Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC2025

    WHITE PAPER DWAR IL-ĠEJJIENI TAL-EWROPA Riflessjonijiet u xenarji għall-UE27 sal-2025

    COM/2017/2025 final

    Brussell, 1.3.2017

    COM(2017) 2025 final

    WHITE PAPER

    DWAR IL-ĠEJJIENI TAL-EWROPA

    Riflessjonijiet u xenarji għall-UE27 sal-2025


    WHITE PAPER TAL-KUMMISSJONI DWAR IL-ĠEJJIENI TAL-EWROPA

    Riflessjonijiet u xenarji għall-UE27 sal-2025

    1. Daħla

    Għal ġenerazzjoni wara l-oħra, l-Ewropa dejjem kienet viżjoni ta’ futur.

    Hija bdiet bil-viżjoni ta’ Altiero Spinelli u ta’ Ernesto Rossi, priġunieri politiċi maqfula minn reġim faxxista fuq il-ġżira żgħira ta’ Ventotene matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-manifest tagħhom Għal Ewropa Libera u Magħquda pitter stampa ta’ post li fih l-alleati u l-avversarji jkunu jistgħu jersqu lejn xulxin biex jiżguraw li l-“assurditajiet l-antiki” tal-Ewropa ma jerġgħu lura qatt.

    Sittin sena ilu, ispirati minn dik il-ħolma ta’ futur paċifiku u kondiviż, il-membri fundaturi tal-UE salpaw fuq il-vjaġġ uniku u ambizzjuż tal-integrazzjoni Ewropea. Huma qablu li jirranġaw il-kunflitti tagħhom madwar mejda aktar milli fuq il-kampijiet tal-battalja. Huma ssostitwew l-użu tal-forzi armati bl-użu tal-forza tal-liġi. Fetħu t-triq biex pajjiżi oħra jkunu jistgħu jissieħbu, biex b’hekk l-Ewropa reġgħet ingħaqdet u aħna sirna aktar qawwija.

    Bħala riżultat ta’ dan, minflok il-passat imqalleb tagħna kellna perjodu ta’ paċi li ilu għaddej seba’ deċennji kif ukoll għandna Unjoni mkabbra ta’ 500 miljun ċittadin li jgħixu fil-libertà f’waħda mill-aktar ekonomiji għonja fid-dinja. Minflok ix-xbihat tal-battalji fit-trunċieri u fil-meded ta’ Verdun, jew ta’ kontinent maqsum permezz ta’ Purtiera tal-Ħadid u l-Ħajt ta’ Berlin issa hemm Unjoni li tiddistingwi ruħha bħala fanal ta’ paċi u stabbiltà.

    Is-sagrifiċċji li għamlu l-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna jinħtieġ li ma jintesew qatt. Id-dinjità umana, il-libertà u d-demokrazija swew ħafna, u ma jistgħu jiġu ċeduti qatt. Anki jekk ir-rabta mal-paċi mhix waħda li l-Ewropej kollha tal-lum jistgħu japprezzaw daqs kemm japprezzawha l-ġenituri jew in-nanniet tagħhom, dawn il-valuri ċentrali għadhom jorbtuna flimkien.

    L-UE issa huwa l-post fejn l-Ewropej jistgħu jgawdu diversità unika ta’ kultura, ideat u tradizzjonijiet f’Unjoni li tkopri erba’ miljun kilometru kwadru. Huwa l-post fejn huma fasslu rabtiet għal għomorhom ma’ Ewropej oħra u jistgħu jivvjaġġaw, jistudjaw u jaħdmu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali mingħajr ma jkollhom bżonn isarrfu l-flus. Huwa l-post fejn l-istat tad-dritt ħa post il-liġi tal-ponn tal-ħadid. Huwa l-post fejn mhux biss isir diskors dwar l-ugwaljanza iżda jsiru sforzi biex tinkiseb.

    Minkejja dan, ħafna Ewropej iqisu li l-Unjoni jew hija mbiegħda wisq, jew inkella qiegħda tindaħal wisq fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Oħrajn iqajmu dubji dwar il-valur miżjud tagħha u jistaqsu kif l-Ewropa ttejjeb il-livell tal-għajxien tagħhom. U hemm wisq minn dawk li jaħsbu li l-UE ma rnexxilhiex tissodisfa l-aspettattivi tagħhom hekk kif hija kienet qed tissielet mal-agħar kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali minn wara l-gwerra lil hawn.

    Ma jidhirx li l-isfidi quddiem l-Ewropa qegħdin ibattu. L-ekonomija tagħna qiegħda tirkupra mill-kriżi finanzjarja globali iżda dan għadu mhux qiegħed jinħass b’mod ekwu minn kulħadd. F’partijiet mill-viċinat tagħha hemm nuqqas ta’ stabbiltà, u b’riżultat ta’ dan inħolqot l-akbar kriżi ta’ refuġjati mit-Tieni Gwerra Dinjija lil hawn. Fil-qalba ta’ xi bliet minn tagħna seħħew attakki terroristiċi. Qegħdin ifeġġu potenzi globali ġodda hekk kif il-qodma qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ realtajiet ġodda. U, is-sena li għaddiet, wieħed mill-Istati Membri tagħna vvota biex iħalli lill-Unjoni.

    Is-sitwazzjoni preżenti mhux bilfors hija waħda li tippreżenta limitazzjonijiet quddiem il-futur tal-Ewropa. Il-binja tal-Unjoni ta’ spiss issoktat wara żminijiet ta’ kriżi u ta’ bidu falz. Mill-Komunità tad-Difiża Ewropea, li lanqas qatt ma bdiet topera, fis-snin 50, sal-iskossi tar-rata tal-kambju fis-snin 70, għall-adeżjonijiet li mietu fuq ruħ ommhom, u ċ-ċaħdiet f’referenda li kien hemm fid-deċennji reċenti, l-Ewropa dejjem kienet f’salib it-toroq u dejjem kellha tadatta u tevolvi.

    Fl-aħħar 25 sena biss, bit-Trattati ta’ Maastricht, ta’ Amsterdam u ta’ Nizza saret riforma u trasformazzjoni profonda tal-Unjoni, li bħala daqs irduppjat. It-Trattat ta’ Liżbona, u d-dibattu li kien hemm qablu, li dam sejjer deċennju sħiħ, fetaħ kapitlu ġdid fl-integrazzjoni Ewropea, li għad għandu potenzjal li għadu ma ntlaħaqx.

    Bħall-ġenerazzjonijiet li ġew qabilna, ir-reazzjoni tagħna għall-kompitu li għandna quddiemna ma tistax tkun nostalġika jew li tiswa biss għal żmien qasir. Jinħtieġ li tkun imsawra fuq perspettiva komuni, u fuq il-konvinzjoni kondiviża li, meta nkun flimkien, kull wieħed minnha jkun aħjar.

    Hekk kif 27 Kap ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE jiltaqgħu f’Ruma biex ifakkru s-60 anniversarju tal-proġett komuni tagħna, għal darb’oħra rridu nħarsu 'l quddiem.

    Din il-White Paper tidentifika dawk li se jkunu l-muturi tal-bidla fid-deċennju li ġej, u tippreżenta firxa ta’ xenarji dwar kif l-Ewropa tista’ tkun evolviet sal-2025. Meta tagħmel dan, hija tkun qiegħda tibda dibattitu li jinħtieġ li jgħin biex jiġu ffukati l-imħuħ u biex jinstabu tweġibiet ġodda għal mistoqsija qadima:

    X’ġejjieni rridu għalina, għal uliedna u għall-Unjoni tagħna?

    2. Il-muturi tal-futur tal-Ewropa

    POST LI QIEGĦED JINBIDEL F’DINJA LI QIEGĦDA TEVOLVI

    Fl-Ewropa jeżisti l-akbar suq uniku tad-dinja, u t-tieni l-aktar munita użata. Hija l-akbar potenza kummerċjali u l-akbar donatur għall-iżvilupp u għall-għajnuna umanitarja. Bis-saħħa, fost l-oħrajn, ta’ Orizzont 2020, l-akbar programm ta’ riċerka multinazzjonali fid-dinja, l-Ewropa tinsab minn ta’ quddiem nett fl-innovazzjoni. Is-servizzi diplomatiċi tagħha jgawdu minn piż sinifikanti, u jgħinu biex id-dinja tinżamm aktar sigura u biex tkun aktar sostenibbli, kif jidher mill-ftehim storiku mal-Iran dwar il-programm nukleari tiegħu, jew mir-rwol ewlieni li l-UE kellha fil-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u l-adozzjoni min-Nazzjonijiet Uniti tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għall 2030. Din l-influwenza hija msaħħa bil-kooperazzjoni mill-qrib tagħna man-NATO u bir-rwol attiv fil-Kunsill tal-Ewropa.

    L-Ewropa hija attraenti għal ħafna mis-sħab tagħha. Filwaqt li mhux mistenni li jkun hemm aktar adeżjonijiet mal-UE fil-futur qarib, dan il-prospett fih innifsu huwa strument qawwi li jipprojetta stabbiltà u sigurtà matul il-fruntieri tagħna. L-UE taħdem b’mod attiv mal-viċinat tagħha, kemm jekk fil-lvant kif ukoll fin-nofsinhar. Mis-sħubija msaħħa tagħha mal-Ukrajna, sal-kooperazzjoni wiesgħa u mifruxa mas-sħab Afrikani tagħha, ir-rwol tal-Ewropa bħala forza globali pożittiva huwa aktar importanti minn qatt qabel.

    Madankollu, dan l-istatus ma jeħux kont ta’ realtà sempliċi: Il-preżenza tal-Ewropa fid-dinja qiegħda tiċkien, hekk kif qiegħda tikber dik ta’ partijiet oħra tad-dinja. Fl-1900, il-popolazzjoni tal-Ewropa kienet 25% tal-popolazzjoni tad-dinja. Sal-2060 se tkun inqas minn 5%. L-ebda Stat Membru wieħed ma hu se jkollu aktar minn 1% tal-popolazzjoni tad-dinja sa dak iż-żmien.

    Il-qawwa ekonomika tal-Ewropa wkoll mistennija li tmajna f’termini relattivi, u tkun ekwivalenti għal ħafna anqas minn 20% tal-PDG tad-dinja fl-2030, meta bħalissa din iċ-ċifra hija ta’ madwar 22%. L-influwenza li qiegħda tiżdied malajr tal-ekonomiji emerġenti tkabbar il-ħtieġa li l-Ewropa titkellem b’vuċi waħda u biex taġixxi bil-piż kollettiv tal-partijiet individwali tagħha.

