EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22012D0195

2012/195/UE: Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-kumitat konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni tal- 31 ta’ Marzu 2012 li tissostitwixxi l-Anness II ta’ ma’ dak il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali

OJ L 103, 13.4.2012, p. 51–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 05 Volume 006 P. 319 - 327

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/195(1)/oj

13.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/51


DEĊIŻJONI Nru 1/2012 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT SKONT IL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, MIN-NAĦA L-WAĦDA, U L-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA, MIN-NAĦA L-OĦRA, DWAR IL-MOVIMENT LIBERU TAL-PERSUNI

tal-31 ta’ Marzu 2012

li tissostitwixxi l-Anness II ta’ ma’ dak il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali

(2012/195/UE)

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (1) (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ġie ffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1999 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

(2)

L-Anness II ta’ mal-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali ġie emendat l-aħħar permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kumitat Konġunt UE-Svizzera (2) u għandu issa jiġi aġġornat sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-atti legali l-ġodda tal-Unjoni Ewropea li daħħlu fis-seħħ sadanittant, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (3) u l-miżuri adottati għall-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 issostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (4).

(4)

Għall-finijiet ta’ ċarezza u ta’ razzjonalità, l-Anness II ta’ mal-Ftehim u l-Protokoll ta’ ma’ dak l-Anness għandhom jiġu kkonsolidati f’verżjoni legalment vinkolanti.

(5)

L-Anness II ta’ mal-Ftehim għandu jinżamm konformi mal-evoluzzjoni tal-atti legali rilevanti tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II ta’ mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni (“il-Ftehim”) qed jiġi sostitwit mill-Anness ta’ ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni ġiet stabbilità fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Svediża, u t-testi f’kull waħda minn dawn il-lingwi huma ugwalment awtentiċi.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-President

Mario GATTIKER


(1)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6.

(2)  ĠU L 270, 29.9.2006, p. 67.

(3)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 149, 5.7.1971, p. 2.


ANNESS

L-ANNESS II

KOORDINAZZJONI TAL-ISKEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI

Artikolu 1

1.   Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti legali tal-Unjoni Ewropea li għalihom qiegħda ssir referenza u kif emendati, bis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness, jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti.

2.   It-terminu “Stat(i) Membru/i” inkluż fl-atti legali msemmija fis-sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandu jinftiehem li jinkludi lill-Isvizzera flimkien mal-Istati koperti mill-atti legali rilevanti tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

1.   Għall-finijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness, il-partijiet kontraenti għandhom jikkunsidraw debitament l-atti legali tal-Unjoni Ewropea msemmija fis-sezzjoni B ta’ dan l-Anness.

2.   Għall-finijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness, il-partijiet kontraenti għandhom jieħdu nota tal-atti legali tal-Unjoni Ewropea msemmija fis-sezzjoni C ta’ dan l-Anness.

Artikolu 3

1.   Id-dispożizzjonijiet speċjali li jikkonċernaw l-arranġamenti tranżitorji relatati mal-assigurazzjoni tal-qgħad għaċ-ċittadini ta’ ċerti Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li huma detenturi ta’ permess ta’ residenza Svizzeru validu għal inqas minn sena, li jikkonċernaw l-allowances Svizzeri għal persuni li ma jistgħux jgħinu lilhom infushom u l-benefiċċji mogħtija skont il-pjanijiet ta’ benefiċċju marbuta max-xogħol rigward il-pensjonijiet għall-età, għas-superstiti u għall-invalidità huma stabbiliti fil-Protokoll ta’ ma’ dan l-Anness.

