EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 21993A1213(01)

Il-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika

OJ L 309, 13.12.1993, p. 3–20 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
Special edition in Finnish: Chapter 11 Volume 023 P. 177 - 194
Special edition in Swedish: Chapter 11 Volume 023 P. 177 - 194
Special edition in Czech: Chapter 11 Volume 019 P. 128 - 145
Special edition in Estonian: Chapter 11 Volume 019 P. 128 - 145
Special edition in Latvian: Chapter 11 Volume 019 P. 128 - 145
Special edition in Lithuanian: Chapter 11 Volume 019 P. 128 - 145
Special edition in Hungarian Chapter 11 Volume 019 P. 128 - 145
Special edition in Maltese: Chapter 11 Volume 019 P. 128 - 145
Special edition in Polish: Chapter 11 Volume 019 P. 128 - 145
Special edition in Slovak: Chapter 11 Volume 019 P. 128 - 145
Special edition in Slovene: Chapter 11 Volume 019 P. 128 - 145
Special edition in Bulgarian: Chapter 11 Volume 008 P. 104 - 119
Special edition in Romanian: Chapter 11 Volume 008 P. 104 - 119
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 016 P. 48 - 65

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/1993/626/oj

Related Council decision

21993A1213(01)



Official Journal L 309 , 13/12/1993 P. 0003 - 0020
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 23 P. 0177
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 23 P. 0177


ANNESS A

Il-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika

PREAMBOLU

IL-PARTIJIET KONTRAENTI,

WAQT LI JAGHRFU l-valur intrinsiku tad-diversità bijoloġika u tal-valuri ekoloġiċi, ġenetiċi, soċjali, ekonomiċi, xjentifiċi, edukattivi, kulturali, rikreazzjonali u estetiċi tad-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha,

WAQT LI JAGHRFU wkoll l-importanza tad-diversità bijoloġika għall-evoluzzjoni u għaż-żamma tas-sistemi tal-bijosfera li jsostnu l-ħajja,

WAQT LI JAFFERMAW li l-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika tolqot lill-bnedmin kollha,

WAQT LI JAFFERMAW MILL-GDID li l-Istati għandhom drittijiet sovrani fuq ir-riżorsi bijoloġiċi proprji tagħhom,

WAQT LI JAFFERMAW MILL-GDID ukoll li l-Istati huma responsabbli għaż-żamma tad-diversità bijoloġika tagħhom u għall-użu tar-riżorsi tagħhom f'manjiera sostenibbli,

WAQT LI JAGHRFU li d-diversità bijoloġika qed titnaqqas ħafna b'ċerti ħidmiet tal-bniedem,

WAQT LI HUMA KONXJI min-nuqqas ġenerali ta' tagħrif u għarfien dwar id-diversità bijoloġika u dwar il-bżonn urġenti li jkunu żviluppati ħiliet xjentifiċi, tekniċi u istituzzjonali biex jipprovdu l-għarfien bażiku li fuqu għandhom jitfasslu u jitħaddmu l-miżuri xierqa,

WAQT LI JOSSERVAW li huwa ferm importanti li jkunu mħarsa minn qabel, evitati u miġġielda mill-ewwel il-kawżi li jwasslu għal tnaqqis jew telf sostanzjali fid-diversità bijoloġika,

WAQT LI JOSSERVAW UKOLL li fejn hemm theddida ta' tnaqqis jew telf sostanzjali tad-diversità bijoloġika, in-nuqqas ta' ċertezza xjentifika sħiħa m'għandux jintuża bħala raġuni biex jiġu postposti l-miżuri biex tkun evitata jew titnaqqas din it-theddida,

WAQT LI AKTAR 'IL QUDDIEM JOSSERVAW ukoll li l-kriterju fundamentali għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika hija l-konservazzjoni in situ ta' l-ekosistemi u l-ambjenti naturali, kif ukoll iż-żamma u s-sejbien mill-ġdid ta' popolazzjonijiet vijabbli ta' speċi fl-ambjenti naturali tagħhom,

WAQT LI AKTAR 'IL QUDDIEM JOSSERVAW ukoll li l-miżuri ex situ, l-aktar fil-pajjiż ta' l-oriġini, ikollhom ukoll sehem importanti x'jilagħbu,

WAQT LI JAGHRFU d-dependenza mill-qrib u tradizzjonali ta' ħafna komunitajiet indiġeni u lokali li jħaddnu fihom stili tradizzjonali ta' ħajja fuq ir-riżorsi bijoloġiċi, u x-xewqa li dawn jaqsmu ndaqs bejniethom il-ġid li jkun ġej mill-użu ta' għarfien tradizzjonali, għarfien ġdid, kif ukoll prattiċi marbuta mal-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha,

WAQT LI JAGHRFU WKOLL is-sehem importanti li n-nisa għandhom fil-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, u jaffermaw il-bżonn għall-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-livelli kollha ta' politika u ta' implimentazzjoni għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika,

WAQT LI JISHQU fuq l-importanza tal-, u l-ħtieġa biex imexxu 'l quddiem, il-koperazzjoni internazzjonali, reġjonali u tad-dinja fost l-Istati u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi u l-qasam non-governattiv għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha,

WAQT LI JAGHRFU li d-disposizzjoni ta' riżorsi finanzjarji ġodda u żejda u l-aċċess xieraq għat-teknoloġiji relevanti hija waħda mistennija biex ikun hemm differenza sostanzjali fil-ħila tad-dinja li tindirizza t-telf tad-diversità bijoloġika,

WAQT LI AKTAR 'IL QUDDIEM JAGHRFU wkoll li hija meħtieġa disposizzjoni speċjali biex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, inkluża d-disposizzjoni ta' riżorsi finanzjarji ġodda u żejda, kif ukoll l-aċċess xieraq għat-teknoloġiji relevanti,

WAQT LI JINNUTAW f'dan ir-rigward il-kondizzjonijiet speċjali tal-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-Istati gżejjer żgħar,

WAQT LI JAGHRFU li huma meħtieġa investimenti sostanzjali biex tkun ikkonservata d-diversità bijoloġika, u li minn dawk l-investimenti hija mistennija sensiela wiesgħa ta' benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali,

WAQT LI JAGHRFU li l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-qerda tal-faqar huma l-ewwel prijorità tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw,

WAQT LI HUMA KONXJI li l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika huma ta' importanza kbira biex jintlaħqu l-ħtiġiet ta' l-ikel, tas-saħħa u oħrajn tal-popolazzjoni tad-dinja li dejjem qiegħda tikber, u li għal dan il-għan l-aċċess għal u l-qsim kemm tar-riżorsi ġenetiċi kif ukoll dawk tekonoloġiċi huma meħtieġa,

WAQT LI JINNUTAW LI, fl-aħħar, il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika se jsaħħu r-relazzjonijiet tajba bejn l-Istati u jgħinu wkoll biex ikun hemm il-paċi fost il-bnedmin,

WAQT LI HUMA XEWQANA li jsaħħu u jikkomplementaw l-arranġamenti internazzjonali li hemm bħalissa għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha, u

WAQT LI HUMA LESTI li jħarsu u jużaw b'mod sostenibbli d-diversità bijoloġika għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet preżenti u tal-ġejjieni,

FTEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Għanijiet

L-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni, li għandhom ikunu segwiti fi qbil mad-disposizzjonijiet relevanti tagħha, huma l-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika, l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha u l-qsim indaqs u imparzjali tal-ġid li jkun ġej mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi, inkluż b'aċċess xieraq għar-riżorsi ġenetiċi u bi trasferiment xieraq tat-teknoloġiji relevanti, waqt li jiġu kkunsidrati d-drittijiet kollha fuq dawk ir-riżorsi u teknoloġiji u jkun hemm iffinanzjar xieraq.

Artikolu 2

L-użu tat-termini

Għall-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni:

"diversità bijoloġika" tfisser il-varjabbiltà fost il-ħlejjaq ħajjin mill-għejun kollha inklużi, fost oħrajn, ekosistemi ta' l-art, tal-baħar u oħrajn ta' l-ilma u l-kumplessi ekoloġiċi li tagħhom dawn jiffurmaw parti; dan jinkludi d-diversità fl-ispeċi, bejn l-ispeċi u ta' ekosistemi;

"riżorsi bijoloġiċi" jinkludu riżorsi ġenetiċi, organiżmi jew partijiet minnhom, popolazzjonijiet, jew kull komponent bijotiku ieħor ta' ekosistemi b'użu jew b'valur attwali jew potenzali għall-bniedem;

"bioteknoloġija" tfisser kull applikazzjoni tekonoloġika li tuża sistemi bijoloġiċi, ħlejjaq ħajjin, jew derivattivi minnhom, biex jagħmlu jew jibdlu prodotti jew proċessi għal użu speċifiku;

"il-pajjiż ta' l-oriġini tar-riżors ġenetiku" tfisser il-pajjiż li jkollu dawk ir-riżorsi ġenetiċi f'kondizzjonijiet in situ;

"il-pajjiż li jipprovdi r-riżorsi ġenetiċi" tfisser il-pajjiż li jforni r-riżorsi ġenetiċi miġbura minn għejun li jkunu in situ, inklużi popolazzjonijiet kemm ta' speċi salvaġġi u domestiċi, jew inkella li jkunu ttieħdu minn għejun ex situ, li jista' jkunu, jew ma jkunux, oriġinaw f'dak il-pajjiż;

"speċi domestiċi jew ikkultivati" tfisser l-ispeċi li fihom il-proċess ta' l-evoluzzjoni ikun ġie influwenzat mill-bniedem biex dan jilħaq il-bżonnijiet tiegħu;

"ekosistema" tfisser kumpless dinamiku ta' komunitajiet ta' pjanti, annimali u mikro-organiżmi u l-ambjent abijotiku tagħhom li jaħdem bħala taqsima funzjonali;

"konservazzjoni ex situ" tfisser il-konservazzjoni ta' komponenti ta' diversità bijoloġika barra l-ambjent naturali tagħhom;

"materjal ġenetiku" tfisser kull materjal ta' pjanta, annimal, mikrobijali jew oriġini ieħor li jkollhom taqsimiet funzjonali ta' eredità;

"riżors ġenetiku" tfisser il-materjal ġenetiku ta' valur attwali jew potenzali;

"ambjent" tfisser il-post jew it-tip ta' post fejn organiżmu jew popolazzjoni jgħixu b'mod naturali;

"kondizzjonijiet in situ" tfisser il-kondizzjonijiet fejn ir-riżorsi ġenetiċi jkunu jeżistu f'ekosistemi u ambjenti naturali, u, fil-każ ta' speċi domestiċi u kkultivati, fl-ambjent fejn dawn ikunu żviluppaw l-karatteristiċi speċjali tagħhom;

"konservazzjoni in situ" tfisser il-konservazzjoni ta' ekosistemi u ambjenti naturali u ż-żamma u s-sejbien mill-ġdid ta' popolazzjonijiet vijabbli ta' speċi fl-ambjent naturali tagħhom u, fil-każ ta' speċi dosmetiċi u kkultivati, fl-ambjent fejn dawn ikunu żviluppaw l-karatteristiċi speċjali tagħhom;

"żoni protetti" tfisser żona ġeografika stabbilita magħżula jew irregolata u miżmuma biex jintlaħqu għanijiet speċifiċi ta' konservazzjoni;

"organizzazzjoni reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika" tfisser organizzazzjoni magħmula minn Stati sovrani ta' reġjun, li l-Istati Membri tagħha jkunu għaddewlha l-kompetenzi dwar materji kkontrollati b'din il-Konvenzjoni, u li tkun ġiet awtorizzata kif xieraq, fi qbil mal-proċeduri interni tagħha, biex din tiffirma, tirratifika, taċċetta, tapprova jew issir parti minnha;

"użu sostenibbli" tfisser l-użu ta' komponenti tad-diversità bijoloġika b'mod u rata li ma tkunx twassal għal mawran lura tad-divesrità bijoloġika għal perjodu twil ta' żmien. B'hekk dan ikun jista' jżomm il-potenzal tiegħu biex jilħaq il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjonijiet preżenti u tal-ġejjieni;

"teknoloġija" tinkludi l-bioteknoloġija.

