EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02014R0652-20180101

Consolidated text: Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/652/2018-01-01

02014R0652 — MT — 01.01.2018 — 005.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) Nru 652/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Mejju 2014

li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE

(ĠU L 189 27.6.2014, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2016/1012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-8 ta' Ġunju 2016

  L 171

66

29.6.2016

►M2

REGOLAMENT (UE) 2016/2031 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta' Ottubru 2016

  L 317

4

23.11.2016

►M3

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/67 tal-4 ta' Novembru 2016

  L 9

2

13.1.2017

►M4

REGOLAMENT (UE) 2017/625 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta' Marzu 2017

  L 95

1

7.4.2017

►M5

REGOLAMENT (UE) 2017/2393 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-13 ta' Diċembru 2017

  L 350

15

29.12.2017


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 328, 12.12.2015, p.  126 (652/2014)

►C2

Rettifika, ĠU L 137, 24.5.2017, p.  40 (2017/625)




▼B

REGOLAMENT (UE) Nru 652/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Mejju 2014

li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE



TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI



KAPITOLU I

Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u objettivi

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma koperti mir-regoli tal-Unjoni:

(a) li jirregolaw l-ikel u s-sikurezza tal-ikel, f’kull stadju tal-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u r-rimi tal-ikel, inklużi r-regoli mmirati biex jiggarantixxu l-prattiki ġusti fil-kummerċ u jħarsu l-interessi u l-informazzjoni tal-konsumaturi, u l-manifattura u l-użu ta’ materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel;

(b) li jirregolaw l-għalf u s-sikurezza tal-għalf fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u r-rimi u l-użu tal-għalf, inklużi regoli mmirati biex jiggarantixxu l-prattiki ġusti fil-kummerċ u jħarsu l-interessi u l-informazzjoni tal-konsumaturi;

(c) li jistabbilixxu r-rekwiżiti għas-saħħa tal-annimali;

(d) li jistabbilixxu r-rekwiżiti għat-trattament xieraq tal-annimali;

(e) dwar il-miżuri protettivi kontra organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew il-prodotti tal-pjanti kif definit fil-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/29/KE (“pesti”);

(f) dwar il-produzzjoni, bil-ħsieb li jitqiegħdu fis-suq, u t-tqegħid fis-suq ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti;

(g) li jistabbilixxu r-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-użu sostenibbli tal-pestiċidi;

(h) li jimmiraw lejn il-prevenzjoni u l-imminimizzar tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali kkawżati minn prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati;

(i) li jirregolaw ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi ġenetikament modifikati;

(j) dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fir-rigward tal-varjetajiet ta’ pjanti kif ukoll il-konservazzjoni u l-iskambju ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti.

Artikolu 2

Objettivi

1.  In-nefqa msemmija fl-Artikolu 1 għandha timmira li tilħaq:

(a) l-objettiv ġenerali li tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ saħħa għall-bnedmin, l-annimali u l-pjanti tul il-katina tal-ikel u f’oqsma relatati, billi jiġu pprevenuti u meqruda l-mard u l-pesti, u billi tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u l-ambjent filwaqt li tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-ikel u tal-għalf fl-Unjoni tiffavorixxi l-ħolqien tal-impjiegi;

(b) l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(i) li tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sikurezza tal-ikel u tas-sistemi ta’ produzzjoni tal-ikel u ta’ prodotti oħra li jistgħu jaffettwaw is-sikurezza tal-ikel, filwaqt li ttejjeb is-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-ikel;

(ii) li tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-istatus tas-saħħa tal-annimali ogħla għall-Unjoni u li tappoġġa t-titjib tat-trattament xieraq tal-annimali;

(iii) li tikkontribwixxi għall-individwazzjoni f’waqtha tal-pesti u l-qerda tagħhom meta dawk il-pesti jkunu daħlu fl-Unjoni;

(iv) li tikkontribwixxi biex jitjiebu l-effikaċja, l-effiċjenza u l-affidabbiltà tal-kontrolli uffiċjali u attivitajiet oħra mwettqa fid-dawl tal-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 u l-konformità magħhom.

2.  Sabiex titkejjel il-kisba tal-objettivi speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1(b) għandhom jintużaw l-indikaturi li ġejjin:

(a) għall-objettiv speċifiku fil-paragrafu 1(b)(i), tnaqqis tal-għadd ta’ każijiet ta’ mard fil-bnedmin fl-Unjoni u li huma marbuta mas-sikurezza tal-ikel jew maż-żoonożi;

(b) għall-objettiv speċifiku fil-paragrafu 1(b)(ii):

(i) żieda fl-għadd ta’ Stati Membri jew ir-reġjuni tagħhom li huma ħielsa mill-mard tal-annimali li għalih tingħata kontribuzzjoni finanzjarja;

(ii) tnaqqis kumplessiv tal-parametri tal-mard bħalma huma l-inċidenza, il-prevalenza u l-għadd ta’ tifqigħat;

(c) għall-objettiv speċifiku fil-paragrafu 1(b)(iii):

(i) il-kopertura tat-territorju tal-Unjoni permezz ta’ stħarriġ għall-pesti, b’mod partikolari għall-pesti li l-preżenza tagħhom ma ġietx individwata fit-territorju tal-Unjoni u l-pesti meqjusa bħala l-aktar perikolużi għat-territorju tal-Unjoni;

(ii) iż-żmien u r-rata ta’ suċċess għall-qerda ta’ dawk il-pesti;

(d) għall-objettiv speċifiku fil-paragrafu 1(b)(iv), xejra favorevoli tar-riżultati tal-kontrolli f’oqsma partikolari ta’ tħassib imwettqa u rrapportati minn esperti tal-Kummissjoni fl-Istati Membri.



KAPITOLU II

Modi ta’ finanzjament u dispożizzjonijiet finanzjarji ġenerali

Artikolu 3

Modi ta’ finanzjament

1.  Il-finanzjament mill-Unjoni għan-nefqa msemmija fl-Artikolu 1 għandu jiġi implimentat b’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

2.  Meta jingħataw għotjiet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, dawn għandhom jiġu meqjusa bħala benefiċjarji identifikati fis-sens tal-Artikolu 128(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Tali għotjiet jistgħu jingħataw mingħajr sejħa għal proposti.

3.  Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament tista’ tieħu wkoll il-forma ta’ pagamenti volontarji lil organizzazzjonijiet internazzjonali, li tagħhom l-Unjoni hija membru jew li fil-ħidma tagħhom hija tipparteċipa, li huma attivi fl-oqsma koperti mir-regoli msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 4

Baġit

1.  Il-pakkett finanzjarju għan-nefqa msemmija fl-Artikolu 1 għall-perjodu 2014 – 2020 għandu jkun ta’ EUR 1 891 936 000 bil-prezzijiet attwali.

2.  Il-limitu massimu imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż relatati mal-attivitajiet ta’ tħejjija, monitoraġġ, kontroll, verifika u evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni u l-ksib tal-objettivi tan-nefqa msemmija fl-Artikolu 1, b’mod partikolari fir-rigward ta’ studji u laqgħat ta’ esperti, l-ispejjeż marbuta man-netwerks tat-teknoloġija tal-informazzjoni li jiffokaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, u l-ispejjeż l-oħra kollha ta’ assistenza teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni ta’ dik in-nefqa.

3.  Il-limitu massimu jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż ta’ assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni minn azzjonijiet adottati qabel għal azzjonijiet adottati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Jekk hu meħtieġ, l-approprjazzjoni tista’ tiddaħħal fil-baġit lil hinn mill-2020 biex tkopri spejjeż simili sabiex tippermetti l-ġestjoni tal-azzjonijiet li jkunu għadhom ma tlestewx sal-31 ta’ Diċembru 2020.

▼M5

4.  Fil-każ tal-approvazzjoni ta' azzjonijiet pluriennali, l-impenji baġitarji jistgħu jiġu diviżi f'pagamenti annwali. Fejn l-impenji baġitarji jiġu diviżi hekk, il-Kummissjoni għandha timpenja l-pagamenti annwali b'kont meħud tal-progress tal-azzjonijiet, l-istimi tal-ħtiġijiet u l-baġit disponibbli.

