EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R2790

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 336, 29.12.1999, p. 21–25 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 08 Volume 001 P. 364 - 368
Special edition in Estonian: Chapter 08 Volume 001 P. 364 - 368
Special edition in Latvian: Chapter 08 Volume 001 P. 364 - 368
Special edition in Lithuanian: Chapter 08 Volume 001 P. 364 - 368
Special edition in Hungarian Chapter 08 Volume 001 P. 364 - 368
Special edition in Maltese: Chapter 08 Volume 001 P. 364 - 368
Special edition in Polish: Chapter 08 Volume 001 P. 364 - 368
Special edition in Slovak: Chapter 08 Volume 001 P. 364 - 368
Special edition in Slovene: Chapter 08 Volume 001 P. 364 - 368
Special edition in Bulgarian: Chapter 08 Volume 001 P. 66 - 70
Special edition in Romanian: Chapter 08 Volume 001 P. 66 - 70

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/05/2010: This act has been changed. Current consolidated version: 01/05/2004

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/2790/oj

31999R2790



Official Journal L 336 , 29/12/1999 P. 0021 - 0025


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999

tat-22 ta' Diċembru 1999

dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiċi miftiehma

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 19/65/KEE tat-2 ta' Marzu 1965 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat lil ċerti kategoriji ta' ftehim u prattiċi miftiehma [1], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1215/1999 [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

Wara li ppubblikat abbozz ta' dan ir-Regolament [3],

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Ristrettivi u Posizzjonijiet Dominanti,

Billi:

(1) Ir-Regolament Nru 19/65/KEE jagħti l-poter lill-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 81(3) tat-Trattat (li qabel kien l-Artikolu 85(3)) permezz ta' regolament lil ċerti kategoriji ta' ftehim vertikali u li prattiċi miftiehma korrispondenti li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 81(1).

(2) L-esperjenza miksuba sa llum tagħmel possibbli d-definizzjoni ta' kategorija ta' ftehim vertikali li tista’ titqies li normalment tissodisfa l-kondizzjonijiet imqiegħda fl-Artikolu 81(3).

(3) Din il-kategorija tinkludi ftehim vertikali għax-xiri jew bejgħ ta' oġġetti jew servizzi fejn dan il-ftehim ikun konkluż bejn intrapriżi li ma jikkompetux bejniethom, bejn ċerti kompetituri jew permezz ta' ċerti assoċjazzjonijiet ta' bejjiegħa bl-imnut ta' oġġetti; jinkludi wkoll ftehim vertikali li għandu disposizzjonijiet anċillari dwar l-assenjament jew użu ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali; għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu "ftehim vertikali" jinkludi l-prattiċi miftiehma korrispondenti.

(4) Għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) permezz ta' regolament, m'huwiex meħtieġ li jkunu definiti dawk il-ftehim vertikali li jistgħu jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 81(1); fl-istima individwali tal-ftehim taħt l-Artikolu 81(1), għandha tingħata konsiderazzjoni lil diversi fatturi, u b'mod partikolari l-istruttura tas-suq fuq in-naħa tal-forniment u x-xiri.

(5) Il-benefiċċju ta' l-eżenzjoni ġenerali għandu jkun limitat għal ftehim vertikali li jista’ jkun preżunt għalihom b'ċertezza biżżejjed li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 81(3).

(6) Ftehim vertikali tal-kategorija definita f'dan ir-Regolament jistgħu jtejbu l-effiċjenza ekonomika fi ħdan katina ta' produzzjoni jew distribuzzjoni billi jiffaċilita kordinament aħjar bejn l-intrapriżi parteċipanti; b'mod partikolari, jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż ta' transazzjoni u distribuzzjoni tal-partijiet u għal titjib fil-livelli tal-bejgħ u investiment.