Artikolu 3

Il-Prinċipju

L-Istati għandhom, fi qbil mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali, id-dritt sovran biex jużaw r-riżorsi tagħhom skond il-politika ambjentali tagħhom, u r-responsabbiltà biex jiżguraw li dak li jsir fil-ġurisdizzjoni jew fil-kontroll tagħhom ma jkun joħloq l-ebda ħsara lill-ambjent ta' l-Istati l-oħra jew lil dak ta' żoni li jkunu jinsabu lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali.

Artikolu 4

L-Għan ġurisdizzjonali

Waqt li jiddependi mid-drittijiet ta' l-Istati l-oħra, u ħlief fejn huwa pprovdut speċifikament mod ieħor f'din il-Konvenzjoni, għandhom ikunu jgħoddu, b'rabta ma' kull Parti Kontraenti, id-disposizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni:

(a) fil-każ ta' komponenti ta' diversità bijoloġika, f'żoni fil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali tiegħu; u

(b) fil-każ ta' proċessi u ħidmiet, minkejja l-post fejn iseħħu l-effetti tagħhom, li jkunu saru fil-ġurisdizzjoni jew fil-kontroll tiegħu, fiż-żona tal-ġurisdizzjoni nazzjonali tiegħu, jew inkella lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali.

Artikolu 5

Il-Koperazzjoni

Kull Parti Kontraenti għandha, kemm jista' jkun possibbli u kif ikun xieraq, tikkopera ma' Partijiet Kontraenti oħra, direttament jew, fejn ikun xieraq permezz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, fejn għandhom x'jaqsmu żoni li jkunu lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali u fuq suġġetti oħra ta' interess reċiproku, għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika.

Artikolu 6

Miżuri ġenerali għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli

Kull parti Kontraenti għandha, fi qbil mal-kondizzjonijiet u l-ħiliet tagħha:

(a) tiżviluppa strateġiji, pjani jew programmi nazzjonali, għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika jew taddatta għal dan il-għan strateġiji, pjani jew programmi li jeżistu diġà li għandhom jirreflettu, fost oħrajn, il-miżuri stabbiliti f'din il-Konvenzjoni li huma relevanti għall-Parti Kontraenti kkonċernata; u

(b) tintegra, kemm jista' jkun possibbli u kif xieraq, il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika fi pjani, programmi jew politika settorjali jew inter-settorjali li jkunu relevanti.

Artikolu 7

L-Identifikazzjoni u l-ħarsien

Kull Parti Kontraenti għandha, kemm jista' jkun possibbli u kif xieraq, l-aktar għall-għanijiet ta' l-Artikli 8 sa 10:

(a) tagħraf il-komponenti tad-diversità bijoloġika li jkunu importanti għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tagħha wara li tkun ikkunsidrat il-lista indikattiva tal-kategoriji stabbiliti fl-Anness I;

(b) tħares, permezz ta' teħid ta' kampjuni jew metodi ta' teknika oħrajn, il-komponenti tad-diversità bijoloġika magħrufa fi qbil mas-sotto-paragrafu (a), waqt li tikkunsidra l-aktar dawk li jkunu jeħtieġu miżuri ta' konservazzjoni urġenti u dawk li joffru l-akbar potenzal għall-użu sostenibbli;

(ċ) tagħraf proċessi u kategoriji ta' ħidmiet li jkollhom, jew x'aktarx ikollhom, effetti ħżiena sostanzjali fuq il-konservazzjoni u l-użu sostentibbli tad-diversità bijoloġika, u tħares ukoll l-effetti tagħhom permezz ta' teħid ta' kampjuni u metodi ta' teknika oħrajn; u

(d) iżżomm u torganizza, b'kull tagħrif ta' mekkaniżmu, li jkun ġej minn ħidmiet ta' għarfien u ħarsien fi qbil mas-sotto-paragrafi (a), (b) u (ċ) fuq.

Artikolu 8

Il-Konservazzjoni in situ

Kull Parti Kontraenti għandha, kemm jista' jkun possibbli u kif xieraq:

(a) twaqqaf sistema ta' żoni protetti jew żoni fejn hemm bżonn jittieħdu miżuri speċjali biex tkun ikkonservata d-diversità bijoloġika;

(b) tiżviluppa, fejn meħtieġ, linjigwida għall-għażla, it-twaqqif u t-tmexxija ta' żoni protetti jew żoni fejn hemm bżonn jittieħdu miżuri speċjali għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika;

(ċ) tirregola jew tmexxi r-riżorsi bijoloġiċi li huma importanti għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika, kemm fil-jew barra miż-żoni protetti, bil-ħsieb li jkunu żgurati l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tagħhom;

(d) tmexxi 'l quddiem il-protezzjoni ta' ekosistemi, ambjenti naturali u ż-żamma ta' popolazzjonijiet vijabbli ta' speċi f'ambjenti naturali;

(e) tmexxi 'l quddiem żvilupp li jkun ambjentalment b'saħħtu u sostenibbli f'żoni li jkunu qrib dawk protetti bil-ħsieb li tiżdied il-protezzjoni f'dawn iż-żoni;

(f) tirriabilita u tirrestawra ekosistemi dgħajfa u tmexxi 'l quddiem is-sejbien mill-ġdid ta' speċi mhedda, fost oħrajn, permezz ta' l-izvilupp u l-implimentazzjoni ta' pjani jew strateġiji oħra ta' amministrazzjoni;

(g) twaqqaf jew iżżomm mezzi biex tirregola, tmexxi jew tikkontrolla r-riskji marbuta ma' l-użu u l-ħelsien ta' organiżmi ħajjin immodifikati li jkunu ġejjin mill-bioteknoloġija u li x'aktarx ikollhom effetti ambjentali ħżiena li jistgħu jaffettwaw il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, waqt li tikkunsidra r-riskji għas-saħħa tal-bniedem;

(g) tevita d-dħul ta', tikkontrolla jew teqred dawk l-ispeċi aljeni li jheddu lil ekosistemi, ambjenti jew speċi;

(għ) taħdem bis-sħiħ biex tipprovdi l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kompatibbiltà bejn l-użi preżenti u l-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha;

(h) waqt li jiddependi mil-leġislazzjoni nazzjonali, tirrispetta, tippreserva u żżomm l-għarfien, il-metodi ġodda u l-prattiċi tal-komunitajiet indiġeni u lokali li jkunu jħaddnu stili tradizzjonjali ta' ħajja relevanti għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, waqt li tmexxi 'l quddiem l-applikazzjoni usa' tagħhom bl-approvazzjoni u l-involviment ta' dawk kollha li jkollhom dan l-għarfien, metodi ġodda u prattiċi, u tinkoraġġixxi wkoll il-qsim indaqs tal-ġid li jkun ġej mill-użu ta' dawn l-għarfien, metodi ġodda u prattiċi;

(h) tiżviluppa u żżomm il-leġislazzjoni meħtieġa u/jew disposizzjonijiet regolatorji oħra għall-protezzjoni ta' speċi u popolazzjonijiet li jkunu mhedda;

(i) fejn ikun ġie stabbilit effett ħażin sostanzjali fuq id-diversità bijoloġika skond l-Artikolu 7, tirregola u tmexxi il-proċessi u l-kategoriji ta' ħidmiet relevanti; u

(ie) tikkopera billi tipprovdi għajnuna finanzjarja u appoġġ ieħor għall-konservazzjoni in situ mfissra fis-sotto-paragrafi (a) sa (i), l-aktar għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

Artikolu 9

Il-Konservazzjoni ex situ

Kull Parti Kontraenti għandha, kemm jista' jkun possibbli u fejn ikun xieraq, u l-aktar għall-għan biex ikunu kkumplementati l-miżuri in situ:

(a) taddotta miżuri għall-konservazzjoni ex situ tal-komponenti tad-diversità bijoloġika, l-aħjar fil-pajjiż ta' l-oriġini ta' dawn il-komponenti;

(b) twaqqaf u żżomm faċilitajiet għall-konservazzjoni ex situ ta' u riċerka fuq pjanti, annimali u mikro-organiżmi, l-aħjar fil-pajjiż ta' l-oriġini tar-riżorsi ġenetiċi;

(ċ) taddotta miżuri għas-sejbien mill-ġdid u r-riabilitazzjoni ta' speċi mhedda u għad-dħul tagħhom mill-ġdid fl-ambjenti naturali tagħhom taħt kondizzjonijiet xierqa;

(d) tirregola u żżomm ġabra ta' riżorsi bijoloġiċi minn ambjenti naturali għall-konservazzjoni ex situ biex dawn ma jheddux ekosistemi u popolazzjonijiet ta' speċi li jkunu in situ, ħlief fejn ikunu meħtieġa miżuri temporanji speċjali ex situ taħt is-sotto-paragrafu (ċ); u

(e) tikkopera billi tipprovdi għajnuna finanzjarja u appoġġ ieħor għall-konservazzjoni ex situ mfissra fis-sotto-paragrafi (a) sa (d), u billi twaqqaf u żżomm faċilitajiet ta' konservazzjoni ex situ fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

Artikolu 10

L-Użu sostenibbli tal-komponenti tad-diversità bijoloġika

Kull Parti Kontraenti għandha, sakemm ikun possibbli u kif xieraq:

(a) tgħaqqad il-kunsiderazzjoni tal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi meta jiġu biex jttieħdu deċiżjonijiet fuq livell nazzjonali;

(b) taddotta miżuri dwar l-użu tar-riżorsi bijoloġiċi biex ikunu evitati jew imnaqqsa kemm jista' jkun l-effetti ħżiena fuq id-diversità bijoloġika;

(ċ) tipproteġi u tinkuraġġixxi l-użu normali tar-riżorsi bijoloġiċi fi qbil mal-prattiċi kulturali tradizzjonali li jaqblu mal-kriterji tal-konservazzjoni jew l-użu sostenibbli;

(d) tappoġġja l-popolazzjonijiet lokali biex dawn jiżviluppaw u jħaddmu azzjoni ta' rimedju f'żoni batuti fejn id-diversità bijoloġika tkun naqset; u

(e) tinkuraġġixxi l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet governattivi tagħha u s-settur privat tagħha fl-iżvilupp ta' metodi għall-użu sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi.