▼B

Artikolu 5

Rati massimi tal-għotjiet

1.  Meta l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tieħu l-forma ta’ għotja, din ma għandhiex taqbeż il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

2.  Ir-rata massima msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiżdied għal 75 % tal-ispejjeż eliġibbli fir-rigward ta’:

(a) attivitajiet transkonfinali implimentati flimkien minn żewġ Stati Membri jew aktar sabiex jikkontrollaw, jipprevjenu jew jeqirdu l-pesti jew il-mard tal-annimali;

(b) l-Istati Membri li l-introjtu nazzjonali gross tagħhom għal kull abitant abbażi tal-aħħar dejta tal-Eurostat ikun inqas minn 90 % tal-medja tal-Unjoni.

3.  Ir-rata massima msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiżdied għal 100 % tal-ispejjeż eliġibbli meta l-attivitajiet li jibbenefikaw mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni jkunu jikkonċernaw il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ riskji serji tas-saħħa tal-bnedmin, il-pjanti u l-annimali għall-Unjoni, u:

(a) huma mfassla biex jiġi evitat li jkun hemm vittmi umani jew tħarbit ekonomiku maġġuri għall-Unjoni kollha kemm hi;

(b) huma kompiti speċifiċi li huma indispensabbli għall-Unjoni kollha kemm hi kif ġie stabbilit mill-Kummissjoni fil-programm ta’ ħidma adottat skont l-Artikolu 36(1); jew

(c) huma implimentati f’pajjiżi terzi.



TITOLU II

DISPOSIZZJONIJIET FINANZJARJI



KAPITOLU I

Is-saħħa tal-annimali



Taqsima 1

Miżuri ta’ Emerġenza

Artikolu 6

Miżuri eliġibbli

1.  L-għotjiet jistgħu jingħataw lill-Istati Membri sar-rati massimi stabbiliti fl-Artikolu 5(1) sa (3) fir-rigward tal-miżuri meħuda bħala riżultat tal-konferma li okkorriet waħda mill-mard tal-annimali elenkati skont l-Artikolu 7, dment li l-miżuri jkunu ġew applikati immedjatament u d-dispożizzjonijiet applikabbli stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni jkunu ġew imħarsa. Tali għotjiet jistgħu jinkludu wkoll dawk l-ispejjeż imġarrba bħala riżultat ta’ okkorrenza suspettuża ta’ xi marda, kemm-il darba dik l-okkorrenza tal-marda ġiet sussegwentement ikkonfermata.

2.  Jistgħu jingħataw għotjiet lil Stati Membri fejn, wara l-konferma tal-okkorrenza ta’ waħda mill-mardiet tal-annimali elenkati skont l-Artikolu 7, żewġ Stati Membri jew aktar jikkollaboraw mill-qrib biex jikkontrollaw l-epidemija.

3.  Jistgħu jingħataw għotjiet lil Stati Membri, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni meħuda f’każ ta’ theddida diretta għall-istatus tas-saħħa tal-Unjoni b’riżultat tal-okkorrenza jew l-iżvilupp, fit-territorju ta’ pajjiż terz jew Stat Membru, ta’ waħda mill-mard tal-annimali u ż-żoonożi elenkati skont l-Artikoli 7 jew 10.

4.  L-għotjiet jistgħu jingħataw lill-Istati Membri fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi, fuq talba ta’ Stat Membru, li għandhom jistabbilixxu ħażniet ta’ prodotti bijoloġiċi maħsuba għall-kontroll tal-mard tal-annimali u taż-żoonożi elenkati skont l-Artikoli 7 jew 10.

5.  Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni tista’ tingħata għat-twaqqif ta’ ħażniet ta’ prodotti bijoloġiċi jew l-akkwist ta’ dożi ta’ vaċċin jekk l-okkorrenza jew l-iżvilupp f’pajjiż terz jew fi Stat Membru ta’ waħda mill-mard tal-annimali u taż-żoonożi elenkati skont l-Artikolu 7 jew 10, jistgħu jikkostitwixxu theddida għall-Unjoni.

Artikolu 7

Lista ta’ mard tal-annimali

1.  Il-lista ta’ mard tal-annimali li jikkwalifika għal finanzjament taħt l-Artikolu 6 hija stabbilita fl-Anness I.

2.  Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ddelegati, skont l-Artikolu 40, bil-għan li tissupplimenta l-lista ta’ mard tal-annimali msemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li jitqies il-mard tal-annimali li jrid jiġi notifikat b’konformità mad-Direttiva 82/894/KEE u l-mard li x’aktarx jikkostitwixxu theddida ġdida għall-Unjoni minħabba l-impatt sinifikanti tagħhom fuq:

(a) is-saħħa tal-bniedem;

(b) is-saħħa tal-annimali jew it-trattament xieraq tal-annimali; jew

(c) il-produzzjoni tal-agrikoltura jew tal-akkwakultura jew setturi relatati tal-ekonomija.

Artikolu 8

Spejjeż eliġibbli

1.  L-ispejjeż li ġejjin imġarrba mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 6(1) jistgħu jikkwalifikaw għal finanzjament taħt dak il-paragrafu:

(a) l-ispejjeż ta’ kumpens għas-sidien għall-valur tal-annimali tagħhom imbiċċra jew maqtula, fil-limitu tal-valur fis-suq ta’ tali annimali kieku ma ntlaqtux mill-marda;

(b) l-ispejjeż tat-tbiċċir u l-qtil tal-annimali u spejjeż tat-trasport relatati;

(c) l-ispejjeż ta’ kumpens lis-sidien għall-valur tal-prodotti meqruda tagħhom ta’ oriġini mill-annimali, fil-limitu tal-valur fis-suq ta’ dawk il-prodotti immedjatament qabel ma jkun inħoloq xi suspett tal-marda jew qabel dan is-suspett ikun ġie kkonfermat;

(d) l-ispejjeż ta’ tindif, diżinsettizzazzjoni u diżinfezzjoni tal-azjendi u tat-tagħmir, ibbażati fuq l-epidemjoloġija u l-karatteristiċi tal-patoġenu;

(e) l-ispejjeż għat-trasport u l-qerda tal-għalf kontaminat u, fejn ma jistax jiġi diżinfettat, it-tagħmir kontaminat;

▼C1

(f) l-ispejjeż tax-xiri, il-ħżin, il-ġestjoni jew id-distribuzzjoni tal-vaċċini u l-lixka kif ukoll l-ispejjeż tat-tilqim stess, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi jew tawtorizza tali azzjonijiet;

▼B

(g) l-ispejjeż tat-trasport u r-rimi tal-karkassi;

(h) f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, kull spiża oħra essenzjali għall-qerda tal-marda kif previst fid-deċiżjoni tal-finanzjament imsemmija fl-Artikolu 36(4) ta’ dan ir-Regolament.

2.  Kif imsemmi fl-Artikolu 130(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-ispejjeż għandhom ikunu eliġibbli mid-data tan-notifika tal-okkorrenza tal-marda mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. Dawn l-ispejjeż jistgħu jinkludu wkoll l-ispejjeż magħmula bħala riżultat ta’ okkorrenza suspettata ta’ marda bħal din, bil-kundizzjoni li dik il-okkorrenza tkun sussegwentement konfermata.

3.  Wara valutazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-pagamenti ppreżentata mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-impenji baġitarji korrispondenti u għandha tħallas in-nefqa eliġibbli.



Taqsima 2

Programmi għall-qerda, il-kontroll u s-sorveljanza tal-mard tal-annimali u taż-żoonożi

Artikolu 9

Programmi eliġibbli

Jistgħu jingħataw għotjiet lill-programmi nazzjonali annwali jew pluriennali tal-Istati Membri għall-qerda, il-kontroll u s-sorveljanza tal-mard tal-annimali u taż-żoonożi elenkati skont l-Artikolu 10 (“programmi nazzjonali”).

Artikolu 10

Lista ta’ mard tal-annimali u żoonożi

1.  Il-lista ta’ mard tal-annimali u żoonożi li jikkwalifikaw għal finanzjament skont l-Artikolu 9 hija stabbilita fl-Anness II.

2.  Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ddelegati, skont l-Artikolu 40, bil-għan li tissupplimenta l-lista tal-mard tal-annimali u ż-żoonożi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, billi tqis:

(a) is-sitwazzjoni ta’ mard tal-annimali li jkollu impatt sinifikanti fuq il-produzzjoni tal-bhejjem jew il-kummerċ;

(b) l-iżvilupp ta’ żoonożi li huma ta’ theddida għall-bnedmin; jew

(c) l-iżviluppi epidemjoloġiċi jew xjentifiċi ġodda.