(7) Il-probabbiltà li dawn l-effetti li jsaħħu l-effiċjenza ser ikunu akbar minn kull effett kontra l-kompetittività minħabba restrizzjonijiet li jinsabu fi ftehim vertikali jiddependi fuq il-grad ta' poter tas-suq ta' l-intrapriżi kkonċernati u, għalhekk, sal-punt li l-intrapriżi jiffaċċjaw il-kompetizzjoni mingħand fornituri oħra ta' oġġetti u servizzi kkunsidrati mix-xerrej li jistgħu jinbidlu jew ikunu sostitwibbli għal prodott jew servizz ieħor, minħabba r-raġuni tal-karatteristiċi tal-prodotti, il-prezzijiet u l-użu maħsub tagħhom.

(8) Jista’ jkun preżunt li, fejn is-sehem tas-suq relevanti kkunsidrat mill-fornitur, ma taqbiżx 30 % tal-ftehim vertikali li ma jkollhomx ċerti tipi ta' restrizzjonijiet severament kontra l-kompetittività ġeneralment iwasslu għal titjib fil-produzzjoni jew distribuzzjoni u jippermettu lill-konsumaturi sehem tajjeb tal-benefiċċji li jirriżultaw; fil-każ ta' ftehim vertikali li jkollhom obbligi esklussivi ta' forniment, huwa s-sehem tas-suq tax-xerrej li huwa relevanti fid-determinazzjoni ta' l-effetti totali ta' dawn il-ftehim vertikali fis-suq.

(9) ‘Il fuq mil-limitu tas-sehem tas-suq ta' 30 %, ma jista’ jkun hemm l-ebda preżunzjoni li ftehim vertikali li jaqa fl-iskop ta' l-Artikolu 81(1) li ġeneralment iqajjem vantaġġi oġġettivi ta' dan il-karattru u daqs sabiex jikkumpensa għall-iżvantaġġi li joħolqu għall-kompetizzjoni.

(10) Dan ir-Regolament m'għandux jeżenta ftehim vertikali li jkollhom restrizzjonijiet li m'humiex indispensabbli għall-kisba ta' l-effetti pożittivi msemmija hawn fuq; b'mod partikolari, ftehim vertikali li jkollhom ċerti tipi ta' restrizzjonijiet severament kontra l-kompetittività bħal ma huma prezzijiet iffissati għal bejgħ, kif ukoll ċerti tipi ta' protezzjoni territorjali, għandhom ikunu esklużi mill-benefiċċju ta' l-eżenzjoni ġenerali mwaqqfa b'dan ir-Regolament irrispettivament mis-sehem tas-suq li għandhom l-intrapriżi konċernati.

(11) Sabiex ikun assigurat l-aċċess għal jew biex ma titħalliex kompliċità fis-suq relevanti, għandhom ikunu mehmuża ċerti kondizzjonijiet ma’ l-eżenzjoni ġenerali; għal dan il-għan, l-eżenzjoni ta' obbligi li ma jikkompetux għandha tkun limitata għal obbligi li ma jaqbżux perjodu ta' żmien definit; għall-istess raġunijiet, kull obbligu dirett jew indirett li jikkawża l-membri ta' sistema ta' distribuzzjoni selettiva biex ma jbiegħux ditti ta' fornituri kompetittivi partikolari għandhom ikunu esklużi mill-benefiċċju ta' dan ir-Regolament.

(12) Il-limitazzjoni tas-sehem tas-suq, in-nuqqas ta' eżenzjoni ta' ċerti ftehim vertikali u l-kondizzjonijiet imsemmija f'dan ir-Regolament normalment jassiguraw li l-ftehim li japplikaw għalihom l-eżenzjonijiet ġenerali ma jawtorizzawx lill-intrapriżi parteċipanti sabiex jeliminaw il-kompetizzjoni f'dik li hi parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.

(13) F'każi partikolari li fihom il-ftehim li jaqa’ taħt dan ir-Regolament madankollu għandhom effetti li huma inkompatibbli ma l-Artikolu 81(3), il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju mill-eżenzjoni ġenerali; dan jista jsir b'mod partikolari fejn ix-xerrej għandu biżżejjed poter tas-suq fis-suq relevanti li fiha jerġa’ jbiegħ l-oġġetti jew jipprovdi s-servizzi jew fejn networks paralleli tal-ftehim vertikali għandhom effetti simili li sinifikament jirristrinġu l-aċċess għal suq relevanti jew kompetizzjoni fiha; dawn l-effetti akkumulattivi jistgħu per eżempju jitqajmu fil-każ ta' distribuzzjoni selettiva jew obbligi li ma jikkompetux.