2.   Il-Protokoll jifforma parti integrali ta’ dan l-Anness.

SEZZJONI A:   ATTI LEGALI MSEMMIJA

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (1), kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, u li jiddetermina l-kontenut tal-Annessi tiegħu (2)

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandu jiġi adattat kif ġej:

(a)

Dan li ġej għandu jiġi miżjud fl-Anness I, Sezzjoni I:

L-Isvizzera

Il-leġiżlazzjoni kantonali li tikkonċerna l-ħlas bil-quddiem ta’ pagamenti tal-manteniment fuq il-bażi tal-Artikolu 131 paragrafu 2 u tal-Artikolu 293 paragrafu 2 tal-Att Federali Ċivili.”;

(b)

Dan li ġej għandu jiġi miżjud fl-Anness I, Sezzjoni II:

L-Isvizzera

L-għotjiet għat-twelid u għall-adozzjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni kantonali rilevanti ibbażati fuq l-Artikolu 3 paragrafu 2 tal-Att Federali dwar l-Allowances għal-Familja.”

(c)

Dan li ġej għandu jiġi miżjud fl-Anness II:

Il-Ġermanja-L-Isvizzera

(a)

Il-Konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-25 ta’ Frar 1964, kif emendata permezz tal-Konvenzjonijiet Komplimentari Nru 1 tad-9 ta’ Settembru 1975 u Nru 2 tat-2 ta’ Marzu 1989:

(i)

il-punt 9b, paragrafu 1, Nri 1-4 tal-Protokoll Finali (leġiżlazzjoni applikabbli u l-jedd għal benefiċċji in natura f’każ ta’ mard għar-residenti taż-żona Ġermaniża ta’ Büsingen);

(ii)

il-punt 9e, il-paragrafu 1(b), l-ewwel, it-tieni u r-raba’ sentenzi, tal-Protokoll Finali (aċċess għall-assigurazzjoni volontarja f’każ ta’ mard fil-Ġermanja b’rilokazzjoni fil-Ġermanja).

(b)

Il-Konvenzjoni dwar l-assigurazzjoni għal meta persuna ma tkunx impjegata tal-20 ta’ Ottubru 1982, kif emendata permezz tal-Protokoll Addizzjonali tat-22 ta’ Diċembru 1992:

(i)

L-Artikolu 8(5), il-Ġermanja (distrett ta’ Büsingen) għandha tikkontribwixxi somma ekwivalenti għall-kontribuzzjoni kantonali skont il-liġi Svizzera għall-ispejjeż ta’ postijiet effettivi għall-ħaddiema fuq miżuri ta’ impjiegi-promozzjoni soġġetti għal din id-dispożizzjoni.

Spanja-L-Isvizzera

Il-Punt 17 tal-Protokoll Finali għall-Konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali tat-13 ta’ Ottubru 1969, kif emendat mill-Konvenzjoni Komplimentari tal-11 ta’ Ġunju 1982; il-persuni assigurati taħt l-iskema Spanjola bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni huma eżentati mir-rekwiżit li jissieħbu fl-iskema ta’ assigurazzjoni Svizzera kontra l-mard.

L-Italja-L-Isvizzera

L-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-14 ta’ Diċembru 1962, kif emendat permezz tal-Konvenzjoni Komplimentari Nru 1 tat-18 ta’ Diċembru 1963, il-Ftehim Komplimentari tal-4 ta’ Lulju 1969, il-Protokoll Addizzjonali tal-25 ta’ Frar 1974 u l-Ftehim Komplimentari Nru 2 tat-2 ta’ April 1980.”;

(d)

Dan li ġej għandu jiġi miżjud fl-Anness IV:

L-Isvizzera”;

(e)

Dan li ġej għandu jiġi miżjud fl-Anness VIII, parti 1:

L-Isvizzera

Il-pretensjonijiet kollha għall-pensjonijiet għall-età, għas-superstiti u għall-invalidità skont l-iskema bażika (il-Liġi Federali dwar l-assigurazzjoni għall-età u għas-superstiti u l-Liġi Federali dwar l-assigurazzjoni għall-invalidità) u għall-pensjonijiet statutorji għall-età skont il-pjanijiet statutorji ta’ benefiċċju marbuta max-xogħol (il-Liġi Federali dwar il-pjanijiet ta’ benefiċċju marbuta max-xogħol għall-assigurazzjoni għall-età, għas-superstiti u għall-invalidità).”;