Artikolu 11

Spejjeż eliġibbli

L-ispejjeż li ġejjin li jiġġarrbu mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali jistgħu jikkwalifikaw għall-għotjiet taħt l-Artikolu 9:

(a) l-ispejjeż tat-teħid ta’ kampjuni tal-annimali;

(b) l-ispejjeż tat-testijiet, bil-kondizzjoni li dawn ikunu limitati għal:

(i) spejjeż ta’ kits tat-testijiet, reaġenti u oġġetti konsumabbli li huma identifikabbli u speċifikament użati biex isiru dawk it-testijiet;

(ii) spejjeż tal-persunal, irrispettivament mill-istatus tiegħu, li jkun direttament involut fit-twettiq tat-testijiet;

(c) l-ispejjeż ta’ kumpens għas-sidien għall-valur tal-annimali tagħhom imbiċċra jew maqtula, fil-limitu tal-valur fis-suq ta’ tali annimali kieku ma ntlaqtux mill-marda;

(d) spejjeż tat-tbiċċir jew il-qtil tal-annimali;

(e) l-ispejjeż ta’ kumpens lis-sidien għall-valur tal-prodotti meqruda tagħhom ta’ oriġini mill-annimali, fil-limitu tal-valur fis-suq ta’ dawk il-prodotti immedjatament qabel ma jkun inħoloq xi suspett tal-marda jew qabel dan is-suspett ikun ġie kkonfermat;

▼C1

(f) l-ispejjeż tax-xiri, il-ħżin, it-tilqim, il-ġestjoni jew id-distribuzzjoni ta' dożi ta' vaċċin jew vaċċin u lixki użati għall-programmi;

▼B

(g) l-ispejjeż ta’ tindif, diżinfezzjoni, diżinsettizzazzjoni tal-azjenda u tat-tagħmir ibbażati fuq l-epidemjoloġija u l-karatteristiċi tal-patoġenu; u

(h) f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, l-ispejjeż li jiġġarrbu fl-implimentazzjoni ta’ miżuri neċessarji oħra għajr dawk imsemmija fil-punti minn (a) sa (g), sakemm tali miżuri jkunu stabbiliti fid-deċiżjoni tal-għotja msemmija fl-Artikolu 13(3) u (4).

Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel paragrafu, il-valur tal-irkupru tal-annimali, jekk ikun hemm, għandu jitnaqqas mill-kumpens.

Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu, il-valur tal-irkupru tal-bajd mhux inkubat ittrattat bis-sħana għandu jitnaqqas mill-kumpens.

Artikolu 12

Kontenut u preżentazzjoni tal-programmi nazzjonali

1.  Sal-31 ta’ Mejju, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-programmi nazzjonali li għandhom jinbdew fis-sena ta’ wara fir-rigward ta’ dawk li jixtiequ japplikaw għal għotja.

Il-programmi nazzjonali li jiġu ppreżentati wara l-31 ta’ Mejju ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-finanzjament fis-sena ta’ wara.

2.  Il-programmi nazzjonali għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a) deskrizzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-marda tal-annimali jew taż-żoonożi qabel id-data tal-bidu tal-programm;

(b) deskrizzjoni u demarkazzjoni taż-żoni ġeografiċi u amministrattivi li fihom għandu jiġi applikat il-programm;

(c) it-tul tal-programm;

(d) il-miżuri li se jiġu implimentati;

(e) l-istima baġitarja;

(f) il-miri li għandhom jintlaħqu sad-data tat-tmiem tal-programm u l-benefiċċji mistennija minnu; u

(g) l-indikaturi xierqa biex jitkejjel l-ilħiq tal-miri tal-programm.

F’kull programm nazzjonali pluriennali, l-informazzjoni msemmija fil-punti (b), (d) u (f) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi pprovduta għal kull sena koperta mill-programm, fil-każ ta’ tibdiliet sinifikanti meta mqabbla mas-sena preċedenti. L-informazzjoni msemmija fil-punt (e) ta’ dak is-subparagrafu għandha tiġi provduta għal kull sena koperta mill-programm.

3.  Jekk l-okkorrenza jew l-iżvilupp ta’ waħda mill-mardiet tal-annimali jew iż-żoonożi elenkati skont l-Artikolu 10 x’aktarx li jkunu ta’ theddida għall-istatus tas-saħħa tal-Unjoni u sabiex l-Unjoni titħares mill-introduzzjoni ta’ waħda minn dawn il-mardiet jew iż-żoonożi, l-Istati Membri jistgħu jinkludu fil-programmi nazzjonali tagħhom miżuri li għandhom jiġu implimentati fit-territorji ta’ pajjiżi terzi ġirien b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ dawk il-pajjiżi.

Artikolu 13

Evalwazzjoni u approvazzjoni tal-programmi nazzjonali

1.  Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-programmi nazzjonali b’kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet u l-kriterji stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali msemmija fl-Artikolu 36(1).

2.  Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena l-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri:

(a) il-lista tal-programmi nazzjonali appovati teknikament u proposti għal kofinanzjament;

(b) l-ammont provviżorju allokat għal kull programm;

(c) il-livell massimu provviżorju tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal kull programm; u

(d) kwalunkwe kondizzjoni provviżorja li għaliha tista’ tkun suġġetta l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

3.  Il-Kummissjoni għandha tapprova l-programmi nazzjonali annwali u l-finanzjament assoċjat sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, permezz ta’ deċiżjoni tal-għotja b’rabta mal-miżuri implimentati u l-ispejjeż imġarrba mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena. Wara l-preżentazzjoni tar-rapporti intermedji kif imsemmija fl-Artikolu 14, il-Kummissjoni tista’ temenda tali deċiżjonijiet jekk ikun meħtieġ fir-rigward tal-perjodu kollu ta’ eliġibbiltà.

4.  Il-Kummissjoni għandha tapprova l-programmi nazzjonali pluriennali u l-finanzjament assoċjat sal-31 ta’ Jannar tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-għotja b’rabta mal-miżuri implimentati u l-ispejjeż imġarrba mill-1 ta’ Jannar tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni sal-aħħar tal-perjodu ta’ implimentazzjoni.

▼M5 —————

▼B

Artikolu 14

Rappurtar

Għal kull programm nazzjonali annwali jew pluriennali approvat, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, rapport dettaljat tekniku u finanzjarju annwali. Dak ir-rapport għandu jkopri s-sena preċedenti inklużi r-riżultati miksuba, imkejla abbażi tal-indikaturi msemmija fl-Artikoli 12(2)(g) u rendikont dettaljat tal-ispejjeż eliġibbli mġarrba.

Barra minn hekk, għal kull programm ta’ stħarriġ nazzjonali annwali approvat, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, rapport finanzjarju intermedju.

Artikolu 15

Pagamenti

It-talba għal pagament għal sena partikolari fir-rigward ta’ programm nazzjonali għandha tiġi ppreżentata mill-Istat Membru lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April tas-sena ta’ wara.

Il-Kummissjoni għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-ispejjeż eliġibbli wara verifika xierqa tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 14.



KAPITOLU II

Is-saħħa tal-pjanti



Taqsima 1

Miżuri ta’ emerġenza

Artikolu 16

Miżuri eliġibbli

1.  L-għotjiet jistgħu jingħataw lill-Istati Membri sar-rati massimi stabbiliti fl-Artikolu 5(1) sa (3) għall-miżuri li ġejjin kontra l-pesti, suġġetti għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 17:

(a) il-miżuri biex jinqered pest minn żona infestata, meħuda mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva 2000/29/KE jew skont il-miżuri tal-Unjoni adottati skont l-Artikolu 16(3) ta’ dik id-Direttiva;

(b) il-miżuri biex jitrażżan pest, li jkunu ġew adottati miżuri ta’ trażżin tal-Unjoni kontrih skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29/KE, f’żona infestata li minnha dak il-pest ma jistax jinqered, meta dawk il-miżuri jkunu essenzjali biex jipproteġu lill-Unjoni kontra aktar tixrid ta’ dak il-pest. Dawk il-miżuri għandhom jikkonċernaw esklużivament il-qerda ta’ dak il-pest miż-żona ta’ lqugħ f’każ li l-preżenza tiegħu tiġi individwata f’dik iż-żona ta’ lqugħ;

(c) il-miżuri protettivi addizzjonali meħuda kontra t-tixrid ta’ pest, kontra liema ġew adottati miżuri tal-Unjoni skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29/KE, għajr il-miżuri ta’ qerda msemmija fil-punt (a) u l-miżuri ta’ trażżin imsemmija fil-punt (b), meta dawk il-miżuri jkunu essenzjali biex jipproteġu lill-Unjoni kontra aktar tixrid ta’ dak il-pest.