(14) Ir-Regolament Nru 19/65/KEE jagħti l-poter lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri sabiex jirtiraw il-benefiċċju ta' l-eżenzjoni ġenerali f'dak li hu ftehim vertikali li għandhom effetti li m'humiex kompatibbli mal-kondizzjonijiet imqiegħda fl-Artikolu 81(3), fejn dawn l-effetti jinħassu fit-territorju rispettiv tagħhom, jew f'parti minnhom, u fejn dan it-territorju għandu l-karatteristiċi ta' suq ġeografiku distintiv; l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-eżerċizzju ta' dan il-poter ta' irtirar ma jippreġudikax l-applikazzjoni uniformi matul is-suq komuni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità jew l-effett sħiħ tal-miżuri adottati fl-implimentazzoni ta' dawk ir-regoli.

(15) Sabiex tissaħħaħ is-superviżjoni ta' networks paralleli ta' ftehim vertikali li għandhom effetti ristrettivi simili u li jkopru aktar minn 50 % ta' suq partikolari, il-Kummissjoni tista’ tiddikkjara li dan ir-Regolament ma jgħoddx għal ftehim vertikali li jikkontjenu restrizzjonijiet speċifiċi relatati mas-suq konċernat, b'hekk jirristawraw l-applikazzjoni sħiħa ta' l-Artikolu 81 għal dan il-ftehim.

(16) Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 82.

(17) F'konformità mal-prinċipju tal-predominanza tal-liġi tal-Komunità, l-ebda miżura meħuda skond il-liġijiet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni m'għandhom jippreġudikaw l-applikazzjoni uniformi matul is-suq komuni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni fil-Komunità jew l-effett sħiħ ta' kull miżura adottata fl-implimentazzjoni ta' dawk ir-regoli, li jinkludu dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) "intrapriżi kompetittivi" tfisser fornituri attwali jew potenzjali fl-istess suq ta' prodott; is-suq tal-prodott jinkludi oġġetti jew servizzi li huma kunsidrati mix-xerrej li jistgħu jinbidlu ma’ jew ikunu sostituti ma l-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt, minħabba r-raġuni tal-karatteristiċi tal-prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub għalihom;

(b) "obbligu li ma jikkompetix" tfisser kull obbligu dirett jew indirett li jikkawża lix-xerrej li ma jipproduċix, jixtri, ibiegħ jew jerġa’ jbiegħ oġġetti jew servizzi li jikkompetu ma’ l-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt, jew kull obbligu dirett jew indirett fuq ix-xerrej li jixtri mill-fornitur jew minn intrapriża oħra nominata mill-fornitur aktar minn 80 % mix-xiri totali tax-xerrej ta' l-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt u s-sostituzzjonijiet tagħhom fuq is-suq relevanti, kalkulat abbażi tal-valur tax-xiri tiegħu fis-sena tal-kalendarju preċedenti;

(ċ) "obbligu esklussiv għall-forniment" tfisser kull obbligu dirett jew indirett li jikkawża lill-fornitur li jbiegħ l-oġġetti jew servizzi speċifikati fil-ftehim lil xerrej wieħed biss fil-Komunità għall-għanijiet ta' użu speċifiku jew biex jerġgħu jinbiegħu;

(d) "Sistema selettiva tad-distribuzzjoni" tfisser sistema tad-distribuzzjoni fejn il-fornitur jaċċetta li jbiegħ l-oġġetti jew is-servizi tal-kuntratt, jew direttament jew indirettament, lid-distributuri biss magħżula abbażi ta' kriterja speċifikata u fejn dawn id-distributuri jaċċettaw li ma jbiegħux dawn l-oġġetti jew servizzi lil distributuri li m'humiex awtorizzati;