    Iż-żieda fl-għadd ta’ truppi fil-fruntieri tagħna tal-Lvant, il-gwerer u t-terroriżmu fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika, u l-militarizzazzjoni li qiegħda tiżdied madwar id-dinja huma illustrazzjonijiet qawwija ta’ kuntest globali li fih it-tensjoni qiegħda dejjem tiżdied. Il-ħtieġa li nirriflettu dwar kif għandna nxejnu, nirreaġixxu u nipproteġu kontra t-theddid, li jvarja minn attakki ċibernetiċi fuq skala kbira għal forom aktar tradizzjonali ta’ aggressjoni, qatt ma kienet kritika daqs kemm hi llum. In-NATO se tibqa’ tipprovdi s-sigurtà ewlenija għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, iżda l-Ewropa ma tistax tħalli biss f’idejn ħaddieħor, u għandha tieħu ħsieb is-sigurtà tagħha. Fi żminijiet meta l-forza tista’ tirbaħ fuq ir-regoli, ma għadux tajjeb biżżejjed li tkun “potenza ratba”.

    Filwaqt li d-dinja qatt ma kienet iċken jew aktar konnessa, ir-ritorn ta’ ideat ta’ iżolament joħloq dubji dwar il-futur tal-kummerċ internazzjonali u tal-multilateraliżmu. Il-prosperità tal-Ewropa u l-ħila li żżomm mal-valuri tagħna fuq il-palk dinji se jkomplu jkunu dipendenti fuq il-ftuħ tagħha u fuq ir-rabtiet mill-qrib mas-sħab tagħha. Madankollu, id-difiża tal-kummerċ ħieles u progressiv u t-tiswir tal-globalizzazzjoni b’tali mod li jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd se jkunu ta’ sfida dejjem tikber.

    EKONOMIJA U SOĊJETÀ TTRASFORMATI MILL-QIEGĦ

    Il-kriżi globali finanzjarja u ekonomika li bdiet fl-2008 fl-Istati Uniti heżżet lill-Ewropa sas-sisien tagħha. Bis-saħħa ta’ azzjoni determinata, l-ekonomija tal-UE issa reġgħet sabet saqajha hekk kif il-qgħad naqas għall-anqas livell mindu faqqgħet ir-“riċessjoni l-kbira”. Madankollu, l-irkupru għadu mqassam b’mod li mhuwiex ekwu madwar is-soċjetà u r-reġjuni. L-indirizzar tal-konsegwenzi tal-kriżi, mill-qgħad għat-tul għal-livelli għolja ta’ dejn pubbliku u privat f’ħafna partijiet tal-Ewropa, għadu prijorità urġenti.

    L-isfida hija akuta b’mod partikolari fejn tidħol il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Għall-ewwel darba mit-Tieni Gwerra Dinjija lil hawn jeżisti r-riskju reali li l-ġenerazzjoni taż-żgħażagħ tal-lum ikollha livell ta’ ħajja li jkun inferjuri għal dak tal-ġenituri tagħhom. L-Ewropa ma tiflaħx li titlef il-grupp ta’ età bl-ogħla livell ta’ edukazzjoni li qatt kellha u tħalli l-inugwaljanza bejn il-ġenerazzjonijiet tikkundanna l-futur tagħha.

    Dawn l-iżviluppi rewħu l-ħatab tad-dubji dwar l-ekonomija tas-suq soċjali tal-UE, u dwar kemm għandha ħila twettaq il-wegħda tagħha li ħadd ma jibqa’ lura u kemm jista’ jiġi żgurat li kull ġenerazzjoni jkollha livell ta’ ħajja aħjar minn ta’ qabilha. Dan inħass b'mod partikolari fiż-żona tal-ewro, u tefa' aċċenn fuq il-ħtieġa li titlesta minn kollox l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u li tissaħħaħ il-konverġenza tal-prestazzjoni ekonomika u soċjali. Fis-snin li ġejjin, daqstant ieħor se jkun hemm bżonn ta’ ħidma sfiqa biex l-ekonomija tal-Ewropa ssir aktar inklużiva, reżiljenti u li tħares lejn il-futur.

    L-Ewropa qiegħda tixjieħ bil-ħeffa, u l-aspettattiva tal-ħajja qiegħda tilħaq livelli li qatt ma kien hemm qabel. B’età medja ta’ 45, l-Ewropa se tkun l-“ixjaħ” reġjun fid-dinja sas-sena 2030. Strutturi tal-familja ġodda, popolazzjoni li qiegħda tinbidel, l-urbanizzazzjoni u stili ta’ xogħol aktar diversi qegħdin jaffettwaw il-mod kif tissawwar l-koeżjoni soċjali. Fi żmien ġenerazzjoni waħda, il-ħaddiem medju Ewropew għadda minn sitwazzjoni fejn ikollu impjieg wieħed għal għomru, għal waħda fejn ikollu aktar minn 10 impjiegi matul il-karriera tiegħu. Hemm aktar nisa jaħdmu milli qatt kien hemm qabel, iżda biex tinkiseb tassew l-ugwaljanza bejn is-sessi, ikun irid jinqered ix-xkiel li għadu jeżisti. Fi żmien meta l-popolazzjoni tal-Ewropa fl-età tax-xogħol qiegħda tiċkien, hemm bżonn li hija timmobilizza l-potenzjal sħiħ tat-talenti li għandha.

    L-Ewropa diġà għandha s-sistemi ta’ benefiċċji soċjali tal-Istat l-aktar avvanzati fid-dinja, li jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet għall-isfidi soċjetali madwar id-dinja. Il-komunità xjentifika tagħha hija minn ta’ quddiem nett fir-riċerka globali biex jintlaqgħu l-isfidi fejn tidħol is-saħħa, bħal pereżempju fil-każ tal-marda ta’ Alzheimer. Is-sistemi tal-ħarsien soċjali madankollu jeħtieġ li jiġu modernizzati b’mod sinifikanti sabiex jibqgħu sostenibbli u sabiex iżommu l-pass mar-realtajiet ġodda demografiċi u dawk relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

    Dan huwa importanti doppjament hekk kif l-Ewropa qiegħda tibda tlaħħaq ma’ diġitalizzazzjoni profonda tas-soċjetà li diġà qiegħda tisfoka l-linja bejn il-ħaddiema u dawk li jaħdmu għal rashom, bejn prodotti u servizzi, jew bejn il-konsumaturi u l-produtturi. Ħafna mill-impjiegi tal-lum ma kinux jeżistu 10 snin ilu. Se jitfaċċaw ħafna aktar fis-snin li ġejjin. Huwa probabbli li l-biċċa l-kbira tat-tfal li jidħlu fl-iskola primarja llum għad ikollhom xogħol f’tipi ġodda ta’ impjiegi li għadhom lanqas jeżistu. L-isfidi ta’ żieda fl-użu tat-teknoloġija u l-awtomatizzazzjoni se taffettwa l-impjiegi u l-industriji kollha. Biex l-opportunitajiet il-ġodda jiġu sfruttati bl-akbar mod possibbli, filwaqt li jitnaqqas xi impatt negattiv li jista’ jkollhom, se jkun hemm bżonn ta’ investiment massiv fil-ħiliet kif ukoll riforma radikali fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-tagħlim tul il-ħajja. Se jkun hemm ukoll il-bżonn ta’ drittijiet soċjali ġodda biex jakkumpanjaw id-dinja dejjem tinbidel tax-xogħol.

    Fl-istess ħin, l-Ewropa hija impenjata favur dekarbonizzazzjoni ambizzjuża tal-ekonomija tagħha u li taqta' l-emissjonijiet dannużi. U aħna se jkollna nkomplu nadattaw għal pressjonijiet klimatiċi u ambjentali dejjem jikbru. L-industrija tagħna, l-ibliet u l-unitajiet domestiċi tagħha se jkollhom jibdlu l-mod li bih joperaw u li bih jiksbu l-enerġija tagħhom. Aħna diġà ninsabu fuq quddiem nett fejn jidħlu l-"ibliet intelliġenti" (smart cities), fl-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali u fil-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima. Id-ditti tagħna għandhom 40% tal-privattivi tad-dinja għal teknoloġiji ta’ enerġija rinnovabbli. Waħda mill-isfidi ewlenin tagħna se tkun dik li s-soluzzjonijiet innovattivi jaslu sas-suq, kemm lokalment kif ukoll f’pajjiżi oħra.

    AKTAR THEDDID U TĦASSIB DWAR IS-SIGURTÀ U L-FRUNTIERI

    L-Ewropa hija post fejn iċ-ċittadini tagħha jgawdu minn libertà u stabbiltà notevoli, f’dinja li għadha mimlija bit-taħwid u l-firda. Mill-25 pajjiż elenkati bħala dawk l-aktar paċifiċi fid-dinja, 15 huma fl-UE. Madankollu, l-effett ta’ tkexkix tal-attakki terroristiċi ta’ dan l-aħħar heżżeż is-soċjetajiet tagħna. Il-linji dejjem aktar imċajpra bejn it-theddid intern u dak estern qegħdin jibdlu l-mod kif in-nies jaħsbuha dwar is-sigurtà personali u dwar il-fruntieri. Huwa paradoss li dan kollu qiegħed jiġri fi żmien meta li wieħed imur idur madwar id-dinja għax-xogħol u għall-ħin liberu qatt ma kien daqshekk komuni u faċli.

    Il-pressjonijiet li qegħdin jiġġeneraw il-migrazzjoni wkoll se jikbru u l-flussi se jiġu minn partijiet differenti tad-dinja hekk kif l-effetti tat-tkabbir tal-popolazzjoni, it-tensjonijiet mifruxa u t-tibdil fil-klima jibdew iħallu l-effetti tagħhom. Il-kriżi tar-refuġjati, meta 1.2 miljun persuna waslu l-Ewropa fl-2015, hija ta’ skala bla preċedent mindu ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija. Dan wassal għal dibattitu jaħraq dwar is-solidarjetà u r-responsabbiltà bejn l-Istati Membri u xpruna kwistjonijiet ġodda dwar il-futur tal-ġestjoni tal-fruntieri u l-moviment liberu fl-Ewropa.