Artikolu 11

Miżuri ta' inċentiv

Kull Parti Kontraenti għandha, kemm jista' jkun possibbli u kif xieraq, taddotta miżuri li jkunu ekonomikament u soċjalment b'saħħithom li jservu bħala inċentiv għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-komponenti tad-diversità bijoloġika.

Artikolu 12

Ir-Riċerka u t-taħriġ

Il-Partijiet Kontraenti, waqt li jqisu l-bżonnijiet speċjali tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, għandhom:

(a) iwaqqfu u jżommu programmi għall-edukazzjoni xjentifika u teknika u għat-taħriġ f'miżuri għall-identifikazzjoni, il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha, waqt li jipprovdu appoġġ għal din l-edukazzjoni u dan it-taħriġ għall-bżonnijiet speċifiċi tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw;

(b) imexxu 'l quddiem u jinkuraġġixxu r-riċerka li tgħin fil-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, l-aktar fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, fost oħrajn, fi qbil mad-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet li kienu ttieħdu bħala riżultat tar-rakkomandazzjonijiet ta' l-entità sussidjarja fuq il-parir xjentifiku, tekniku u teknoloġiku; u

(ċ) waqt li jibqgħu fi qbil mad-disposizzjonijiet ta' l-Artikli 16, 18 u 20, imexxu 'l quddiem u jikkoperaw fl-użu ta' l-avvanzi xjentifiċi fir-riċerka fuq id-diversità bijoloġika billi jiżviluppaw metodi għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi.

Artikolu 13

L-Edukazzjoni u l-għarfien pubbliku

Il-Partijiet Kontraenti għandhom:

(a) imexxu 'l quddiem u jinkuraġġixxu l-għarfien ta' l-importanza tal-, u l-miżuri meħtiġa għall-, konservazzjoni tad-diversità bijoloġika, kif ukoll it-tixrid ta' dan bl-użu tal-media, kif ukoll id-dħul ta' dawn is-suġġetti fi programmi edukattivi; u

(b) jikkoperaw, kif xieraq, ma' Stati oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali fl-iżvilupp ta' programmi edukattivi u ta' għarfien pubbliku, dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika.

Artikolu 14

Valutazzjoni ta' l-effetti u t-tnaqqis ta' effetti ħżiena

1. Kull Parti Kontraenti, kemm jista' jkun possibbli u kif xieraq, għandha:

(a) iddaħħal proċeduri xierqa li jkunu jippermettu li ssir valutazzjoni ta' l-effetti ambjentali tal-proġetti proposti tagħha u li x'aktarx dawn ser ikollhom effetti ħżiena sostanzjali fuq id-diversità bijoloġika. Dan bil-ħsieb li jkunu evitati jew imnaqqsa dawn l-effetti u, fejn ikun xieraq, il-pubbliku jkun jista' jieħu sehem f'dawn il-proċeduri;

(b) iddaħħal arranġamenti xierqa biex ikun żgurat li l-konsegwenzi ambjentali tal-programmi u l-politika tagħha li x'aktarx ikollhom effetti ħżiena sostanzjali fuq id-diversità bijoloġika jkunu tqiesu kif suppost;

(ċ) tmexxi 'l quddiem, fuq il-bażi ta' reċiproċità, ix-xandir, il-bdil ta' tagħrif u l-konsultazzjoni fuq attivitajiet li jkun hemm taħt il-ġurisdizzjoni jew il-kontroll tagħha, li x'aktarx ikunu se jaffettwaw b'mod ħażin d-diversità bijoloġika ta' Stati oħra jew żoni li jinsabu lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali; dan billi tmexxi u tinkuraġġixxi t-tmiem ta' arranġamenti bilaterali, reġjonali jew multilaterali, kif xieraq;

(d) fil-każ ta' periklu jew ħsara imminenti jew gravi, li jkun ġej taħt il-ġurisdizzjoni jew il-kontroll tagħha, għad-diversità bijoloġika fiż-żona taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stati oħra jew f'żoni li huma lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali, din għandha tavża minnufih lill-Istati li x'aktarx jintlaqtu minn dawn il-perikli jew ħsarat, kif ukoll tibda taħdem biex tevita jew tnaqqas perikli jew ħsarat bħal dawn; u

(e) tmexxi 'l quddiem arranġamenti nazzjonali għal sejħat ta' emerġenza fejn ikun hemm attivitajiet, kemm jekk jiġru b'mod naturali jew mod ieħor, li jkunu juru periklu gravi jew imminenti għad-diversità bijoloġika, waqt li tinkuraġġixxi l-koperazzjoni internazzjonali biex tappoġġja dawn l-isforzi nazzjonali u, fejn ikun xieraq u miftiehem mill-Istati jew mill-organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika kkonċernati, li twaqqaf pjani ta' kontinġenza konġunta.

2. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha teżamina, fuq il-bażi ta' studji li għandhom isiru, il-kwistjoni tar-responsabbiltà u r-rimedju, inklużi r-retawr u l-kumpens, għall-ħsara lid-diversità bijoloġika, ħlief fejn din ir-responsabbiltà tkun biss materja ġewwinija.

Artikolu 15

L-Aċċess għar-riżorsi ġenetiċi

1. Waqt li tagħraf id-drittijiet sovrani ta' l-Istati fuq ir-riżorsi naturali tagħhom, l-awtorità li tistabbilixxi l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi tibqa' fi ħdan il-gvernijiet nazzjonali, u għalhekk tiddependi mil-leġislazzjoni nazzjonali.

2. Kull Parti Kontraenti għandha taħdem bis-sħiħ biex toħloq kondizzjonijiet li jħaffu l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi, ħalli l-użi li jagħmlu Partijiet Kontraenti oħra jkunu ambjentalment b'saħħithom, u mhux jimponu restrizzjonijiet li jkunu jmorru kontra l-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni.

3. Għall-għan ta' din il-Konvenzjoni, ir-riżorsi ġenetiċi li jkunu qed jiġu offruti minn Parti Kontraenti, kif imsemmi f'dan l-Artikolu u fl-Artikli 16 u 19, għandhom ikunu dawk biss li jkunu pprovduti mill-Partijiet Kontraenti li jkunu pajjiżi ta' l-oriġini ta' dawn ir-riżorsi jew mill-Partijiet li jkunu kisbu r-riżorsi ġenetiċi fi qbil ma' din il-Konvenzjoni.

4. Fejn jingħata l-aċċess, dan għandu jkunu fuq termini miftiehma reċiprokament u jiddependu mid-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

5. L-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi għandu jkun jiddependi minn kunsens minn qabel tal-Parti Kontraenti li tkun qed tipprovdi dawn ir-riżorsi, kemm-il darba ma jkunx stabbilit mod ieħor minn dik il-Parti.

6. Kull Parti Kontraenti għandha taħdem biex tiżviluppa u tagħmel riċerka xjentifika bbażata fuq ir-riżorsi ġenetiċi pprovduti minn Partijiet Kontraenti oħra bil-parteċipazzjoni sħiħa ta', u fejn possibbli f'dawn il-Partijiet Kontraenti.

7. Kull Parti Kontraenti għandha tieħu miżuri leġislattivi, amministrattivi jew politiċi, kif xieraq, u fi qbil ma' l-Artikli 16 u 19 u, fejn meħtieġ, permezz tal-mekkaniżmu finanzjarju stabbilit bl-Artikli 20 u 21, bil-ħsieb li jkun hemm qsim indaqs u imparzjali tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll tal-ġid li jkun ġej mill-użu kummerċjali u użi oħra tar-riżorsi ġenetiċi, mal-Parti Kontraenti li qed tipprovdi dawn ir-riżorsi. Dan il-qsim għandu jkun fuq termini miftiehma b'mod reċiproku.

Artikolu 16

L-Aċċess għat-u t-trasferiment tat-teknoloġija

1. Kull Parti Kontraenti, waqt li tagħraf li t-teknoloġija tinkludi l-bioteknoloġija, u li kemm l-aċċess għat-u t-trasferiment tat-teknoloġija fost il-Partijiet Kontraenti huma elementi importanti għall-kisba ta' l-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni, tidħol responsabbli biex, suġġett għad-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, tipprovdi u/jew tħaffef l-aċċess għat- u t-trasferiment lejn Partijiet Kontraenti oħra tat-teknoloġiji li jkunu relevanti għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, jew inkella tagħmel użu mir-riżorsi ġenetiċi mingħajr ma tikkawża ħafna ħsara lill-ambjent.

2. L-aċċess għat- u t-trasferiment tat-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 fuq lejn pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw għandu jkun ipprovdut u/jew imħaffef taħt termini imparzjali u li jkunu l-aktar vantaġġjużi, inkluż fuq termini konċessjonali u preferenzali, fejn ikun maqbul reċiprokament, u, fejn meħtieġ, fi qbil mal-mekkaniżmu finanzjarju mwaqqaf bl-Artikli 20 u 21. Fil-każ ta' teknoloġija li tkun tiddepenedi minn liċenzi u drittijiet oħra ta' proprjetà intellettwali, dan l-aċċess u t-trasferiment għandu jingħata fuq termini li jkunu jagħrfu u li jkunu konsistenti mal-protezzjoni tajba u effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. L-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu għandha tkun waħda konsistenti mal-paragrafi 3, 4 u 5.