(f)

Dan li ġej għandu jiġi miżjud fl-Anness VIII, parti 2:

L-Isvizzera

Il-pensjonijiet għall-età, għas-superstiti u għall-invalidità skont il-pjanijiet statutorji ta’ benefiċċju marbuta max-xogħol (il-Liġi Federali dwar il-pjanijiet ta’ benefiċċju marbuta max-xogħol għall-assigurazzjoni għall-età, għas-superstiti u għall-invalidità).”;

(g)

Dan li ġej għandu jiġi miżjud fl-Anness IX, parti II:

L-Isvizzera

Il-pensjonijiet tas-superstiti u tal-invalidità skont il-pjanijiet statutorji ta’ benefiċċju marbuta max-xogħol (il-Liġi Federali dwar il-pjanijiet ta’ benefiċċju marbuta max-xogħol għall-assigurazzjoni għall-età, għas-superstiti u għall-invalidità).”;

(h)

Dan li ġej għandu jiġi miżjud fl-Anness X:

L-Isvizzera

1.

Il-benefiċċji supplimentari (Att Federali dwar il-Benefiċċji Supplimentari tad-19 ta’ Marzu 1965) u benefiċċji simili li huma stipulati fil-leġiżlazzjoni kantonali.

2.

Il-pensjonijiet f’każ ta’ tbatija taħt l-assigurazzjoni għall-invalidità (Artikolu 28, subparagrafu 1a tal-Att Federali dwar l-Assigurazzjoni għall-Invalidità tad-19 ta’ Ġunju 1959, kif emendat fis-7 ta’ Ottubru 1994).

3.

Il-benefiċċji mhux kontributorji tat-tip imħallat f’każ ta’ qgħad, skont kif stipulat fil-leġiżlazzjoni kantonali.

4.

Il-pensjonijiet għall-invalidità straordinarji mhux kontributorji għall-persuni b’diżabbiltà (l-Artikolu 39 tal-Att Federali dwar l-Assigurazzjoni għall-Invalidità tad-19 ta’ Ġunju 1959) li, qabel l-inkapaċità tagħhom biex jaħdmu, ma kinux soġġetti għal-leġiżlazzjoni Svizzera fuq il-bażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha”;

(i)

Dan li ġej għandu jiġi miżjud fl-Anness XI:

L-Isvizzera

1.

L-Artikolu 2 tal-Att Federali dwar l-Assigurazzjoni għall-età u għas-Superstiti u l-Artikolu 1 tal-Att Federali dwar l-Assigurazzjoni għall-Invalidità, li jirregolaw assigurazzjoni volontarja f’dawn il-fergħat tal-assigurazzjoni għal residenti ta’ nazzjonalità Svizzera fi Stati li mhumiex soġġetti għal dan il-Ftehim, għandhom ikunu applikabbli għal persuni li għandhom ir-residenza tagħhom barra mill-Isvizzera li huma ta’ nazzjonalità ta’ Stati oħrajn li għalihom japplika dan il-Ftehim, u għal refuġjati u għal persuni bla stat li huma residenti fit-territorju ta’ dawn l-Istati, fejn dawn il-persuni jissieħbu fl-iskema tal-assigurazzjoni volontarja mhux iktar tard minn sena wara d-data li fiha huma ma jibqgħux koperti mill-assigurazzjoni għall-età, għas-superstiti u għall-invalidità wara perjodu kontinwu ta’ assigurazzjoni ta’ mill-inqas ħames snin.

2.

Meta persuna ma tibqax aktar assigurata taħt l-assigurazzjoni Svizzera għall-età, għas-superstiti u għall-invalidità wara perjodu kontinwu ta’ assigurazzjoni ta’ mill-inqas ħames snin, hija għandha tibqa’ intitolata biex tkun assigurata bil-qbil ta’ min qed iħaddimha, jekk taħdem fi Stat li għalih dan il-Ftehim ma japplikax għal min iħaddem fl-Isvizzera u jekk tissottometti applikazzjoni għal dan il-għan fi żmien sitt xhur mid-data li fiha ma tibqax assigurata.