    Għall-1.7 miljun Ewropew li jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor kuljum, u għall-mijiet ta’ miljuni li jivvjaġġaw madwar l-Ewropa għal raġunijiet ta’ familja, turiżmu jew negozju kull sena, il-fruntieri jappartjenu għall-passat. Intant, għall-ewwel darba minn mindu ġġarrfu l-ħitan ġenerazzjoni ilu, il-kriżijiet ta’ dan l-aħħar wasslu biex reġgħu ddaħħlu kontrolli temporanji f’ċerti fruntieri fl-Ewropa.

    DUBJI DWAR IL-FIDUĊJA U L-LEĠITTIMITÀ

    It-tibdil varju li qiegħed jaffettwa d-dinja u s-sens reali tan-nuqqas ta’ sigurtà li ħafna ħassew wasslu għal delużjoni dejjem tikber fejn jidħlu l-politika u l-istituzzjonijiet stabbiliti, fil-livelli kollha. Dan ħafna drabi jimmanifesta ruħu permezz ta’ indifferenza u nuqqas ta’ fiduċja lejn l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi. U joħloq ukoll vojt li malajr kapaċi jimtela minn retorika populista u nazzjonalistika.

    Diġà qiegħed jidher kemm jaf ikunu ta’ ħsara ċerti drawwiet bħal ma huma li wieħed iwaħħal fi “Brussell” meta jinqalgħu l-problemi, filwaqt li meta jkun hemm is-suċċessi jittieħed il-mertu fix-xena politika domestika, meta jkun hemm nuqqas ta’ appartenenza rigward deċiżjonijiet konġunti, flimkien mal-vizzju li wieħed ixejjer sebgħu lejn l-oħrajn. L-Ewropej ma humiex immuni minn dawn ix-xbihat iebsa ta’ nuqqas ta’ għaqda.

    Għadu jeżisti appoġġ qawwi għall-proġett Ewropew, iżda ma għadux bla kundizzjoni. Aktar minn żewġ terzi tal-Ewropej iqisu lill-UE bħala post ta’ stabbiltà f'dinja ta’ taqlib. Aktar minn 80% jappoġġaw l-erba’ libertajiet fundamentali tal-UE. Sebgħin fil-mija taċ-ċittadini taż-Żona tal-Ewro jappoġġaw il-munita komuni. Madankollu, il-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE naqset, flimkien ma’ dik fl-awtoritajiet nazzjonali. Madwar terz taċ-ċittadini jafdaw lill-UE llum, meta għaxar snin ilu kienu jafdawha nofshom.

    Teżisti sfida kontinwa biex tingħalaq il-qasma bejn dak li jiġi mwiegħed u dak li jitwettaq. Parti mir-raġuni ta’ dan hija li l-UE mhix struttura li faċilment tifhimha peress li tikkombina kemm il-livell Ewropew kif ukoll dak tal-Istati Membri. Ma jiġix spjegat tajjeb biżżejjed min jagħmel xiex, u r-rwol pożittiv tal-UE fil-ħajja ta’ kuljum ma jidhirx, sakemm l-istorja ma tiġix rakkontata lokalment. Il-komunitajiet mhux dejjem ikunu konxji li r-razzett li għandhom maġenbhom, in-netwerk ta’ trasport jew l-universitajiet tagħhom ikunu parzjalment iffinanzjati mill-UE.

    Hemm ukoll diskrepanza bejn l-aspettattivi u l-kapaċità tal-UE li tilħaqhom. Pereżempju l-każ tal-qgħad fost iż-żgħażagħ: Minkejja tant laqgħat ta’ livell għoli kif ukoll miżuri utli ta’ appoġġ tal-UE, l-għodda u s-setgħat għadhom f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. Ir-riżorsi disponibbli fil-livell Ewropew fil-qasam soċjali jgħoddu biss 0.3% tat-total ta' dak li jonfqu l-Istati Membri f’dak il-qasam.

    L-istabbiliment mill-ġdid tal-fiduċja, il-bini tal-kunsens u l-ħolqien ta’ sens ta’ appartenenza huwa aktar diffiċli fi żmien meta l-informazzjoni qatt ma kienet daqstant abbundanti, daqstant aċċessibbli, iżda tant diffiċli li tinftiehem. Qatt ma kien daqshekk diffiċli daqs illum li wieħed ilaħħaq man-natura 24/7 taċ-ċiklu tal-aħbarijiet, u li jipprova jirreaġixxi għalih. Illum, jintbagħtu aktar tweets f’ġurnata waħda milli f’sena sħiħa 10 snin ilu. U sal-2018, madwar terz tal-popolazzjoni tad-dinja se tkun qiegħda tuża n-netwerks tal-midja soċjali

    Mhux mistenni li jiġri xejn ħlief li dawn ix-xejriet jaċċelleraw, u jkomplu jbiddlu l-mod kif taħdem id-demokrazija. Dan joħloq opportunitajiet ġodda għall-faċilitazzjoni tad-dibattitu pubbliku u għall-impenn mill-Ewropej. Madankollu, l-Ewropa u l-Istati Membri tagħha jridu jimxu b'pass aktar mgħaġġel biex jinteraġixxu maċ-ċittadini, jagħtu kont aħjar ta’ għemilhom u jipproduċu riżultati aħjar u aktar malajr dwar dak li dwaru jkun intlaħaq qbil.

    3. Ħames xenarji għall-Ewropa sal-2025

    Ħafna mit-trasformazzjonijiet profondi li l-Ewropa bħalissa għaddejja minnhom huma inevitabbli u irriversibbli. Oħrajn se jkun diffiċli li wieħed jipprevedihom u se jiġu bla mistenni. L-Ewropa tista’ jew tinġarr minn dawn l-avvenimenti jew inkella tara kif tagħmel u ssawwarhom. Issa rridu niddeċiedu.

    Il-ħames xenarji li se jiġu ppreżentati f’din il-White Paper se jkunu ta’ għajnuna biex jiġi ggwidat id-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-Ewropa. Huma joffru daqqa ta’ għajn lejn dak li potenzjalment jista’ jkun l-istat tal-Unjoni sal-2025, skont l-għażliet li se nagħmlu flimkien.

    Il-punt tat-tluq għal kull xenarju huwa li s-27 Stat Membru jimxu 'l quddiem bħala Unjoni. 

    Il-ħames xenarji huma ta' natura illustrattiva sabiex jipprovokaw il-ħsieb. Ma humiex skedi dettaljati jew riċetti ta’ politika. Bl-istess mod, huma apposta ma jsemmu l-ebda proċessi legali jew istituzzjonali - il-forma se ssegwi l-funzjoni.

    Ta’ spiss, id-diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa spiċċat ridotta għal għażla bejn jekk għandux ikun hemm aktar jew anqas Ewropa. Dan l-approċċ huwa qarrieqi u simplistiku. Il-possibbiltajiet koperti hawnhekk ivarjaw mill-istatus quo, għal bidla fl-ambitu u l-prijoritajiet, għal qabża kollettiva 'l quddiem. Bejn kull xenarju hemm ħafna punti komuni u għalhekk ma jeskludux wieħed lill-ieħor u lanqas ma huma eżawrjenti.

    Ir-riżultat finali bla dubju jkun ta’ bixra differenti mill-mod kif ix-xenarji qegħdin jiġu ppreżentati hawn. L-UE27 se tiddeċiedi flimkien liema kombinazzjoni ta’ aspetti mill-ħames xenarju temmen li jkunu l-aħjar biex il-proġett tagħna jitmexxa 'l quddiem fl-interessi taċ-ċittadini tagħna.

    Xenarju 1: Inkomplu kif aħna

    L-UNJONI EWROPEA TIFFOKA FUQ IT-TWETTIQ TAL-AĠENDA TA’ RIFORMA POŻITTIVA TAGĦHA

    Għaliex u kif?

    F’xenarju fejn l-UE27 iżżomm mat-triq tagħha, hija tiffoka fuq l-implimentazzjoni u t-titjib tal-aġenda ta’ riforma preżenti tagħha. Dan isir fl-ispirtu tal-Bidu Ġdid għall-Ewropa tal-Kummissjoni fl-2014 u tad-Dikjarazzjoni ta’ Bratislava, miftiehma bejn is-27 Stat Membru kollha fl-2016. Il-prijoritajiet jiġu aġġornati b’mod regolari, il-problemi jiġu affaċċjati hekk kif jinqalgħu u tiġi mfassla leġiżlazzjoni ġdida skont il-bżonn.

    Bħala riżultat, is-27 Stat Membru u l-Istituzzjonijiet tal-UE jsegwu aġenda konġunta ta’ azzjoni. Il-veloċità tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiddependi fuq kemm jingħelbu d-differenzi fl-opinjonijiet sabiex jinkisbu r-riżultati fejn jidħu l-prijoritajiet kollettivi għat-tul. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi eżaminata b’mod regolari sabiex jiġi vverifikat jekk hix xierqa għall-iskop tagħha. Leġiżlazzjoni eżistenti li għadda żmienha titħassar..

    Sal-2025 dan ikun ifisser:

    L-UE27 tibqa’ tiffoka fuq l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-investiment billi ssaħħaħ is-suq uniku u billi tħaffef il-pass fejn jidħol l-investiment fl-infrastruttura diġitali, tat-trasport u tal-enerġija.

    Hemm progress inkrimentali fit-titjib tal-funzjonament tal-munita unika sabiex jiġi xprunat it-tkabbir ekonomiku u biex jiġu evitati skossi li jibdew jew lokalment jew inkella minn lil hinn. Jittieħdu passi ulterjuri biex tissaħħaħ is-superviżjoni finanzjarja, biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u biex jiġu żviluppati s-swieq kapitali li jiffinanzjaw l-ekonomija reali.

    Ir-riforma tal-Kummissjoni tal-liġi dwar l-għajnujna mill-Istat tiżgura li 90% tal-miżuri kollha ta' għajnuna mill-Istat kienu f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali.

    Il-ġlieda kontra t-terroriżmu titqawwa, f’konformità mar-rieda tal-awtoritajiet nazzjonali li jikkondividu l-intelligence bejniethom. Il-kooperazzjoni fid-difiża tiġi approfondita fejn tidħol ir-riċerka, l-industrija u l-offerti pubbliċi konġunti. L-Istati Membri jiddeċiedu li jiġbru flimkien ċerti kapaċitajiet militari u li jkabbru s-solidarjetà finanzjarja għall-missjonijiet tal-UE lil hinn minn xtutna.