Għotjiet għall-miżuri msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu jistgħu jingħataw ukoll għall-miżuri meħuda bħala riżultat ta’ preżenza suspettuża ta’ xi pest, kemm-il darba dik il-preżenza tkun sussegwentement ġiet ikkonfermata.

2.  L-għotjiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jingħataw ukoll lil Stat Membru li fit-territorju tiegħu mhumiex preżenti l-pesti msemmija fil-paragrafu 1, fejn ittieħdu miżuri kontra d-dħul ta’ dawk il-pesti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minħabba l-preżenza tagħhom fi Stat Membru ġar jew f’pajjiż terz ġar li jkun eżatt ħdejn il-fruntieri tiegħu.

3.  Jistgħu jingħataw għotjiet lill-Istati Membri fejn, wara l-konferma tal-preżenza ta’ wieħed mill-pesti msemmija fl-Artikolu 17, żewġ Stati Membri jew aktar jikkollaboraw mill-qrib biex iwettqu l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.

4.  Jistgħu jingħataw ukoll għotjiet fir-rigward tal-miżuri msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 lil organizzazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 17

Kondizzjonijiet

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 16 jistgħu jikkwalifikaw għall-għotjiet sakemm ikunu ġew applikati minnufih u d-dispożizzjonijiet applikabbli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni ġew imħarsa, u sakemm waħda jew aktar minn dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew sodisfatti:

(a) dawn jikkonċernaw il-pesti elenkati fit-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness I għad-Direttiva 2000/29/KE u t-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness II tagħha;

(b) dawn jikkonċernaw pesti koperti b’miżura adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29/KE.

(c) dawn jikkonċernaw pesti li għalihom ikunu ġew adottati miżuri skont id-Direttivi 69/464/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE jew 2007/33/KE; jew

(d) dawn jikkonċernaw il-pesti, mhux elenkati fl-Anness I jew fl-Anness II għad-Direttiva 2000/29/KE, li huma suġġetti għal xi miżura adottata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/29/KE u li provviżorjament jikkwalifikaw biex jiġu elenkati fit-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness I għad-Direttiva 2000/29/KE u t-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness II tagħha.

Għall-miżuri li jissodisfaw il-kondizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu, l-għotja ma għandhiex tkopri l-ispejjeż imġarrba wara l-iskadenza tal-miżura adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29/KE.

Għall-miżuri li jissodisfaw il-kondizzjoni stabbilita fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu, l-għotja ma għandhiex tkopri l-ispejjeż imġarrba aktar tard minn sentejn mid-dħul fis-seħħ tal-miżura adottata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, jew imġarrba wara li jkun skada ż-żmien ta’ dik il-miżura.

Artikolu 18

Spejjeż eliġibbli

1.  L-ispejjeż li ġejjin imġarrba mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 16 jistgħu jikkwalifikaw għal għotjiet taħt dak l-Artikolu:

(a) l-ispejjeż tal-persunal, irrispettivament mill-istatus tiegħu, li jkun direttament involut fil-miżuri, kif ukoll l-ispejjeż ta’ kiri ta’ tagħmir, ta’ oġġetti konsumabbli u ta’ kull materjal ieħor meħtieġ, ta’ prodotti ta’ trattament, tal-kampjunar u tat-testijiet tal-laboratorju;

(b) l-ispejjeż tal-kuntratti tas-servizz ma’ partijiet terzi għall-implimentazzjoni ta’ parti mill-miżuri;

(c) l-ispejjeż ta’ kumpens lill-operaturi jew is-sidien ikkonċernati għat-trattament, il-qerda u t-tneħħija sussegwenti ta’ pjanti, ta’ prodotti tal-pjanti u ta’ oġġetti oħra, u għat-tindif u d-diżinfezzjoni tal-istabbiliment, l-art, l-ilma, il-ħamrija, il-mezzi ta’ tkabbir, il-faċilitajiet, il-makkinarju u t-tagħmir;

(d) l-ispejjeż ta’ kumpens lis-sidien għall-valur tal-pjanti, il-prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra li jkunu ġew meqruda suġġetti għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/29/KE, fil-limitu tal-valur tas-suq ta’ tali pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra kieku ma kinux ġew milquta minn dawk il-miżuri; il-valur tas-salvataġġ, jekk ikun il-każ, għandu jitnaqqas mill-kumpens; u

(e) f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, l-ispejjeż imġarrba fl-implimentazzjoni ta’ miżuri neċessarji oħra għajr dawk imsemmija fil-punti (a) sa (d), sakemm tali miżuri jkunu stabbiliti fid-deċiżjoni tal-finanzjament imsemmija fl-Artikolu 36(4).

Il-kumpens lis-sidien imsemmi fil-punt (c) għandu jkun eliġibbli biss jekk il-miżuri jkunu ġew implimentati taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti.

2.  Kif imsemmi fl-Artikolu 130(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-ispejjeż għandhom ikunu eliġibbli mid-data tan-notifika tal-preżenza tal-pesti mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. Dawn l-ispejjeż jistgħu jinkludu wkoll l-ispejjeż magħmula bħala riżultat tal-preżenza suspettata tal-pesti, sakemm dik il-preżenza tkun ikkonfermata wara.

3.  Wara valutazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-pagamenti ppreżentata mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-impenji baġitarji korrispondenti u l-pagament tan-nefqa eliġibbli.



Taqsima 2

Programmi ta’ stħarriġ dwar il-preżenza ta’ pesti

Artikolu 19

Programmi ta’ stħarriġ eliġibbli

L-għotjiet jistgħu jingħataw lill-Istati Membri għall-programmi ta’ stħarriġ annwali u pluriennali li jwettqu fir-rigward tal-preżenza tal-pesti (“programmi ta’ stħarriġ”), sakemm dawn il-programmi ta’ stħarriġ jikkonformaw mill-inqas ma’ waħda minn dawn il-kondizzjonijiet:

(a) li jkunu jikkonċernaw il-pesti elenkati fit-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness I għad-Direttiva 2000/29/KE u t-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness II tagħha;

(b) li jkunu jikkonċernaw pesti koperti b’miżura adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29/KE.

Għall-pesti msemmija fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, il-programmi ta’ stħarriġ għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju tad-dħul, l-istabbiliment u t-tixrid ta’ dawk il-pesti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u għandhom bħala minimu jimmiraw lejn il-pesti li joħolqu r-riskji ewlenin u l-ispeċijiet ta’ pjanti ewlenin li huma esposti għal dawn ir-riskji.

Għall-miżuri li jissodisfaw il-kondizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, l-għotja ma għandhiex tkopri l-ispejjeż li jkunu saru wara l-iskadenza tal-miżura adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29/KE.

Artikolu 20

Spejjeż eliġibbli

L-ispejjeż li ġejjin imġarrba mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ stħarriġ imsemmija fl-Artikolu 19 jistgħu jikkwalifikaw għal għotjiet taħt dak l-Artikolu:

(a) l-ispejjeż għat-teħid ta’ kampjuni;

(b) l-ispejjeż tat-testijiet, sakemm dawn ikunu limitati għal:

(i) spejjeż ta’ kits tat-testijiet, reaġenti u oġġetti konsumabbli li huma identifikabbli u jintużaw apposta biex jitwettqu t-testijiet;

(ii) spejjeż tal-persunal, irrispettivament mill-istatus tiegħu, li jkun direttament involut fit-twettiq tat-testijiet;

(c) f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, l-ispejjeż imġarrba fl-applikazzjoni ta’ miżuri neċessarji oħra għajr dawk imsemmija fil-punti minn (a) sa (b), sakemm tali miżuri jkunu stabbiliti fid-deċiżjoni tal-għotja msemmija fl-Artikolu 22(3) u (4).

Artikolu 21

Kontenut u preżentazzjoni tal-programmi ta’ stħarriġ

1.  Sal-31 ta’ Mejju, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-programmi ta’ stħarriġ li għandhom jinbdew fis-sena ta’ wara fir-rigward ta’ dak li jixtiequ japplikaw għal għotja.

Il-programmi ta’ stħarriġ li jiġu ppreżentati wara l-31 ta’ Mejju ma għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament fis-sena ta’ wara.