3.

Assigurazzjoni obbligatorja skont assigurazzjoni Svizzera kontra l-mard u eżenzjonijiet possibbli

(a)

Id-dispożizzjonijiet legali Svizzeri li jirregolaw assigurazzjoni obbligatorja kontra l-mard għandhom japplikaw għall-persuni li ġejjin li mhumiex residenti fl-Isvizzera:

(i)

persuni soġġetti għal dispożizzjonijiet legali Svizzeri skont it-Titolu II tar-Regolament;

(ii)

persuni li għalihom l-Isvizzera għandha tħallas l-ispejjeż tal-benefiċċji skont l-Artikoli 24, 25, 26 tar-Regolament;

(iii)

persuni li jirċievu l-benefiċċji Svizzeri għall-assigurazzjoni għal meta ma jkunux impjegati;

(iv)

membri tal-familji li hemm referenza għalihom fi (i) u (iii) jew ta’ persuna impjegata jew li taħdem għal rasha residenti fl-Isvizzera li tkun assigurata skont l-iskema tal-assigurazzjoni Svizzera kontra l-mard, sakemm dawn il-membri tal-familja ma jkunux residenti f’wieħed mill-Istati li ġejjin: id-Danimarka, Spanja, l-Ungerija, il-Portugall, l-Isvezja jew ir-Renju Unit;

(v)

membri tal-familja ta’ persuni li ssir referenza għalihom f’(ii) jew ta’ pensjonant residenti fl-Isvizzera li huwa assigurat skont l-iskema tal-assigurazzjoni Svizzera kontra l-mard, sakemm dawn il-membri tal-familja ma jkunux residenti f’wieħed mill-Istati li ġejjin: id-Danimarka, il-Portugall, l-Isvezja jew ir-Renju Unit.

Bħala membri tal-familja huma meqjusin bħala dawk il-persuni li huma definiti bħala membri tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-istat ta’ residenza.

(b)

Persuni li hemm referenza għalihom f’(a) jistgħu, meta mitlubin, jiġu eżentati minn assigurazzjoni obbligatorja jekk u sakemm huma residenti f’wieħed mill-Istati li ġejjin u jistgħu jagħtu prova li huma eliġibbli għal kopertura fil-każ ta’ mard: il-Ġermanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, u, fir-rigward ta’ persuni li hemm referenza għalihom f’(a) (iv) u (v), il-Finlandja u, fir-rigward ta’ persuni li hemm referenza għalihom f’(a)(ii), il-Portugall.

Din it-talba

(aa)

għandha tiġi ppreżentata fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu li tittieħed assigurazzjoni fl-Isvizzera; fejn, f’każijiet iġġustifikati, it-talba tiġi ppreżentata wara din id-data ta’ għeluq, l-eżenzjoni għandha tidħol fis-seħħ sa mill-bidu tal-obbligu tal-assigurazzjoni;

(bb)

għandha tapplika għall-membri kollha tal-familja li jkollhom ir-residenza tagħhom fl-istess Stat.

4.

Meta persuna soġġetta għal dispożizzjonijiet legali Svizzeri skont it-Titolu II tar-Regolament tkun, f’applikazzjoni ta’ 3(b), soġġetta, għall-għanijiet ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, għad-dispożizzjonijiet legali ta’ Stat ieħor kopert b’dan il-Ftehim, l-ispejjeż ta’ dawn il-benefiċċji in natura għal inċidenti mhux fuq il-post tax-xogħol għandhom jinqasmu b’mod ugwali bejn l-assiguratur Svizzeru kontra inċidenti fuq il-post tax-xogħol u inċidenti mhux fuq il-post tax-xogħol u mard industrijali u l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni kontra l-mard kompetenti jekk jeżisti jedd għall-benefiċċji in natura miż-żewġ korpi. L-assiguratur Svizzeru kontra inċidenti fuq il-post tax-xogħol u inċidenti mhux fuq il-post tax-xogħol u mard industrijali għandu jissodisfa l-ispejjeż kollha fil-każ ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol, inċidenti lejn il-post tax-xogħol jew mard industrijali, anki saħansitra meta jkun hemm il-jedd għall-benefiċċji minn korp tal-assigurazzjoni kontra l-mard fil-pajjiż ta’ residenza.