(e) "drittijiet għal proprjetà intelletwali" tinkludi drittijiet għal proprjetà industrijali, dritt ta' l-awtur u d-drittijiet relatati;

(f) "know-how" tfisser pakkett ta' informazzjoni prattika li m'hijiex patentjata, li tirriżulta minn esperjenza u testjar mill-fornitur, li hija sigrieta, sustanzjali u identifikata: f'dan il-kuntest, "sigriet" tfisser li n-know-how, bħala korp jew fil-konfigurazzjoni u armatura preċiża tal-komponenti tiegħu, m'hijiex ġeneralment magħrufa jew faċilment aċċessibbli; "sostanzjali" tfisser li n-know-how tinkludi informazzjoni li hija indipensabbli lix-xerrej, għall-użu, bejgħ jew bejgħ mill-ġdid ta' l-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt; "identifikat" tfisser li n-know-how għandha tkun deskritta f'manjiera komprensiva biżżejjed sabiex ikun possibbli li jkun verifikat li taderixxi mal-kriterja ta' segretezza u sostanzjali;

(g) "xerrej" tinkludi intrapriża li, fi ftehim li jaqa’ fi ħdan l-Artikolu 81(1) tat-Trattat, tbiegħ oġġetti jew servizzi għan-nom ta' intrapriża oħra.

Artikolu 2

1. Skond l-Artikolu 81(3) tat-Trattat u suġġett għad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, huwa dikjarat li l-Artikolu 81(1) m'għandux japplika għal ftehim jew prattiċi miftiehma li ddaħlu bejn żewġ intrapriżi jew aktar li kull wieħed minnhom jopera, għall-għanijiet tal-ftehim, f'livell differenti tal-katina ta' produzzjoni jew distribuzzjoni, u li tirrelata mal-kondizzjonijiet li fihom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi ("ftehim vertikali").

Din l-eżenzjoni għandha tapplika sal-punt li dawn il-ftehim ikollhom restrizzjonijiet ta' kompetizzjoni li jaqgħu fi ħdan l-iskop ta' l-Artikolu 81(1) ("restrizzjonijiet vertikali").

2. L-eżenzjoni li hemm provdut għaliha fil-paragrafu 1 għandha tapplika għal ċerti ftehim li ddaħlu fih bejn assoċjazzjoni ta' intrapriżi u l-membri tagħha, jew bejn assoċjazzjoni ta' dan it-tip u l-fornituri tagħha, biss jekk il-membri tagħha kollha huma bejjiegħa bl-imnut ta' oġġetti u jekk l-ebda membru individwali ta' l-assoċjazzjoni, flimkien ma’ l-intrapriżi magħquda magħha, m'għandu bejgħ totali annwali ta' aktar minn EUR 50 miljun; ftehim vertikali mdaħħal fih minn dawn l-assoċjazzjonijiet għandu jkun kopert minn dan ir-Regolament mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 lil ftehim orizzontali konkluż bejn il-membri ta' l-assoċjazzjoni jew deċiżjonijiet adottati mill-assoċjazzjoni.

3. L-eżenzjoni li hemm provdut għaliha fil-paragrafu 1 għandha tapplika għal ftehim vertikali li jikkontjenu disposizzjonijiet li jirrelataw ma’ l-assenjament tax-xerrej jew tal-użu ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali mix-xerrej, sakemm dawk id-disposizzjonijiet ma jikkostitwux l-oġġett primarju ta' dawn il-ftehim u huma relatati direttament ma l-użu, bejgħ jew bejgħ mill-ġdid ta' oġġetti jew servizzi mix-xerrej jew mill-klijenti tiegħu. L-eżenzjoni tapplika fuq il-kondizzjoni li, f'relazzjoni ma’ l-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt, dawk id-disposizzjonijiet ma jkollhomx restrizzjonijiet ta' kompetizzjoni li għandha l-istess oġġett jew effett bħal ma għandhom restrizzjonijiet vertikali li m'humiex eżenti taħt dan ir-Regolament.