2.  Il-programmi ta’ stħarriġ għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a) il-pesti inklużi fil-programm;

(b) deskrizzjoni u demarkazzjoni taż-żoni ġeografiċi u amministrattivi li fihom għandu jiġi applikat il-programm u deskrizzjoni tal-istatus ta’ dawk iż-żoni fir-rigward tal-preżenza tal-pesti kkonċernati;

(c) it-tul tal-programm;

(d) l-għadd ta’ eżamijiet viżwali, kampjuni u testijiet skedati għall-pesti u l-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u l-oġġetti l-oħra kkonċernati;

(e) l-istima baġitarja;

(f) il-miri li għandhom jintlaħqu sad-data tat-tmiem tal-programm u l-benefiċċji mistennija minnu; u

(g) l-indikaturi xierqa biex jitkejjel l-ilħiq tal-miri tal-programm.

F’kull programm ta’ stħarriġ pluriennali, l-informazzjoni msemmija fil-punti minn (b), (d) u (f) tal-ewwel sottoparagrafu għandha tiġi provduta għal kull sena koperta mill-programm, fil-każ ta’ tibdil sinifikanti meta mqabbel mas-sena preċedenti. L-informazzjoni msemmija fil-punt (e) ta’ dak is-subparagrafu għandha tingħata għal kull sena koperta mill-programm.

Artikolu 22

Evalwazzjoni u approvazzjoni tal-programmi ta’ stħarriġ

1.  Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-programmi ta’ stħarriġ b’kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet u l-kriterji stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali msemmija fl-Artikolu 36(1).

2.  Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena:

(a) il-lista tal-programmi ta’ stħarriġ approvati teknikament u proposti għal kofinanzjament;

(b) l-ammont provviżorju allokat għal kull programm;

(c) il-livell massimu provviżorju tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal kull programm; u

(d) kwalunkwe kondizzjoni provviżorja li tista’ tkun suġġetta għaliha l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

3.  Il-Kummissjoni għandha tapprova l-programmi ta’ stħarriġ annwali u l-finanzjament assoċjat sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, permezz ta’ deċiżjoni tal-għotja b’rabta mal-miżuri implimentati u l-ispejjeż imġarrba mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena. Wara l-preżentazzjoni tar-rapporti intermedji kif imsemmija fl-Artikolu 23, il-Kummissjoni tista’ temenda, jekk ikun meħtieġ, tali deċiżjonijiet fir-rigward tal-perjodu kollu ta’ eliġibbiltà.

4.  Il-Kummissjoni għandha tapprova l-programmi ta’ stħarriġ pluriennali u l-finanzjament assoċjat sal-31 ta’ Jannar tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-għotja b’rabta mal-miżuri implimentati u l-ispejjeż imġarrba mill-1 ta’ Jannar tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni sal-aħħar tal-perjodu ta’ implimentazzjoni.

▼M5 —————

▼B

Artikolu 23

Rappurtar

Għal kull programm ta’ stħarriġ nazzjonali annwali jew pluriennali approvat, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, rapport annwali tekniku u finanzjarju dettaljat li jkopri s-sena preċedenti. Dak ir-rapport għandu jinkludi r-riżultati miksuba, imkejla abbażi tal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 21(2)(g) u rendikont dettaljat tal-ispejjeż eliġibbli mġarrba. Barra minn hekk, għal kull programm ta’ stħarriġ annwali approvat, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, rapport finanzjarju intermedju.

Artikolu 24

Pagamenti

It-talba għal pagament għal sena partikolari fir-rigward ta’ programm ta’ stħarriġ għandha tiġi ppreżentata mill-Istat Membru lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April tas-sena ta’ wara.

Il-Kummissjoni għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-ispejjeż eliġibbli wara verifika xierqa tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 23.



Taqsima 3

Programmi li jikkonċernaw il-kontroll tal-pesti fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni

Artikolu 25

Miżuri eliġibbli u spejjeż eliġibbli

1.  L-għotjiet jistgħu jingħataw lill-Istati Membri għal programmi li huma jwettqu għall-kontroll tal-pesti fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE b’konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 (“programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi”). Dawk l-għotjiet għandhom jikkonċernaw l-attivitajiet meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta f’dawk ir-reġjuni tar-regoli, sew jekk huma regoli tal-Unjoni u sew jekk regoli nazzjonali, li jkunu fis-seħħ f’dawk ir-reġjuni, dwar il-kontroll tal-pesti.

2.  L-ispejjeż li ġejjin imġarrba mill-Istati Membri għal programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi jistgħu jikkwalifikaw għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni:

(a) l-ispejjeż tal-persunal, ikun xi jkun l-istatus tiegħu, direttament involut fl-implimentazzjoni tal-miżuri, kif ukoll l-ispejjeż tal-kiri tat-tagħmir, tal-oġġetti konsumabbli, tal-prodotti ta’ trattament;

(b) l-ispejjeż tal-kuntratti tas-servizz ma’ partijiet terzi għat-twettiq ta’ parti mill-miżuri;

(c) l-ispejjeż tat-teħid ta’ kampjuni;

(d) l-ispejjeż tat-testijiet, sakemm dawn ikunu limitati għal:

(i) l-ispejjeż ta’ kits tat-testijiet, reaġenti u oġġetti konsumabbli li huma identifikabbli u jintużaw apposta biex iwettqu t-testijiet;

(ii) l-ispejjeż tal-persunal, irrispettivament mill-istatus tiegħu, li jkun direttament involut fit-twettiq tat-testijiet.

Artikolu 26

Kontenut u preżentazzjoni tal-programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi

1.  Sal-31 ta’ Mejju, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi li għandhom jinbdew fis-sena ta’ wara fir-rigward ta’ dawk li jixtiequ japplikaw għal għotja.

Il-programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi ppreżentati wara l-31 ta’ Mejju ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-finanzjament fir-rigward tas-sena ta’ wara.

2.  Il-programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a) il-pesti inklużi fil-programm;

(b) deskrizzjoni u demarkazzjoni taż-żoni ġeografiċi u amministrattivi li fihom għandu jiġi applikat il-programm u deskrizzjoni tal-istatus ta’ dawk iż-żoni fir-rigward tal-preżenza tal-pesti kkonċernati;

(c) analiżi teknika tas-sitwazzjoni fitosanitarja reġjonali;

(d) it-tul tal-programm;

(e) l-attivitajiet inklużi fil-programm u, meta rilevanti, l-għadd ta’ eżamijiet viżwali, kampjuni u testijiet skedati għall-pesti u l-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra kkonċernati;

(f) l-istima baġitarja;

(g) il-miri li għandhom jintlaħqu sad-data tat-tmiem tal-programm u l-benefiċċji mistennija minnu; u

(h) l-indikaturi xierqa biex jitkejjel l-ilħiq tal-miri tal-programm.

F’kull programm pluriennali għar-reġjuni ultraperiferiċi, l-informazzjoni msemmija fil-punti minn (b), (e) u (g) tal-ewwel sottoparagrafu għandha tiġi provduta għal kull sena koperta mill-programm, fil-każ ta’ tibdiliet sinifikanti meta mqabbel mas-sena preċedenti. L-informazzjoni msemmija fil-punt (f) ta’ dak is-subparagrafu għandha tiġi provduta għal kull sena koperta mill-programm.

Artikolu 27

Evalwazzjoni u approvazzjoni tal-programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi

1.  Il-programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jiġu evalwati billi jitqiesu l-prijoritajiet u l-kriterji stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali msemmija fl-Artikolu 36(1).

2.  Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena:

(a) il-lista tal-programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi approvati teknikament u proposti għal kofinanzjament;

(b) l-ammont provviżorju allokat għal kull programm;

(c) il-livell massimu provviżorju tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal kull programm; u

(d) kwalunkwe kondizzjoni provviżorja li tista’ tkun suġġetta għaliha l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

3.  Il-programmi annwali għar-reġjuni ultraperiferiċi u l-finanzjament assoċjat għandhom jiġu approvati sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena permezz ta’ deċiżjoni tal-għotja b’rabta mal-miżuri implimentati u l-ispejjeż imġarrba mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena. Wara l-preżentazzjoni tar-rapporti intermedji kif imsemmija fl-Artikolu 28, il-Kummissjoni tista’ temenda tali deċiżjonijiet, jekk ikun meħtieġ, fir-rigward tal-perjodu kollu ta’ eliġibbiltà.