    Fejn tidħol il-politika barranija, l-Ewropa titkellem dejjem aktar b’vuċi waħda. L-UE27 issegwi b’mod attiv il-ftehimiet ta’ kummerċ ma’ sħab minn madwar id-dinja, bl-istess mof kif qiegħda tagħmel illum. Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni hija r-responsabbiltà primarja tal-pajjiżi individwali, iżda l-kooperazzjoni titqawwa bis-saħħa tal-appoġġ operattiv tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Hemm bżonn ta’ titjib kontinwu fil-ġestjoni tal-fruntieri sabiex ikunu jistgħu jintlaqgħu l-isfidi l-ġodda. Jekk dan ma jsirx, jista’ jiġri li xi pajjiżi jkunu jixtiequ jagħmlu kontrolli interni mmirati.

    L-UE27 jirnexxielha ssawwar b’mod pożittiv l-aġenda globali f’għadd ta’ oqsma bħal ma huma l-klima, l-istabbiltà finanzjarja u l-iżvilupp sostenibbli.

    Favur u kontra:

    L-aġenda pożittiva ta’ azzjoni tkompli tikseb riżultati konkreti, abbażi ta’ sens ta’ skop kondiviż. Id-drittijiet taċ-ċittadini li joħorġu mil-liġi tal-UE jinżammu. L-unità tal-UE27 tinżamm, iżda xorta jista’ jkun li tgħaddi minn mumenti ta’ prova fil-każ ta’ tilwim serju. Tkun biss rieda kollettiva li jinkiseb b’mod konġunt dak li hu tassew importanti li tgħin biex tingħalaq id-diskrepanza bejn il-wegħdi fuq il-karta, u l-aspettattivi taċ-ċittadini.

    Ħarsa kumplessiva lejn il-politika

    IS-SUQ UNIKU

    U L-KUMMERĊ

    L-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA

    SCHENGEN, IL-MIGRAZZJONI

    U S-SIGURTÀ

    IL-POLITIKA BARRANIJA

    U D-DIFIŻA

    IL-BAĠIT TAL-UE

    KAPAĊITÀ TA’ TISRIF F’RIŻULTATI

    Is-suq uniku jissaħħaħ, inkluż fis-setturi diġitali u tal-enerġija; l-UE27 tfittex li tikseb ftehimiet kummerċjali progressivi

    Progess inkrimentali dwar it-titjib tat-tħaddim taż-Żona tal-Ewro

    Il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tiżdied gradwalment; progress lejn sistema komuni tal-ażil; koordinazzjoni mtejba dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà

    Isir progress fir-rigward tal-UE li titkellem b’vuċi waħda dwar l-affarijiet barrani; kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar id-difiża

    Modernizzat parzjalment biex ikun jixhed l-aġenda għar-riforma miftehma mis-27

    Aġenda pożittiva għal azzjoni tissarraf f’riżultati konkreti; it-teħid tad-deċiżjonijiet jibqa’ kkumplikat biex wieħed isib tarfu; il-kapaċità ta’ tisrif f’riżultati mhux dejjem tkun tikkorrispondi għall-istennijiet

    Ritratti illustrattivi

    L-unitajiet domestiċi u n-negozji jkollhom l-inċentiv li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom u jipproduċu l-enerġija nadifa tagħhom stess. Huma jistgħu jibdlu l-fornituri faċilment. Bħala medja, il-kontijiet jorħsu iżda nofs is-somma xorta għadha titħallas lil fornituri li ma humiex fl-UE.

    L-Ewropej jistgħu jużaw karozzi konnessi iżda xorta jista' jkollhom xi ostakoli legali u tekniċi meta jaqsmu l-fruntieri.

    Fiċ-ċentri tal-ibliet Ewropej, kif ukoll fiż-żoni rurali jkun hemm aċċess għal broadband ta’ kwalita għolja u ta’ veloċità qawwija. Il-kummerċ elettroniku jaqbad pass tajjeb iżda xorta jkun għali biex il-prodotti jintbagħtu minn Stat Membru għall-ieħor.

    L-Ewropej jistgħu fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jaqsmu l-fruntieri mingħajr ma jkollhom bżonn jieqfu għall-kontrolli. Kontrolli ta’ sigurtà msaħħa jfissru li wieħed ikun irid jasal fl-ajruporti u fl-istazzjonijiet tal-ferrovija ħafna ħin qabel il-ħin tat-tluq.

    L-UE tikkonkludi ftehimiet ta’ kummerċ immirati u progressivi ma’ sħab li għandhom l-istess mentalità, bħal ma huma l-Ġappun, l-Awstralja, New Zealand, l-Amerika Latina, u oħrajn. Il-proċess ta’ ratifika huwa twil u ħafna drabi jiddewwem b’diskussjonijiet u nuqqas ta’ qbil f’ċerti Parlamenti nazzjonali u reġjonali.

    Xenarju 2: Xejn ħlief is-suq uniku

    FTIT FTIT L-UNJONI EWROPEA TIĠI ĊĊENTRATA MILL-ĠDID FUQ IS-SUQ UNIKU.

    Għaliex u kif?

    F’xenarju fejn l-UE27 ma tkunx tista’ taqbel biex tagħmel aktar f’ħafna oqsma ta’ politika, hija tiffoka dejjem aktar fuq l-approfondament ta’ ċerti aspetti fokali tas-suq uniku. Ma hemmx rieda komuni għal aktar ħidma flimkien f’oqsma bħal ma huma l-migrazzjoni, is-sigurtà jew id-difiża.

    Bħala riżultat, l-UE27 ma tħaffifx il-pass fil-ħidma tagħha fil-biċċa l-kbira tal-oqsma ta’ politika. Il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ġodda li jolqtu lil kulħadd spiss issir fuq livell bilaterali. L-UE27 ukoll tnaqqas b’mod sinifikanti l-piż regolatorju billi tneħħi żewġ biċċiet eżistenti ta’ leġiżlazzjoni għal kull inizjattiva ġdida proposta.

    Sal-2025 dan ikun ifisser:

    Il-funzjonament tas-suq uniku jsir ir-raġuni ewlenija tal-eżistenza tal-UE27. Il-progress ulterjuri jkun jiddependi fuq il-kapaċità li jintlaħaq qbil dwar politiki u standards relatati. Dan ikun aktar faċli fil-każ tal-moviment liberu tal-kapital u tal-prodotti, li jkompli jsir mingħajr tariffi, aktar milli fil-każ ta’ oqsma oħra.

    Meta wieħed iqis l-iffokar qawwi fuq it-tnaqqis tar-regolamentazzjoni fil-livell tal-UE, jibqgħu jeżistu, jew jiżdiedu, id-differenzi f’oqsma bħal ma huma l-istandards tal-konsumatur, soċjali u ambjentali, kif ukoll fit-tassazzjoni u fl-użu tas-sussidji pubbliċi. Dan joħloq riskju ta' “tiġrija lejn il-qiegħ“. Ikun diffiċli wkoll li jintlaħaq qbil dwar regoli komuni ġodda rigward il-mobbilta tal-ħaddiema jew dwar l-aċċess tal-professjonijiet regolati. Bħala riżultat, il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema u s-servizzi ma tkun garantita għal kollox.

    L-ewro jiffaċilita l-iskambji kummerċjali iżda d-diverġenza dejjem tikber u l-kooperazzjoni limitata huma sorsi ewlenin ta’ vulnerabbiltà. Dan iqiegħed f'riskju l-integrità tal-munita unika kif ukoll il-ħila tagħha li tirreaġixxi għal xi kriżi finanzjarja oħra.

    Qiegħed ikun hemm aktar kontrolli sistematiċi fuq il-persuni fil-fruntieri nazzjonali minħabba kooperazzjoni insuffiċjenti fejn tidħol is-sigurtà u kwistjonijiet ta’ migrazzjoni.

    In-nuqqas ta’ qbil intern fejn jidħol l-approċċ rigward il-kummerċ internazzjonali jkun ifisser li l-UE jkollha titħabat biex tikkonkludi ftehimiet mas-sħab tagħha. Il-migrazzjoni u xi kwistjonijiet ta' politika barranija jitħallew dejjem aktar għall-kooperazzjoni bilaterali. L-għajnuna umanitarja u ta’ żvilupp tiġi pproċessata fil-livell nazzjonali. L-UE bħala tali ma tibqax tkun rappreżentata f’għadd ta’ fora internazzjonali peress li ma jirnexxilhiex tilħaq qbil dwar pożizzjoni komuni rigward kwistjonijiet ta’ relevanza għas-sħab dinjija bħal ma huma l-bidla fil-klima, il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, l-isfruttar tal-globalizzazzjoni u l-promozzjoni tal-kummerċ internazzjonali.

    Favur u kontra:

    Il-prijoritajiet tal-UE iċċentrati b’dan il-mod ġdid ikun ifisser li d-differenzi fil-pożizzjonijiet bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet ġodda li jitfaċċaw ta' spiss ikunu jridu jiġu solvuti b’mod bilaterali, każ b’każ. Id-drittijiet taċ-ċittadini mnissla mil-liġi tal-UE jistgħu jiġu ristretti aktar ma jgħaddi ż-żmien. Jista’ jkun li jkun aktar faċli li jinftiehem il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, iżda l-kapaċità li jkun hemm aġir kollettiv hija limitata. Dan jista’ jkabbar id-diskrepanza bejn l-aspettattivi u l-kisba tar-riżultati fil-livelli kollha.

    Ħarsa kumplessiva lejn il-politika

    IS-SUQ UNIKU

    U L-KUMMERĊ

    L-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA

    SCHENGEN, IL-MIGRAZZJONI

    U S-SIGURTÀ

    IL-POLITIKA BARRANIJA

    U D-DIFIŻA

    IL-BAĠIT TAL-UE

    KAPAĊITÀ TA’ TISRIF F’RIŻULTATI

    Jissaħħaħ is-suq uniku għall-prodotti u l-kapital; l-istandards jibqgħu ivarjaw; il-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi mhuwiex garantit mija fil-mija

    Il-kooperazzjoni fiż-Żona tal-Ewro tkun limitata

    L-ebda politika unika dwar il-migrazzjoni jew l-ażil; aktar koordinazzjoni

    dwar is-sigurtà tkun trattata bilateralment; il-kontrolli fil-fruntieri esterni jkunu aktar sistematiċi

    Xi kwistjonijiet ta’ politika barranija jiġu trattati dejjem aktar u aktar bilateralment; il-kooperazzjoni dwar id-difiża tibqa' kif inhi llum

    Iffukat mill-ġdid biex jiffinanzja l-funzjonijiet essenzjali meħtieġa għas-suq uniku

    It-teħid tad-deċiżjonijiet jaf ikun jinftiehem b’aktar faċilità iżda l-kapaċità ta’ azzjoni kollettiva tkun limitata; kwistjonijiet ta’ tħassib komuni ta’ sikwit ikollhom jiġu solvuti bilateralment

    Ritratti illustrattivi

    Il-kwalità tal-arja tvarja ferm fl-Ewropa kollha, b’xi pajjiżi li jagħżlu li jneħħu l-istandards u r-regolamenti dwar l-emissjonijiet li jagħmlu ħsara. Il-kwalità tal-ilma tista’ tvarja tul ix-xmajjar li jgħaddu minn aktar minn pajjiż wieħed bħad-Danubju jew ir-Rhine.