4. L-eżenzjoni li hemm provdut għaliha fil-paragrafu 1 m'għandhiex tapplika għal ftehim vertikali li ddaħħlu bejn intrapriżi li jikkompetu bejniethom; iżda, għandha tapplika fejn intrapriżi li jikkompetu bejniethom jidħlu fi ftehim vertikali li ma jirreċiprokax u:

(a) ix-xerrej għandu bejgħ annwali totali li m'huwiex aktar minn EUR 100 miljun, jew

(b) il-fornitur huwa produttur u distributur ta' oġġetti, filwaqt li x-xerrej huwa distributur li ma jipproduċix oġġetti li jikkompetu ma’ l-oġġetti tal-kuntratt, jew

(ċ) il-fornitur jipprovdi s-servizzi f'livelli differenti tal-kummerċ, filwaqt li x-xerrej ma jipprovdix servizzi li jikkompetu fil-livell ta' kummerċ fejn jixtri s-servizzi tal-kummerċ.

5. Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal ftehim vertikali li l-argument tas-suġġett tiegħu jaqa’ fi ħdan l-iskop ta' ebda regolament ieħor ta' eżenzjoni ġenerali.

Artikolu 3

1. Bla ħsara għal paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-eżenzjoni li hemm provdut għaliha fl-Artkolu 2 għandha tapplika fuq il-kondizzjoni li s-sehem tas-suq miżmum mill-fornitur ma jkunx aktar minn 30 % tas-suq relevanti li fih ibiegħ l-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt.

2. Fil-każ ta' ftehim vertikali li jkollhom obbligi esklussivi tal-forniment, l-eżenzjoni li hemm provdut għaliha fl-Artkolu 2 għandha tapplika fuq il-kondizzjoni li s-sehem tas-suq miżmum mix-xerrej ma jkunx aktar minn 30 % tas-suq relevanti li fih jixtri l-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt.

Artikolu 4

L-eżenzjoni li hemm provdut għaliha fl-Artikolu 2 m’għandhiex tapplika għall-ftehim vertikali li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma' fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, għandhom bħala oġġett:

(a) ir-restrizzjoni tal-kapaċità tax-xerrej li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-fornitur jimponi prezz massimu tal-bejgħ jew jirrakomanda prezz tal-bejgħ, sakemm ma jammontawx għal prezz fiss jew minimu bħala riżultat ta' pressjoni minn, jew inċentivi offruti minn, kull parti:

(b) ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, wieħed mill-klijenti li lilu, ix-xerrej jista’ jbiegħ l-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt, ħlief:

- ir-restrizzjoni tal-bejgħ attiv fit-territorju esklussiv jew lil grupp esklussiv ta' klijenti riservat għall-fornitur jew allokat mill-fornitur lil bejjiegħ ieħor, fejn din ir-restrizzjoni ma tillimitax il-bejgħ mill-klijenti tax-xerrej,

- ir-restrizzjoni ta' bejgħ lill-konsumaturi aħħara minn xerrej li jopera fil-livell ta' kummerċ ta' bejgħ bl-ingrossa,

- ir-restrizzjoni ta' bejgħ lil distributuri li m'humiex awtorizzati mill-membri ta' sistema selettiva ta' distribuzzjoni selettiva, u

- ir-restrizzjoni tal-kapaċità tax-xerrej li jbiegħ komponenti, fornuti għall-għanijiet ta' inkorporazzjoni, għal klijenti li jużawhom biex jipproduċu l-istess tip ta' oġġetti bħal ma huma dawk prodotti mill-fornitur;

(ċ) ir-restrizzjoni ta' bejgħ attiv jew passiv lil konsumaturi aħħarija minn membri ta' sistema ta' distribuzzjoni selettiva li taħdem fil-livell ta' kummerċ ta' bejgħ bl-imnut, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li membru tas-sistema jkun projbit milli jopera minn post ta' stabbiliment li m'huwiex awtorizzat;

(d) ir-restrizzjoni ta' cross-supplies bejn distributuri fi ħdan sistema ta' distribuzzjoni selettiva, li tinkludi bejn distributuri li jaħdmu f'livelli ta' kummerċ differenti;

(e) ir-restrizzjoni miftiemha bejn fornitur ta' komponenti u xerrej li jinkorpora dawk il-komponenti, li jillimitaw lill-fornitur li jbiegħ il-komponenti bħala rikambji lil konsumaturi aħħarija jew lil min isewwi jew lil provdituri ta' servizzi oħra li m'humiex fdati mix-xerrej għat-tiswija jew manutenzjoni ta' l-oġġetti tiegħu.

