħa, sigurtà u kundizzjonijiet soċjali u d-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi

(d) rekwiżiti li japplikaw għax-xogħlijiet kollha fis-settur relevanti ferrovjarju, li huma maħsuba biex joffru benefiċċji jew protezzjoni lill-konsumaturi.

2. Impriża ferrovjarja tista' f'kull ħin tirreferi lill-Kumissjoni l-kwistjoni tal-kumpatibbiltà tar-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali ma' dik tal-Komunità, kif ukoll id-domanda dwar jekk rekwiżiti bħal dawn ikunux applikati mingħajr diskriminazzjoni. Jekk il-Kummissjoni jidhrilha li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma jkunux ġew imwettqa kompletament, hija għandha tagħti opinjoni dwar l-interpretazzjoni eżatta tad-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 226 tat-Trattat.

L-Artikolu 13

L-impriżi ferrovjarji għandhom jirrispettaw il-ftehim applikabbli għat-trasport internazzjonali bil-ferrovija li huwa fis-seħħ fl-Istati Membri li fihom joperaw. Għandhom josservaw ukoll id-dispożizzjonijiet doganali u fiskali relevanti."

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-15 ta' Marzu 2003. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew inkella għandhom jkunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir referenza bħal din għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-26 ta' Frar 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

A. Lindh

[1] ĠU C 321, ta' l-20.10.1998, p. 8, u ĠU C 116 E, tas-26.4.2000, p. 38.

[2] ĠU C 209, tat-22.7.1999, p. 22.

[3] ĠU C 57, tad-29.2.2000, p. 40.

[4] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Marzu 1999 (ĠU C 175, tal-21.6.1999, p. 119), ikkonfermata fis-16 ta' Settembru 1999 (ĠU C 54, tal-25.2.2000, p. 56), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-28 ta' Marzu 2000 (ĠU C 178, tas-27.6.2000, p. 23) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2000 (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-1 ta' Frar 2001 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2000.

[5] ĠU L 237, ta' l-24.8.1991, p. 25. Id-Direttiva hekk kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

[6] ĠU L 143, tas-27.6.1995, p. 70.

--------------------------------------------------

Top