    L-Ewropej ma jkollhomx entużjażmu biex jużaw karozzi konnessi minħabba li ma jkunx hemm regoli u standards tekniċi li jkunu jgħoddu madwar l-UE kollha.

    Il-qsim tal-fruntieri interni għan-negozju u għat-turiżmu jsir b’diffikultà minħabba kontrolli regolari. Li wieħed isib impjieg barra minn pajjiżu huwa iktar iebes ukoll u t-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni lejn Stat Membru ieħor mhuwiex garantit. Min jimrad barra minn pajjiżu jħabbat wiċċu ma’ kontijiet mediċi għaljin.

    L-UE27 ma tikkonkludix ftehimiet kummerċjali ġodda billi l-Istati Membri ma jirnexxielhomx jaqblu dwar prijoritajiet komuni jew xi wħud jibblukkaw ir-ratifika tagħhom.

    Iċ-ċittadini f’pajjiż li jkun soġġett għal vjolazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru jew attakki ċibernetiċi fuq skala kbira minn qawwa barranija jsibuha diffiċli li jifhmu għaliex l-UE27 jew saħansitra l-pajjiżi ġirien ma jaqblux dwar xi sanzjonijiet.

    In-nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tal-għajnuna għall-iżvilupp tagħmilha aktar diffiċli li jissawru sħubijiet komprensivi mal-pajjiżi Afrikani, u dan jillimita l-opportunitajiet ekonomiċi f’suq li qiegħed jikber u jonqos milli jittratta l-għeruq tal-kawżi tal-migrazzjoni.

    Xenarju 3: Min irid aktar jagħmel aktar

    L-UNJONI EWROPEA TĦALLI LIL DAWK L-ISTATI MEMBRI LI GĦANDHOM IR-RIEDA LI JAGĦMLU AKTAR, JAGĦMLU DAN ILKOLL FLIMKIEN F’OQSMA SPEĊIFIĊI.

    Għaliex u kif?

    F’xenarju li fih l-UE27 tkompli miexja kif inhi llum iżda li fih ċerti Stati Membri jkunu jridu jagħmlu aktar b’mod konġunt, “koalizzjoni fost dawk li għandhom ir-rieda” waħda jew aktar tfeġġ biex dawn jiġbdu ħabel wieħed f’oqsma speċifiċi ta’ politika. Dawn jistgħu jkopru d-difiża, is-sigurtà interna, it-tassazzjoni jew kwistjonijiet soċjali.

    B’riżultat ta’ dan, gruppi ġodda ta’ Stati Membri jaqblu dwar arranġamenti legali u baġitarji speċifiċi biex japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom fi sferi magħżula. Kif sar fil-każ taż-Żona Schengen jew tal-Ewro, din tista’ tkompli fuq il-passi tal-qafas kondiviż tal-UE27 u tirrikjedi kjarifika tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet. L-istatus tal-Istati Membri l-oħra jinżamm, u dawn ikollhom il-possibbiltà li matul iż-żmien jissieħbu ma’ dawk li jkunu qegħdin jagħmlu aktar.

    Sal-2025 dan ikun ifisser:

    Grupp ta’ Stati Membru jiddeċiedu li jikkooperaw aktar mill-qrib dwar kwistjonijiet ta’ difiża, bl-użu tal-possibbiltajiet legali eżistenti. Dan jinkludi bażi qawwija komuni industrijali u ta’ riċerka, akkwist konġunt, kapaċitajiet aktar integrati u volontà militari mtejba għal missjonijiet konġunti ’l barra mill-pajjiżi.

    Diversi pajjiżi javvanzaw fi kwistjonijiet ta’ sigurtà u ġustizzja. Dawn jiddeċiedu li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn il-forzi tal-pulizija u s-servizzi tal-intelligence. Jagħmlu skambju tal-informazzjoni kollha fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-attivitajiet relatati mat-terroriżmu. Bis-saħħa ta’ uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, dawn jinvestigaw ilkoll kemm huma l-frodi, il-ħasil tal-flus u t-traffikar tad-drogi u tal-armi. Jiddeċiedu li jagħmlu pass aktar billi joħolqu spazju komuni ta’ ġustizzja fi kwistjonijiet ċivili.

    Grupp ta’ pajjiżi, inklużi dawk fiż-Żona tal-Ewro u possibbilment xi ftit oħra, jagħżlu li jaħdmu ferm aktar mill-qrib partikolarment dwar kwistjonijiet soċjali u ta’ tassazzjoni. Armonizzazzjoni akbar tar-regoli u r-rati tat-taxxa tnaqqas l-ispejjeż għall-konformità u tillimita l-evażjoni tat-taxxa. Standards soċjali stabbiliti bi qbil jipprovdu ċertezza għan-negozji u jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba. Il-kooperazzjoni industrijali tissaħħaħ f’għadd ta’ prodotti, servizzi u teknoloġiji mill-aktar avvanzati, u r-regoli dwar l-użu tagħhom jiġu żviluppati b’mod kollettiv.

    Fost is-27 Stat Membru jsir aktar progress biex jissaħħaħ is-suq uniku u jiġu rinfurzati l-erba’ libertajiet. Ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, inkluż il-kummerċ, jibqgħu jiġu ġestiti fil-livell tal-UE f’isem l-Istati Membri kollha.

    Favur u kontra:

    Tinżamm l-għaqda tal-UE b’27 Stat Membru filwaqt li jingħata lok għal aktar kooperazzjoni għal dawk li jridu jagħmlu aktar. Id-drittijiet taċ-ċittadini mnissla mil-liġi tal-UE jibdew ivarjaw skont jekk ikunux jgħixu, jew le, f'pajjiż li jkun għażel li jagħmel aktar. Ifeġġu xi dubji dwar it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont tas-saffi differenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Id-distakk bejn l-istennijiet u r-riżultati jibda jonqos fil-pajjiżi li jridu u jagħżlu li jagħmlu aktar.

    Ħarsa kumplessiva lejn il-politika

    IS-SUQ UNIKU

    U L-KUMMERĊ

    L-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA

    SCHENGEN, IL-MIGRAZZJONI

    U S-SIGURTÀ

    IL-POLITIKA BARRANIJA

    U D-DIFIŻA

    IL-BAĠIT TAL-UE

    KAPAĊITÀ TA’ TISRIF F’RIŻULTATI

    Bħal f’“Inkomplu kif aħna” jissaħħaħ is-suq uniku u l-UE27 tfittex li tikseb ftehimiet kummerċjali progressivi

    Bħal f’“Inkomplu kif aħna” għajr għal grupp ta’ pajjiżi li japprofondixxu l-kooperazzjoni f’oqsma bħat-tassazzjoni u l-istandards soċjali

    Bħal f’“Inkomplu kif aħna” għajr għal grupp ta’ pajjiżi li japprofondixxu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà u ġustizzja

    Bħal f’“Inkomplu kif aħna” għajr għal grupp ta’ pajjiżi li japprofondixxu l-kooperazzjoni dwar id-difiża, b’attenzjoni speċjali fuq il-koordinazzjoni tal-militar u t-tagħmir konġunt

    Bħal f’“Inkomplu kif aħna”; jitqiegħdu għad-disponibbiltà baġits addizzjonali min-naħa ta’ xi Stati Membri għall-oqsma li fihom dawn jiddeċiedu li jagħmlu aktar

    Bħal f’“Inkomplu kif aħna”, aġenda pożittiva għal azzjoni minn 27 tagħti l-frott tagħha; xi gruppi jiksbu aktar flimkien f’ċerti sferi; it-teħid tad-deċiżjonijiet isir aktar ikkumplikat

    Ritratti illustrattivi

    Grupp ta’ pajjiżi jistabbilixxu korp ta’ uffiċjali tal-pulizija u prosekuturi biex jinvestigaw attivitajiet kriminali transfruntiera. Isir skambju immedjat tal-informazzjoni dwar is-sigurtà billi l-bażijiet tad-data jkunu mqabbdin kollha bejniethom. L-evidenza kriminali li tirriżulta f’pajjiż wieħed tiġi awtomatikament rikonoxxuta fil-pajjiżi l-oħra.

    Il-karozzi konnessi jintużaw b'mod mifrux fit-12-il Stat Membru li jkunu qablu li jarmonizzaw ir-regoli u l-istandards tagħhom. L-istess Stati Membri jiżviluppaw ġabra ta’ regoli biex jiċċaraw kwistjonijiet ta’ sjieda u responsabbiltà marbuta mal-Internet tal-oġġetti (Internet of Things).

    Grupp ta’ pajjiżi jaħdmu flimkien u jaqblu dwar “Kodiċi tal-Liġi tan-Negozju” komuni li jgħaqqad l-oqsma tad-dritt korporattiv, kummerċjali u oqsma relatati oħra, u jagħti daqqa t’id lin-negozji ta’ kull daqs biex joperaw faċilment minn pajjiż għall-ieħor.

    Il-ħaddiema f’21 Stat Membru jista’ jkollhom aċċess għal protezzjoni soċjali u drittijiet tax-xogħol addizzjonali u dejjem aktar jixxiebhu, irrispettivament min-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza tagħhom.

    Sitt pajjiżi jakkwistaw drone għal skopijiet militari. Dan jista’ jintuża għal sorveljanza tal-baħar u tal-art, kif ukoll f’operazzjonijiet umanitarji ta’ salvataġġ. Jiġi stabbilit programm konġunt ta’ difiża biex titħares l-infrastruttura kritika kontra l-attakki ċibernetiċi.