3. Kull Parti Kontraenti għandha tieħu miżuri leġislattivi, amministrattivi jew politiċi, kif xieraq, bil-ħsieb li l-Partijiet Kontraenti, l-aktar dawk li jkunu pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u li jkunu jipprovdu r-riżorsi ġenetiċi, jingħataw aċċess għat-u t-trasferiment ta' teknoloġija li tkun tagħmel użu minn dawk ir-riżorsi, fuq termini maqbula reċiprokament, inkluża t-teknoloġija li tkun protetta b'liċenzi u bi drittijiet oħra ta' proprjetà intellettwali, fejn meħtieġ, permezz tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikli 20 u 21 u fi qbil mal-liġi internazzjonali u b'mod konsistenti mal-paragrafi 4 u 5.

4. Kull Parti Kontraenti għandha tieħu miżuri leġislattivi, amministrattivi jew politiċi, kif xieraq, bil-ħsieb li s-settur privat iħaffef l-aċċess għall-iżvilupp konġunt u t-trasferiment tat-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għall-ġid kemm ta' l-istituzzjonijiet governattivi kif ukoll tas-settur privat tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. F'dan ir-rigward din għandha tintrabat bl-obbligi li hemm fil-paragrafi 1, 2 u 3.

5. Il-Partijiet Kontraenti, waqt li jagħrfu li l-liċenzi u drittijiet oħra ta' proprjetà intellettwali jistgħu jaffettwaw l-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni, għandhom jikkoperaw f'dan ir-rigward, suġġett għal-leġislazzjoni nazzjonali u l-liġi internazzjonali, biex jiżguraw li dawn id-drittijiet jkunu ta' appoġġ u ma jkunux imorru kontra l-għanijiet tagħha.

Artikolu 17

Il-Bdil tat-tagħrif

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom iħaffu l-bdil tat-tagħrif, mill-għejun disponibbli pubblikament, li jkun relevanti għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, waqt li jqisu il-bżonnijiet speċjali tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

2. Dan il-bdil ta' tagħrif għandu jinkludi l-bdil ta' riżultati tar-riċerka teknika, xjentifika u soċjo-ekonomika, kif ukoll tagħrif fuq il-programmi ta' taħriġ u stħarriġ, tagħrif speċjalizzat, tagħrif indiġenu u tradizzjonali, flimkien mat-teknoloġiji msemmija fl-Artikolu 16(1). Dan għandu wkoll, fejn possibbli, jinkludi t-twassil lura tat-tagħrif.

Artikolu 18

Il-Koperazzjoni teknika u xjentifika

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom imexxu 'l quddiem l-koperazzjoni internazzjonali teknika u xjentifika fil-qasam tal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, fejn meħtieġ, permezz ta' l-istituzzjonijiet internazzjonali u nazzjonali xierqa.

2. Kull Parti Kontraenti għandha tmexxi 'l quddiem l-koperezzjoni teknika u xjentifika ma' partijiet kontraenti oħra, l-aktar ma' dawk il-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw; dan, biex tkun implimentata din il-Konvenzjoni, fost oħrajn, permezz ta' l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali. Biex titmexxa 'l quddiem din il-koperazzjoni, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-iżvilupp u t-tisħiħ tal-ħiliet nazzjonali, bl-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-bini ta' istituzzjonijiet.

3. Il-Konferenza tal-Partijiet, fl-ewwel laqgħa tagħha, għandha twaqqaf kif se tistabbilixxi mekkaniżmu ċar li jmexxi 'l quddiem u jħaffef il-koperazzjoni teknika u xjentifika.

4. Il-Partijiet Kontraenti għandhom, fi qbil mal-leġislazzjoni u l-politika nazzjonali, jinkuraġġixxu u jiżviluppaw metodi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji, inklużi dawk indiġeni u tradizzjonali, fl-issuktar ta' l-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, il-Partijiet Kontraenti għandhom ukoll imexxu 'l quddiem il-koperazzjoni fit-taħriġ ta' l-impjegati u fil-bdil ta' esperti.

5. Il-Partijiet Kontraenti għandhom, waqt li jkun jiddependi minn ftehim reċiproku, imexxu 'l quddiem it-twaqqif ta' programmi ta' riċerka konġunta u negozju bi sħab għall-iżvilupp ta' teknoloġiji li jkunu relevanti għall-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 19

It-Tmexxija tal-bioteknoloġija u t-tqassim tal-ġid tagħha

1. Kull Parti Kontraenti għandha tieħu miżuri leġislattivi, amministrattivi jew politiċi, kif xieraq, biex tipprovdi s-sehem effettiv fl-attivitajiet tar-riċerka bioteknoloġika minn dawk il-Partijiet Kontraenti, l-aktar dawn il-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, li jipprovdu r-riżorsi ġenetiċi għal din ir-riċerka, u fejn ikun possibbli f'dawn il-Partijiet Kontraenti.

2. Kull Parti Kontraenti għandha tieħu l-miżuri prattiċi kollha biex tmexxi 'l quddiem l-aċċess ta' prijorità, fuq bażi imparzjali u daqsinsew mill-Partijiet Kontraenti, l-aktar il-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, għar-riżultati u l-ġid li jkunu ġejjin mill-bioteknoloġiji bbażati fuq ir-riżorsi ġenetiċi pprovduti minn dawk il-Partijiet Kontraenti. Dan l-aċċess għandu jkun fuq termini maqbula b'mod reċiproku.

3. Il-Partijiet għandhom jikkunsidraw il-ħtieġa għal u l-modalitajiet ta' protokoll li jwaqqaf proċeduri xierqa, inklużi l-aktar ftehim mgħarraf minn qabel fil-qasam tat-trasferiment mingħajr periklu, it-tmexxija u l-użu ta' kull organiżmu ħaj immodifikat li jkun ġej minn bioteknoloġija li jista' jkollha effett ħażin fuq il-konservazzjoni, kif ukoll l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika.

4. Kull Parti Kontraenti għandha, direttament jew billi tkun teħtieġ kwalunkwe persuna fiżika jew legali taħt il-ġurisdizzjoni tagħha li tkun tipprovdi l-organiżmi msemmija fil-paragrafu 3, tipprovdi kull tagħrif disponibbli fuq ir-regolamenti ta' l-użu u s-sigurtà meħtieġa minn dik il-Parti Kontraenti fit-tmexxija ta' dawn l-organiżmi, kif ukoll kull tagħrif disponibbli fuq l-effett ħażin potenzali ta' l-organiżmi speċifiċi kkonċernati għall-Parti Kontraenti li fiha dawk l-organiżmi jkunu se jiddaħħlu.

Artikolu 20

Ir-Riżorsi finanzjarji

1. Kull Parti Kontraenti tidħol li tipprovdi, fi qbil mal-ħiliet tagħha, appoġġ finanzjarju u inċentivi dwar dawk l-attivitajiet nazzjonali maħsuba li jilħqu l-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni, fi qbil mal-pjani nazzjonali, mal-prijoritajiet u l-programmi tagħha.

2. Il-Partijiet li huma pajjiżi żviluppati għandhom jipprovdu riżorsi finanzjarji ġodda u addizzjonali biex il-Partijiet li huma pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jilħqu n-nefqiet sħaħ miżjuda regolarment li jkunu miftiehma lilhom ħalli jkunu jistgħu jimplimentaw miżuri li jkunu jilħqu l-obbligi ta' din il-Konvenzjoni waqt li jgawdu mid-disposizzjonijiet tagħha, u liema spejjeż huma miftiehma bejn Parti li tkun pajjiż li għadu qed jiżviluppa u l-istruttura istituzzjonali msemmija fl-Artikolu 21, fi qbil mal-politika, l-istrateġija, prijoritajiet ta' programmi u kriterji ta' eliġibbiltà, kif ukoll lista indikattiva tan-nefqiet miżjuda regolarment stabbiliti bil-Konferenza tal-Partijiet. Partijiet oħra, inklużi pajjiżi li jkunu għaddejjin mill-proċess ta' transizzjoni għal ekonomija tas-suq, jistgħu b'mod volontarju jassumu l-obbligi tal-Partijiet li jkunu pajjiżi żviluppati. Għall-għan ta' dan l-Artikolu, il-Konferenza tal-Partijiet, fl-ewwel laqgħa tagħha għandha tistabbilixxi l-lista ta' Partijiet li jkunu pajjiżi żviluppati u Partijiet oħra li b'mod volontarju jassumu l-obbligi ta' Partijiet li jkunu pajjiżi żviluppati. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tirrevedi perjodikament u jekk ikun meħtieġ temenda din il-lista. L-għajnuniet minn pajjiżi u għejun oħra fuq bażi volontarja għandhom ikunu nkuraġġiti wkoll. L-implimentazzjoni ta' dawn ir-rabtiet għandha tqis il-bżonn għall-ħtieġa, l-affermazzjoni u ċ-ċirkulazzjoni maħduma sew ta' fondi, kif ukoll l-importanza li l-piż jinqasam b'mod ġust fost il-Partijiet Kontraenti mniżżla fil-lista.

3. Il-Partijiet li huma pajjiżi żviluppati jistgħu jipprovdu wkoll, waqt li l-Partijiet li huma pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw jagħmlu użu, mir-riżorsi finanzjarji marbuta ma' l-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni b'mezzi bilaterali, reġjonali u oħrajn multilaterali.

4. Safejn il-Partijiet li huma pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw jimplimentaw b'mod effettiv ir-rabtiet tagħhom taħt din il-Konvenzjoni, ikun jiddependi fuq kemm tkun effettiva l-implimentazzjoni mill-Partijiet li huma pajjiżi żviluppati tar-rabtiet tagħhom taħt din il-Konvenzjoni b'rabta mar-riżorsi finanzjarji u t-trasferiment ta' teknoloġija, waqt li jikkunsidraw b'mod sħiħ il-fatt li l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-qerda tal-faqar huma l-ewwel prijorità tal-Partijiet li huma pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

5. Il-Partijiet għandhom iqisu b'mod sħiħ il-bżonnijiet speċifiċi u s-sitwazzjoni speċjali tal-pajjiżi l-inqas żviluppati f'dak li jkunu qed jagħmlu dwar l-iffinanzjar u t-trasferiment tat-teknoloġija.

6. Il-Partijiet Kontraenti għandhom iqisu wkoll l-kondizzjonijiet speċjali li jkunu ġejjin mid-dipendenza fuq, id-distribuzzjoni u l-lokalità tad-diversità bijoloġika fil-Partijiet li jkunu pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, l-aktar Stati gżejjer żgħar.

7. Għandha titqies ukoll b'mod speċjali s-sitwazzjoni tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, inklużi dawk li huma l-aktar dgħajfa ambjentalment, bħal dawk b'żoni xotti jew semi-aridi, kostali u nħawi bil-muntanji.