5.

Persuni li jkunu qegħdin jaħdmu, iżda li ma għandhomx ir-residenza tagħhom fl-Isvizzera u li għandhom kopertura tal-assigurazzjoni statutorja fl-Istat ta’ residenza tagħhom skont il-punt 3(b), kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, għandhom jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament matul żjara fl-Isvizzera.

6.

Bil-għan li jiġu applikati l-Artikoli 18, 19, 20, 27 tar-Regolament fl-Isvizzera, l-assiguratur kompetenti għandu jħallas l-ispejjeż kollha ffatturati.

7.

Perjodi ta’ assigurazzjoni ta’ allowance għal kuljum imwettqa skont l-iskema ta’ assigurazzjoni ta’ Stat ieħor li għalih japplika dan il-Ftehim għandhom jiġu kkunsidrati għat-tnaqqis jew għat-tneħħija ta’ riżerva possibbli fl-assigurazzjoni ta’ allowance għal kuljum fil-każ ta’ tqala jew mard fejn il-persuna ssir assigurata ma’ assiguratur Svizzeru fi żmien tliet xhur minn meta ma tibqax koperta mill-assigurazzjoni f’pajjiż ieħor.

8.

Fejn persuna li kienet impjegata bi ħlas jew persuna li taħdem għal rasha fl-Isvizzera u li tkopri l-ħtiġijiet vitali tagħha kellha twaqqaf l-attività tagħha minħabba inċident jew mard u ma tkunx aktar soġġetta għal-leġiżlazzjoni Svizzera dwar l-assigurazzjoni għall-invalidità, hija għandha titqies li hija koperta minn dik l-assigurazzjoni għall-għanijiet ta’ eliġibbiltà għal miżuri ta’ riabilitazzjoni sal-ħlas ta’ pensjoni tal-invalidità u tul il-perjodu li matulu hija tibbenefika minn dawn il-miżuri diment li hija ma tkunx assumiet attività ġdida barra mill-Isvizzera.”.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali (3)

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandu jiġi adattat kif ġej:

Dan li ġej għandu jiġi miżjud fl-Anness 1:

“Arranġament bejn l-Isvizzera u Franza tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi l-proċeduri speċjali għar-rimbors ta’ benefiċċji tal-kura tas-saħħa

Arranġament bejn l-Isvizzera u l-Italja tal-20 ta’ Diċembru 2005 li jistabbilixxi l-proċeduri speċjali għar-rimbors tal-benefiċċji tal-kura tas-saħħa”.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (4), kif emendat l-aħħar permezz tar-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), kif applikabbli bejn l-Isvizzera u l-Istati Membri qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni u meta ssir referenza għalih fir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 jew (KE) Nru 987/2009 jew meta jkun hemm każijiet ikkonċernati li seħħew fil-passat.

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għall-rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità (6), kif emendat l-aħħar permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 120/2009 (7), kif applikabbli bejn l-Isvizzera u l-Istati Membri qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni u meta ssir referenza għalih fir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 jew (KE) Nru 987/2009 jew meta jkun hemm każijiet ikkonċernati li seħħew fil-passat.

(5)

Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta’ persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (8).

SEZZJONI B:   ATTI LEGALI LI L-PARTIJIET KONTRAENTI GĦANDHOM IQISU BIR-REQQA

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru A1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ djalogu u konċiljazzjoni dwar il-validità ta’ dokumenti, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-provvista ta’ benefiċċji skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru A2 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għal ħaddiema stazzjonati u ħaddiema li jaħdmu għal rashom li jaħdmu temporanjament barra mill-Istat kompetenti (10).