    Xenarju 4: Isir anqas b’aktar effiċjenza

    L-UNJONI EWROPEA TIFFOKA FUQ RIŻULTATI B’RATA OGĦLA U AKTAR MGĦAĠĠLA F’OQSMA TA’ POLITIKA MAGĦŻULA, FILWAQT LI TAGĦMEL ANQAS FI BNADI OĦRA.

    Għaliex u kif?

    F’xenarju li fih hemm ikun hemm kunsens dwar il-ħtieġa li ċerti prijoritajiet jiġu trattati flimkien, l-UE27 tiddeċiedi li tixħet l-attenzjoni tagħha u tikkonċentra r-riżorsi limitati tagħha fuq għadd iċken ta’ oqsma. L-UE27 toqgħod lura milli taġixxi jew tagħmel ħafna anqas fi bnadi oħra.

    B’hekk, l-UE27 tkun tista’ taġixxi ferm aktar malajr u b’mod ħafna aktar deċiżiv fl-oqsma ta’ prijoritajiet li tkun għażlet. Għal dawn il-politiki, l-UE27 tingħata għodod aktar b’saħħithom biex timplimenta direttament u tinforza d-deċiżjonijiet kollettivi, kif tagħmel fil-preżent fir-rigward tal-politika tal-kompetizzjoni jew għas-superviżjoni bankarja. Fi bnadi oħra, l-UE27 ma taġixxix aktar, jew tagħmel anqas.

    Billi tagħżel il-prijoritajiet il-ġodda tagħha l-UE27 tipprova tallinja aħjar il-wegħdiet, l-istennijiet u r-riżultati. Eżempju tipiku ta’ diskrepanza li kien hemm dan l-aħħar huwa l-iskandlu tal-emissjonijiet tal-karozzi li fi ħwejjeġ ta’ din ix-xorta wieħed jistenna bi ħġaru li l-UE tipproteġi lill-konsumaturi minn manifatturi qarrieqa, iżda ma għandha l-ebda setgħa jew strument biex tagħmel dan b’mod dirett u ċar quddiem għajnejn kulħadd.

    Sal-2025 dan ikun ifisser:

    L-UE27 żżid il-ħidma tagħha f’oqsma bħall-innovazzjoni, il-kummerċ, is-sigurtà, il-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u d-difiża. Tiżviluppa strumenti ta’ infurzar u regoli ġodda biex tapprofondixxi s-suq uniku f’oqsma ewlenin ġodda. Tiffoka fuq l-eċċellenza fir-Riċerka u l-Iżvilupp u tinvesti fi proġetti ġodda madwar l-UE kollha biex tappoġġa d-dekarbonizzazzjoni u d-diġitizzazzjoni.

    Eżempji tipiċi jinkludu l-kooperazzjoni ulterjuri dwar l-ispazju, clusters ta’ livell tekniku għoli u t-tlestija ta’ ċentri tal-enerġija reġjonali. L-UE27 tkun kapaċi tiddeċiedi malajr biex tinnegozja u tikkonkludi ftehimiet kummerċjali. Il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji dwar kwistjonijiet relatati mat-terroriżmu tkun sistematika u aġevolata minn Aġenzija Ewropea Kontra t-Terroriżmu komuni.

    Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tieħu f’idejha kompletament il-ġestjoni tal-fruntieri esterni. It-talbiet kollha għall-ażil jiġu pproċessati minn Aġenzija Ewropea għall-Ażil waħda. Jiġu stabbiliti kapaċitajiet konġunti ta’ difiża.

    Min-naħa l-oħra, l-UE27 tieqaf taġixxi jew tagħmel anqas f’dawk l-isferi li fihom hija pperċepita bħala li għandha valur miżjud aktar limitat, jew li mhux qed jirnexxilha ssarraf il-wegħdiet tagħha f’riżultati. Dan jinkludi oqsma bħall-iżvilupp reġjonali, is-saħħa pubblika, jew partijiet mill-politika soċjali u tal-impjiegi li ma jkunux relatati direttament mat-tħaddim tas-suq uniku.

    Il-kontroll tal-għajnuna jkompli jiġi ddelegat lill-awtoritajiet nazzjonali. Standards ġodda għall-protezzjoni tal-konsumatur, għall-ambjent u għas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol jitbiegħdu mill-armonizzazzjoni fid-dettall għall-minimu indispensabbli. Jitħalla aktar lok għal manuvra f’idejn l-Istati Membri biex jesperimentaw f’ċerti oqsma. Madankollu, għal dawk l-isferi rregolati fil-livell tal-UE, setgħat akbar ta’ infurzar jaċċertaw konformità sħiħa.

    Fi sferi oħra, jibqgħu jittieħdu passi biex iż-Żona tal-Ewro tkun ikkonsolidata u tiġi aċċertata l-istabbiltà tal-munita komuni. L-influwenza tal-UE fid-dinja tinbidel skont ir-responsabbiltajiet rikalibrati tagħha.

    Favur u kontra:

    Fl-aħħar mill-aħħar, diviżjoni aktar ċara tar-responsabbiltajiet tgħin liċ-ċittadini Ewropej jifhmu aħjar x’jgħaddi minn idejn il-livell tal-UE27, nazzjonali u reġjonali. Id-drittijiet taċ-ċittadini mnissla mil-liġi tal-UE jissaħħu f'oqsma fejn nagħżlu li nagħmlu aktar, u jonqsu f'oqsma oħra. Dan jgħin biex jingħalaq id-distakk bejn dak li jiġi mwiegħed u dak li jissarraf f’riżultati, anki jekk f’ċerti oqsma l-istennijiet jibqgħu ma jintlaħqux. L-ewwel u qabel kollox, l-UE27 ssibha tassew diffiċli li taqbel dwar liema huma l-oqsma li għandha tagħtihom prijorità jew fejn għandha tagħmel anqas.

    Ħarsa kumplessiva lejn il-politika

    IS-SUQ UNIKU

    U L-KUMMERĊ

    L-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA

    SCHENGEN, IL-MIGRAZZJONI

    U S-SIGURTÀ

    IL-POLITIKA BARRANIJA

    U D-DIFIŻA

    IL-BAĠIT TAL-UE

    KAPAĊITÀ TA’ TISRIF F’RIŻULTATI

    L-istandards komuni jkunu mill-anqas iżda l-infurzar jissaħħaħ f’oqsma regolati fil-livell tal-UE; il-kummerċ ikun trattat esklużivament fil-livell tal-UE

    Jittieħdu diversi passi biex tkun ikkonsolidata ż-Żona tal-Ewro u tkun żgurata l-istabbiltà tagħha; l-UE27 tagħmel anqas f’xi partijiet tal-politika soċjali u tal-impjiegi

    Il-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, il-politiki tal-ażil u l-kwistjonijiet rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu tkun sistematika

    L-UE titkellem b’vuċi waħda dwar fuq il-kwistjonijiet kollha ta' politika barranija; tinħoloq Unjoni Ewropea għad-Difiża bi kwartieri ġenerali tal-UE

    Imfassal mill-ġdid b’mod sinifikanti biex jaqdi l-prijoritajiet il-ġodda miftehma fil-livell tal-UE27

    Ftehim inizjali dwar il-kompiti li għandhom jingħataw prijorità jew ikunu ċeduti joffri sfida; ladarba jkun fis-seħħ, it-teħid tad-deċiżjonijiet jaf ikun jinftiehem b’aktar faċilità; l-UE taġixxi aktar malajr u b’mod aktar deċiżiv kull fejn ikollha rwol akbar

    Ritratti illustrattivi

    Ikun hemm Awtorità Ewropea għat-Telekomunikazzjoni li jkollha s-setgħa li tillibera l-frekwenzi tar-radju għas-servizzi ta’ komunikazzjoni transfruntiera, bħal dawk meħtieġa għall-użu tal-karozzi konnessi madwar l-Ewropa. Taġixxi bħala regolatur biex tipproteġi d-drittijiet tal-utenti tat-telefown ċellulari u tal-internet kull fejn dawn ikunu fl-UE.

    Aġenzija Ewropea Kontra t-Terroriżmu ġdida tkun ta’ għajnuna biex tnaffar u tipprevjeni attakki serji fi bliet Ewropej bis-saħħa tas-senjalazzjoni u r-rintraċċar sistematiku tas-suspettati. L-awtoritajiet nazzjonali tal-pulizija jistgħu faċilment jaċċessaw il-bażijiet tad-data Ewropej li jkun fihom l-informazzjoni bijometrika tal-kriminali.

    Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tieħu f’idejha kompletament il-ġestjoni tal-fruntieri esterni.

    Is-salarji, il-livelli tat-tassazzjoni u l-leġiżlazzjoni soċjali jibqgħu jvarjaw b’mod sinifikanti fl-Ewropa kollha.

    Il-konsumaturi Ewropej imqarrqa mill-manifatturi tal-karozzi, issa jistgħu jserrħu fuq l-UE biex tissanzjona lil kumpaniji bħal dawn u jirċievu kumpens.

    Il-bdiewa jistgħu jaċċessaw data dwar it-temp u l-ġestjoni tal-uċuh tar-raba’ f’ħin reali bis-saħħa ta’ sistema satellitari Ewropea li taħdem mija fil-mija.

    Xenarju 5: Flimkien isir ferm aktar

    L-UNJONI EWROPEA TIDDEĊIEDI LI TAGĦMEL FERM AKTAR FLIMKIEN FL-OQSMA TA’ POLITIKA KOLLHA.

    Għaliex u kif?

    F’xenarju li fih ikun hemm kunsens li la l-UE27 u lanqas il-pajjiżi Ewropej waħedhom mhuma mgħammra biżżejjed biex jaffaċċaw l-isfidi tal-mument, l-Istati Membri jiddeċiedu li jikkondividu aktar setgħat, riżorsi u teħid tad-deċiżjonijiet fost dawk kollha involuti.

    B’riżultat ta’ dan, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kollha tavvanza ħafna aktar minn qatt qabel fl-isferi kollha. Bl-istess mod, iż-Żona tal-Ewro tissaħħaħ, bil-konsapevolezza ċara li dak kollu li huwa ta’ ġid għall-pajjiżi li jikkondividu l-munita komuni, huwa ta’ ġid ukoll għal kulħadd. Il-qbil dwar id-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew isir b’aktar ħeffa u dawn jiġu infurzati aktar malajr.