Artikolu 21

Il-Mekkaniżmu finanzjarju

1. Għall-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni, li l-elementi ewlenin tagħha jinsabu f'dan l-Artikolu, għandu jkun hemm mekkaniżmu għad-disposizzjoni ta' riżorsi finanzjarji lill-Partijiet li jkunu pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw; dan għandu jkun fuq il-bażi ta' għajnuna jew konċessjoni. Il-mekkaniżmu għandu jaħdem taħt l-awtorità jew il-gwida ta', u, għall-għanijiet ta'din il-Konvenzjoni, ikun responsabbli għall-Konferenza tal-Partijiet. It-tħaddim tal-mekkaniżmu għandu jsir minn din l-istruttura istituzzjonali, skond kif jiġi deċiż mill-Konferenza tal-Partijiet fl-ewwel laqgħa tagħha. Għall-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għandha twaqqaf il-politika, l-istrateġija, il-prijoritajiet tal-programmi, kif ukoll il-kriterji ta' l-eliġibbiltà dwar l-aċċess għal u l-użu ta' dawn ir-riżorsi. L-għajnuniet għandhom iqisu l-bżonn għall-affermazzjoni, il-ħtieġa u ċ-ċirkulazzjoni maħduma tajjeb tal-fondi, kif imfisser fl-Artikolu 20 fi qbil ma' l-ammont ta' riżorsi meħtieġa li għandhom ikunu deċiżi mill-Konferenza tal-Partijiet, kif ukoll l-importanza li l-piż jinqasam b'mod ġust fost il-Partijiet kontributuri li hemm imniżżla fl-Artikolu 20(2). Għajnuniet volontarji jistgħu jsiru wkoll mill-Partijiet li huma pajjiżi żviluppati u minn pajjiżi u għejun oħrajn. Il-mekkaniżmu għandu jitħaddem f'sistema demokratika u trasparenti ta' tmexxija.

2. Skond l-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għandha fl-ewwel laqgħa tagħha tistabbilixxi l-politika, l-istrateġija u l-prijoritajiet tal-programmi, kif ukoll kriterji dettaljati u linjigwida għall-eliġibbiltà għall-aċċess għall-u l-użu tar-riżorsi finanzjarji, inklużi l-ħarsien u l-valutazzjoni fuq bażi regolari ta' dan l-użu. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tiddeċiedi dwar l-arranġamenti biex jingħata effett lill-paragrafu 1 wara li tkun saret konsultazzjoni ma' l-istruttura istituzzjonali li hija fdata biex tħaddem il-mekkaniżmu finanzjarju.

3. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tirrevedi kemm ikun effettiv il-mekkaniżmu stabbilit taħt dan l-Artikolu, inklużi l-kriterji u l-linjigwida msemmija fil-paragrafu 2, f'mhux inqas minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni, u minn hemm 'il quddiem fuq bażi regolari. Waqt li din tibbaża ruħha fuq din ir-reviżjoni, din għandha tieħu azzjoni xierqa, jekk ikun meħtieġ, biex titjieb l-effettività tal-mekkaniżmu.

4. Il-Partijiet Kontraenti għandhom iqisu li jsaħħu l-istituzzjonijiet finanzjarji li hemm bħalissa biex jipprovdu r-riżorsi finanzjarji għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika.

Artikolu 22

Ir-Relazzjoni ma' konvenzjonijiet internazzjonali oħra

1. Id-disposizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni m'għandhomx jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi ta' kull Parti Kontraenti li jkunu ġejjin minn ftehim internazzjonali eżistenti, ħlief fejn il-prattika ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jistgħu jikkawżaw ħsara serja jew theddida lid-diversità bijoloġika.

2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom iħaddmu din il-Konvenzjoni b'rabta ma' l-ambjent tal-baħar u b'mod konsistenti mad-drittijiet u l-obbligi ta' l-Istati taħt il-liġi tal-baħar.

Artikolu 23

Il-Konferenza tal-Partijiet

1. Hawnhekk qed titwaqaf il-Konferenza tal-Partijiet. L-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għandha tinżamm mid-Direttur Eżekuttiv tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent sa mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni. Min hemm 'il quddiem, il-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet għandhom jiżammu fuq bażi regolari f'perjodi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Konferenza stess fl-ewwel laqgħa tagħha.

2. Il-laqgħat straordinarji tal-Konferenza tal-Partijiet għandhom jinżammu drabi oħra, skond kif ikun meħtieġ mill-Konferenza, jew fuq talba bil-miktub minn waħda mill-Partijiet, sakemm, fi żmien sitt xhur minn meta t-talba tkun ġiet ikkomunikata lilhom mis-Segretarjat, din tkun appoġġjata b'mill-anqas terz tal-Partijiet.

3. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tiftiehem b'konsensus u taddotta r-regoli ta' proċedura għaliha stess u għal kull entità sussidjarja li din tista' twaqqaf, kif ukoll ir-regoli finanzjarji li jikkontrollaw l-iffinanzjar tas-Segretarjat. F'kull laqgħa ordinarja, din għandha taddotta stima għall-perjodu finanzjarju sal-laqgħa ordinarja li jmiss.

4. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tirrevedi l-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni, u għal dan il-għan għandha:

(a) twaqqaf l-għamla u l-intervalli għax-xandir tat-tagħrif li għandu jingħata fi qbil ma' l-Artikolu 26 u tqis dan it-tagħrif kif ukoll ir-rapporti li jingħataw minn kull entità sussidjarja;

(b) tirrevedi l-parir xjentifiku, tekniku u teknoloġiku fuq id-diversità bijoloġika li hemm fi qbil ma' l-Artikolu 25;

(ċ) tqis u taddotta, kif meħtieġ, Protokolli fi qbil ma' l-Artikolu 28;

(d) tqis u taddotta, kif meħtieġ, fi qbil ma' l-Artikli 29 u 30, l-emendi għal din il-Konvenzjoni u l-Annessi tagħha;

(e) tqis emendi għal kull Protokoll, kif ukoll għal kull l-Anness tiegħu, u, jekk ikun deċiż hekk, tirrakkomanda l-adozzjoni tagħhom fil-partijiet għall-Protokoll ikkonċernat;

(f) tqis u taddotta, kif meħtieġ, fi qbil ma' l-Artikolu 30, l-Annessi addizzjonali għal din il-Konvenzjoni;

(g) tistabbilixxi dawn l-entitajiet sussidjarji, l-aktar biex tagħti l-parir xjentifiku u tekniku, skond kif ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni;

(g) tikkuntattja, permezz tas-Segretarjat, lill-entitajiet eżekuttivi tal-Konvenzjoni li jittrattaw materji koperti minn din il-Konvenzjoni bil-ħsieb li jitwaqqfu għamliet xierqa ta' koperazzjoni magħhom; u

(għ) tqis u tagħmel kull azzjoni żejda li tkun meħtieġa għall-kisba ta' l-għanijiet għal din il-Konvenzjoni fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba fit-tħaddim tagħha.

5. Il-Nazzjonijiet Uniti, l-aġenziji speċjalizzati tagħha u l-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika, kif ukoll kull Stat li ma jkunx Parti minn din il-Konvenzjoni, jistgħu jkunu rappreżentati bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet. Kull entità jew aġenzija oħra, governattiva jew non-governattiva, li tkun ikkwalifikata fl-oqsma marbuta mal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, li tkun għarrfet lis-Segretarjat dwar ix-xewqa tagħha li tkun rappreżentata bħala osservatur f'xi waħda mil-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet, tista' tkun preżenti, kemm-il darba ma jkunx hemm xi oġġezzjoni minn ta' l-anqas terz tal-Partijiet preżenti. Id-dħul u l-parteċipazzjoni ta' osservaturi għandhom ikunu suġġetti għar-regoli tal-proċedura addottati mill-Konferenza tal-Partijiet.

Artikolu 24

Is-Segretarjat

1. Hawnhekk qed jitwaqqaf is-Segretarjat. Il-funzjonijiet tiegħu għandhom ikunu:

(a) li jħejji u jirranġa l-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet li hemm ipprovduti fl-Artikolu 23;

(b) li jwettaq il-funzjonijiet mogħtija lilu minn kull Protokoll;

(ċ) iħejji rapporti fuq it-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu taħt din il-Konvenzjoni u jippreżentahom lill-Konferenza tal-Partijiet;

(d) jikkordina ma' entitajiet internazzjonali relevanti oħra, l-aktar biex jidħol f'arranġamenti amministrattivi u ta' appalti, skond kif ikun meħtieġ għat-twettiq effettiv tal-funzjonijiet tiegħu; u

(e) iwettaq funzjonijiet oħra skond kif jiġi stabbilit mill-Konferenza tal-Partijiet.

2. Fl-ewwel laqgħa ordinarja tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet għandha taħtar is-Segretarjat minn fost l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti li jkunu wrew bis-serjetà x-xewqa tagħhom li jwettqu l-funzjonijiet ta' segretarjat taħt din il-Konvenzjoni.

Artikolu 25

L-Entità sussidjarja fuq il-parir xjentifiku, tekniku u teknoloġiku

1. Qed titwaqqaf hawnhekk entità sussidjarja biex tipprovdi parir xjentifiku, tekniku u teknoloġiku lill-Konferenza tal-Partijiet u, kif xieraq, lill-entitajiet sussidjarji l-oħra tagħha b'parir maħdum tajjeb dwar meta għandha tkun implimentata din il-Konvenzjoni. Din l-entità għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni mill-Partijiet kollha u għandha tkun multidixxiplinari. Din għandu jkun fiha rappreżentanti tal-gvern li jkunu kompetenti fil-qasam relevanti tagħhom. Din għandha tirapporta regolarment lill-Konferenza tal-Partijiet fuq l-aspetti kollha tax-xogħol tagħha.

2. Taħt l-awtorità ta' u fi qbil mal-linjigwida stabbiliti mill-Konferenza tal-Partijiet, u fuq it-talba tagħha stess, din l-entità għandha:

(a) tipprovdi stimi xjentifiċi u tekniċi ta' l-istat tad-diversità bijoloġika;

(b) tħejji stimi xjentifiċi u tekniċi dwar l-effetti tat-tipi ta' miżuri meħuda fi qbil mad-disposizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni;

(ċ) tidentifika teknoloġiji u għarfien ġdid, effiċjenti u ta' livell għoli ħafna dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika u tagħti parir fuq kif għandu jitmexxa 'l quddiem l-iżvilupp u/jew it-trasferiment ta' dawn it-teknoloġiji;

(d) tagħti parir fuq programmi xjentifiċi u koperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp marbuta mal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika; u

(e) twieġeb għal domandi xjentifiċi, tekniċi, teknoloġiċi u metodoloġiċi li l-Konferenza tal-Partijiet u l-entitajiet sussidjarji tagħha jistgħu jistaqsuha.