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru A3 tas-17 ta’ Diċembru 2009 dwar l-akkumulazzjoni ta’ perjodi ta’ stazzjonar mhux interrot mwettqa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 u Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru E1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-arranġamenti prattiċi għall-perjodu tranżitorju tal-iskambju ta’ data permezz ta’ mezzi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru F1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 68 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli ta’ prijorità f’każ ta’ overlapping tal-benefiċċji tal-familja (13).

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru H1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas għat-tranżizzjoni mir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 u (KEE) Nru 574/72 għar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-applikazzjoni ta’ Deċiżjonijiet u Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-koordinament ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali (14).

(7)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru H2 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar il-metodi ta’ ħidma u l-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Teknika għall-ipproċessar tad-data tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-Sigurtà soċjali (15).

(8)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru H 3 tal-15 ta’ Ottubru 2009 li tikkonċerna d-data li għandha tiġi kkunsidrata għad-determinazzjoni tar-rati tal-kambju msemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

(9)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru H 4 tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tal-Bord tal-Verifiki tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni ta’ Sistemi tas-Sigurtà Soċjali (17).

(10)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru H 5 tat-18 ta’ Marzu 2010 dwar il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi u l-iżbalji fil-qafas tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (18).

(11)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru P1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 50(4), 58 u 87(5) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-għoti tal-benefiċċji tal-Invalidità, tal-Età u tas-Superstiti (19).

(12)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru S1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar il-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa Ewropea (20).

(13)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru S2 tat-12 ta’ Ġunju 2009 li tikkonċerna l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa Ewropea (21).

(14)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru S3 tat-12 ta’ Ġunju 2009 li tiddefinixxi l-benefiċċji koperti mill-Artikoli 19(1) u 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Artikolu 25(A)(3) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22).

(15)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru S4 tat-2 ta’ Ottubru 2009 dwar proċeduri ta’ rifużjoni għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 35 u 41 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23).

(16)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru S5 tat-2 ta’ Ottubru 2009 dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘benefiċċji mhux finanzjarji’ kif definit fl-Artikolu 1 (va) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ mard jew ta’ maternità skont l-Artikoli 17, 19, 20, 22, 24 (1), 25, 26, 27 (1, 3, 4 u 5), 28, 34 u 36 (1 u 2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u dwar il-kalkolu tal-ammonti li għandhom jitħallsu lura skont l-Artikoli 62, 63 u 64 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24).

(17)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru S6 tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar ir-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ta’ residenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 u l-kompilazzjoni tal-inventarji li huma stipulati fl-Artikolu 64(4) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 (25).

(18)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru S7 tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar it-tranżizzjoni mir-Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u (KEE) Nru 574/72 għar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 u l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ rimbors (26).

(19)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi Soċjali ta’ Sigurtà Nru U1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 rigward l-Artikolu 54(3) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żidiet fil-benefiċċji tal-qgħad għal membri dipendenti tal-familja (27).

(20)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru U2 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-ambitu tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad ta’ persuni qiegħda għal kollox, minbarra l-ħaddiema transkonfinali li kienu residenti fit-territorju ta’ Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru kompetenti matul l-aħħar perjodu tal-impjieg tagħhom jew tax-xogħol għal rashom (28).

(21)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru U3 tat-12 ta’ Ġunju 2009 rigward l-ambitu tal-kunċett ta’ ‘qgħad parzjali’ li japplika għall-persuni qiegħda msemmija fl-Artikolu 65(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29).

SEZZJONI C:   ATTI LEGALI LI L-PARTIJIET KONTRAENTI GĦANDHOM JIEĦDU NOTA TAGĦHOM

1.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru U1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-persuni qiegħda li involuti f’attività professjonali jew kummerċjali part-time fi Stat Membru ieħor li mhuwiex l-Istat ta’ residenza (30).