Artikolu 5

L-eżenzjoni li hemm provdut għaliha fl-Artikolu 2 m'għandhiex tapplika għall-ebda wieħed mill-obbligi li ġejjin li jinsabu fi ftehim vertikali:

(a) kull obbligu dirett jew indirett li wieħed ma jikkompetix, li d-dewmien tiegħu huwa indefinit jew huwa ta' aktar minn ħames snin. Obbligu li wieħed ma jikkompetix li jista’ jiġġedded taċitament għal perjodu ta' aktar minn ħames snin għandu jinftiehem li kien konkluż għal dewmien indefinit. Madankollu, il-limitu ta' żmien ta' ħames snin m'għandux japplika fejn l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt jinbiegħu mill-bejjiegħ minn bini u art li hija l-proprjetà tal-fornitur jew imwellija lill-fornitur minn partijiet terzi li m'huwiex konnessi max-xerrej, sakemm id-dewmien ta' l-obbligu li ma' jikkompetix ma jaqbiżx il-perjodu ta' okkupanza tal-bini u art mix-xerrej;

(b) kull obbligu dirett jew indirett li jikkawża lill-bejjiegħ, wara li jiskadi l-ftehim, li ma jipproduċix, ma jixtrix, ma jbiegħx jew jerġa’ jbiegħ oġġetti jew servizzi, kemm-il darba dan l-obbligu:

- jirrelata ma’ oġġetti jew servizzi li jikkompetu ma l-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt, u

- huwa limitat għal bini u art minn fejn ix-xerrej ħadem waqt il-perjodu tal-kuntratt, u

- huwa indispensabbli biex jipproteġi n-know-how trasferit mill-fornitur għall-bejjiegħ,

u sakemm id-dewmien ta' obbligu li ma jikkompetix ta' dan it-tip huwa limitat għal perjodu ta' sena wara li jiskadi l-ftehim; dan l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tkun imposta restrizzjoni li m'għandhiex limitazzjoni fil-ħin dwar l-użu u kxif ta' know-how li ma ddaħlitx fid-dominju pubbliku;

(ċ) kull obbligu dirett jew indirett li jikkawża lill-membri ta' sistema ta' distribuzzjoni selettiva biex ma jbiegħux ditti ta' fornituri kompetittivi partikolari.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju ta' dan ir-Regolament, skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 19/65/KEE, fejn issib li f'xi każ partikolari li ftehim vertikali li japplika għalihom dan ir-Regolament madankollu għandhom effetti li huma inkompatibbli mal-kondizzjonijiet imqiegħda fl-Artikolu 81(3) tat-Trattat, u b'mod partikolari fejn l-aċċess għas-suq relevanti jew għall-kompetizzjoni li tinsab fiha hija ristretta sinifikament mill-effett akkumulattiv ta' networks paralleli ta' restrizzjonijiet vertikali simili implimentati minn fornituri jew xerrejja kompetittivi.

Artikolu 7

Fejn f'xi każ partikolari ftehim vertikali li tapplika għalihom l-eżenzjoni li hemm provdut għaliha fl-Artikolu 2 għandhom effetti inkompatibbli mal-kondizzjonijiet imqiegħda fl-Artikolu 81(3) tat-Trattat fit-territorju ta' l-Istat Membru, jew f'parti minnu, li għandu l-karatteristiċi kollha ta' suq ġeografiku distint, l-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru tista’ tirtira l-benefiċċju ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'rispett ta' dak it-territorju, taħt l-istess kondizzjonijiet kif hemm provdut fl-Artikolu 6.