3. Il-funzjonijiet, it-termini ta' referenza, l-organizzazzjoni u t-tħaddim ta' din l-entità jistgħu jiġu elaborati aktar mill-Konferenza tal-Partijiet.

Artikolu 26

Ir-Rapporti

Kull Parti Kontraenti għandha, f'intervalli stabbiliti mill-Konferenza tal-Partijiet, tippereżenta lill-Konferenza tal-Partijiet rapporti fuq il-miżuri li din tkun ħadet għall-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni u kemm dawn kienu effettivi biex jintlaħqu l-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 27

Is-Soluzzjoni ta' kwistjonijiet

1. Fil-każ ta' kwistjoni bejn il-Partijiet Kontraenti dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni, il-partijiet ikkonċernati għandhom jaslu għal soluzzjoni b'negozjati.

2. Jekk il-partijiet ikkonċernati ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim permezz ta' negozjati, dawn jistgħu ifittxu l-parir ta', jew inkella jitolbu li jkun hemm medjazzjoni minn, xi terza parti.

3. Meta Stat jew organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika jirratifikaw, jaċċettaw, japprovaw jew jaqblu ma' din il-Konvenzjoni, jew f'xi żmien ieħor minn hemm 'il quddiem, dawn jistgħu jiddikjaraw bil-miktub lid-depożitarju li, għal kwistjoni mhix solvuta fi qbil mal-paragrafu 1 jew 2, dawn ikunu qed jaċċettaw bħala obbligatorju wieħed mill-mezzi li ġejjin bħala l-mezz biex tissolva l-kwistjoni:

(a) arbitraġġ fi qbil mal-proċedura stabbilita fil-Parti 1 ta' l-Anness II;

(b) sottomissjoni tal-kwistjoni lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja.

4. Jekk il-partijiet li jkunu fil-kwistjoni ma jkunux, fi qbil mal-paragrafu 3, aċċettaw l-istess jew xi waħda minn dawn il-proċeduri, il-kwistjoni għandha tintbagħat għall-konċiljazzjoni fi qbil mal-Parti 2 ta' l-Anness II, kemm-il darba il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.

5. Id-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom jgħoddu għal kull Protokoll ħlief fejn ikun muri mod ieħor fil-Protokoll ikkonċernat.

Artikolu 28

Addozzjoni ta' Protokolli

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkoperaw fil-formulazzjoni u l-addozzjoni ta' Protokolli għal din il-Konvenzjoni.

2. Il-Protokolli għandhom jiġu addottati f'laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet.

3. It-test ta' kull Protokoll li jkun propost għandu jixxandar lill-Partijiet Kontraenti mis-Segretarjat mill-inqas sitt xhur qabel din il-laqgħa.

Artikolu 29

Emenedi fil-Konvenzjoni jew Protokolli

1. L-emendi għal din il-Konvenzjoni jistgħu jiġu proposti minn kull Parti Kontraenti. L-emendi għal kull Protokoll jistgħu jiġu proposti minn kull Parti għal dak il-Protokoll.

2. L-emendi għal din il-Konvenzjoni għandhom jiġu addottati f'laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet. L-emendi għal kull Protokoll għandhom jiġu addottati f'laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll in kwistjoni. It-test ta' kull emenda proposta għal din il-Konvenzjoni jew għal kull Protokoll, ħlief fejn ikun ipprovdut mod ieħor fil-Protokoll, għandu jixxandar lill-Partijiet, lill-istrument in kwistjoni, mis-Segretarjat mill-inqas sitt xhur qabel il-laqgħa li fiha dan ikun propost għall-addozzjoni. Is-Segretarjat għandu wkoll ixandar l-emendi proposti lill-firmatarji għal din il-Konvenzjoni għall-informazzjoni tagħhom.

3. Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz biex jintlaħaq ftehim b'konsensus fuq kull emenda proposta għal din il-Konvenzjoni jew għal kull Protokoll. Jekk l-isforzi kollha biex jintlaħaq kunsens ma jkunux intlaħqu, u allura ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim, l-emenda għandha, bħala l-aħħar mezz, tkun addottata b'vot ta' maġġoranza ta' żewġ-terzi tal-Partijiet, lill-istrument in kwistjoni, li jkunu preżenti u li jivvutaw waqt il-laqgħa. Dan għandu jingħata mid-Depożitarju lill-Partijiet kollha għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni.

4. Ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni ta' l-emendi għandhom jiġu avżati lid-Depożitarju bil-miktub. L-emendi addottati fi qbil mal-paragrafu 3 għandhom jidħlu fis-seħħ fost il-Partijiet li jkunu aċċettawhom fid-90 jum wara d-depożitu ta' l-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni mill-inqas ta' żewġ-terzi tal-Partijiet Kontraenti għal din il-Konvenzjoni jew tal-Partijiet għall-Protokoll ikkonċernat, ħlief fejn ikun ipprovdut mod ieħor fil-Protokoll. Minn hemm 'il quddiem, l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ għal kull Parti oħra fid-90 jum wara li dik il-Parti tkun iddepożitat l-istrument tagħha tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni ta' l-emendi.

5. Għall-għanijiet ta' dan l-Artikolu, "il-Partijiet preżenti u li jivvutaw" tfisser il-Partijiet li jkunu preżenti u li jitfgħu vot pożittiv jew negattiv.

Artikolu 30

L-Addozzjoni ta' u l-emendi fl-Annessi

1. L-Annessi għal din il-Konvenzjoni jew għal kull Protokoll għandhom jiffurmaw parti integrali tal-Konvenzjoni jew tal-Protokoll, skond il-każ, u, kemm-il darba ma jkunx indikat mod ieħor, ir-referenza għal din il-Konvenzjoni jew il-Protokolli tagħha għandha fl-istess waqt tkun tifforma referenza għall-Annessi miġjuba fiha. Dawn l-Annessi għandhom ikunu ristretti għal materji ta' proċedura, xjentifika, teknika u amministrattiva.

2. Ħlief fejn ikun ipprovdut mod ieħor fil-Protokoll dwar l-Annessi tiegħu, il-proċedura li ġejja għandha tgħodd għall-proposta, l-addozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta' l-Annessi addizzjonali għal din il-Konvenzjoni jew ta' l-Annessi għal kull Protokoll:

(a) l-Annessi għal din il-Konvenzjoni jew għal kull Protokoll għandhom ikunu proposti u addottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29;

(b) kull Parti li ma tkunx tista' tapprova l-Anness addizzjonali għal din il-Konvenzjoni jew l-Anness għal xi Protokoll li għalih din tkun Parti, din għandha tavża dwar dan lid-Depożitarju bil-miktub u fi żmien sena mid-data tal-komunikazzjoni ta' l-addozzjoni mid-Depożitarju. Id-Depożitarju għandu mingħajr dewmien javża lill-Partijiet kollha dwar kull avviż li hu jkun irċieva. Kull Parti tista' f'kull żmien tirtira dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni li tkun għamlet qabel u l-Annessi għandhom minn hemm 'il quddiem jidħlu fis-seħħ għal dik il-Parti, suġġett għas-sotto-paragrafu (ċ);

(ċ) meta tgħaddi s-sena mid-data tal-komunikazzjoni ta' l-addozzjoni mid-Depożitarju, l-Anness għandu jidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha, ta' dik il-Konvenzjoni jew ta' kull Protokoll ikkonċernat, li ma jkunu bagħtu l-ebda avviż, fi qbil mad-disposizzjonijiet tas-sotto-paragrafu (b).

3. Il-proposta, l-addozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta' l-emendi għall-Annessi għal din il-Konvenzjoni jew għal kull Protokoll għandha tkun suġġetta għall-istess proċedura li tapplika għall-proposta, l-addozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta' l-Annessi għall-Konvenzjoni jew l-Annessi għall-Protokoll.

4. Jekk l-Anness addizzjonali jew emenda għal xi l-Anness ikunu marbuta ma' xi emenda għal din il-Konvenzjoni jew xi Protokoll, l-Anness addizzjonali jew l-emenda m'għandhomx jidħlu fis-seħħ sa dak iż-żmien li l-emenda għall-Konvenzjoni jew il-Protokoll ikkonċernat tkun daħlet fis-seħħ.

Artikolu 31

Id-Dritt tal-vot

1. Ħlief fejn ipprovdut fil-paragrafu 2, kull Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni jew għal kull Protokoll għandha jkollha vot wieħed.

2. L-organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika, f'materji li jaqgħu fil-kompetenzi tagħhom, għandhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-vot b'numru ta' voti li jkun ugwali għal dak ta' l-Istati Membri tagħhom li jkunu Partijiet Kontraenti għal din il-Konvenzjoni jew il-Protokolli relevanti. Dawn l-organizzazzjonijiet m'għandhomx jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-vot jekk l-Istati Membri tagħhom jeżerċitaw il-vot tagħhom, u bil-maqlub.

Artikolu 32

Ir-Relazzjonijiet bejn din il-Konvenzjoni u l-Protokolli tagħha

1. Stat jew organizzazzjoni reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika jistgħu ma jsirux Parti għal Protokoll kemm-il darba dawn ma jkunux, jew ma jsirux fl-istess waqt, Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni.

2. Id-deċiżjonijiet taħt kull Protokoll għandhom jittieħdu biss mill-Partijiet għall-Protokoll ikkonċernat. Kull Parti Kontraenti li ma tkun irratifikat, aċċettat jew approvat Protokoll tista' tieħu sehem bħala osservatur f'kull laqgħa tal-Partijiet għal dak il-Protokoll.

Artikolu 33

Il-Firma

Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-firma f'Rio de Janeiro mill-Istati kollha u minn kull organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika mill-5 sa l-14 ta' Ġunju 1992, u fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York bejn il-15 ta' Ġunju 1992 sa l-4 ta' Ġunju 1993.

Artikolu 34

Ir-Ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni

1. Din il-Konvenzjoni u kull Protokoll għandhom ikunu suġġetti għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni mill-Istati u organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika. L-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni għandhom jiġu ddepożitati għand id-Depożitarju.

2. Kull organizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 li ssir Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni jew xi Protokoll, mingħajr ma l-ebda Stat Membru tagħha jkun Parti Kontraenti, għandha tkun marbuta bl-obbligi kollha taħt din il-Konvenzjoni jew Protokoll, skond il-każ. Fil-każ ta' dawn l-organizzazzjonijiet, wieħed mill-Istati Membri tagħha jew aktar, li jkunu Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni jew il-Protokoll relevanti, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jiddeċiedu fuq ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom marbuta mat-twettiq ta' l-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni jew Protokoll, skond il-każ. F'dawn il-każijiet, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri tagħha m'għandhomx ikunu awtorizzati jeżerċitaw id-drittijiet taħt il-Konvenzjoni jew il-Protokoll relevanti fl-istess waqt.