2.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali Nru U2 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 64(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal persuni qiegħda li jakkumpanjaw lill-konjugi jew lill-imsieħba tagħhom li qed jieħdu sehem f’attività professjonali jew kummerċjali fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat kompetenti (31).

PROTOKOLL

ta’ mal-Anness II ta’ mal-Ftehim

I.   Assigurazzjoni għal meta persuna ma tkunx impjegata

L-arranġamenti li ġejjin għandhom japplikaw għall-ħaddiema li huma ċittadini tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika tas-Slovakkja sat-30 ta’ April 2011 u għall-ħaddiema li huma ċittadini tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija sal-31 ta’ Mejju 2016.

1.

Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw fir-rigward ta’ assigurazzjoni għal meta persuna ma tkunx impjegata għall-ħaddiema li għandhom permess ta’ residenza b’perjodu ta’ validità ta’ inqas minn sena:

1.1.

Il-ħaddiema biss li ħallsu kontribuzzjonijiet fl-Isvizzera għall-perjodu minimu mitlub skont l-Att Federali dwar l-Assigurazzjoni kontra l-Qgħad u l-Allowances fil-Każ ta’ Insolvenza (loi fédérale sur l’assurance-chômage obligatoire et l’indemnité en cas d’insolvabilité — LACI) (32) u li jissodisfaw ukoll il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà l-oħrajn għall-benefiċċji għal meta persuna ma tkunx impjegata għandhom ikunu intitolati għal tali benefiċċju pprovdut mill-assigurazzjoni għal meta persuna ma tkunx impjegata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi.

1.2.

Parti mill-kontribuzzjonijiet intaxxati għall-ħaddiema li l-perjodu ta’ kontribuzzjoni ikun qasir wisq sabiex jingħata jedd għall-benefiċċju għal meta persuna ma tkunx impjegata fl-Isvizzera skont 1.1 għandha tingħata lura lill-Istati ta’ oriġini tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ta’ 1.3. sabiex ikun hemm kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-benefiċċji pprovduti lil dawn il-ħaddiema fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ qgħad totali; imbagħad dawn il-ħaddiema ma għandhom ikollhom ebda jedd għall-benefiċċju fil-każ li huma jisfaw qiegħda totalment fl-Isvizzera. Madankollu, huma għandhom ikunu intitolati għall-allowances għal temp ħażin u fil-każ li min iħaddem isir insolventi. Il-benefiċċji fil-każ ta’ qgħad totali għandhom jitħallsu mill-Istat ta’ oriġini, diment li l-ħaddiema kkonċernati jagħmlu lilhom infushom disponibbli għax-xogħol. Perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Isvizzera għandhom jitqiesu bl-istess mod bħallikieku jkunu twettqu fl-Istat ta’ oriġini.

1.3.

Il-porzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet intaxxati għall-ħaddiema li hemm referenza għalihom f’1.2 għandhom jingħataw lura fuq bażi annwali skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-kontribuzzjonijiet totali ta’ dawn il-ħaddiema għandhom jiġu kkalkolati, skont il-pajjiż, fuq il-bażi tan-numru annwali ta’ ħaddiema impjegati u l-kontribuzzjonijiet annwali medji mħallsa għal kull ħaddiem (kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-impjegati).

(b)

Mill-ammont ikkalkulat b’dan il-mod, porzjon minnu li jikkorrispondi mas-sehem relattiv irrappreżentat mill-benefiċċju għal meta persuna ma tkunx impjegata bħala perċentwal tal-allowances kollha li hemm referenza għalihom fil-punt 1.2 għandu jintradd lura lill-Istati ta’ oriġini tal-ħaddiema, u porzjon għandu jinżamm mill-Isvizzera bħala riżerva għall-benefiċċji sussegwenti (33).