Artikolu 8

1. Skond l-Artikolu 1 a tar-Regolament Nru 19/65/KEE, il-Kummissjoni tista’ permezz ta' regolament tiddikjara li, fejn networks paralleli ta' restrizzjonijiet vertikali simili jkopru aktar minn 50 % ta' suq relevanti, dan ir-Regolament m'għandux japplika għal ftehim vertikali li jkun fih restrizzjonijiet speċifiċi relatati ma dak is-suq.

2. Regolament skond il-paragrafu 1 m'għandux isir applikabbli qabel sitt xhur wara l-adozzjoni tiegħu.

Artikolu 9

1. Is-sehem tas-suq ta' 30 % li hemm provdut għalih fl-Artikolu 3(1) għandu jkun ikkalkulat abbażi tal-valur tal-bejgħ fis-suq ta' l-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt u oġġetti jew servizzi oħra mibjugħa mill-fornitur, li huma meqjusa bħala prodotti li jinbidlu jew jistgħu jiġu sostituti ma’ prodotti oħra mix-xerrej, minħabba l-karatteristiċi tal-prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub; jekk id-data tal-valur tal-bejgħ fuq is-suq m'hijiex disponibbli, jistgħu jintużaw stimi bbażati fuq informazzjoni tas-suq oħra ta' min jorbot fuqha, li jinkludu l-volumi tal-bejgħ fuq is-suq sabiex jistabbilixxu s-sehem ta' l-intrapriża konċernata. Għall-għanijiet ta' l-Artikolu 3(2), għandu jintuża jew il-valur tax-xiri fuq is-suq jew stimi tiegħu sabiex ikun ikkalkulat is-sehem tas-suq.

2. Għall-għanijiet li jkun applikat is-sehem tas-suq, limitu li hemm provdut għalih fl-Artikolu 3, għandhom jgħoddu r-regoli li ġejjin:

(a) is-sehem tas-suq għandu jkun ikkalkulat abbażi ta' data relatata mas-sena tal-kalendarju ta' qabel;

(b) is-sehem tas-suq għandu jinkludi kull oġġett jew servizz fornut lil distributuri integrati għall-għanijiet ta' bejgħ;

(ċ) jekk is-sehem tas-suq inizjalment m'huwiex aktar minn 30 % iżda sussegwentement jitla’ aktar minn dak il-livell mingħajr ma jaqbeż il-35 %, l-eżenzjoni li hemm provdut għaliha fl-Artikolu 2 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta' sentejn tal-kalendarju konsekuttivi wara s-sena li fiha nqabeż l-ewwel darba l-limitu tas-sehem tas-suq ta' 30 %;

(d) jekk is-sehem tas-suq inizjalment m'huwiex aktar minn 30 % iżda sussegwentement jitla’ aktar minn 35 %, l-eżenzjoni li hemm provdut għaliha fl-Artikolu 2 għandha tkompli tapplika għal sena tal-kalendarju wara s-sena li fiha nqabeż l-ewwel darba l-livell ta' 35 %;

(e) il-benefiċċji tal-punti (ċ) u (d) ma’ jistgħux jingħaqdu sabiex jaqbżu perjodu ta' sentejn tal-kalendarju.

Artikolu 10

1. Għall-għan li jkun ikkalkulat il-bejgħ totali annwali fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 2(2) u (4), il-bejgħ miksub waqt is-sena finanzjarja ta' qabel mill-parti relevanti għall-ftehim vertikali u l-bejgħ miksub mill-intrapriżi konnessi tiegħu f'dawk li huma l-oġġetti u s-servizzi kollha, li jeskludi kull taxxa u dover iegħor, għandhom jingħaddu flimkien. Għal dan il-għan, m'għandu jingħata l-ebda każ lin-negozju li jkun sar bejn il-parti għall-ftehim vertikali u l-intrapriżi konnessi miegħu jew bejn l-intrapriżi konnessi tiegħu.