4.  Il-programmi pluriennali għar-reġjuni ultraperiferiċi u l-finanzjament assoċjat għandhom jiġu approvati sal-31 ta’ Jannar tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-għotja b’rabta mal-miżuri implimentati u l-ispejjeż imġarrba mill-1 ta’ Jannar tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni sal-aħħar tal-perjodu ta’ implimentazzjoni.

▼M5 —————

▼B

Artikolu 28

Rappurtar

Għal kull programm annwali jew pluriennali għar-reġjuni ultraperiferiċi approvat, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, rapport annwali tekniku u finanzjarju dettaljat tas-sena preċedenti. Dak ir-rapport għandu jinkludi r-riżultati miksuba mkejla abbażi tal-indikaturi msemmija fil-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) u rendikont dettaljat tal-ispejjeż eliġibbli mġarrba.

Barra minn hekk, għal kull programm annwali għar-reġjuni ultraperiferiċi approvat, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, rapport finanzjarju intermedju.

Artikolu 29

Pagamenti

It-talba għal pagament għal sena partikolari fir-rigward ta’ programm għar-reġjuni ultraperiferiċi għandha tiġi ppreżentata mill-Istat Membru lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April tas-sena ta’ wara.

Il-Kummissjoni għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-ispejjeż eliġibbli wara verifika xierqa tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 28.



KAPITOLU III

Appoġġ finanzjarju għal kontrolli uffiċjali u attivitajiet oħra

Artikolu 30

▼M1

Laboratorji u ċentri ta' referenza tal-Unjoni Ewropea

▼M4

1.  Biex ikopru l-ispejjeż imġarrba għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma approvati mill-Kummissjoni, jistgħu jingħataw għotjiet lil:

(a) il-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 93 tar-Regolament ►C2  (UE) 2017/625 ◄ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) u liċ-ċentri ta' referenza tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

(b) iċ-ċentri ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali msemmija fl-Artikolu 95 tar-Regolament ►C2  (UE) 2017/625 ◄ ;

(c) iċ-ċentri ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-awtentiċità u l-integrità tal-katina agroalimentari msemmija fl-Artikolu 97 tar-Regolament ►C2  (UE) 2017/625 ◄ .

▼B

2.  L-ispejjeż li ġejjin jistgħu jkunu eliġibbli għal għotjiet skont il-paragrafu 1:

▼M1

(a) spejjeż tal-persunal, irrispettivament mill-istatus tagħhom, li jkunu direttament involuti f'attivitajiet tal-laboratorji jew taċ-ċentri, u li jiġu mwettqa fil-kapaċità tagħhom bħala laboratorju jew ta' ċentru ta' referenza tal-Unjoni Ewropea;

▼B

(b) l-ispejjeż ta’ tagħmir kapitali;

(c) l-ispejjeż ta’ oġġetti konsumabbli;

(d) l-ispejjeż tat-twassil ta’ kampjuni, missjonijiet, laqgħat, attivitajiet ta’ taħriġ.

▼M4

Artikolu 30a

Akkreditazzjoni ta' laboratorji ta' referenza nazzjonali għas-saħħa tal-pjanti

1.  Jistgħu jingħataw għotjiet lil-laboratorji ta' referenza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 100 tar-Regolament ►C2  (UE) 2017/625 ◄ għall-ispejjeż imġarrba għall-ksib tal-akkreditazzjoni skont l-istandard EN ISO/IEC 17025 dwar “Rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza ta' laboratorji fl-ittestjar u l-kalibrazzjoni” għall-użu ta' metodi ta' analiżi, ittestjar u dijanjosi tal-laboratorju għall-verifika tal-konformità mar-regoli dwar miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti.

2.  Jistgħu jingħataw għotjiet lil laboratorju ta' referenza nazzjonali uniku f'kull Stat Membru għal kull laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għas-saħħa tal-pjanti, sa tliet snin wara l-għażla ta' dak il-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea.

▼B

Artikolu 31

Taħriġ

1.  L-Unjoni tista’ tiffinanzja t-taħriġ tal-persunal tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-kontrolli uffiċjali, kif imsemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, sabiex jiġi żviluppat approċċ armonizzat għall-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti.

2.  Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa programmi ta’ taħriġ li jidentifikaw il-prijoritajiet għall-intervent, ibbażati fuq ir-riskji identifikati għas-saħħa pubblika, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti.

3.  Sabiex ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-konoxxenza miksuba permezz tal-attivitajiet ta’ taħriġ imsemmija f’dak il-paragrafu tinxtered kif meħtieġ u li tintuża b’mod xieraq fil-programmi ta’ taħriġ nazzjonali.

4.  L-ispejjeż li ġejjin jistgħu jkunu eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1:

(a) l-ispiża tal-organizzazzjoni tat-taħriġ, inkluż taħriġ li huwa miftuħ ukoll għal parteċipanti minn pajjiżi terzi, jew tal-attivitajiet ta’ skambju;

(b) l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni u s-sussistenza ta’ kuljum tal-persunal tal-awtoritajiet kompetenti li jieħdu sehem fit-taħriġ.

Artikolu 32

Esperti mill-Istati Membri

Tista’ tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni u tas-sussistenza ta’ kuljum imġarrba mill-esperti tal-Istati Membri b’riżultat tal-ħatra tagħhom mill-Kummissjoni biex jgħinu lill-esperti tagħha kif previst fl-Artikoli 45(1) u 46(1) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

Artikolu 33

Pjanijiet ta’ kontroll koordinati u ġbir tad-dejta

1.  L-għotjiet jistgħu jingħataw lill-Istati Membri għall-ispejjeż imġarrba għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ kontroll koordinati msemmija fl-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u għall-ġbir tad-dejta.

2.  L-ispejjeż segwenti jistgħu jikkwalifikaw għal tali għotjiet:

(a) l-ispejjeż tat-teħid ta’ kampjuni u tat-testijiet tal-laboratorju;

(b) l-ispiża tat-tagħmir meħtieġ biex jitwettqu l-ħidmiet tal-kontroll uffiċjali u tal-ġbir tad-dejta.



KAPITOLU IV

Miżuri oħra

Artikolu 34

Sistemi ta’ ġestjoni tal-informazzjoni

1.  L-Unjoni għandha tiffinanzja l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ bażijiet ta’ dejta u sistemi kompjuterizzati għall-ġestjoni tal-informazzjoni ġestiti mill-Kummissjoni, li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tar-regoli msemmija fl-Artikolu 1.

2.  Tista’ tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ bażijiet ta’ dejta u sistemi kompjuterizzati għall-ġestjoni tal-informazzjoni ta’ partijiet terzi, inklużi organizzazzjonijiet internazzjonali, dment li dawk il-bażijiet ta’ dejta u sistemi kompjuterizzati għall-ġestjoni tal-informazzjoni:

(a) ikunu taw prova tal-valur miżjud għall-Unjoni kollha kemm hi u jkunu disponibbli fl-Unjoni kollha għall-utenti kollha interessati; u

(b) ikunu meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tar-regoli msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 35

Implimentazzjoni u adattament tar-regoli

1.  L-Unjoni tista’ tiffinanzja l-ħidma teknika u xjentifika, inklużi studji u attivitajiet ta’ koordinament, meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tar-regoli fir-rigward tal-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 u l-adattament ta’ dawk ir-regoli għall-iżviluppi xjentifiċi, teknoloġiċi u soċjali.

Tista’ tingħata wkoll kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lill-Istati Membri jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali li joperaw fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 sabiex iwettqu attivitajiet b’appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-regoli fir-rigward ta’ dawk l-oqsma.

2.  Jistgħu jingħataw għotjiet għal proġetti organizzati minn Stat Membru wieħed jew aktar bl-għan li titjieb, permezz tal-użu ta’ tekniki u protokolli innovattivi, il-prestazzjoni effiċjenti tal-kontrolli uffiċjali.

3.  Tista’ tingħata wkoll kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni bħala appoġġ għall-inizjattivi ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni mill-Unjoni u l-Istati Membri mmirati biex jiżguraw mġiba mtejba, konformi u sostenibbli fl-implimentazzjoni tar-regoli fir-rigward tal-oqsma msemmija fl-Artikolu 1.