3. Fl-istrumenti tagħhom tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, l-organizzazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiddikjaraw sa fejn jaslu l-kompetenzi tagħhom dwar il-materji kkontrollati bil-Konvenzjoni jew il-Protokoll relevanti. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll jgħarrfu lid-Depożitarju dwar kull tibdil relevanti li jista' jkun hemm dwar sa fejn jaslu l-kompetenzi tagħhom.

Artikolu 35

L-Aċċess

1. Din il-Konvenzjoni u kull Protokoll għandhom ikunu miftuħa għall-aċċess mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika mid-data li fiha l-Konvenzjoni jew il-Protokoll ikkonċernat jingħalqu għall-firma. L-istrumenti ta' l-aċċess għandhom jiġu ddepożitati għand id-Depożitarju.

2. Fl-istrumenti tagħhom ta' l-aċċess, l-organizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiddikjaraw sa fejn jaslu l-kompetenzi tagħhom dwar il-materji kkontrollati bil-Konvenzjoni jew il-Protokoll relevanti. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll jgħarrfu lid-Depożitarju dwar kull tibdil relevanti li jista' jkun hemm dwar sa fejn jaslu l-kompetenzi tagħhom.

3. Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 34(2) għandhom jgħoddu għall-organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika li jaċċettaw din il-Konvenzjoni jew xi Protokoll partikolari.

Artikolu 36

Id-Dħul fis-seħħ

1. Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-90 jum wara d-data tad-depożitu ta' 30-il istrument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew aċċess.

2. Kull Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fid-90 jum wara li d-data tad-depożitu tan-numru ta' strumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew aċċess, kif speċifikat f'dak il-Protokoll, tkun ġiet iddepożitata.

3. Għal kull Parti Kontraenti li tirratifika, taċċetta jew tapprova din il-Konvenzjoni jew inkella taċċettaha wara d-depożitu tat-30-il strument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew aċċess, din għandha tidħol fis-seħħ fid-90 jum wara d-data tad-depożitu, minn kull Parti Kontraenti, ta' l-istrument tagħha ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew aċċess.

4. Kull Protokoll, ħlief fejn ikun ipprovdut mod ieħor fil-Protokoll, għandu jidħol fis-seħħ, għal Parti Kontraenti li tkun irratifikat, aċċettat jew approvat dak il-Protokoll jew taċċetah wara dħul fis-seħħ tiegħu skond il-paragrafu 2, fid-90 jum wara d-data li fiha dik il-Parti Kontraenti tkun iddepożitat l-istrument tagħha ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew aċċess, jew fid-data li fiha din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ għal dik il-Parti Kontraenti, liema minnhom tiġi l-aħħar.

5. Għall-għanijiet tal-paragrafi 1 u 2, kull strument iddepożitat minn organizzazzjoni reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika m'għandux jitqies bħala addizzjonali għal dawk iddepożitati mill-Istati Membri ta' dawk l-organizzazzjonijiet.

Artikolu 37

Riżervi

L-ebda riżervi ma jistgħu jsiru għal din il-Konvenzjoni.

Artikolu 38

Irtirar

1. F'kull żmien wara sentejn mid-data li fiha din il-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ għal Parti Kontraenti, dik il-Parti Kontraenti tista' tirtira mill-Konvenzjoni billi tibgħat avviż bil-miktub lid-Depożitarju.

2. Dan l-irtirat għandu jidħol fis-seħħ wara li tkun għaddiet sena mid-data li fiha d-Depożitarju jkun irċieva l-avviż, jew f'data aktar tard li tista' tiġi speċifikata fl-avviż ta' l-irtirat.

3. Kull Parti Kontraenti li tirtira minn din il-Konvenzjoni għandha titqies li tkun irtirat ukoll minn kull Protokoll li tiegħu din tkun tifforma parti.

Artikolu 39

Arranġamenti finanzjarji interim

Sakemm tkun ġiet ristrutturata b'mod sħiħ fi qbil mal-kriterji ta' l-Artikolu 21, il-Faċilità Globali ta' l-Ambjent tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-Ambjent u l-Bank Internazzjonali għar-Ristrutturar u l-Iżvilupp għandhom ikunu l-istruttura istituzzjonali msemmija fl-Artikolu 21 fuq bażi interim, għall-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni u l-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet jew sakemm il-Konferenza tal-Partijiet tiddeċiedi liema struttura istituzzjonali għandha tinħatar fi qbil ma' l-Artikolu 21.

Artikolu 40

L-Arranġamenti interim tas-Segretarjat

Is-Segretarjat li għandu jkun ipprovdut mid-Direttur Eżekuttiv tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent għandu jkun is-segretarjat imsemmi fl-Artikolu 24(2) fuq bażi interim għall-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni u l-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet.

Artikolu 41

Id-Depożitarju

Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jassumi l-funzjonijiet ta' Depożitarju ta' din il-Konvenzjoni u kull Protokoll.

Artikolu 42

Testi awtentiċi

It-testi oriġinali ta' din il-Konvenzjoni, li l-verżjoni tagħhom bl-Għarbi, iċ-Ċiniż, l-Ingliż, il-Franċiż, ir-Russu u l-Ispanjol huma awtentiċi ndaqs, għandhom jiġu ddepożitati għand is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

B'xiehda ta' dan hawn taħt iffirmat, li huwa awtorizzat kif xieraq biex jagħmel hekk, iffirma din il-Konvenzjoni.

Magħmula f'Rio de Janeiro fil-ħames jum ta' Ġunju, elf disa' mija u tnejn u disgħin.

--------------------------------------------------

ANNESS I

IDENTIFIKAZZJONI U ĦARSIEN

1. Ekosistemi u ambjenti: li jkollhom diversità kbira, numri kbar ta' speċi endemiċi jew mhedda, jew medda art moxa; meħtieġa minn speċi li jpassu; ta' importanza soċjali, ekonomika, kulturali jew xjentifika; jew, li jkunu rappreżentattivi, uniċi jew assoċjati ma' proċessi evoluzzjonarji ewlenin jew proċessi bijoloġiċi oħrajn;

2. speċi u komunitajiet li jkunu: mhedda; qraba salvaġġi ta' speċi ddomestikati jew ikkultivati; ta' valur mediċinali, agrikolu jew ekonomiku ieħor; jew ta' importanza soċjali, xjentifika jew kulturali; ta' importanza għar-riċerka fil-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, bħalma huma speċi indikaturi; u

3. il-ġenomi deskritti u l-ġene li jkunu ta' importanza soċjali, xjentifika jew ekonomika.

--------------------------------------------------

ANNESS II

PARTI 1

Arbitraġġ

Artikolu 1

Il-parti li tkun qed tagħmel it-talba għandha tavża lis-segretarjat li l-partijiet qed jirreferu kwistjoni għall-arbitraġġ skond l-Artikolu 27. L-avviż għandu jiddikjara l-materja tas-suġġett ta' l-arbitraġġ u jinkludi, l-aktar, l-Artikli tal-Konvenzjoni jew il-Protokoll, l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni li dwarhom hemm din il-kwistjoni. Jekk il-partijiet ma jaqblux fuq il-materja tas-suġġett tal-kwistjoni qabel ma jinħatar il-president tat-tribunal, it-tribunal ta' l-arbitraġġ għandu jistabbilixxi l-materja tas-suġġett. Is-segretarjat għandu jgħaddi t-tagħrif li jkun irċieva lill-Partijiet Kontraenti kollha ta' din il-Konvenzjoni jew il-Protokoll ikkonċernat.

Artikolu 2

1. Fi kwistjonijiet bejn żewġ partijiet, it-tribunal ta' l-arbitraġġ għandu jkun magħmul minn tliet membri. Kull waħda mill-partijiet li tkun fil-kwistjoni għandha taħtar arbitru u ż-żewġ arbitri maħtura għandhom jinnominaw bi ftehim komuni t-tielet arbitru, li dan għandu jkun il-president tat-tribunal. Dan ta' l-aħħar m'għandux ikun ċittadin ta' waħda mill-partijiet li jkunu fil-kwistjoni, lanqas m'għandu jkollu il-post tar-residenza tas-soltu tiegħu jew tagħha fit-territorju ta' waħda minn dawn il-partijiet, lanqas m'għandu jkun impjegat minn waħda minnhom, u lanqas ukoll ma kellu x'jaqsam mal-każ f'xi kapaċità oħra.

2. Fi kwistjonijiet bejn aktar minn żewġ partijiet, il-partijiet li jkunu fl-istess interess għandhom jaħtru arbitru konġunt bi ftehim.

3. Kull vojt għandu jimtela fil-manjiera preskritta għall-ħatra tal-bidu.

Artikolu 3

1. Jekk il-president tat-tribunal ta' l-arbitraġġ ma jkunx inħatar fi żmien xahrejn minn wara l-ħatra tat-tieni arbitru, is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu, fuq it-talba ta' parti, jaħtar il-president fi żmien xahrejn oħra.

2. Jekk waħda mill-partijiet li tkun fil-kwistjoni ma taħtarx arbitru fi żmien xahrejn minn mindu din tkun irċeviet it-talba, il-parti l-oħra għandha tgħarraf lis-Segretarju-Ġenerali, li dan għandu jagħmel din il-ħatra fi żmien xahrejn oħra.

Artikolu 4

It-tribunal ta' l-arbitraġġ għandu jagħti d-deċiżjonijiet tiegħu fi qbil mad-disposizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, kull Protokoll ikkonċernat, u l-liġi internazzjonali.

Artikolu 5

Kemm-il darba il-partijiet li jkunu fil-kwistjoni ma jaqblux mod ieħor, it-tribunal ta' l-arbitraġġ għandu jistabbilixxi ir-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 6

It-tribunal ta' l-arbitraġġ jista', fuq it-talba ta' waħda mill-partijiet, jirrakkomanda miżuri interim ta' protezzjoni li jkunu meħtieġa.

Artikolu 7

Il-partijiet li jkunu fil-kwistjoni għandhom iħaffu x-xogħol tat-tribunal ta' l-arbitraġġ u, l-aktar, waqt li jużaw il-mezzi kollha li huma disponibbli lilhom, għandhom:

(a) jipprovdulu d-dokumenti, it-tagħrif u l-faċilitajiet relevanti kollha; u

(b) jgħinuh, meta jkun meħtieġ, biex dan isejjaħ ix-xhieda jew l-esperti waqt li jilqa' l-provi tagħhom.