2. L-eżenzjoni li hemm provdut għaliha fl-Artikolu 2 għandha tibqa’ tgħodd fejn, għal kull perjodu ta' sentejn finanzjarji konsekuttivi, il-limitu ta' bejgħ totali annwali jinqabeż b'mhux aktar minn 10 %.

Artikolu 11

1. Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, it-termini "intrapriża", "fornitur" u "xerrej" għandhom jinkludu l-intrapriżi konnessi rispettivi tagħhom.

2. "Intrapriżi konnessi" huma:

(a) intrapriżi li fihom, parti fil-ftehim, direttament jew indirettament:

- għandha l-poter li jeżerċita aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot, jew

- għandha l-poter li jinnomina aktar minn nofs il-membri tal-bord superviżorju, bord ta' tmexxija jew korpi li jirrapreżentaw legalment lill-intrapriża, jew

- għandha d-dritt li tmexxi l-affarijiet ta' l-intrapriża;

(b) intrapriżi li direttament jew indirettament għandhom, aktar mill-parti fil-ftehim, id-drittijiet jew poteri mniżżla f’(a);

(ċ) intrapriżi li fihom, intrapriża li saret referenza għaliha f’(b) għandha, direttament jew indirettament, id-drittijiet jew poteri mniżżla f(a);

(d) intrapriżi li fihom, parti għall-ftehim flimkien ma’ intrapriża waħda jew aktar li saret referenza għalihom f’(a), (b) jew (ċ), jew li fihom, żewġ intrapriżi jew aktar minn dawn ta' l-aħħar, għandhom id-drittijiet jew poteri mniżżla f’(a) b'mod konġunt;

(e) intrapriżi li fihom id-drittijiet jew il-poteri mniżżla f’(a) jinżammu b'mod konġunt minn:

- partijiet fil-ftehim jew l-intrapriżi konnessi rispettivi tagħhom li saret referenza għalihom f’(a) sa (d), jew

- parti waħda jew aktar fil-ftehim jew intrapriża konnessa waħda jew aktar tagħhom li saret referenza għalihom f’(a) sa (d) u terza parti waħda jew aktar.

3. Għall-għanijiet ta' l-Artikolu 3, is-sehem tas-suq miżmum mill-intrapriżi li saret referenza għalihom fil-paragrafu 2(e) ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu mqassma ugwalment għal kull intrapriża li għandha d-drittijiet jew il-poteri mniżżla fil-paragrafu 2(a).

Artikolu 12

1. L-eżenzjonijiet li hemm provdut għalihom fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1983/83 [4], (KEE) Nru 1984/83 [5] u (KEE) Nru 4087/88 [6] għandhom jibqgħu jgħoddu sal-31 ta' Mejju 2000.

2. Il-projbizzjoni mqiegħda fl-Artikolu 81(1) tat-Trattat tal-KE m'għandux japplika fil-perjodu mill-1 ta' Ġunju 2000 sal-31 ta' Diċembru 2001 f'dawk li huma ftehim diġà fis-seħħ fil-31 ta' Mejju 2000 li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni li hemm provdut għalihom f'dan ir-Regolament iżda li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni li hemm provdut għalihom fir-Regolamenti (KEE) Nru 1983/83, (KEE) Nru 1984/83 jew (KEE) Nru 4087/88.

Artikolu 13

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2000.

Għandu japplika mill-1 ta' Ġunju 2000, ħlief għall-Artikolu 12(1) li għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2000.

Dan ir-Regolament għandu jiskadi fil-31 ta' Mejju 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Diċembru 1999.

Għall-Kummissjoni

Mario Monti

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU C 36, tas-6.3.1965, pġ. 533/65.

[2] ĠU L 148, tal-15.6.1999, pġ.1.

[3] ĠU C 270, ta' l-24.9.1999, pġ.7.

[4] ĠU L 173, tas-7.7.1998, pġ. 1.

[5] ĠU L 173, tas-7.7.1998, pġ.5.

[6] ĠU L 359, tas-6.4.2000, pġ. 46.

--------------------------------------------------

Top