TITOLU III

IPPROGRAMMAR, IMPLIMENTAZZJONI U KONTROLL

Artikolu 36

Programmi ta’ ħidma u kontribuzzjonijiet finanzjarji

1.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali komuni jew separati għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fit-Titolu II, għajr il-Kapitolu I, Taqsima 1, u l-Kapitolu II, Taqsima 1 tagħhom. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2)

2.  Il-programmi ta’ ħidma msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jistabbilixxu l-objetttivi operazzjonali segwiti, li għandhom ikunu konformi mal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 2, ir-riżultati mistennija, il-metodu ta’ implimentazzjoni u l-ammont totali tagħhom. Dawn għandhom jinkludu wkoll deskrizzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull miżura u skeda ta’ żmien indikattiva għall-implimentazzjoni. Fir-rigward tal-għotjiet dawn għandhom jinkludu l-azzjonijiet prijoritarji, il-kriterji ta’ evalwazzjoni, ir-rata ta’ finanzjament u l-lista indikattiva tal-miżuri eliġibbli u l-ispejjeż, skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

3.  Il-programmi ta’ ħidma għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fit-Titolu II, Kapitolu I, Taqsima 2, u fit-Titolu II, Kapitolu II, Taqismiet 2 u 3, għandhom jiġu adottati sat-30 ta’ April tas-sena qabel l-eżekuzzjoni tagħhom, kemm-il darba jiġi adottat l-abbozz ta’ baġit. Dawk il-programmi ta’ ħidma għandhom jirriflettu l-prijoritajiet kif stabbiliti fl-Anness III għal dan ir-Regolament.

4.  Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza msemmija fit-Titolu II, Kapitolu I, Taqsima 1, u fit-Titolu II, Kapitolu II, Taqsima 1, jew meta jkun meħtieġ reazzjoni għall-iżviluppi mhux prevedibbl, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu d-deċiżjoni tagħha dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2).

5.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-proċeduri għas-sottomissjoni mill-Istati Membri ta’ applikazzjonijiet, rapporti u talbiet għal pagament għall-għotjiet imsemmija fit-Titolu II, Kapitolu I, Taqsimiet 1 u 2, u fit-Titolu II, Kapitolu II, Taqsimiet 1, 2 u 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 41(2).

Artikolu 37

Verifiki fil-post mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tista’ torganizza verifiki fil-post fl-Istati Membri u fl-istabbilimenti tal-benefiċjarji bil-ħsieb li tivverifika b’mod partikolari:

(a) l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri li jibbenefikaw mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni;

(b) il-konformità tal-prattiki amministrattivi mar-regoli tal-Unjoni;

(c) l-eżistenza ta’ dokumenti ġustifikattivi meħtieġa u l-korrelazzjoni tagħhom mal-miżuri li jibbenefikaw minn kontribuzzjoni tal-Unjoni.

Artikolu 38

Aċċess għall-informazzjoni

L-Istati Membri u l-benefiċjarji għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jivverifikaw l-implimentazzjoni tal-miżuri u għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiffaċilitaw il-kontrolli li l-Kummissjoni tqis li huma xierqa b’rabta mal-ġestjoni tal-finanzjament tal-Unjoni, li jinkludu verifiki fil-post.

Artikolu 39

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura li, meta l-miżuri ffinanzjati skont dan ir-Regolament jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, fejn jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-fondi mħallsa bi żball u, meta jkun xieraq, permezz ta’ penali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.  Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandhom is-setgħa li jagħmlu awditjar, fuq il-bażi ta’ dokumenti u fil-post, fuq il-benefiċjarji kollha tal-għotjiet ta’ flus, il-korpi ta’ implimentazzjoni, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi li jkunu rċevew fondi mill-Unjoni skont dan ir-Regolament.

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) huwa awtorizzat li jagħmel verifiki u ispezzjonijiet fuq il-post fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati direttament jew indirettament minn tali finanzjament skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 ( 3 ) bl-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni jew kuntratt li jikkonċernaw il-finanzjament tal-Unjoni.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel u t-tieni sottoparagrafi, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, ftehimiet ta’ għotja, deċiżjonijiet ta’ għotja u kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jagħtu s-setgħa b’mod espliċitu lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu awditjar, verifiki u ispezzjonijiet fil-post.



TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 40

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati kif imsemmija fl-Artikoli 7(2) u 10(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ seba’ snin mit-30 ta' Ġunju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ seba’ snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw tali estensjoni sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 7(2) u 10(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 10(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 41

Proċedura ta’ kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf stabbilit bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn ikun meħtieġ li tinkiseb l-opinjoni tal-kumitat permezz ta’ proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta’ żmien għall-ħruġ tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk, jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat jitolbu hekk.

Artikolu 42

Evalwazzjoni

1.  Sat-30 ta’ Ġunju 2017 il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu dwar jekk, f’termini tar-riżultati u l-impatti tagħhom, il-miżuri msemmija fil-Kapitoli I u II tat-Titolu II u fl-Artikoli 30 u 31 tal-Kapitolu III jilħqux l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2(1), fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud tagħhom, fil-livell tal-Unjoni. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jindirizza wkoll l-iskop għas-simplifikazzjoni, il-kontinwazzjoni tar-rilevanza tal-objettivi kollha, u l-kontribuzzjoni tal-miżuri għall-prijoritajiet tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Din għandha tqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni dwar l-impatt fit-tul tal-miżuri li jkunu ttieħdu qabel. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattivi biex jiġi emendat dan ir-Regolament.

2.  Sat-30 ta’ Ġunju 2022 il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ex-post tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. L-evalwazzjoni ex-post għandha teżamina l-effikaċja u l-effiċjenza tan-nefqa msemmija fl-Artikolu 1 u l-impatt tagħha.

3.  L-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom iqisu l-progress li sar billi jintużaw l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 2(2).

4.  Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 43

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.  Fejn ikun xieraq, il-benefiċjarji u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li ssir pubbliċità adegwata għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija skont dan ir-Regolament sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf bir-rwol tal-Unjoni fil-finanzjament tal-miżuri.

2.  Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni dwar il-miżuri ffinanzjati u r-riżultati. Barra minn hekk, il-baġit allokat għall-komunikazzjoni skont dan ir-Regolament għandu jkopri wkoll il-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni.

Artikolu 44

Tħassir

1.  Id-Deċiżjonijiet 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE jitħassru.

2.  Ir-referenzi għad-Deċiżjonijiet 66/399/KEE u 76/894/KEE għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

3.  Ir-referenzi għad-Deċiżjoni 2009/470/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament

Artikolu 45

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.  Il-programmi nazzjonali tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-Regolament, sottomessi lill-Kummissjoni fl-2012 għall-implimentazzjoni fl-2013, dawk sottomessi fl-2013 għall-implimentazzjoni fl-2014, u dawk sottomessi sat-30 ta’ April 2014 għall-implimentazzjoni fl-2015, għandhom, jekk ikunu approvati, ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni abbażi tal-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE.

Għall-programmi nazzjonali implimentati fl-2013 u l-2014, l-Artikolu 27(7) u (8) ta’ dik id-Deċiżjoni għandhom ikomplu japplikaw.

Għall-programmi nazzjonali implimentati fl-2015, l-Artikolu 27(2) ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jkompli japplika.

2.  Il-programmi ta’ stħarriġ tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament, sottomessi lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April 2014 għall-implimentazzjoni fis-sena 2015, għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni abbażi tal-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2000/29/KE. Għal dawk il-programmi ta’ stħarriġ għandu jkompli japplika l-Artikolu 23(6) ta’ dik id-Direttiva.

3.  Għall-applikazzjonijiet mill-Istati Membri għal finanzjament mill-Unjoni għall-miżuri ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament, sottomessi lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April 2014, għandhom ikomplu japplikaw l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2000/29/KE.

Artikolu 46

Emenda għad-Direttiva 98/56/KE

Id-Direttiva 98/56/KE hija emendata kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 17, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘1.  Il-Kumitat għandu jkun megħjun mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf stabbilit bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 ). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *2 ).

(2) Fl-Artikolu 18, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf stabbilit bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”.

Artikolu 47

Emenda għad-Direttiva 2000/29/KE

Id-Direttiva 2000/29/KE hija emendata kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 13c jitħassar il-paragrafu 5.

▼M2

(2) Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 15a

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li kull min ikun konxju mill-preżenza ta' pest elenkat fl-Anness I jew l-Anness II jew pest kopert minn miżura skont l-Artikolu 16(2) jew 16(3), jew għandu raġuni li jissuspetta tali preżenza, għandu jinnotifika immedjatament lill-awtorità kompetenti, u, jekk dan ikun mitlub minn dik l-awtorità kompetenti, għandu jipprovdi l-informazzjoni li tikkonċerna dik il-preżenza li tkun fil-pussess tiegħu. Fejn in-notifika ma tiġix ippreżentata bil-miktub, l-awtorità kompetenti għandha tirreġistraha b'mod uffiċjali.”.