Artikolu 8

Il-partijiet u l-arbitri huma marbuta li jħarsu l-kunfidenzalità ta' kull tagħrif li huma jirċievu f'kunfidenza matul il-proċeduri tat-tribunal ta' l-arbitraġġ.

Artikolu 9

Kemm-il darba it-tribunal ta' l-arbitraġġ ma jiddeċidix mod ieħor minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, l-ispejjeż tat-tribunal għandhom jinġarru b'mod indaqs bejn il-partijiet li jkunu fil-kwistjoni. It-tribunal għandu jirreġistra l-ispejjeż kollha tiegħu, u għandu jipprovdi lill-partijiet prospett finali ta' dawn l-ispejjeż.

Artikolu 10

Kull Parti Kontraenti li jkollha interess ta' xejra legali fil-materja tal-kwistjoni li jista' b'xi mod jaffettwa d-deċiżjoni fil-każ, tista' tintervjeni fil-proċeduri bi qbil mat-tribunal.

Artikolu 11

It-tribunal jista' jisma' u jistabbilixxi kontro-talbiet li jkunu ġejjin direttament mis-suġġett tal-kwistjoni.

Artikolu 12

Id-deċiżjonijiet kemm fuq il-proċeduri u kemm fuq is-sustanza tat-tribunal ta' l-arbitraġġ għandhom jittieħdu b'vot ta' maġġoranza mill-membri tiegħu.

Artikolu 13

Jekk waħda mill-partijiet fil-kwistjoni ma tidhirx quddiem it-tribunal ta' l-arbitraġġ jew inkella tonqos milli tiddefendi l-każ tagħha, il-parti l-oħra tista' titlob lit-tribunal biex dan ikompli bil-proċeduri u jagħti d-deċiżjoni tiegħu. L-assenza ta' parti jew in-nuqqas ta' parti milli tiddefendi l-każ tagħha m'għandu joħloq l-ebda ostaklu għall-proċeduri. Qabel ma jagħti d-deċiżjoni aħħarija tiegħu, it-tibunal ta' l-arbitraġġ għandu jkun sodisfatt li t-talba tkun ippruvata sew skond il-fatti u l-liġi.

Artikolu 14

It-tribunal għandu jagħti d-deċiżjoni aħħarija tiegħu fi żmien ħamex xhur mid-data li fiha dan ikun ġie ffurmat b'mod sħiħ, kemm-il darba dan ma jsibx bħala meħtieġ li jestendi l-limitu taż-żmien għal perjodu ieħor li m'għandux ikun itwal minn ħames xhur.

Artikolu 15

Id-deċiżjoni aħħarija tat-tribunal ta' l-arbitraġġ għandha tkun illimitata għas-suġġett tal-kwistjoni u għandha tagħti r-raġunijiet li fuqhom din tkun ġiet ibbażata. Din għandu jkun fiha l-ismijiet tal-membri li ħadu sehem u d-data tad-deċiżjoni aħħarija. Kull membru tat-tribunal jista' jehmeż opinjoni separata jew differenti għad-deċiżjoni aħħarija.

Artikolu 16

Id-deċiżjoni għandha tkun torbot lill-partijiet li jkunu fil-kwistjoni. Din ma tistax tkun appellata, kemm-il darba l-partijiet li jkunu fil-kwistjoni ma jaqblux minn qabel biex ikun hemm proċedura ta' appell.

Artikolu 17

Kull kontroversja li jista' jkun hemm bejn il-partijiet li jkunu fil-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-mod kif se tkun implimentata d-deċiżjoni aħħarija, għandha tiġi sottomessa minn kull parti għal deċiżjoni mit-tribunal ta' l-arbitraġġ li jkun qajjimha.

PARTI 2

Il-Konċiljazzjoni

Artikolu 1

Għandha titwaqqaf kummissjoni ta' konċiljazzjoni fuq it-talba ta' waħda mill-partijiet li jkunu fil-kwistjoni. Il-kummissjoni għandha, kemm-il darba l-partijiet ma jaqblux mod ieħor, tkun magħmula minn ħames membri, tnejn maħtura minn kull parti kkonċernata u president magħżul b'mod konġunt minn dawk il-membri.

Artikolu 2

Fi kwistjonijiet bejn aktar minn żewġ partijiet, il-partijiet li jkunu fl-istess interess għandhom jaħtru bi ftehim konġunt il-membri tagħhom tal-kummissjoni. Fejn żewġ partijiet jew aktar ikollhom interessi separati jew ikun hemm nuqqas ta' qbil dwar jekk dawn għandhomx l-istess interess, dawn għandhom jaħtru l-membri tagħhom b'mod separat.

Artikolu 3

Jekk il-ħatriet mill-partijiet ma jsirux fi żmien xahrejn mid-data tat-talba biex titwaqqaf il-kummissjoni ta' konċiljazzjoni, is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu, jekk jintalab jagħmel hekk mill-parti li tkun għamlet it-talba, jagħmel dawk il-ħatriet fi żmien xahrejn oħra.

Artikolu 4

Jekk President ta' kummissjoni ta' konċiljazzjoni ma jkunx intgħażel fi żmien xahrejn mill-aħħar ħatra tal-membri tal-kummissjoni, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu, jekk jintalab jagħmel hekk minn xi parti, jaħtar President fi żmien xahrejn oħra.

Artikolu 5

Il-kumissjoni ta' konċiljazzjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b'vot ta' maġġoranza mill-membri tagħha. Din għandha, kemm-il darba l-partijiet li jkunu fil-kwistjoni ma jaqblux mod ieħor, tistabbilixxi l-proċedura tagħha. Din għandha tagħti proposta għar-riżoluzzjoni tal-kwistjoni, liema riżoluzzjoni l-partijiet għandhom iqisu in bona fede.

Artikolu 6

Jekk ikun hemm nuqqas ta' qbil dwar jekk il-kummissjoni ta' konċiljazzjoni għandhiex il-kompetenza meħtieġa, dan għandu jiġi deċiż mill-kummissjoni.

--------------------------------------------------

ANNESS B

DIKJARAZZJONI MILL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA FI QBIL MA' L-ARTIKOLU 34(3) TAL-KONVENZJONI FUQ ID-DIVERSITÀ BIJOLOĠIKA

Fi qbil mad-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, il-Komunità flimkien ma' l-Istati Membri tagħha għandha l-kompetenza li tieħu azzjonijiet maħsuba li jħarsu l-ambjent.

F'rabta mal-materji koperti bil-Konvenzjoni, il-Komunità addottat diversi strumenti legali, kemm bħala parti mill-politika tagħha dwar l-ambjent kif ukoll fil-qafas ta' politka settorjali oħra, li l-aktar importanti fosthom qed jidhru hawn taħt:

- id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat-3 ta' Diċembru 1981 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq il-konservazzjoni ta' l-annimali salvaġġi u l-ambjenti naturali Ewropej (ĠU L 38, ta' l-10.2.1982, p. 1),

- id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE ta' l-24 ta' Ġunju 1982 fuq il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq il-konservazzjoni ta' speċi ta' annimali salvaġġi li jpassu (ĠU L 210, tad-19.7.1982, p. 10),

- ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3626/82 tat-3 ta' Diċembru 1982 fuq l-implimentazzjoni fil-Komunità tal-Konvenzjoni fuq il-kummerċ internazzjonali ta' speċi ta' annimali u pjanti salvaġġi li huma fil-periklu (ĠU L 384, tal-31.12.1982, p. 1),

- id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 fuq il-konservazzjoni ta' għasafar salvaġġi (ĠU L 103, tal-25.4.1979, p. 1),

- id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 fuq il-konservazzjoni ta' l-ambjenti naturali u ta' l-annimali u pjanti salvaġġi (ĠU L 206, tat-22.7.1992, p. 7),

- id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 fuq il-valutazzjoni ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, tal-5.7.1985, p. 40),

- ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92 tat-30 ta' Ġunju 1992 fuq metodi tal-produzzjoni agrikola kumpatibbli mal-kriterji tal-protezzjoni ta' l-ambjent u ż-żamma tal-kampanja (ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 85),

- id-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/625/KEE ta' l-20 ta' Novembru 1989 fuq Programm Ewropew fuq ix-Xjenza u t-Teknoloġija għall-Ħarsien ta' l-Ambjent (XTĦA) (ĠU No L 359, tat-8.12.1989, p. 9),

- ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92 ta' l-20 ta' Diċembru 1992 li jwaqqaf sistema Komunitarja għall-postijiet tas-sajd u ta' l-akwakultura (ĠU L 389, tal-31.12.1992, p. 1),

- id-Direttiva tal-Kunsill 90/219/KEE tat-23 ta' April 1990 fuq l-użu ta' mikro-organiżmi mmodifikati ġenetikament (ĠU No L 117, tat-8.5.1990, p. 1),

- id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta' April 1990 fuq il-ħelsien maħsub ta' organiżmi mmodifikati ġenetikament fl-ambjent (ĠU L 117, tat-8.5.1990, p. 15),

- ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1973/92 tal-21 ta' Mejju 1992 li jwaqqaf strument finanzjarju għall-ambjent ("LIFE") (ĠU L 206, tat-22.7.1992, p. 1).

--------------------------------------------------

ANNESS Ċ

DIKJARAZZJONI MAGĦMULA FL-OKKAŻJONI TAR-RATIFIKA TAL-KONVENZJONI TAL-BIJODIVERSITÀ

Fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha jixtiequ jaffermaw mill-ġdid l-importanza li huma jagħtu lit-trasferimenti ta' teknoloġija u bioteknoloġija biex ikunu żgurati l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika. Il-konformità mad-drittjiet tal-proprjetà intellettwali tifforma element importanti ħafna għall-implimentazzjoni ta' politika dwar it-trasferiment ta' teknoloġija u l-investiment bi sħab.

Għall-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, it-trasferimenti ta' teknoloġija u l-aċċess għall-bioteknoloġija, kif imfisser fit-test tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika, għandhom isiru fi qbil ma' l-Artikolu 16 ta' din il-Konvenzjoni u fi qbil mal-prinċipji u r-regoli tal-ħarsien tal-proprjetà intellettwali, l-aktar il-ftehim multilaterali u bilaterali li jkunu ġew iffirmati jew innegozjati mill-partijiet kontraenti għal din il-Konvenzjoni.

Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jinkuraġġixxu l-użu tal-mekkaniżmu finanzjarju mwaqqaf bil-Konvenzjoni biex imexxu 'l quddiem it-trasferiment volontarju tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali miżmuma minn operaturi Ewropej, l-aktar dwar l-għoti ta' liċenzi, mekkaniżmi kummerċjali normali u deċiżjonijiet, waqt li jiżguraw il-ħarsien tajjeb u effettiv tad-drittjiet tal-proprjetà.

--------------------------------------------------

Top