    Sal-2025 dan ikun ifisser:

    Fix-xena internazzjonali, l-Ewropa titkellem u taġixxi bħala entità waħda fl-ambitu tal-kummerċ, u hija rappreżentata minn siġġu wieħed f’ħafna mill-fora internazzjonali. Il-Parlament Ewropew ikollu l-aħħar kelma dwar il-ftehimiet kummerċjali internazzjonali. Id-difiża u s-sigurtà jingħataw prijorità. F’komplementarjetà sħiħa man-NATO, tinħoloq Unjoni Ewropea għad-Difiża. Il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tkun xi ħaġa ta’ rutina. L-UE27 tibqa’ fit-tmun tal-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima u ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala l-akbar donatur fid-dinja tal-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp.

    Il-politika barranija mifruxa tal-UE twassalha biex issaħħaħ mill-ġdid l-istrateġija konġunta tagħha dwar il-migrazzjoni. Sħubijiet aktar mill-qrib u aktar investiment fil-viċinat tal-Ewropa u lil hinn minnu jgħinu biex jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi, tiġi ġestita l-migrazzjoni regolari u jiġu trattati l-kanali irregolari.

    Fl-UE27, ikun hemm ambizzjoni u attenzjoni qawwija biex jitlesta s-suq uniku fil-qasam tal-enerġija, is-servizzi u dak diġitali. Bis-saħħa ta’ investiment konġunt fl-innovazzjoni u r-riċerka, jispuntaw bosta Silicon Valleys Ewropej biex jilqgħu fihom raggruppamenti ta’ investituri ta’ kapital ta’ riskju, start-ups, kumpaniji kbar u ċentri ta’ riċerka. Is-swieq tal-kapital integrati kompletament jgħinu sabiex ikun mobilizzat finanzjament għal SMEs u proġetti infrastrutturali kbar fl-UE kollha.

    Fiż-Żona tal-Ewro, iżda wkoll għal dawk l-Istati Membri li jkunu jixtiequ jissieħbu fiha, ikun hemm koordinazzjoni ferm akbar dwar kwistjonijiet fiskali, soċjali u ta’ tassazzjoni, kif ukoll superviżjoni Ewropea tas-servizzi finanzjarji. Jitqiegħed appoġġ finanzjarju addizzjonali tal-UE għad-disponibbiltà, sabiex jagħti spinta lill-iżvilupp ekonomiku u jwieġeb għall-iskossi fil-livelli reġjonali, settorjali u nazzjonali.

    Favur u kontra:

    Fil-livell tal-UE, ikun hemm ħafna aktar teħid tad-deċiżjonijiet. Iċ-ċittadini jkollhom aktar drittijiet imnissla direttament mil-liġi tal-UE. Madankollu, ikun hemm ir-riskju li jitgerrxu partijiet mis-soċjetà li jħossu li l-UE ma għandhiex il-leġittimità jew li lill-awtoritajiet nazzjonali ħaditilhom wisq mis-setgħat tagħhom.

    Ħarsa kumplessiva lejn il-politika

    IS-SUQ UNIKU

    U L-KUMMERĊ

    L-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA

    SCHENGEN, IL-MIGRAZZJONI

    U S-SIGURTÀ

    IL-POLITIKA BARRANIJA

    U D-DIFIŻA

    IL-BAĠIT TAL-UE

    KAPAĊITÀ TA’ TISRIF F’RIŻULTATI

    Jissaħaħ is-suq uniku permezz tal-armonizzazzjoni tal-istandards u infurzar aktar qawwi; il-kummerċ ikun trattat esklużivament fil-livell tal-UE

    Skont il-viżjoni fir-Rapport tal-Ħames Presidenti ta’ Ġunju 2015, tinkiseb Unjoni ekonomika, finanzjarja u fiskali

    Bħal f’“Isir anqas b’aktar effiċjenza”, il-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, il-politiki tal-ażil u l-kwistjonijiet rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu tkun sistematika

    Bħal fil-każ ta’ “Isir anqas b’aktar effiċjenza”, l-UE titkellem b’vuċi waħda fuq il-kwistjonijiet kollha ta' politika barranija; tinħoloq Unjoni Ewropea għad-Difiża bi kwartieri ġenerali tal-UE

    Jiżdied u jiġi modernizzat b’mod sinifikanti, sostnut mir-riżorsi proprji; tibda titħaddem funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni fiskali taż-Żona tal-Ewro

    It-teħid tad-deċiżjonijiet isir b’aktar ħeffa u l-infurzar ikun aktar qawwi fost dawk kollha involuti; ifeġġu xi dubji dwar l-obbligu ta’ rendikont fost uħud li jħossu li l-UE ħadet wisq setgħat mingħand l-Istati Membri

    Ritratti illustrattivi

    Issir ħidma b’mod attiva biex isiru ftehimiet kummerċjali. Dawn jinbdew, jiġu nnegozjati u ratifikati mill-aktar fis mill-UE f’isem is-27 Stat Membru tagħha.

    L-Ewropej jużaw karozzi konnessi bla xkiel fl-Ewropa kollha bis-saħħa ta’ regoli li jgħoddu madwar l-UE kollha u l-ħidma ta' aġenzija tal-UE għall-infurzar.

    L-Ewropej li jkunu jridu jsemmgħu leħinhom dwar proposta ta’ proġett ta’ turbina tar-riħ iffinanzjat mill-UE fil-lokalità tagħhom, isibuha bi tqila li jidentifikaw l-awtorità Ewropea responsabbli.

    Iċ-ċittadini li jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom jirċievu protezzjoni u assistenza konsulari mill-ambaxxati tal-UE, li f’xi nħawi tad-dinja ħadu post dawk nazzjonali. Iċ-ċittadini mhux tal-UE li jkunu jixtiequ jivvjaġġaw fl-Ewropa jistgħu jipproċessaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal viża mill-istess netwerk.

    Il-Mekkaniżmu ta' Stabbiltà Ewropew isir il-Fond Monetarju Ewropew. Ikun taħt il-kontroll tal-Parlament Ewropew u jieħu f’idejh aktar responsabbiltajiet biex isostni lill-Bank Ewropew tal-Investiment sabiex jinġabar il-finanzjament tat-tielet ġenerazzjoni tal-“Pjan Juncker” sabiex jiġi xprunat l-investiment madwar l-Ewropa.

    4. It-triq 'il quddiem

    Ħafna mill-progress li kien jidher bħala impossibbli fl-Ewropa 60 sena ilu issa nqisuh bħala xi ħaġa ovvja. L-agħar jiem għalina xorta waħda huma ferm aħjar minn dak li għexu missirijietna priġunieri f’Ventotene.

    Anki għal imħuħ viżjonarji bħal tagħhom, il-libertajiet, id-drittijiet u l-opportunitajiet li ħolqot l-UE minn dak iż-żmien ’l hawn kienu jkunu inkonċepibbli. Hekk kif l-Ewropa magħquda qiegħda tfakkar l-anniversarju tagħha, wasal il-waqt li nġeddu l-wegħdiet tal-impenn tagħna, nerġgħu niskopru l-kburija tagħna u nsawru l-ġejjieni tagħna.

    Il-bidla f’kull ħaġa jaf tkun inevitabbli, iżda kemm dak li nixtiequ minn ħajjitna kif ukoll il-valuri Ewropej li għandna għal qalbna jibqgħu l-istess. Irridu soċjetà li fiha l-paċi, il-libertà, it-tolleranza u s-solidarjetà jiġu l-ewwel u qabel kollox. Irridu ngħixu f’demokrazija b’fehmiet imżewqa u b’indipendenza u libertà tal-istampa li tkun ukoll kritika. Irridu nkunu liberi li ngħiduha kif naħsbuha u jkollna moħħna mistrieħ li l-ebda individwu jew istituzzjoni ma jkunu ’l fuq mil-liġi. Irridu Unjoni li fiha ċ-ċittadini kollha u l-Istati Membri kollha jkunu trattati bl-istess mod. Aħna rridu noħolqu ħajja aħjar minn tagħna għal uliedna.

    Ikun xi jkun dak ix-xenarju minn fost dawk ippreżentati hawnhekk li se jqarreb l-aktar lejn ir-realtà, dawn il-valuri u l-aspirazzjonijiet se jibqgħu jgħaqqdu lill-Ewropej u huma ta’ min jissielet għalihom.

    L-UE hija proġett uniku li fih intisġu flimkien il-prijoritajiet domestiċi, u s-sovranità nġabret b’mod volontarju f'waħda sabiex l-interessi nazzjonali u kollettivi jinqdew aħjar. Ma kienx dejjem vjaġġ faċli, qatt ma kien perfett, iżda ta xhieda li kapaċi jirriforma ruħu u wera xi jsarraf matul iż-żmien. Billi mxew fuq il-passi tal-motto “Magħquda fid-diversità”, l-UE u l-Istati Membri tagħha setgħu jserrħu fuq il-forzi u r-rikkezzi uniċi tan-nazzjonijiet tagħhom biex jiksbu progress li ħadd qatt ma kien kiseb.

    F’dinja fejn xejn mhu ċert, il-ġibda għall-iżolament jaf tkun ta’ tentazzjoni għal xi wħud, iżda l-konsegwenzi tal-firda u l-frammentazzjoni jkunu tassew kbar. L-iżolament jesponi lill-pajjiżi u liċ-ċittadini Ewropej għall-waħx tal-firda tal-imgħoddi u jġiegħelhom jisfaw vittmi tal-interessi ta’ qawwiet aktar b’saħħithom.

    L-Ewropa issa trid tagħmel għażla. Daqs kemm hemm sfidi hemm opportunitajiet. Din tista’ tkun is-siegħa tal-Ewropa, iżda din tista’ tinħataf biss billi s-27 Stat Membru jiġbdu ħabel wieħed bl-istess determinazzjoni.

    Din il-White Paper għandha tiftaħ dibattitu onest u mifrux maċ-ċittadini dwar kif għandha tevolvi l-Ewropa fis-snin li ġejjin. Għandu jinstema’ kull leħen. Il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Parlament Ewropew u mal-Istati Membri interessati, se torganizza sensiela ta’ “Dibattiti dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa” fil-parlamenti nazzjonali, fl-ibliet u fir-reġjuni tal-Ewropa. L-ideat u d-determinazzjoni tal-mijiet ta’ miljuni ta’ Ewropej se jkunu l-ixprun tal-progress tagħna.