▼B

(3) L-Artikoli minn 22 sa 26 jitħassru.

Artikolu 48

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 178/2002

Fl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, minn hawn ‘il quddiem jissemma bħala il-“Kumitat”. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *3 ). Il-Kumitat għandu jkun organizzat f’taqsimiet biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha rilevanti.

Ir-referenzi kollha fid-dritt tal-Unjoni għall-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-Kumitat imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 49

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 882/2004

L-Artikolu 66 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jitħassar.

Artikolu 50

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 396/2005

Il-Kapitolu VII tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 jitħassar.

Artikolu 51

Emenda għad-Direttiva 2008/90/KE

Fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/90/KE, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘1.  Il-Kumitat għandu jkun megħjun mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf stabbilit bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *4 ). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *5 ).

Artikolu 52

Emenda għad-Direttiva 2009/128/KE

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/128/KE jitħassar.

Artikolu 53

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009

L-Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jitħassar.

Artikolu 54

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-30 ta' Ġunju 2014.

Madankollu, il-punt (d) tal-Artikolu 18(1) u l-punt (2) tal-Artikolu 47 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Mard tal-annimali msemmi fl-Artikolu 7

 Pesta tal-ifrat

 Pesta tan-nagħaġ u tal-mogħoż

 Marda vexxikuluża tal-ħnieżer

 Marda tal-ilsien blu

 Marda ta’ Teschen

 Ġidri tan-nagħaġ u tal-mogħoż

 Deni tal-Wied tar-Rift

 Dermatite nodulari li tittieħed (lumpy skin)

 Marda Afrikana taż-żwiemel

 Stomatite vexxikuluża

 Enċefalomjelite ekwina Veneżwelana

 Marda emorraġika epiżootika taċ-ċriev

 Deni klassiku tal-ħnieżer

 Deni Afrikan tal-ħnieżer

 Plewropolmonite li tittieħed tal-bhejjem tal-ifrat

 Influwenza avjarja

 Marda ta’ Newcastle

 Marda tal-ilsien u d-dwiefer

 Nekrożi ematopojetika epiżootika fil-ħut (EHN)

 Sindromu ulċerattiv epiżootiku fil-ħut (EUS)

 Infezzjoni bil-Bonamia exitiosa

 Infezzjoni bil-Perkinsus marinus

 Infezzjoni bil-Microcytos mackini

 Sindromu Taura fil-krustaċji

 Marda Yellowhead fil-krustaċji.




ANNESS II

Mard tal-annimali u żoonożi msemmija fl-Artikolu 10

 Tuberkulożi bovina

 Bruċellożi bovina

 Bruċellożi ovina u kaprina (B. melitensis)

 Marda tal-ilsien blu f’żoni endemiċi jew b’riskju għoli

 Deni Afrikan tal-ħnieżer

 Marda vexxikuluża tal-ħnieżer

 Deni klassiku tal-ħnieżer

 Antraċe

 Plewropolmonite li tittieħed tal-bhejjem tal-ifrat

 Influwenza avjarja

 Rabja

 Ekinokokkożi

 Enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (TSE)

 Kampilobatterjożi

 Listerjożi

 Salmonellożi (salmonella żoonotika)

 Trikinellożi

 E. coli produtturi ta’ verotossini

 Settiċemija emorraġika virali (VHS)

 Nekrożi ematopojetika infettiva (IHN)

 Virus erpetiku tal-karpjun koi (KHV)

 Anemija infettiva tas-salamun (ISA)

 Infezzjoni bil-Marteilia refringens

 Infezzjoni bil-Bonamia ostreae

 Marda tal-ponot bojod fil-krustaċji.

▼M3

 Il-pesta tan-ngħaġ u tal-mogħoż

 Il-ġidri tan-ngħaġ

 Il-ġidri tal-mogħoż

 L-marda tal-infafet fil-ġilda.

▼B




ANNESS III

Prijoritajiet għall-programmi ta’ ħidma tal-Kummissjoni msemmija fit-Titolu II, Kapitolu I, Taqsima 2, u fit-Titolu II, Kapitolu II, Taqsimiet 2 u 3

Prijoritajiet għall-appoġġ finanzjajru tal-Unjoni, fir-rigward tal-orjentazzjoni tal-programmi nazzjonali għall-qerda, il-kontroll u s-sorveljanza tal-mard tal-annimali u taż-żoonożi:

 mard b’impatt fuq is-saħħa tal-bniedem;

 mard b’impatt fuq is-saħħa tal-annimali, b’kunsiderazzjoni tat-tixrid potenzjali tiegħu u r-rati ta’ morbidità u mortalità fil-popolazzjoni tal-annimali;

 mard u żoonożi li għandhom ir-riskju li jidħlu u/jew li jerġgħu jidħlu fit-territorju tal-Unjoni minn pajjiżi terzi;

 mard li għandu l-potenzjal li jiġġenera sitwazzjoni ta’ kriżi b’konsegwenzi ekonomiċi serji;

 mard b’impatt fuq il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi u kummerċ bejn l-Istati Membri stess tal-UE.

Prijoritajiet għall-appoġġ finanzjajru tal-Unjoni fir-rigward tal-orjentazzjoni tal-programmi nazzjonali għal stħarriġ tal-pesti għall-protezzjoni tat-territorju tal-Unjoni:

 pesti elenkati fl-Anness I, Parti A, Taqsima I, u fl-Anness II, Parti A, Taqsima I, għad-Direttiva 2000/29/KE li mhumiex magħrufa li jokkorru fit-territorju tal-Unjoni;

 pesti suġġetti għall-miżuri tal-Unjoni adottati skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29/KE;

 pesti li mhumiex elenkati fid-Direttiva 2000/29/KE u li jirrappreżentaw periklu imminenti għat-territorju tal-Unjoni;

 pesti li għandhom il-potenzjal li jiġġeneraw sitwazzjoni ta’ kriżi b’konsegwenzi ekonomiċi u ambjentali serji;

 pesti b’impatt fuq il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri stess tal-UE.

Prijoritajiet għall-appoġġ finanzjajru tal-Unjoni fir-rigward tal-orjentazzjoni tal-programmi nazzjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi:

 miżuri kontra l-pesti assoċjati mal-importazzjonijiet lejn dawk ir-reġjuni u l-klima fihom;

 metodi biex jiġu miġġielda dawk il-pesti;

 miżuri kontra l-pesti elenkati skont ir-regoli dwar il-pesti tal-pjanti li hemm fis-seħħ f’dawk ir-reġjuni.




DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

dwar il-proċeduri għall-approvazzjoni tal-programmi veterinarji u fitosanitarji

Sabiex tinforma aħjar lill-Istati Membri, il-Kummissjoni se ssejjaħ laqgħa fis-sena tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf li sejra tiffoka fuq l-eżitu tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-programmi. Dik il-laqgħa ssir mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru tas-sena qabel l-implimentazzjoni tal-programmi.

B’rabta ma’ dik il-laqgħa, il-Kummissjoni se tippreżenta l-lista tal-programmi approvati teknikament u proposti għall-kofinanzjament. Id-dettalji finanzjarji u tekniċi se jiġu diskussi mad-delegazzjonijiet nazzjonali, u jitqiesu l-kummenti tagħhom.

Barra minn hekk, qabel ma tieħu d-deċiżjoni finali tagħha dwar dan, il-Kummissjoni sejra, matul il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf f’Jannar, tikkomunika lill-Istati Membri l-lista finali tal-programmi magħżula għall-kofinanzjament u l-ammont finali allokat għal kull programm.

Ix-xogħol preparatorju għat-tfassil tal-programm ta’ ħidma għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikoli 9, 19 u 25 se jitwettaq mal-esperti tal-Istati Membri kmieni fi Frar ta’ kull sena sabiex l-Istati Membri jingħataw l-informazzjoni rilevanti biex jistabbilixxu l-programmi tal-qerda u s-sorveljanza.



( 1 ) Regolament ►C2  (UE) 2017/625 ◄ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) ( ►C2  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1 ◄ ).

( 2 ) Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta' annimali ta' razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r- Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) (OJ L 171, 29.6.2016, p. 66).

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

( *1 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

( *2 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).’

( *3 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).’.

( *4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

( *5 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).’

Top