(c)

L-Isvizzera għandha, fuq bażi annwali, tipprovdi dikjarazzjoni li turi l-kontribuzzjonijiet mogħtija lura. Jekk l-Istati ta’ oriġini jitolbu dan, għandha tindika l-bażi għall-kalkolu u s-somom mogħtija lura. L-Istati ta’ oriġini għandhom jinnotifikaw lill-Isvizzera kull sena bin-numru ta’ riċevituri tal-benefiċċju għal meta persuna ma tkunx impjegata kif hemm referenza għalih f’1.2.

2.

Jekk Stat Membru kkonċernat minn dan l-arranġament, jiltaqa’ ma’ diffikultajiet bit-tmiem tal-arranġament għall-għoti lura tal-kontribuzzjonijiet, jew l-Isvizzera tiltaqa’ ma’ diffikultajiet bl-arranġament ta’ aggregazzjoni, il-kwistjoni tista’ tiġi riferuta lill-Kumitat Konġunt minn kull parti kontraenti.

II.   Allowances għal persuni li ma jistgħux jgħinu lilhom infushom

Allowances għal persuni li ma jistgħux jgħinu lilhom infushom mogħtija skont l-Att Federali tad-19 ta’ Ġunju 1959 dwar l-assigurazzjoni għall-invalidità (LAI) u skont l-Att Federali tal-20 ta’ Diċembru 1946 dwar pensjonijiet għall-età u għas-superstiti (LAVS) kif emendat fit-8 ta’ Ottubru 1999 għandhom jingħataw esklussivament jekk il-persuna kkonċernata tirrisjedi fl-Isvizzera.

III.   Il-pjanijiet ta’ benefiċċju marbuta max-xogħol li jikkonċernaw il-pensjonijiet għall-età, għas-superstiti u għal-invalidità

Minkejja l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, il-benefiċċju inerenti li huwa stipulat fl-Att Federali dwar il-moviment liberu fost pjanijiet ta’ benefiċċju tax-xogħol dwar il-pensjonijiet għall-età, għas-superstiti u għall-invalidità (Loi fédérale sur le libre passage dans la prévoyance professionnelle vieillesse, survivants et invalidité) tas-17 ta’ Diċembru 1993 għandu jitħallas fuq talba lil persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li jkollha l-intenzjoni li tħalli l-Isvizzera għal kollox u li, skont it-Titolu II tar-Regolament, ma tibqax iktar soġġetta għal-liġi Svizzera, sakemm dik il-persuna titlaq mill-Isvizzera fi żmien ħames snin minn meta dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ.


(1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1

(2)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 43

(3)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.

(4)  ĠU L 149, 5.7.1971, p. 2.

(5)  ĠU L 177, 4.7.2008, p. 1.

(6)  ĠU L 74, 27.3.1972, p. 1.

(7)  ĠU L 39, 10.2.2009, p. 29.

(8)  ĠU L 209, 25.7.1998, p. 46.

(9)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 1.

(10)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 5.

(11)  ĠU C 149, 8.6.2010, p. 3.

(12)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 9.

(13)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 11.

(14)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 13.

(15)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 17.

(16)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 56.

(17)  ĠU C 107, 27.4.2010, p. 3.

(18)  ĠU C 149, 8.6.2010, p. 5.

(19)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 21.

(20)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 23.

(21)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 26.

(22)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 40.

(23)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 52.

(24)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 54.

(25)  ĠU C 107, 27.4.2010, p. 6.

(26)  ĠU C 107, 27.4.2010, p. 8.

(27)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 42.

(28)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 43.

(29)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 45.

(30)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 49.

(31)  ĠU C 106, 24.4.2010, p. 51.

(32)  Attwalment, perjodu ta’ 12-il xahar.

(33)  Il-kontribuzzjonijiet rimborsati għall-ħaddiema li se jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-benefiċċju għal meta ma jkunux impjegati fl-Isvizzera wara li jkunu ħallsu kontribuzzjonijiet għal mill-inqas 12-il xahar — fuq bosta perjodi ta’ residenza — fi żmien sentejn.


Top