    Il-White Paper hija l-kontribut tal-Kummissjoni Ewropea għas-Summit ta’ Ruma. Bħalma jiġri f’kull anniversarju, dak f’Ruma se jkun minnu nnifsu żmien għal riflessjoni dwar is-suċċess tal-aħħar 60 sena. Madankollu, għandu jkun ipperċepit ukoll bħala l-bidu ta’ proċess biex l-UE27 jiddeċiedu flimkien dwar il-ġejjieni tal-Ewropa tagħhom.

    Fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni Ewropea se tkun qiegħda tagħti sehemha għal din id-diskussjoni bis-saħħa ta’ dokumenti ta’ riflessjoni dwar is-suġġetti li ġejjin:

    l-iżviluppar tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa;

    l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, abbażi tar-Rapport tal-Ħames Presidenti ta’ Ġunju 2015;

    it-teħid tar-riedni tal-globalizzazzjoni;

    il-ġejjieni tad-difiża tal-Ewropa;

    il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE.

    Bħal din il-White Paper, dawn id-dokumenti ta’ riflessjoni se joħorġu b’ideat, proposti, alternattivi jew xenarji għall-Ewropa sal-2025 biex jiftħu dibattitu mingħajr ma jippreżentaw deċiżjonijiet definittivi f’dan l-istadju.

    Id-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 se jmexxi dawn l-ideat ’il quddiem qabel ma jkunu jistgħu jinsiltu l-ewwel konklużjonijiet fil-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2017. Dan għandu jgħin biex tittieħed deċiżjoni dwar sensiela ta’ azzjonijiet li għandhom jitnedew qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju 2019.

    Hija r-rieda tagħna kollettiva li se tmexxi ’l quddiem lill-Ewropa. Bħall-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna, il-ġejjieni tal-Ewropa jinsab f’idejna.

    Top

    Brussell, 1.3.2017

    COM(2017) 2025 final

    ANNESS

    tal-

    White Paper dwar il-ġejjieni tal-Ewropa

    Riflessjonijiet u xenarji għall-UE27 sal-2025


    L-Anness 1: Il-proċess tal-White Paper: minn Ruma għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019

    Marzu

    01/03

    White Paper tal-Kummissjoni dwar Il-Ġejjieni tal-Ewropa

    09/03 - 10/03

    Kunsill Ewropew / Laqgħa tal-UE27

    25/03

    Summit tal-UE27 – id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma –is-60 anniversarju

    April

    Lejn tmiem April

    Id-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa

    Mejju

    Lejn nofs Mejju

    Id-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni dwar l-isfruttar tal-globalizzazzjoni

    Lejn tmiem Mejju

    Il-karta ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

    26/05 - 27/05

    is-Summit tal-G7, Taormina, l-Italja

    Ġunju

    Lejn il-bidu ta’ Ġunju

    Il-karta ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tad-difiża Ewropea

    09/06

    Konferenza dwar is-sigurtà u d-difiża, Praga, ir-Repubblika Ċeka

    22/06 - 23/06

    Kunsill Ewropew

    Lejn tmiem Ġunju

    Il-karta ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE

    Lulju

    07/07 - 08/07

    is-Summit tal-G20, Hamburg, il-Ġermanja

    Settembru

    Lejn nofs Settembru

    Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017

    Ottubru

    19/10 - 20/10

    Kunsill Ewropew

    Novembru

    17/11

    Summit soċjali, Gothenburg, l-Iżvezja

    Diċembru

    14/12 - 15/12    

    Kunsill Ewropew / Laqgħa tal-UE27

    Ġunju 2019

    Ġunju

    L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

    Id-dibattiti dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa fil-parlamenti, l-ibliet u r-reġjuni

    Top

    Brussell, 1.3.2017

    COM(2017) 2025 final

    EMPTY

    ANNESS

    tal-

    White Paper dwar il-ġejjieni tal-Ewropa

    Riflessjonijiet u xenarji għall-UE27 sal-2025


    L-Anness 2: Il-ħames xenarji: ħarsa kumplessiva tal-politika

                   

    INKOMPLU KIF AĦNA

    XEJN ĦLIEF IS-SUQ UNIKU

    DAWK LI JRIDU AKTAR, JAGĦMLU AKTAR

    ISIR ANQAS B'AKTAR EFFIĊJENZA

    FLIMKIEN ISIR FERM AKTAR

    IS-SUQ UNIKU

    U L-KUMMERĊ

    Is-suq uniku jissaħħaħ, inkluż fis-setturi diġitali u tal-enerġija; l-UE27 tfittex li tikseb ftehimiet kummerċjali progressivi

    Jissaħħaħ is-suq uniku għall-prodotti u l-kapital; l-istandards jibqgħu ivarjaw; il-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi mhuwiex garantit mija fil-mija

    Bħal f’“Inkomplu kif aħna” jissaħħaħ is-suq uniku u l-UE27 tfittex li tikseb ftehimiet kummerċjali progressivi

    L-istandards komuni jkunu mill-anqas iżda l-infurzar jissaħħaħ f’oqsma regolati fil-livell tal-UE; il-kummerċ ikun trattat esklużivament fil-livell tal-UE

    Jissaħaħ is-suq uniku permezz tal-armonizzazzjoni tal-istandards u infurzar aktar qawwi; il-kummerċ ikun trattat esklużivament fil-livell tal-UE

    L-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA

    Progess inkrimentali dwar it-titjib tat-tħaddim taż-Żona tal-Ewro

    Il-kooperazzjoni fiż-Żona tal-Ewro tkun limitata

    Bħal f’“Inkomplu kif aħna” għajr għal grupp ta’ pajjiżi li japprofondixxu l-kooperazzjoni f’oqsma bħat-tassazzjoni u l-istandards soċjali

    Jittieħdu diversi passi biex tkun ikkonsolidata ż-Żona tal-Ewro u tkun żgurata l-istabbiltà tagħha; l-UE27 tagħmel anqas f’xi partijiet tal-politika soċjali u tal-impjiegi

    Skont il-viżjoni fir-Rapport tal-Ħames Presidenti ta’ Ġunju 2015, tinkiseb Unjoni ekonomika, finanzjarja u fiskali

    SCHENGEN, IL-MIGRAZZJONI

    U S-SIGURTÀ

    Il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tiżdied gradwalment; progress lejn sistema komuni tal-ażil; koordinazzjoni mtejba dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà

    L-ebda politika unika dwar il-migrazzjoni jew l-ażil; aktar koordinazzjoni

    dwar is-sigurtà tkun trattata bilateralment; il-kontrolli fil-fruntieri esterni jkunu aktar sistematiċi

    Bħal f’“Inkomplu kif aħna” għajr għal grupp ta’ pajjiżi li japprofondixxu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà u ġustizzja

    Il-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, il-politiki tal-ażil u l-kwistjonijiet rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu tkun sistematika

    Bħal f’“Isir anqas b’aktar effiċjenza”, il-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, il-politiki tal-ażil u l-kwistjonijiet rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu tkun sistematika

    IL-POLITIKA BARRANIJA

    U D-DIFIŻA

    Isir progress fir-rigward tal-UE li titkellem b’vuċi waħda dwar l-affarijiet barrani; kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar id-difiża

    Xi kwistjonijiet ta’ politika barranija jiġu trattati aktar u aktar bilateralment; il-kooperazzjoni dwar id-difiża tibqa' kif inhi llum

    Bħal f’“Inkomplu kif aħna” għajr għal grupp ta’ pajjiżi li japprofondixxu l-kooperazzjoni dwar id-difiża, b’attenzjoni speċjali fuq il-koordinazzjoni tal-militar u t-tagħmir konġunt

    L-UE titkellem b’vuċi waħda dwar fuq il-kwistjonijiet kollha ta' politika barranija; tinħoloq Unjoni Ewropea għad-Difiża bi kwartieri ġenerali tal-UE

    Bnerali tal-UE opea gonijiet kollha ta' politika barranija; tind-difiifiu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà u ġustizzjaoni Ewropea gE opea gon

    IL-BAĠIT TAL-UE

    Modernizzat parzjalment biex ikun jixhed l-aġenda għar-riforma miftehma mis-27

    Iffukat mill-ġdid biex jiffinanzja l-funzjonijiet essenzjali meħtieġa għas-suq uniku

    Bħal f’“Inkomplu kif aħna”; jitqiegħdu għad-disponibbiltà baġits addizzjonali min-naħa ta’ xi Stati Membri għall-oqsma li fihom dawn jiddeċiedu li jagħmlu aktar

    Imfassal mill-ġdid b’mod sinifikanti biex jaqdi l-prijoritajiet il-ġodda miftehma fil-livell tal-UE27

    Jiżdied u jiġi modernizzat b’mod sinifikanti, sostnut mir-riżorsi proprji; tibda titħaddem funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni fiskali taż-Żona tal-Ewro

    KAPAĊITÀ TA’ TISRIF F’RIŻULTATI

    Aġenda pożittiva għal azzjoni tissarraf f’riżultati konkreti; it-teħid tad-deċiżjonijiet jibqa’ kkumplikat biex wieħed isib tarfu; il-kapaċità ta’ tisrif f’riżultati mhux dejjem tkun tikkorrispondi għall-istennijiet

    It-teħid tad-deċiżjonijiet jaf ikun jinftiehem b’aktar faċilità iżda l-kapaċità ta’ azzjoni kollettiva tkun limitata; kwistjonijiet ta’ tħassib komuni ta’ sikwit ikollhom jiġu solvuti bilateralment

    Bħal f’“Inkomplu kif aħna”, aġenda pożittiva għal azzjoni minn 27 tagħti l-frott tagħha; xi gruppi jiksbu aktar flimkien f’ċerti sferi; it-teħid tad-deċiżjonijiet isir aktar ikkumplikat

    Ftehim inizjali dwar il-kompiti li għandhom jingħataw prijorità jew ikunu ċeduti joffri sfida; ladarba jkun fis-seħħ, it-teħid tad-deċiżjonijiet jaf ikun jinftiehem b’aktar faċilità; l-UE taġixxi aktar malajr u b’mod aktar deċiżiv kull fejn ikollha rwol akbar

    It-teħid tad-deċiżjonijiet isir b’aktar ħeffa u l-infurzar ikun aktar qawwi fost dawk kollha involuti; ifeġġu xi dubji dwar l-obbligu ta’ rendikont fost uħud li jħossu li l-UE ħadet wisq setgħat mingħand l-Istati Membri

    Top